Language of document : ECLI:EU:T:1995:187




SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Novembru 1995 (*)

"Importazzjoni ta' partijiet u ta' biċċiet ta' inġenji ta' l-ajru"

Fil-kawża T-346/94,

France-Aviation, kumpannija stabbilita skond il-liġi Franċiża, imwaqqfa f’Châteaufort (Franza), irrappreżentata minn Jean-Claude Cavaillé, avukat fil-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Lyon, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta’ Guy Arendt, 62 Avenue Guillaume,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Richard Wainwright, konsulent legali prinċipali, u Jean-Francis Pasquier, uffiċjal issekondat fil-Kummissjoni, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand Carlos Gómez de la Cruz, membru tas-Servizz legali, Wagner Centre, Kirchberg,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annulament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 4/94, tat-18 ta’ Lulju 1994, li tikkonstata, fuq domanda tar-Repubblika Franċiża li l-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kienx iġġustifikat fil-każ tar-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, (L-Ewwel Awla)

komposta minn H. Kirschner, aġent President, M. Kalogeropoulos u V. Tiili, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-proċedura orali tas-27 ta' Settembru 1995,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, li għandha bħala attività prinċipali l-manutenzjoni ta’ inġenji ta' l-ajru ħfief għal użu ċivili jew militari, ilha timporta biċċiet u spare parts fi Franza mill-1980. L-oġġetti importati jaqgħu taħt subintestaturi tat-Tarrifi ta’ Dwana differenti, skond jekk dawn humiex intiżi għal użu ċivili (f’dan il-każ huma eżenti mid-dazji doganali) jew għal użu militari (f’dan il-każ huma suġġetti għad-dazji doganali).

2        Huwa paċifiku bejn il-partijiet li waqt l-importazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-biċċiet in kwistjoni, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tistabbilixxi a priori d-destinazzjoni ulterjuri tagħhom, jiġifieri, li tindika jekk dawn humiex ser jiġu stallati f'inġenji ta' l-ajru ċivili jew militari. Għal din ir-raġuni, hija qatt ma kisbet u qatt ma talbet, għall-biċċiet in kwistjoni, għall-awtorizzazzjoni bil-miktub prevista mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 4142/87, tad-9 ta’ Diċembru 1987, li jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom ċerti oġġetti huma eliġibbli, meta jkun hemm importazzjoni, għal arranġament ta’ tariffa favorevoli minħabba d-destinazzjoni partikolari tagħhom (ĠU L 387, 1987, p. 81), li allegatament tikkostitwixxi l-kundizzjoni preliminari għal importazzjoni eżenti mid-dazji doganali, minħabba d-destinazzjoni "ċivili", tal-komponenti użati mir-rikorrenti.

3        F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-amministrazzjoni doganali Franċiża inizjalment ittolerat il-biċċiet importati kollha mill-applikant, irrispettivament mid-destinazzjoni finali tagħhom, peress li ġew iddikjarati bħala "ċivili" suġġetti għal regolazzjoni a posteriori tas-sitwazzjoni tal-biċċiet użati għall-iskopijiet militari u għaldaqstant suġġetti għad-dazji doganali.

4        Kif jidher mill-fajl, matul l-1988 l-amministrazzjoni doganali Franċiża infurmat lir-rikorrenti li l-prattika ta’ importazzjoni eżenti mid-dazji doganali u l-ħlas tad-dazji dovuti permezz ta’ ħlas sussegwenti ma kinitx tidher sodisfaċenti. Hija fakkritha fl-impenn tagħha fil-bidu ta’ l-istess sena li tistabbilixxi maħżen doganali privat kompjuterizzat li tippermettilha tiddikjara kull biċċa skond id-destinazzjoni ċivili jew militari tagħha meta din tinħareġ mill-maħżen. Fil-fatt, skond Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2503/88 tal-25 ta’ Lulju 1988 dwar imħażen doganali (ĠU L 225, 1988, p. 1), il-maħżen doganali huwa intiż, fost l-oħrajn, sabiex jgħin l-operaturi ekonomiċi li ma jafux d-destinazzjoni finali ta’ oġġetti mhux Komunitarji jew li għadhom ma jixtiqux jagħtu tali destinazzjoni finali lil dawn l-oġġetti.

5        B’ittra tas-26 ta’ Diċembru 1988, ir-rikorrenti fil-fatt applikat biex tiftaħ maħżen doganali privat fil-bini tagħha fl-ajruport. Sena wara, peress li din l-applikazzjoni kienet għadha ma ġietx milqugħa, l-amministrazzjoni doganali Franċiża kkonfermat, b’ittra tat-28 ta’ Novembru 1989, l-applikazzjoni tal-metodu tal-ħlas ex post tad-dwana, użat fis-snin ta’ qabel, u żiedet li "fid-dawl tad-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom... fit-twaqqif ta' maħżen individwali privat, ma hija se tiġi applikata l-ebda piena f’dan il-każ ".

