Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2017 – Hércules Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-134/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Hércules Club de Fútbol, SAD (Alicante, Spanja) (rappreżentanti: S. Rating u Y. Martínez Mata, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 736 finali, tat-2 ta’ Frar 2017, fil-każ GESTDEM 2016/6034 sa 2016/6044.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din it-talba qegħda ssir kontra d-deċiżjoni ta’ konferma ta’ deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għad-dokumenti mitluba minn Hércules CF, fir-rigward ta’ dokumentazzjoni speċifika fil-fajl tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni C (2016) 4060 finali, tal-4 ta’ Lulju 2016, fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) mogħtija minn Spanja lil Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, lil Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u lil Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-konklużjoni li t-tielet u l-ewwel inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jippermettu r-rifjut tal-aċċess għad-dokumenti mitluba.

F’dan ir-rigward, jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni applikat b’mod awtomatiku l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tal-proċeduri amministrattivi ta’ għajnuna mill-Istat rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza Komunitarja; u li l-Kummissjoni applikat b’analoġija, b’mod żbaljat, il-ġurisprudenza dwar kawżi ta’ amalgamazzjonijiet, fir-rigward tad-dannu għall-interessi kummerċjali ta’ terzi.

It-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

F’dan ir-rigward jiġi ddikjarat li lanqas hawn ma jirriżulta li tapplika b’analoġija l-ġurisprudenza dwar kawżi ta’ amalgamazzjoni. Filwaqt li f’dawn il-kawżi jista’ jinftiehem li n-natura sensittiva tal-informazzjoni tinżamm matul iż-żmien wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dan ma huwiex il-każ fejn hemm self wieħed, li l-kundizzjonijiet ta’ għoti tiegħu jitqiesu mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mat-TFUE.

3.    It-tielet motiv, li huwa invokat sussidjarjament, ibbażat fuq li, anki jekk jiġi preżunt li r-raġunijiet ta’ kunfidenzjalità invokati mill-Kummissjoni huma fondati f’dan il-każ, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti mitluba, li fil-konkret ifisser li jiġi żgurat l-eżerċizzju xieraq tad-drittijiet tad-difiża rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.    Ir-raba’ motiv, li huwa invokat ukoll sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-parti fejn, finalment, il-Kummissjoni hija obbligata li toffri għall-inqas aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba.

____________