Language of document : ECLI:EU:T:2017:41

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tas-26 ta’ Jannar 2017 (*)

“Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Fil-Kawża T-181/14 DEP,

Nürburgring GmbH, stabbilita f’Nürburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Viefhues u C. Giersdorf, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea(EUIPO),

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Lutz Biedermann, residenti f’Villingen-Schwenningen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn A. Jacob u M. Ziliox, avukati,

li għandha bħala suġġett talba għall-intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Nürburgring vs UASI – Biedermann (Nordschleife) (T‑181/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:889),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

komposta minn G. Berardis, President, S. Papasavvas u O. Spineanu‑Matei (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti, Nürburgring GmbH, ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-20 ta’ Jannar 2014 (Każ R 163/2013‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Lutz Biedermann u hija.

2        L-intervenjent, Lutz Biedermann, sostna t-talbiet tal-EUIPO fil-kawża prinċipali. Huwa talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż

3        Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Nürburgring vs UASI – Biedermann (Nordschleife) (T‑181/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:889), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inkluż dawk tal-intervenjent, abbażi tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

4        Permezz ta’ posta elettronika tal-21 ta’ April u tat-3 ta’ Mejju 2016, ir-rappreżentant tal-intervenjent talab lir-rappreżentant tar-rikorrenti li jitħallaslu l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru. Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Mejju 2016, ir-rappreżentant tar-rikorrenti wieġeb kif ġej:

“[L]-amministratur ġudizzjarju ma jistax jagħmel ħlas mingħajr deċiżjoni formali, irrispettivament mill-ammont tal-ispejjeż li inti tlabt. Għaldaqstant, ma nistgħux sempliċement naslu għal ftehim u nissodisfaw kuntrattwalment ir-rimbors tal-ispejjeż li inti qiegħed titlob.”

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2016, l-intervenjent talab lill-Qorti Ġenerali tiffissa, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li għandu jiġi rrimborsat mir-rikorrenti, għal EUR 11 885.87, abbażi tal-proċeduri li taw lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Nordschleife (T‑181/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:889).

6        Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż.

 Id-dritt

7        Mill-Artikolu 170(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, meta jkun hemm kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi kkontestat fuq talba tal-parti kkonċernata, wara li tkun tat lill-parti kkonċernata mit-talba l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

8        F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, qabel it-tressiq tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, ir-rikorrenti kienet informat lill-intervenjent dwar l-impossibbiltà min-naħa tagħha li tagħti l-kunsens tagħha fir-rigward ta’ xi ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru u li tagħmel ħlas mingħajr deċiżjoni formali tal-Qorti Ġenerali. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, din l-affermazzjoni għandha tiġi interpretata bħala kontestazzjoni tal-likwidazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, fis-sens tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, mill-fatt li, wara t-tressiq tat-talba għall-intaxxar għall-ispejjeż, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ intenzjoni tagħha li tippreżenta osservazzjonjiet fir-rigward ta’ din it-talba, ma jistax jiġi dedott li hija tat il-kunsens tagħha fir-rigward tal-ammont tal-ispejjeż mitluba jew fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

9        Skont l-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, ta’ konsulent jew ta’ avukat. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (ara d-digriet tas-17 ta’ Marzu 2016, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI – Yorma’s (Yorma Eberl), T‑229/14 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:177, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

10      Fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex setgħa tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukat tagħhom, iżda tista’ tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Hija u tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali la għandha l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tiffissa l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha (ara d-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ecoceane vs EMSA, T‑518/09 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1109, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas-17 ta’ Marzu 2016, Yorma Eberl, T‑229/14 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:177, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa liberament il-fatti tal-każ, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fit-tilwima (ara d-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ecoceane vs EMSA, T‑518/09 DEP, mhux ippubblikat EU:T:2014:1109, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas-17 ta’ Marzu 2016, Yorma Eberl, T‑229/14 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:177, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12      Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta persuna fiżika jew ġuridiku tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), hija għandha d-dritt tirkupra mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa l-VAT imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi li hija tkun xtrat. Għaldaqstant il-VAT ma tirrappreżentax spiża għaliha, b’mod li l-ammonti mħallsa fir-rigward ta’ din it-taxxa ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tad-19 ta’ Jannar 2016, Copernicus-Trademarks vs UASI – Blue Coat Systems (BLUECO), T‑685/13 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:31, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, l-ammont mitlub fir-rigward tal-VAT għandu jitqies bħala spejjeż li jistgħu jinġabru biss jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li titlob dan l-ammont tistabbilixxi li hija ma hijiex suġġetta għall-VAT [ara, b’analoġija, id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2014, Esge vs UASI – De’Longhi Benelux (KMIX), T‑444/10 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2014:356, punt 42].