6        B’ittra tat-25 ta’ Ġunju 1991, ir-rikorrenti reġgħet applikat għand l-uffiċċju doganali kompetenti biex tiftaħ maħżen doganali privat. B’ittra tat-2 ta’ Ottubru 1991, id-direttur reġjonali tad-dwana ġibed l-attenzjoni għal diffikultajiet eżistenti fil-qasam, marbuta ma’ l-emenda tar-regoli relatati ma' l-imħażen. Fl-aħħar nett, b’ittra tas-16 ta’ April 1992, id-direttur reġjonali ta’ dwana nnotifika lir-rikorrenti l-awtorizzazzjoni biex tamministra l-maħżen li applikat għalih. Madankollu, wara t-trasferiment ta’ l-uffiċċju doganli kompetenti li kien kompetenti sa dak iż-żmien, l-istess direttur bagħat, b’ittra ta' l-20 ta’ Ottubru 1992, klawżola addizzjonali ma’ l-awtorizzazzjoni mogħtija inizjalment. Kien biss fl-1 ta’ Jannar 1993 li twaqqaf il-maħżen, u r-rikorrenti attribwit dan ir-ritard għad-"dewmien amministrattiv" deskritt iktar 'il fuq.

7        Qabel, b’ittra tat-12 ta’ Ġunju 1990, l-uffiċċju doganali kompetenti kien informa lir-rikorrenti li l-benefiċċju tat-trattament privileġġjat ta’ tariffa mogħti lilha sa dak iż-żmien kien se jitwaqqaf mill-1 ta’ Lulju 1990 minħabba li hija ma osservatx l-impenji tagħha li twaqqaf il-maħżen doganali hawn fuq imsemmi fl-1990. Konsegwentement, ir-rikorrenti kienet imġiegħla twettaq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni kollha tagħha f’ċirkulazzjoni ħielsa u li tħallas immedjatament id-dazji doganali relatati magħhom, inklużi dawk fuq biċċiet li wara kienu ser jintużaw għal użu ‘ċivili’. F’dan il-kuntest, l-ittra msemmija iktar 'il fuq tinkludi l-indikazzjoni li ġejja: "Minn issa 'l quddiem, fl-aħħar tas-sena finanzjarja, għandkom tippreżentaw talba għal ħlas lura ta’ dazji u taxxi għal biċċiet ta’ ajruplani intiżi għal użu ċivili."

8        Wara applikazzjoni inizjali għal ħlas lura mressqa mir-rikorrenti f’Ottubru 1991, id-direttur reġjonali tad-dwana weġibha, b'ittra tat-23 ta’ Diċembru 1991, li "l-ħlas lura huwa ammess", filwaqt li ppreċiża li ċerta evidenza minn dokumenti kienet għadha trid tiġi ppreżentata għal-finijiet ta' kontroll mid-dipartiment kompetenti. Sussegwentement, b’ittra tat-12 ta’ Lulju 1993, ir-rikorrenti applikat għand l-amministrazzjoni tad-dwana għal ħlas lura tad-dazji li hija kienet ħallset fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet li saru fl-1990, 1991 u 1992 fuq biċċiet li fl-aħħar kienu ntramaw fuq inġenji ta' l-ajru ċivili. L-ammont eżatt mitlub, li ġie speċifikat biss iktar 'il quddiem, kien ta' FF 1 610 338. La l-awtoritajiet Franċiżi u lanqas il-Kummissjoni ma kkontestaw l-ammont jew il-metodu użat għall-kalkolu tiegħu.

9        B’ittra ta' l-4 ta’ Jannar 1994, id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana u Taxxi Indiretti ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li, fil-mument li fih l-importazzjonijiet in kwistjoni tqiegħdu għall-konsum, hija ma kinitx awtorizzata tibbenefika mill-arranġament ta’ tariffa favorevoli marbut ma' destinazzjoni partikolari b'tali mod li d-dazji doganali li hija kienet ħallset kienu legalment dovuti skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4142/87. Id-Direttorat Ġenerali informa wkoll lir-rikorrenti li, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, huwa ddeċieda li jibgħat l-applikazzjoni għal ħlas lura lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skond Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79 tat-2 ta’ Lulju 1979 dwar il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni (ĠU L 175, 1979, p. 1), li, fil-verżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3069/86 tas-7 ta’ Ottubru 1986 li jemenda Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79 (ĠU L 286, 1986, p. 1) (minn issa l-quddiem "Artikolu 13"), jgħid hekk:

"id-dazji fuq l-importazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ħlas lura jew ta' remissjoni f’sitwazzjonijiet speċjali, minbarra dawk imsemmija f’Taqsimiet A sa D, li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata..." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      B’ittra ta' l-4 ta’ Frar 1994, il-Ministeru Franċiż għall-baġit bagħat il-każ tar-rikorrenti lill-Kummissjoni skond ir-regola ta’ proċedura li tinsab fl-Artikolu 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 253, 1993, p. 1) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 1992, p. 1). Din id-dispożizzjoni tinsab f’kapitolu li jelenka numru ta’ sitwazzjonijiet tipiċi speċifiċi li fihom ir-rekwiżiti sabiex ikun hemm kwalifika għall-ħlas lura jitqiesu sodisfatti jew le awtomatikament. Meta jkollhom quddiemhom waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu li jikkonċedu ħlas lura jew le. Min-naħa l-oħra, meta ma jkunux jistgħu jieħdu deċiżjoni bħal din u l-applikazzjoni hija sostnuta b'elementi li jistgħu jiġġustifikaw il-konċessjoni ta’ ħlas lura, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibagħtu l-każ lill-Kummissjoni sabiex din tieħu deċiżjoni; il-każ mibgħut lill-Kummissjoni għandu jinkludi l-elementi kollha neċessarji għal eżami komplet tal-każ ippreżentat.

11      Meta jinstab li l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru lill-Kummissjoni mhijiex suffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ titlob li tintbagħat informazzjoni supplementari. Wara li tikkonsulta grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li jiltaqgħu fl-ambitu tal-Kumitat dwar Ftehim dwar Dazju Ħieles biex jiġi eżaminat il-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni partikolari li ġiet eżaminata tiġġustifikax ħlas lura jew le (Artikolu 907). Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat u huwa fuq il-bażi ta’ dik id-deċiżjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata (Artikolu 908).

12      Il-Ministeru Franċiż għall-Baġit bagħat flimkien ma' l-ittra tiegħu ta' l-4 ta’ Frar 1994 fajl ta' żewġ paġni li fih ġie deskritt il-każ tar-rikorrenti matul il-perijodu 1990 sa 1992 mingħajr ma semma s-sistema doganali applikata lilha qabel l-1990, il-bidla fis-sistema imposta f'Lulju 1990 jew il-korrispondenza bejnu u r-rikorrenti bejn l-1988 u 1992 dwar eventwali ħlas lura u t-twaqqif ta’ maħżen doganali. Il-fajl jagħmel, fost l-oħrajn, l-osservazzjonijiet li:

–       mal-wasla tal-merkanzija, ir-rikorrenti ma setgħetx tistabbilixxi liema biċċiet li kienu se jiġu armati fuq inġenji ta' l-ajru ċivili jew militari u din kienet ir-raġuni għaliex hija ma talbitx awtorizzazzjoni sabiex tibbenefika mill-iskema tad-destinazzjoni partikolari;


–        għaldaqstant, hija qiegħdet l-importazzjonijiet tagħha f’ċirkulazzjoni ħielsa u ħallset id-dazju relevanti meta hija setgħet tikkwalifika għal eżenzjoni fil-kuntest ta' l-imsemmija skema;


–        mill-1993, fuq parir mid-dipartimenti tad-dwana, ir-rikorrenti tqiegħed l-importazzjonijiet tagħha f’maħżen doganali.

Fost id-dokumenti ta’ kontabbiltà u ta' dwana annessi mal-fajl hawn imsemmi tinsab ittra mibgħuta mir-rikorrenti fit-12 ta’ Lulju 1993 lid-Direttorat Ġenerali ta’ Dwana u Taxxi Indiretti li fiha hija ssemmi t-twaqqif, mill-1 ta' Lulju 1990, tal-benefiċċju ta’ l-arranġament ta’ tariffa privileġġjat applikat qabel, l-istabbiliment ta’ maħżen doganali, fl-1 ta’ Jannar 1993, li ġie mdewwem b’diversi emendi tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-konferma li hija kienet ingħatat li hija setgħet tapplika għal ħlas lura tad-dazji mħallsa fl-1990, 1991 u 1992.

13      Fil-fajl mibgħut fl-4 ta’ Frar 1994, l-amministrazzjoni Franċiża pproponiet li tikkonċedi l-benefiċċju tal-ħlas lura tad-dazji doganali mħallsa fuq biċċiet għal użu "ċivili". Fil-fatt, hija għamlet dan għaliex kien impossibbli għar-rikorrenti li tagħmel distinzjoni bejn dawn il-biċċiet minn qabel, peress li huma l-istess, irrispettivament min-natura ta’ l-inġenju. Għal effikaċja aħjar, ir-rikorrenti għaqqdet flimkien l-importazzjonijiet tagħha minflok ma għamlet importazzjonijiet separati għall-inġenji ċivili. Il-biċċiet in kwistjoni ġew trattati skond l-iskema tad-destinazzjoni partikolari. L-amministrazzjoni Franċiża qieset li "l-kumpannija ma tistax tiġi akkużata b'qerq jew negliġenza".

