Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Dikastirio Diethnous Prostasias (Ċipru) fit-18 ta’ Lulju 2023 – K.A.M. vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

(Kawża C-454/23, K.A.M.)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Dioikitiko Dikastirio Diethnous Prostasias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: K.A.M.

Konvenut: Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 – li abbażi tagħhom l-istatut ta’ refuġjat jista’ jiġi revokat meta tkun teżisti bażi raġonevoli sabiex il-persuna kkonċernata titqies li hija ta’ perikolu għas-sigurtà tal-Istat ta’ protezzjoni – moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif ukoll tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għal ażil, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jippermettu r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat għal aġir fil-passat jew għal atti allegatament imwettqa mir-rifuġjat qabel id-dħul tiegħu fil-pajjiż ta’ protezzjoni, li seħħew barra mill-pajjiż ta’ protezzjoni u li ma jinsabux fost l-aġir li jikkostitwixxi motiv ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1, Taqsima F tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95 dwar l-esklużjoni, li jistabbilixxu espressament għal liema raġunijiet persuna tista’ tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat?

Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għall-[ewwel domanda] tingħata fl-affermattiv, l-Artikolu 14(4)(a), hekk interpretat, huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 78(1) TFUE, li jipprovdu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt derivat [tal-Unjoni] mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-klawżola ta’ esklużjoni tagħha prevista fl-Artikolu 1, Taqsima F, hija fformulata b’mod eżawrjenti u għandha tingħata interpretazzjoni stretta?

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “perikolu għas-sigurtà tal-Istat” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE, fid-dawl tal-livell għoli b’mod esaġerat tal-kundizzjonijiet applikabbli għal dan l-istess kunċett previst fl-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u fid-dawl tal-konsegwenzi gravi għar-refuġjat li l-istatut tiegħu huwa rrevokat, u b’mod iktar preċiż, dan l-artikolu jista’ jinkludi evalwazzjoni tal-perikolu marbut ma’ allegati atti jew aġir preċedenti għad-dħul fil-pajjiż ta’ protezzjoni? Il-kunċett ta’ “perikolu għas-sigurtà tal-Istat” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE jista’ jinkludi atti jew aġir tar-refuġjat li ma seħħewx f’dan l-Istat?

____________

1 ĠU 2011, L 337, p. 9.