13      Huwa abbażi ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi evalwat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru fil-kawża preżenti.

14      Qabel kollox, peress li l-intervenjent, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju ta’ trade mark, huwa persuna fiżika li tista’ teżerċita attività ekonomika u tkun suġġetta f’dan ir-rigward għall-VAT u fid-dawl tal-fatt li huwa ma stabbilixxiex li huwa ma kienx suġġett għall-Vat [ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Ġunju 2015, Reber vs UASI – Klusmeier (Wolfgang Amadeus Mozart PREMIUM), T‑530/10 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2015:482, punt 51], l-ammont tal-VAT fuq l-ispejjeż u l-onorarji tar-rappreżentant tiegħu ma jistax jitqies bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 12 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti mingħajr VAT indikati fuq il-fatturi.

15      Barra minn hekk, l-ammont tal-ispejjeż li l-intervenjent qiegħed jitlob ir-rimbors tiegħu jammonta għal EUR 9 988.13, mingħajr VAT. F’dan ir-rigward, l-intervenjent ippreżenta żewġ fatturi tal-avukati tiegħi, tal-24 ta’ Ġunju 2014 u tat-28 ta’ Settembru 2015, dwar l-onorarji u l-ispejjeż okkażjonati matul, rispettivament, il-perijodu ta’ bejn l-4 ta’ April u l-24 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu”) u dak ta’ bejn is-6 ta’ Awwissu u t-28 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu”). L-ispejjeż mitluba mill-intervenjent huma komposti kif ġej:

–        onorarji tal-avukat għal ammont ta’ EUR 5 445, dovut għall-ewwel perijodu, u għal ammont ta’ EUR 2 648.50 dovut għat-tieni perijodu;

–        spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ ta’ wieħed mir-rappreżentanti tiegħu sabiex jassistih waqt is-seduta tas-16 ta’ Settembru 2015 għal ammont ta’ EUR 1 121.65, dovut għat-tieni perijodu;

–        spejjeż “ta’ kitba”, ta’ fotokoppjar u ta’ pustaġġ għal ammont ta’ EUR 506.38, dovut għall-ewwel perijodu, u għal ammont ta’ EUR 266.60, dovut għat-tieni perijodu.

 Fuq l-onorarji tal-avukat

16      Mid-dokumenti prodotti mill-intervenjent jirriżulta li huwa qiegħed jitlob is-somma totali ta’ EUR 8 093.50, li tikkorrispondi għal 29.431 siegħa ta’ xogħol li l-avukat tiegħu jindika li ddedika għall-kompiti relatati mal-kawża prinċipali u ffatturati b’tariffa ta’ EUR 275 fis-siegħa, jiġifieri EUR 5 445, fir-rigward tad-19.8-il siegħa ta’ xogħol imwettqa matul l-ewwel perijodu, u EUR 2 648.50, fir-rigward tad-9.631 sigħat ta’ xogħol imwettqa matul it-tieni perijodu.

17      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali ma kinitx, fir-rigward tal-għan u tan-natura tagħha, partikolarment kumplessa. Fil-fatt, din kienet tqajjem kwistjoni li tikkostitwixxi kontenzjuż frekwenti tad-dritt tat-trade marks, jiġifieri dik dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), imqajma fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa kontra applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk ir-rikorrenti kienet invokat biss motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-assenza ta’ tali probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-kawża inkwistjoni la kienet tikkonċerna kwistjoni ta’ dritt ġdida u lanqas kwistjoni ta’ fatt kumplessa u għaldaqstant ma tistax titqies bħala partikolament diffiċli. Bl-istess mod, hemm lok li jitqies li l-kawża ma kellhiex importanza partikolari mil-lat tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Nordschleife (T‑181/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:889), taqa’ taħt linja ta’ ġurisprudenza stabbilita sewwa. Barra minn hekk, fit-talba għall-intaxxar l-intervenjent ma sostniex li l-kawża kienet partikolarment kumplessa jew importanti.