14      Wara talba magħmula mill-Kummissjoni, il-Minsteru kkompleta l-fajl, f’Mejju 1994, billi bagħat ċifri u kopja ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

15      Fit-18 ta’ Lulju 1994, fuq il-bażi tal-fajl imsemmi hawn fuq u wara konsultazzjoni mal-grupp ta’ esperti stabbilit mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 13(1), adottat id-Deċiżjoni REM 4/94, li tgħid li l-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni mhuwiex iġġustifikat f'dan il-każ, għar-raġunijiet li:

–        l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 4142/87 għall-konċessjoni ta' l-iskema ta’ tariffa favorevoli fuq l-importazzjoni minħabba d-destinazzjoni partikolari ma ġiet sodisfatta mir-rikorrenti, b'mod partikolari dik tal-ksib ta' awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel, peress li awtorizzazzjoni bħal din ma għandhiex effett retroattiv;


–        in-nuqqas ta’ osservanza ta' regola ma jikkostitwixxix sitwazzjoni speċjali fis-sens ta' l-Artikolu 13;


–        saru diversi operazzjonijiet ta’ importazzjoni u l-iżball ġie rripetut;


–        ir-rikorrenti wriet negliġenza manifesta.

16      Il-Kummissjoni nnotifikat din id-deċiżjoni lill-amministrazzjoni Franċiża, li, b’ittra tat-13 ta’ Awwissu 1994, infurmat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni u bil-motivi prinċipali tagħha. Kif jidher mit-timbru fuq din l-ittra, din waslet fil-bini tar-rikorrenti fit-23 ta’ Awwissu 1994.

 Proċedura

17      Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li r-rikorrenti ressqet dan ir-rikors, li ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti fit-18 ta’ Ottubru 1994.

18      Il-proċedura bil-miktub seħħet normalment. B'deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 1995, il-Qorti tal-Prim'Istanza assenjat il-kawża lill-Ewwel Awla, komposta minn tliet imħallfin, wara li semgħet l-osservazzjonijiet tal-partijiet. Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali mingħajr miżuri istruttorji preliminari. Madankollu, hija adottat ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura. Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tas-27 ta' Settembru 1995. Fit-tmiem tas-seduta, il-President iddikjara l-għeluq tal-proċedura orali.

 Konklużjonijiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 4/94, tat-18 ta’ Lulju 1994, indrizzata lir-Repubblika Franċiża, Direttorat Ġenerali ta’ Dwana u Taxxi Indiretti;


–        tiddikjara li l-applikazzjoni għal ħlas lura mibgħuta permezz tad-Direttorat Ġenerali tad-Dwana Franċiża hija, bħala regola ġenerali, iġġustifikata, taħt il-kundizzjoni ta' verifika minn dan id-Direttorat ta’ l-ammont tad-dazji li għandu jitħallas lura;


–        tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;


–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.


 Fuq il-konklużjonijiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni

21      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi in sostenn tal-konklużjonijiet tagħha għal annullament, ibbażati rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju audi alteram partem, safejn hija ma kellhiex l-opportunità li tesponi l-argumenti tagħha quddiem il-Kummissjoni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettativi leġittimi, safejn id-deċiżjoni kkontestata injorat l-aspettativi li hija setgħet leġittimament ikollha fir-rigward ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni tad-dwana Franċiża rigward il-ħlas lura tad-dazji doganali li hija ħallset, u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' "sitwazzjoni speċjali" fis-sens ta’ Artikolu 13, inkwantu l-Kummissjoni manifestament ma eżaminatx is-sitwazzjoni reali fid-dawl tal-possibilitajiet kollha relevanti kollha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis xieraq li, qabel kollox, teżamina l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju audi alteram partem.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju audi alteram partem      

L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti tosserva li l-prinċipju audi alteram partem, komponent essenzjali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża - li huma rikonoxxuti bħala prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju - huwa regola ta' applikazzjoni ġenerali li tgħid li d-destinatarji ta' deċiżjonijiet ta' awtorità pubblika li jaffettwaw b’mod konsiderevoli l-interessi tagħhom għandu jkollhom il-possibbiltà li jesprimu l-fehmiet tagħha b’mod effettiv (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15, u tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7). Il-prinċipju audi alteram partem ma japplikax biss fil-proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda wkoll f’dawk li jistgħu jinvolvu konsegwenzi mhux favorevoli għal impriżi, kif huwa fil-każ in kwistjoni.

