Language of document : ECLI:EU:T:2007:387

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PAGESJAUNES.COM – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti LES PAGES JAUNES – Isem tad-domain ‘pagesjaunes.com’ – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑134/06,

Xentral LLC, stabbilita f’Miami, Florida (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Bertrand, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Pages jaunes SA, stabbilita f’Sèvres (Franza), irrappreżentata minn C. Bertheux Scotte, B. Potot u B. Corne, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta l-Appell ta’ l-UASI tal-15 ta’ Frar 2006 (Każ R 708/2005‑1), li tikkonċerna proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Pages jaunes SA u Xentral LLC,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZATAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u T. Tchipev, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Mejju 2006,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Novembru 2006,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Novembru 2006,

wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-21 ta’ Settembru 2000, Prodis Inc. ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata.

2        It-trade mark li fir-rigward tagħha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PAGESJAUNES.COM.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 16 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “prodotti stampati, gazzetti, perjodiċi, direttorji”.

4        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2002, l-eżaminatur informa lil Prodis li s-sinjal in kwistjoni ma setax jiġi rreġistrat skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li dan kien nieqes minn karattru distintiv. Fil-fatt, skond l-eżaminatur, dan is-sinjal ikun ipperċepit mill-pubbliku kkonċernat bħala l-indirizz elettroniku ta’ xi wieħed mill-imprendituri li jqiegħdu fis-suq direttorji tal-professjonisti.

5        Fin-nuqqas ta’ osservazzjonijiet fuq l-oġġezzjoni ta’ l-eżaminatur, dan ċaħad, permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6        Fit-3 ta’ Lulju 2002, Prodis ressqet rikorks quddiem l-UASI, abbażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark PAGESJAUNES.COM.

7        Permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Ottubru 2002, wara reviżjoni interlokutorja skond l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 40/94, l-eżaminatur informa lil Prodis li, wara eżami, l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni kienet ġiet aċċettata għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni.

8        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 81/2002, ta’ l-14 ta’ Ottubru 2002.

9        Fis-6 ta’ Jannar 2003, l-intervenjenti Pages jaunes SA, ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata, minn naħa, fuq l-isem tal-kumpannija u l-isem kummerċjali Pages jaunes, u, min-naħa l-oħra, fuq ir-reġistrazzjoni Franċiża Nru 99800903, datata t-2 ta’ April 1999, tat-trade mark figurattiva LES PAGES JAUNES, li tindika l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 38, 41 u 42, riproditt iktar’il quddiem:

Image not found

10      L-oppożizzjoni saret kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja PAGESJAUNES.COM. Hija kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti, b’mod partikolari l-“prodotti stampati, gazzetti, perjodiċi, direttorji”, li jaqgħu taħt il-kassi 16.

11      Ir-raġunijiet invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (4) tar-Regolament Nru 40/94. Il-fama tat-trade mark preċedenti, ta’ l-isem tal-kumpannija u l-isem kummerċjali wkoll ġew invokati u kienu bbażati fuq l-użu intensiv u għal żmien tmil ta’ dawn ta’ l-aħħar, b’mod partikolari sabiex jindikaw id-direttorji u xi pubblikazzjonijiet.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2005, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija kkunsidrat li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fid-dawl ta’ l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, tax-xebh fonetiku u kunċettwali kbir bejn it-trade marks kunfliġġenti u l-fama tat-trade mark preċedenti fi Franza. Hija kkunsidrat ukoll li, anki jekk l-espressjoni “pages jaunes” setgħet tiġi kkunsidrata bħala normali f’bosta pajjiżi u, sa ċertu punt, fi Franza, Prodis ma kinitx ressqet il-prova li t-trade mark preċedenti kienet saret normali “minħabba” l-parti intervenjenti.