23      Ir-rikorrenti tfakkar li hija ma kellhiex l-opportunità li tesponi l-argumenti tagħha la quddiem il-grupp ta’ esperti u lanqas quddiem id-dipartimenti tal-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, hija tenfasizza li l-ksur tal-prinċipju audi alteram partem wassal lill-Kummissjoni għal żball ta’ analiżi u għal applikazzjoni tar-Regolament Nru 4142/87 li bl-ebda mod ma tikkorispondi mas-sitwazzjoni reali tagħha. Fil-fatt, l-amministrazzjoni ta’ dwana Franċiża naqset milli turi, fil-fajl mibgħut lill-Kummissjoni, ir-rwol li hija nfisha kellha fil-ġrajjiet li taw lok għall-applikazzjoni għal ħlas lura. B'hekk, ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tesponi l-argumenti essenzjali għad-difiża tal-kawża tagħha quddiem il-Kummissjoni u quddiem il-grupp ta’ esperti.

24      Filwaqt li tammetti l-importanza tal-prinċipju audi alteram partem, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-proċedura ta' adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' ħlas lura - li tinvolvi diversi stadji, li wħud iseħħu fuq il-livell nazzjonali (preżentata ta' l-applikazzjoni mill-impriża, eżami inizjali mill-amministrazzjoni tad-dwana), uħud fuq il-livell Komunitarju (preżentata ta’ l-applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni, eżami tal-każ mill-Kumitat dwar Ftehim dwar Dazju Ħieles, konsultazzjoni ma' grupp ta’ esperti, deċiżjoni mill-Kummissjoni, notifika lill-Istat Membru kkonċernat) - toffri lil dawk ikkonċernati l-garanziji legali kollha meħtieġa (is-sentenzi tas-17 ta' Marzu 1983, Control Data vs Il-Kummissjoni, 294/81, Ġabra p. 911, tat-13 ta' Novembru 1984, Van Gend & Loos vs Il-Kummissjoni, 98/83 u 230/83, Ġabra p. 3763, u tas-6 ta' Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C-121/91 u C-122/91, Ġabra p. I-3873, punt 48).

25      Hija ssostni li, f’dan il-każ, il-proċedura ġiet segwita korrettament, u ppermettiet lir-rikorrenti li tesponi l-argumenti tagħha quddiem l-awtoritajiet Franċiżi, li sostnew l-applikazzjoni tagħha għal ħlas lura quddiem il-Kummissjoni u quddiem il-grupp ta’ esperti. Jekk l-awtoritajiet Franċiżi ma wrewx ir-rwol li huma setgħa kellhom f'din il-kawża, dan huwa, mingħajr dubju ta' xejn, għaliex huma qiesu li ma kienx jaqbel li jsemmu dan il-punt, sew minħabba li ma ġiex ippruvat, sew minħabba li ma kienx rilevanti għall-eżami tal-mertu ta' l-applikazzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma ħassitx il-bżonn, fid-dawl tal-każ li ntbagħat quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, li titlob informazzjoni supplementari li, f'kull każ, ma kinitx tbiddel il-pożizzjoni li ttieħdet fid-deċiżjoni kkontestata.

26      B’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza rigward ir-rilevanza eventwali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Technische Universitaet Muenchen (C-269/90, Ġabra p. I-5469), il-Kummissjoni qieset li mhuwiex possibbli li din il-każistika tiġi trasposta għall-kawża preżenti. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ġiet adita mhumiex komparabbli fiż-żewġ każijiet: fil-kawża C-269/90, il-kwistjoni kienet li jiġi mgħolli l-eżami tekniku ta' l-applikazzjoni għal eżenzjoni mid-dwana prevista għal tagħmir xjentifiku għal-livell ta’ deċiżjoni l-iktar xieraq, peress li l-awtorità nazzjonali qieset li l-Kummissjoni, assistita mill-Istati Membri, kienet f’pożizzjoni aħjar minnha sabiex tagħmel tqabbil tekniku u sabiex tara jekk tagħmir ekwivalenti kienx jeżisti fil-Komunità kollha; min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, rigward il-ħlas lura ta’ dazji doganali, id-determinazzjoni tal-livell ta’ kompetenza kien jiddependi fuq x’tip ta’ deċiżjoni tittieħed u l-konsegwenzi tagħha fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità, peress li l-Kummissjoni ssir kompetenti għal deċiżjoni dwar ħlas lura eventwali filwaqt li l-Istat Membru jżomm is-setgħa li jiddeċiedi fil-każ ta’ rifjut ta’ ħlas lura. Il-Kummissjoni affermat mill-ġdid li, f'kull każ, il-preċiżjonijiet li r-rikorrenti tqis li ġabet in sostenn tar-rikors tagħha ma kinux tali li jbiddlu l-pożizzjoni meħuda fid-deċiżjoni kkontestata.

27      Bħala risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-iskema tad-destinazzjonijiet partikolari, il-Kummissjoni fakkret, fl-aħħar nett, li l-ksib ta’ awtorizzazzjoni kien kundizzjoni neċessarja għall-benefiċċju ta' l-imsemmija skema. Huwa evidenti li, fl-istadju ta’ l-awtorizzazzjoni iżda, fuq kollox, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tat-tqegħid għal ċirkulazzjoni ħielsa, il-benefiċċjarju għandu jkollu l-possibbiltà li jidentifika l-merkanzija bħala tali li tista' tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikkwalifika għal destinazzjoni partikolari. Fir-rigward tar-rikorrenti, l-unika soluzzjoni legali kienet għaldaqstant tkun li twettaq din l-identifikazzjoni mhux iktar tard mill-mument tad-dikjarazzjoni tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa. Madankollu, jidher ċar li jekk ir-rikorrenti kienet tqis li ma kienx possibbli għaliha li tifred il-prodotti, fil-mument li dawn jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa, skond jekk dawn kellhomx użu ċivili jew militari, il-ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ destinazzjoni partikolari jitlef l-interess kollu tiegħu. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, f'kull każ, anki kieku setgħet, ir-rikorrenti ma setgħetx tikseb awtorizzazzjoni ta' destinazzjoni partikolari u lanqas, bħala konsegwenza ta’ dan, tieħu l-benefiċċju tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

28      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, skond il-kuntest leġiżlattiv deskritt hawn fuq, il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tinvolvi stadji differenti, minn naħa, fuq il-livell nazzjonali, peress li r-rikorrenti ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal ħlas lura, flimkien ma’ dokumenti ta' prova, lill-amministrazzjoni Franċiża u, min-naħa l-oħra, fuq il-livell Komunitarju, peress li l-amministrazzjoni Franċiża ppreparat il-proċess tar-rikorrenti u bagħtitu lill-Kummissjoni, li, wara li kkonsultat grupp ta’ esperti, iddikjarat li l-applikazzjoni għal ħlas lura mhijiex iġġustifikata.

29      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, b'referenza għas-sentenzi Control Data vs Il-Kummissjoni, Van Gend & Loos vs Il-Kummissjoni, u b'mod partikolari, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar 'il fuq, - tallega li, f'dan il-każ, id-dritt ta' smigħ tar-rikorrenti ġie rrispettat peress li l-proċedura in kwistjoni ppermettiet lir-rikorrenti tesponi l-argumenti kollha tagħha quddiem l-awtoritajiet Franċiżi u peress li l-proċess tagħha, mibgħut minn dawn ta' l-aħħar, kien disponibbli kemm għall-grupp ta’ esperti kif ukoll għall-Kummissjoni.

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li d-dritt tar-rikorrenti li tinstema' fi proċedura bħal dik li hija s-suġġett ta' din il-kawża għandha tiġi ġenwinament ggarantita, qabel kollox, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi biss għal kuntatti bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni, minn naħa, u bejn l-amministrazzjoni u l-Kummissjoni min-naħa l-oħra. Minkejja li din il-liġi ma tipprovdix għal kuntatti diretti bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-persuna kkonċernata, dan ma jimplikax neċessarjament li l-Kummissjoni tista’ tqis lilha nnifisha sodisfatta fil-każijiet kollha li hija teżamina applikazzjoni għal ħlas lura bl-informazzjoni mibgħuta lilha mill-amministrazzjoni nazzjonali. Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li Artikolu 905(2) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi lili l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jibgħat informazzjoni supplementari. Konsegwentament, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kellhiex tagħmel talba bħal din sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-dritt ta' smigħ tar-rikorrenti, u dan permezz ta’ spjegazzjonijiet supplementari pprovduti fl-ewwel lok mir-rikorrenti lill-amministrazzjoni Franċiża u sussegwentament mibgħuta lill-Kummissjoni.

31      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-kawża preżenti hija sostanzjalment differenti, f'dak li jirrigwarda l-fatti, minn dik ikkwotata fil-punti 24 u 29 hawn fuq. Fil-fatt, f'dan il-każ ir-rikorrenti tinvoka n-natura inkompleta tal-proċess stabbilit u mibgħut mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li l-ebda lment ta' din in-natura ma ġie mqajjem fit-tliet kawżi ċċitati iktar 'il fuq. Fil-kawża CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienu saħansitra rrikonoxxew li l-argumenti kollha li huma setgħu jagħmlu kienu ġew imsemmija fl-applikazzjoni tagħhom u li ma kien jeżisti ebda element ġdid li huma setgħu jinkorporaw fl-argumenti tagħhom (punt 49 tas-sentenza). F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ddikjarat li, f'risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim'Istanza, hija ma kkontribwietx fit-tħejjija tal-proċess, li hija lanqas ma kellha l-opportunita li tikkonsultah qabel ma ntbagħat u li fil-fatt qatt ma kkonsultatu.