13      Fis-16 ta’ Ġunju 2005, Prodis ressqet rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.

14      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-15 ta’ Frar 2006 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ Appell ta’ l-UASI ċaħad ir-rikors. Huwa kkunsidra li l-allegat dritt preċedenti ta’ Prodis, jiġifieri l-isem tad-domain “pagesjaunes.com”, kellu jiġi injorat, li l-UASI mhuwiex kompetenti biex jiddeċiedi dwar in-nullità tat-trade marks nazzjonali, u li xejn fl-atti ma kien isaħħaħ l-argument li l-espressjoni “pages jaunes”, għal konsumatur Franċiż, ma kinitx distintiva jew kienet tiddeskrivi pubblikazzjonijiet, b’mod partikolari tad-direttorji tat-telefown. Skond il-Bord ta’ l-Appell, għall-kuntrarju, din l-espressjoni għandha “karattru distintiv ordinarju”, għaliex il-kulur li fih din l-espressjoni hija rappreżentata kien arbitrarju u l-imsemmija espressjoni ma kinitx saret ġenerika. Il-Bord ta’ l-Appell sostna li l-element dominanti taż-żewġ trade marks konfliġġenti kien magħmul mill-istess espressjoni “pages jaunes” u li x-xebh bejn l-imsemmija trade marks kien kbir ħafna. Bħala konklużjoni, huwa kkunsidra li, minħabba l-identiċità tal-prodotti kkonċernati, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fi Franza, peress li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija pperċepita bħala l-verżjoni fuq l-Internet tad-direttorju tal-karti kopert mit-trade mark LES PAGES JAUNES u li l-prodotti in kwistjoni huma konsegwentement ikkunsidrati bħala pprovduti mill-istess kumpannija.

15      L-applikazzjoni għat-trade mark PAGESJAUNES.COM ġiet ittrasferita lir-rikorrenti, Xentral LLC. Dan it-trasfertiment ġie rreġistrat fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji fit-2 ta’ Mejju 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannula d-deċiżjoni kkontestata;

–        tivvalida t-trade mark PAGESJAUNES.COM;

–        tikkundanna l-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI għall-ispejjeż.

17      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad bħala inammissibbli t-tieni talba;

–        tiċħad il-bqija tar-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark PAGESJAUNES.COM fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Fis-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-tieni talba tagħha, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan. Hija speċifikat ukoll li t-tielet talba kellha tiġi mifhuma bħala talba għall-kundanna ta’ l-UASI għall-ispejjeż, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan ukoll.

20      Fis-seduta, l-intervenjenti rrinunzjat għat-tieni talba tagħha, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan.

 Fuq l-ammissibiltà tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

21      L-intervenjenti ssostni li l-annessi 51 sa 53, 77 u 78 tar-rikors huma dokumenti ġodda fis-sens li ma kinux tressqu quddiem l-UASI. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti huma inammissibbli.

22      L-annessi 51 sa 53 u 77 tar-rikors, peress li l-anness 52 huwa identiku għall-anness 77, huma siltiet mill-AnnuaireAlmanach du commerce, de l’industrie, de la magistrature et de l’administration (Direttorju – Almanakk tal-kummerċ, ta’ l-industrija, tal-maġistratura u ta’ l-amministarzzjoni) (Didot-Bottin) ta’ l-1887, ta’ l-1886 u ta’ l-1891 li ma kinux inklużi fl-atti amministrattivi quddiem l-UASI. L-anness 78 jinkludi siltiet mir-reġistru ta’ l-Institut national de la propriété industrielle (INPI) (l-Istitut nazzjonali għall-proprjetà industrijali), dwar it-trade marks ippreżentati fi Franza li jinkludu l-element verbali “pages jaunes”, li lanqas ma tressqu quddiem l-UASI.

23      Konsegwentement, dawn id-dokumenti, imressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI, skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b’mod li l-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza m’hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk id-dokumenti in kwistjoni għandhom jiġu skartati mingħajr ma jkun neċessarju li s-saħħa probatorja tagħhom tiġi eżaminata [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti ppreżentati mir-rikorrenti

24      L-UASI tikkunsidra li l-argumenti tar-rikorrenti relattivi għall-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, irrilevanti, peress li d-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mingħajr ma eżaminat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament. Peress li din l-aħħar imsemmija bażi legali lanqas ma ġiet eżaminata mill-Bord ta’ l-Appell, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Prim’Istanza biss fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b), ta’ l-imsemmi regolament.

25      Għandu jingħad li r-rikorrenti tinvoka argumenti dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b), u (4) tar-Regolament Nru 40/94. Issa, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell laqgħu l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b), ta’ l-imsemmi Regolament, billi kkonkludew li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, konklużjoni li wasslet għaċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark PAGESJAUNES.COM. La d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord ta’ l-Appell ma pparagunaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ l-isem tal-kumpannija jew l-isem kummerċjali ta’ l-intervenjenti, invokati minnha sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut kienet biżżejjed sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni.

26      Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ l-Appell. Għalhekk, dan l-istħarriġ irid isir fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt li tressqu quddiem dan ta’ l-aħħar [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI – Arbora & Ausonia (PAM-PIM’S BABY-PROP), T‑133/05, Ġabra p. II 2737, punt 22 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, Ġabra p. II-757, punt 83].

27      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkludiex li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma tistax tissostitwixxi lill-UASI fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tar-raġuni relattiva għal rifjut prevista fl-Artikolu 8(4) ta’ l-imsemmi Regolament, li tieħu in kunsiderazzjoni l-isem tal-kumpannija u l-isem kummerċjali invokati mill-intervenjenti sabiex issaħħaħ l-oppożizzjoni tagħha. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat biss l-argument ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

28      Minbarra dan, l-UASI jsostni li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex jinnegaw ir-realtà tal-fama tat-trade mark preċedenti mhumiex rilevanti fil-kuntest tar-rikors preżenti. Fil-fatt, peress li l-Bord ta’ l-Appell kien ikkonferma l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni billi bbaża ruħu fuq il-“karattru distintiv ordinarju” tat-trade mark preċedenti, huwa la eżamina l-fama tagħha akkwistata bl-użu, hekk kif allegat mill-intervenjenti fil-proċedimenti quddiem l-UASI, u lanqas ma bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-imsemmija fama.

29      Għandu jiġi rrilevat li, peress li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkonstatat fid-deċiżjoni tagħha li l-intervenjenti kienet uriet li t-trade mark tagħha kienet tgawdi minn fama fi Franza, ħaġa li r-rikorrenti kkontestat fir-rikors tagħha quddiem il-Bord ta’ l-Appell, il-kwistjoni tal-fama kienet parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Konsegwentement, l-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

30      Skond ir-rikorrenti, l-isem tad-domain “pagesjaunes.com”, li hija l-proprjetarja tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat bħala dritt preċedenti opponnibbli għat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, it-trade mark preċedenti għandha karattaru distintiv dgħajjef u hija anki ġenerika. Minbarra dan, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma tammontax għall-imitazzjoni illegali tat-trade mark preċedenti. Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ma tista’ tinvoka ebda fama konnessa mat-trade mark preċedenti.

31      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċieda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

32      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-isem tad-domain tagħha “pagesjaunes.com” għandu jiġi kkunsidrat bħala dritt preċedenti opponnibbli għat-trade mark preċedenti ta’ l-intervenjenti.

 Fuq l-effetti eventwali tad-dritt preċedenti bbażat fuq l-isem tad-domain “pagesjaunes.com”

33      Ir-rikorrenti ssostni li isem tad-domain jikkostitwixxi sinjal distintiv bl-istess mod bħal trade mark u huwa jagħti lok għal dritt preċedenti. L-isem tad-domain “pagesjaunes.com” kien ġie irreġistrat fid-9 ta’ April 1996, jiġifieri qabel sew it-trade mark preċedenti li fuqha l-intervenjenti bbażat l-oppożizzjoni tagħha, peress li din kienet ġiet irreġistrata fit-2 ta’ April 1999.

34      Skond ir-rikorrenti, permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2000, kumitat amministrattiv ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) ikkonferma d-drittijiet tar-rikorrenti fuq l-isem tad-domain “pagesjaunes.com” u rrifjuta li jilqa’ t-talbiet tal-kumpannija France Télécom, proprjetarja f’dak iż-żmien tat-trade marks figurattivi franċiżi PAGES JAUNES, ippreżentati fl-1977.

35      F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li “l-eżami li l-UASI għandu jwettaq skond l-Artikolu 8(1) tar-[Regolament Nru 40/94] huwa limitat għall-kunflitt bejn it-trade mark Komunitarja li saret applikazzjoni għaliha u d-dritt preċedenti invokat”.