32      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha mogħtija fil-kawża Technische Universitaet Muenchen, iċċitata iktar 'il fuq, dwar l-għoti ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ tagħmir xjentifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, peress li din hija proċedura amministrattiva li tinvolvi evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha setgħa ta' evalwazzjoni, filwaqt li enfasizzat li, fir-rigward ta' tali setgħa ta' diskrezzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza fundamentali u li fost dawn il-garanziji jinsab, b’mod partikolari, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesprimi l-opinjoni tagħha (punti 13 u 14). Peress li l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti ma tipprovdix l-possibbiltà għall-importatur li jispjega l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Kummissjoni, minkejja li l-indikazzjonijiet tagħha fuq il-karatteristiċi tat-tagħmir xjentifiku importat u fuq l-użu intiż tiegħu jistgħu jkunu utli ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dritt ta' smigħ fi proċeduri bħal dawn jeżiġi li l-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà, matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li tieħu pożizzjoni u li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar ir-rilevanza tal-fatti kif ukoll, fejn ikun il-każ, dwar id-dokumenti meħuda in kunsiderazzjoni mill-istituzzjoni Komunitarja (punti 23sa 25).

33      Għandu jiġi eżaminat jekk ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja espost hawn fuq jistax ikun rilevanti fil-kuntest ta' proċedura ta' applikazzjoni skond Artikolu 13 bħal dik in kwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni oġġezzjonat, ċertament b’mod korrett, li hija rari tagħmel "evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi" meta hija tieħu deċiżjonijiet rigward il-ħlas lura ta' dazji doganali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija tal-fehma, madankollu, li mhijiex in-natura partikolarment teknika ta' proċess li tista’ tagħti lok għad-dritt ta' smigħ tal-persuna kkonċernata quddiem il-Kummissjoni, iżda s-setgħa ta' evalwazzjoni li din għandha f’dan ir-rigward.

34      Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni għandha, f’diversi aspetti, marġni ta’ diskrezzjoni meta tapplika l-Artikolu 13, li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat bħala "klawżola ġenerali ta' ekwità" (is-sentenza tal-15 ta' Diċembru 1983, Schoellershammer vs Il-Kummissjoni, 283/82, Ġabra p. 4219, punt 7). Minn naħa, din id-dispożizzjoni tkopri "sitwazzjonijiet speċjali", li neċessarjament jippresupponi li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni, u twieżen, fost l-informazzjoni ta' fatt u ta' dritt, dik li tista' tkun rilevanti għad-deċiżjoni finali tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha tara jekk il-persuna kkonċernata hijiex responsabbli mhux biss għal negliġenza, iżda għal negliġenza "manifesta". Fl-aħħar nett, qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta grupp ta’ esperti, skond l-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, li jimplika li din għandha l-għażla li ssegwi jew le l-opinjoni ta’ dan il-grupp. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, fil-kuntest ta' proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha setgħa ta' diskrezzjoni almenu ekwivalenti għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li hija għandha fis-sentenza tagħha Technische Universitaet Muenchen, iċċitata hawn fuq. Konsegwentement, ir-rispett tad-dritt ta' smigħ għandu jiġi ggarantit fil-proċeduri ta' ħlas lura ta’ dazji doganali.

35      Fir-rigward tal-każ in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess mibgħut lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi jinkludi ittra mibgħuta lir-rikorrenti fit-12 ta’ Lulju 1993, lill-amministrazzjoni doganali, li fiha hija tirreferi għad-diffikultajiet fit-twaqqif ta’ maħżen doganali u għall "konferma" ta' eventwali ħlas lura tad-dazji doganali mħallsa bejn l-1990 u l-1992. Madankollu, il-korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-amministrazzjoni doganali Franċiża fuq dawn iż-żewġ punti ma tinsabx fil-proċess. Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ proċess inkomplet.

36      Għandu jingħad ukoll li fil-proċess tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi pproponew li l-ħlas lura għandu jingħata filwaqt li enfasizzaw li "ebda negliġenza" ma setgħet tiġi attribwita lir-rikorrenti. Safejn il-Kummissjoni qieset li titbiegħed minn din il-pożizzjoni u tiċħad l-applikazzjoni għal ħlas lura għar-raġuni li r-rikorrenti kienet ukoll responsabbli għal "negliġenza manifesta" - l-aġġettiv "manifesta" li ġie miżjud espliċitament mir-Regolament Nru 3069/86, tas-7 ta’ Ottubru 1986, iċċitat iktar 'il fuq - hija kellha d-dmir li tara li r-rikorrenti tinstema’ quddiem l-awtoritajiet Franċiżi. Fil-fatt, deċiżjoni bħal din dwar il-livell ta’ negliġenza kien jinvolvi evalwazzjoni ġuridika kumplessa li setgħet tiġi effettwata biss fuq il-bażi tal-fatti rilevanti kollha, inklużi d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ta’ l-amministrazzjoni nazzjonali fil-konfront tar-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li f’sitwazzjoni bħal din, fejn il-Kummissjoni akkużat serjament lir-rikorrenti b'"negliġenza manifesta", id-dritt ta' smigħ quddiem l-amministrazzjoni nazzjonali li r-rikorrenti għandha kien iktar neċessarju milli fil-kawża Technische Universitaet Muenchen, iċċitata iktar 'il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet li l-importatur jinstema’ matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni meta kulma kien in kwistjoni kien l-eżami tekniku oġġettiv ta' tagħmir xjentifiku.