36      Din il-konklużjoni għandha tiġi approvata, mingħajr ma jkun hemm bżonn tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk isem tad-domain jistax jiġi kkunsidrat bħala dritt opponibbli. Fil-fatt, il-validità ta’ trade mark nazzjonali, f’din il-kawża dik ta’ l-intervenjenti, ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ annullament mibdija fl-Istat Membru kkonċernat [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 55]. Barra minn hekk, għalkemm huwa l-UASI li għandu jaċċerta, abbażi tal-provi li għandhom jingħataw mill-parti li qiegħda topponi, l-eżistenza tat-trade mark nazzjonali invokata in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, huwa m’għandux jirriżolvi kunflitt bejn din it-trade mark u trade mark oħra fuq livell nazzjonali, liema kunflitt jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES), T‑269/02, Ġabra p. II‑1341, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2005, TeleTech Holdings vs UASI – Teletech International (TELETECH GLOBAL VENTURES), T‑288/03, Ġabra p. II‑1767, punt 29].

37      Għaldaqstant, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tibqa’ effettivament protetta, l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti jew ta’ dritt ieħor preċedenti għal din ta’ l-aħħar mhijiex rilevanti fil-kuntest ta’ l-oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, anki jekk it-trade mark Komunitarja mitluba hija identika għal trade mark nazzjonali tar-rikorrenti li hija preċedenti jew għal dritt ieħor li huwa preċedenti għat-trade mark nazzjonali li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T‑185/03, Ġabra p. II‑715, punt 63]. B’hekk, anki jekk id-drittijiet fuq l-ismijiet tad-domain preċedenti jistgħu jkunu assimilati ma’ reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti, fi kwalunkwe każ, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi fuq il-kunflitt bejn trade mark nazzjonali preċedenti u d-drittijiet fuq l-ismijiet tad-domain preċedenti, peress li kunflitt bħal dan ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

38      F’dan il-każ, hemm lok li jingħad li r-rikorrenti, effettivament, fuq il-bażi b’mod partikolari ta’ l-isem tad-domain tagħha “pagesjaunes.com”, ippruvat tikseb quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti d-dikjarazzjoni tan-nullità tat-trade marks differenti PAGES JAUNES li tagħhom l-intervenjenti hija proprjetarja. Issa, t-talba tagħha għal nullità ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjonijiet tat-tribunal de grande instance (qorti reġjonali) ta’ Pariġi (Franza) ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 u tal-cour d’appel (qorti ta’ l-appell) ta’ Pariġi (Franza) tat-30 ta’ Marzu 2005. Minbarra dan, peress li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma eżaminawx il-validità tat-trade mark preċedenti allegata f’dan il-każ iżda dik ta’ trade marks oħra PAGES JAUNES li tagħhom l-intervenjenti hija proprjetarja, huma fi kwalunkwe każ mhumiex rilevanti għal dan il-każ, billi t-trade mark preċedenti għada valida.

39      Minbarra dan, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-kumitat amministrattiv tal-WIPO, għandu jingħad li din ittrattat biss il-kwistjoni tat-trasferiment eventwali ta’ l-ismijiet tad-domain “pagesjaunes.com” u “pagesjaunes.net” lil France Télécom, u mhux dik tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn “pagesjaunes.com” u LES PAGES JAUNES, b’mod li hija mhijiex rilevanti għal din il-kawża. Barra minn hekk, il-WIPO lanqas ma ddeċidiet fuq il-validità tat-trade mark preċedenti.

40      Konsegwetement, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq l-allegat dritt preċedenti tagħha bbażat fuq l-isem tad-domain “pagesjaunes.com” f’din il-kawża.

41      B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell applikax korrettement l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f’dan il-każ.

 Fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

42      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, ‘trade marks preċedenti’ tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

43      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni.

44      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

45      F’dan il-każ partikolari, it-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni hija trade mark nazzjonali rreġistrata fi Franza. Konsegwentement, it-territorju rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa t-territorju Franċiż.

46      Peress illi l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta’ konsum regolari, il-pubbliku kkonċernat hu l-konsumatur medju Franċiż, meqjus li hu informat normalment u raġonevolment attent u prudenti.

47      Mhuwiex ikkontestat li l-prodotti koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti huma identiċi. Fil-fatt, dawn iż-żewġ trade marks jindikaw il-“prodotti stampati, gazzetti, perjodiċi, direttorji”, li jaqgħu taħt il-klassi 16 skond l-Ftehim ta’ Nizza. Għalkemm l-oppożizzjoni kienet ibbażata wkoll fuq il-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt klassijiet oħra (klassijiet 9, 35, 38, 41 u 42) li għalihom it-trade mark preċedenti kienet irreġistrata, mhemmx lok li jiġu eżaminati, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq il-prodotti koperti mill-klassi 16.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

48      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali konfliġġenti mhumiex simili filwaqt li l-UASI u l-intervenjenti jsostnu li huma simili.

50      Is-sinjali li għandhom jiġu mqabbla huma dawn li ġejjin:

Trade mark preċedenti

Trade mark li saret applikazzjoni għaliha

Image not found

PAGESJAUNES.COM


51      Ir-rikorrenti tenfasizza li jeħtieġ li l-ewwel nett jiġu evalwati l-impressjoni ġenerali li jagħtu t-trade marks konfliġġenti u l-elementi karatteristiċi jew distintivi tagħhom, qabel ma jiġu pparagunati. It-trade mark preċedenti hija kkaratterizzata minn rappreżentazzjoni grafika partikolari li tenfasizza l-espressjoni “pages jaunes”, li hija deskrittiva, komuni u ġenerika.

52      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, jistgħu jitqiesu bħala simili trade mark kumplessa u trade mark oħra, identika għal jew li tixbah lil wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, meta dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan ikun il-każ meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu, b’mod li l-komponenti l-oħra tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza MATRATZEN, iċċitata iktar’il fuq, punt 33; tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra p. II‑1677, punt 27, u PAM PLUVIAL, iċċitata iktar’il fuq, punt 97].

53      F’dan il-każ, hemm lok li jingħad li l-espressjoni “pages jaunes” tikkostitwixxi l-element dominanti fit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, l-attenzjoni ta’ min iħares lejn it-trade mark preċedenti hi miġbuda lejha permezz tad-daqs tal-karattri li fihom hija miktuba u permezz tad-daqs tagħha fit-trade mark. Barra minn hekk, ir-rapprezentazzjoni grafika tal-kliem “les pages jaunes” miktubin b’karattri bojod fuq sfond iswed, hekk kif ġustament tikkonstata l-UASI, b’ebda mod ma hi oriġinali u għandha b’hekk tkun ikkunsidrata bħala element negliġibbli fil-perċezzjoni viżiva ta’ din it-trade mark, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Minbarra dan, l-artiklu “les” huwa miktub b’karattri iżgħar, li jimminimizza l-importanza viżiva tiegħu. Konsegwentement, l-impressjoni viżiva tat-trade mark preċedenti hija ddominata mill-element verbali “pages jaunes”, peress li l-elementi l-oħra kollha ta’ din it-trade mark huma negliġibbli.

54      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi ddubitata minħabba l-argument tar-rikorrenti, li l-espressjoni “pages jaunes” m’għandhiex karattru distintiv, peress li hija deskrittiva, komuni u ġenerika. Fil-fatt, il-karattru distintiv dgħajjef ta’ element ta’ trade mark kumpless ma jimplikax neċessarjament li dan ma jammontax għal element dominanti, peress li, minħabba, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-dimensjoni tiegħu, jista’ jħalli impressjoni f’moħħ il-konsumatur u tibqa’ stampata fil-memorja tiegħu [sentenza Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra, iċċitata iktar’il fuq, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2004, AVEX vs UASI – Ahlers (a), T‑115/02, Ġabra p. II‑2907, punt 20].

55      Konsegwentement, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni, f’dan l-istadju ta’ l-eżami, fuq il-karattru eventwalment distintiv dgħajjef ta’ l-espressjoni “pages jaunes”, peress li huwa evidenti, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-punt 53 iktar’il fuq, li hija din l-espressjoni li tista’ tħalli impressjoni f’moħħ il-konsumatur u tibqa’ stampata fil-memorja tiegħu.