37      Barra minn hekk, il-fatt, enfassizat mill-Kummissjoni, li anki l-membru Franċiż tal-grupp ta’ esperti li ġie ikkonsultat qabel ma d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata kien kontra għoti ta’ ħlas lura mhijiex relevanti. Fil-fatt, ma ġiex stabbilit u lanqas ma ġie sostnut li dan il-membru kien jaf biċ-ċirkustanzi kollha tal-każ in kwistjoni.

38      Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skond proċedura amministrattiva li fiha d-dritt ta' smigħ tar-rikorrenti ġie miksur.

39      Inkwantu l-Kummissjoni ssostni li lanqas kunsiderazzjoni ta' l-elementi supplementari pprovduti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tista' tkun tali li taffettwa d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li dan l-argument, li permezz tiegħu l-Kummissjoni donnha trid tiċħad ir-rilevanza tad-difett proċedurali kkonstatat hawn fuq, ma jistax jiġi milqugħ. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tissostitwixxi ruħha minflok l-awtorità amministrattiva kompetenti u lanqas tantiċipa r-riżultat li din tasal għalih fit-tmiem ta' proċedura amministrattiva ġdida, fid-dawl ta’ proċess ikkompletat mill-awtoritajiet Franċiżi u mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-grupp ta’ esperti li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonsulta skond Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha għadu ma ħax nota ta' tali proċess ikkompletat u għaldaqstant għadu ma kienx kapaċi jiddikjara l-opinjoni tiegħu fl-għarfien sħiħ tal-fatti.

40      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju audi alteram partem għandu jiġi milqugħ. Konsegwentament, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annulata, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra mqajjma mir-rikorrenti.

 Fuq il-konklużjonijiet intiżi għal dikjarazzjoni li l-applikazzjoni għal ħlas lura hija ġġustifikata

41      Fi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija ser iżżomm it-talba tagħha għal dikjarazzjoni anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti enfasizzat li hija tibbaża, prinċipalment, it-talba tagħha għal ħlas lura fuq l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fl-affermazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Franċiżi dwar il-ħlas lura tad-dazji doganali mħallsa. Din il-kawża legali, li mhijiex proċedura normali kif stabbilita mill-Artikoli 905 et seq. tar-Regolament Nru 2454/93, taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza ġudizzjarja tal-Qorti tal-Prim'Istanza biss u tawtorizzaa lil din ta' l-aħħar li tagħti deċiżjoni ta’ effett immedjat fir-rigward tar-rikorrenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħlas lura mitlub.

42      F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, f'rikors għal annulament imressaq skond Artikolu 173 tat-Trattat KE, il-Qorti Komunitarja ma tistax, mingħajr ma tidħol fuq il-prerogattivi ta’ l-awtorità amministrattiva, tordna istituzzjoni Komunitarja li tieħu l-miżuri neċessarji għall-infurzar ta’ sentenza li tiddikjara l-annullament ta' deċiżjoni (ara, per eżempju, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Mejju 1994, J vs Il-Kummissjoni [1994] ECR II-391, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Novembru 1990, Barbi vs Il-Kummissjoni T-73/89, Ġabra p. II-619, punt 38).. Fil-fatt, l-Artikolu 176 tat-Trattat KE, li jgħid li l-istituzzjoni li tadotta l-miżura annullata hija mitluba tieħu l-miżuri neċessarji, hija dispożizzjoni limitattiva f’dan ir-rigward. Għandu jingħad ukoll li, f'kull każ, il-proċedura amministrattiva, f'dan il-każ, għandha terġa tinfetaħ mill-Kummissjoni, tant li jkun prematur għall-Qorti tal-Prim'Istanza li tieħu deċiżjoni dwar il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi.

43      Għaldaqstant il-konklużjonijiet intiżi għal dikjarazzjoni li l-applikazzjoni għal ħlas lura hija ġġustifikata għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, din għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 4/94, tat-18 ta’ Lulju 1994, indirizzata lir-Repubblika Franċiża, Direttorat Ġenerali ta’ Dwani u Taxxi Indiretti hija annullata.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Kirschner

Kalogeropoulos

Tiili

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta' Novembru 1995

E. Coulon

 

      H. Kirschner

Reġistratur

 

      Aġent President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.