56      Għal dak li jirrigwarda t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha PAGESJAUNES.COM, li hija trade mark purament verbali, għandu jingħad li hija magħmula minn żewġ partijiet. L-element “pagesjaunes”, minħabba l-pożizzjoni u t-tul tagħha, tammonta għall-element dominanti. It-tmiem “.com” għandu biss karattru sekondarju, li sempliċement jirreferi għal indirizz elettroniku fuq l-Internet.

57      Fir-rigward tal-paragun viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark preċedenti tinkludi tliet kelmiet b’total ta’ ħames sillabi, filwaqt li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludi biss kelma ta’ sitt sillabi. Skond ir-rikorrenti, ix-xebh li ġej mill-element verbali “pages jaunes”, li ma tantx hu distintiv, għandu jitqiegħed fil-perspettiva sabiex tingħata attenzjoni lill-elementi li jippermettu differenzjazzjoni bejn iż-żewġ trade marks, jiġifieri l-ortografija tagħhom kif ukoll, f’każ wieħed, l-eżistenza ta’ l-artiklu “les” u, fil-każ l-ieħor, l-eżistenza tat-tmiem “.com”. B’hekk jeżistu differenzi kunsiderevoli fuq il-pjan viżiv.

58      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, anki jekk mhemmx spazju bejn il-kliem “pages” u “jaunes” fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, filwaqt li fit-trade mark preċedenti jidher li hemm spazju bejn iż-żewġ kelmiet li ftit hu perċepibbli, għandu jingħad li l-elementi dominanti ta’ dawn iż-żewġ trade marks jikkoinċidu. Barra minn hekk, l-elementi verbali “les” tat-trade mark preċedenti u “.com” tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn dawn it-trade marks, peress li huma purament sekondarji, hekk kif jirriżulta mill-punti 53 u 56 iktar’il fuq. Ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark preċedenti lanqas ma hi tali li tagħmel it-trade marks differenti fuq livell viżiv.

59      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-trade marks konfliġġenti huma simili fuq il-livell viżiv.

60      Għal dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku tas-sinjali konfliġġenti, ir-rikorrenti ssostni li jeżistu wkoll differenzi kbar bejn iż-żewġ trade marks, peress li t-trade mark preċedenti tiġi ppronunzjata “paj-jo-ne”, filwaqt li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tiġi ppronunzjata “paj-jo-ne-point-com”.

61      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Huwa suffiċjenti li jingħad li l-uniċi differenzi bejn l-elementi “les” u “.com”, li huma sekondarji, mhumiex suffiċjenti sabiex jitneħħa x-xebh fonetiku dovut għar-riproduzzjoni tal-kliem “pages” u “jaunes”, jiġifieri ta’ l-element dominanti tat-trade mark preċedenti, fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Barra minn dan, għandu jingħad li l-artiklu mhux neċessarjament jiġi ppronunzjat, hekk kif ir-rikorrenti stess tametti impliċitament, peress li hija ma tagħmel l-ebda referenza għaliha fl-allegazzjonijiet tagħha dwar il-paragun fonetiku tat-trade marks in kwistjoni.

62      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, skond ir-rikorrenti, ma jeżisti l-ebda xebh, peress li t-trade mark preċedenti tfakkar mingħajr dubju fid-direttorji stampati fuq karti sofor, filwaqt li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tfakkar fl-internet u f’sistema ta’ riċerka ta’ l-indirizzi fuq l-Internet.

63      Dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, iż-żewġ trade marks jagħmlu referenza għal paġni ta’ kulur isfar. Il-preżenza ta’ l-element verbali “les” fit-trade mark preċedenti ma jbiddel bl-ebda mod il-kontenut kunċettwali tiegħu, peress li huwa jissodisfa l-funzjoni sempliċi ta’ l-artiklu. L-unika differenza li hemm hija fit-tmiem “.com” tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Madankollu, dan it-tmiem ma jbiddilx is-sens ta’ l-espressjoni “pages jaunes”, peress li jillimita ruħu li jissuġġerixxi l-idea li l-prodotti koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha jistgħu jiġu kkonsultati jew mixtrija fuq l-Internet.

64      Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li t-trade marks in kwistjoni huma simili u huwa ġustifikat li l-Bord ta’ l-Appell ikkonstata, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li x-xebh bejn it-trade marks kien kbir, kemm fuq livell viżiv u fonetiku kif ukoll fuq livell kunċettwali.

65      Għandha issa ssir evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk, globalment, teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

66      Il-pożizzjoni tal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni hija spjegata, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“Jekk wieħed iżid [max-xebh kbir bejn it-trade marks konfliġġenti] li huma se jintużaw għal prodotti identiċi, offerti lill-istess pubbliku u li jgħix fl-istess territorju, il-probabbiltà ta’ konfużjoni mhijiex biss probabbli, iżda assigurata. L-utenti Franċiżi se jaħsbu, fil-fatt, li l-PAGESJAUNES.COM hija l-verżjoni fuq l-Internet tad-direttorju tal-karti [li għandu t-trade mark] LES PAGES JAUNES u li, naturlament, iż-żewġ prodotti huma offerti mill-istess kumpannija”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

67      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef tagħha, it-trade mark preċedenti tista’, min-natura tagħha stess, tibbenefika biss minn protezzjoni limitata, li tikkonsisti sempliċement fil-projbizzjoni tar-riproduzzjoni eżatta tagħha, mingħajr ma tkun tista’ f’ebda każ tikkonferixxi lill-intervenjenti dritt esklużiv fuq l-espressjoni “pages jaunes”. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni dan il-karattru distintiv dgħajjef ħafna fil-paragun tat-trade marks in kwistjoni.

68      F’dan ir-rigward, għandu jingħad, li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord ta’ l-Appell irrikonoxxa fit-trade mark preċedenti “karattru distintiv ordinarju”.

69      Mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti differenti tar-rikorrenti dwar l-allegat karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell b’mod żbaljat irrikonoxxa fit-trade mark preċedenti “karattru distintiv ordinarju”, żball bħal dan ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

70      Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti ma jostakolax li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, jekk il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Canon, tad-29 ta’ Settembru 1998, C 39/97, Ġabra p. I-5507, punt 24), dan mhuwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti li għandha karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 61].

71      Minbarra dan, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu bħala effett li jinnewtralizza l-fattur ibbażat fuq ix-xebh tat-trade marks favur dak ibbażat fuq il-karattru distintiv tat-trade mark nazzjonali preċedenti li jingħatalu importanza eċċessiva. Ir-riżultat ta’ dan ikun li, meta t-trade mark nazzjonali preċedenti jkollha biss karattru distintiv dgħajjef, probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti biss f’każ ta’ riproduzzjoni kompleta tagħha mit-trade mark li għaliha ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan indipendentement mil-livell ta’ xebh bejn is-sinjali in kwistjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C‑235/05 P, Ġabra p. I-57, punt 45). Riżultat bħal dan madankollu ma jkunx konformi man-natura stess ta’ l-evalwazzjoni globali li l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli li jwettqu skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs Devinlec u UASI, C‑171/06 P, Ġabra p. I-41, punt 41).

72      Konsegwentement, hemm lok li jingħad li teżisti, f’dan il-każ, probabbiltà ta’ konfużjoni, minħabba l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni u x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti. Fil-fatt, hekk kif ġustament ikkonstata l-Bord ta’ l-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konsumaturi Franċiżi jistgħu jaħsbu li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha PAGESJAUNES.COM hija l-verżjoni fuq l-Internet tad-direttorju tal-karti kopert mit-trade mark LES PAGES JAUNES u li, b’hekk, iż-żewġ prodotti huma pprovduti mill-istess impriża.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda wkoll l-allegazzjoni tan-nuqqas ta’ fama tat-trade mark preċedenti. Peress li l-Bord ta’ l-Appell ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu fuq il-fama tat-trade mark preċedenti u peress li huwa ġustament ikkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, in-nuqqas eventwali tal-fama bl-ebda mod ma taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

74      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Xentral LLC hija kkundannata għall-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Tchipev

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2007.

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.