18      It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-kawża, bla dubju ta’ xejn, kienet ta’ interess ekonomiku ċert għall-intervenjent, dan ma pproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali ebda prova li tistabbilixxi li dan l-interess kien, f’dan il-każ, ta’ natura mhux tas-soltu jew sinjifikattivament differenti minn dak li hemm wara kull oppożizzjoni mressqa kontra applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, [ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Marzu 2009, House of Donuts vs UASI – Panrico (House of donuts), T‑333/04 DEP u T‑334/04 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2009:73, punt 15, u d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2016, Boehringer Ingelheim International vs UASI – Lehning entreprise (ANGIPAX), T‑368/13 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:9, punt 19].

19      It-tielet nett, fir-rigward tal-volum ta’ xogħol li l-proċedura setgħet involviet għall-intervenjent, għandu jitfakkar li l-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, prinċipalment, in-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li oġġettivament jistgħu jidhru bħala indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tevalwa l-valur tax-xogħol imwettaq tiddependi mill-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta (ara d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2016, ANGIPAX, T‑368/13 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:9, punti 15 u 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, fir-rigward tar-rata fis-siegħa, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rata fis-siegħa ta’ EUR 275 applikata mill-avukat tal-intervenjent hija eċċessiva u tqis adatt li tnaqqasha għal EUR 250, peress li tali rata hija meqjusa bħala raġonevoli għat-tip ta’ kontenzjuż inkwistjoni f’dan il-każ [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2016, Giuntoli vs EUIPO – Société des produits Nestlé (CREMERIA TOSCANA), T‑256/14 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:549, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din ir-rata tista’ titqies bħala adatta biss sabiex jiġu rremunerati s-servizzi ta’ professjonist partikolarment esperjenzat, kapaċi li jaħdem b’mod effikaċi ħafna u b’ħafna ħeffa. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ tali livell għandu barra minn hekk ikollu inkambju evalwazzjoni neċessarjament stretta tan-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Settembru 2015, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība et vs Il‑Kummissjoni, T‑414/08 DEP sa T‑420/08 DEP u T‑442/08 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2015:726, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina jekk il-passi meħuda u d-dokumenti redatti mill-avukat tal-intervenjent irrikjedewx oġġettivament, tul ta’ xogħol ta’ 19.8-il siegħa matul l-ewwel perijodu u ta’ 9.631 siegħat matul it-tieni perijodu.

22      F’dan ir-rigward, l-intervenjent jelenka l-passi mwettqa u d-dokumenti redatti mir-rappreżentant tiegħu fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-eżami tat-talba, il-preparazzjoni tar-risposta tal-20 ta’ Ġunju 2014, l-eżami tar-risposta tal-EUIPO tat-13 ta’ Ġunju 2014, ir-redazzjoni tat-talba tiegħu, tat-8 ta’ Otturbru 2014, intiża sabiex tinżamm seduta, il-preparazzjoni tar-risposta, tas-6 ta’ Awwissu 2015, għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adotta mill-Qorti Ġenerali, l-eżami tar-risposti tar-rikorrenti u tal-EUIPO, rispettivament tad-29 ta’ Lulju u tat-3 ta’ Awwissu 2015, għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-preparazzjoni tas-seduta tas-16 ta’ Settembru 2015 u, fl-aħħar nett, il-parteċipazzjoni għaliha.

23      Madankollu, iż-żewġ fatturi prodotti mill-intervenjent, tal-24 ta’ Ġunju 2014 u tat-28 ta’ Settembru 2015, ma humiex preċiżament imqassma sabiex jindikaw il-ħin mgħoddi għat-twettiq ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi. Issa, l-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża tirrendi partikolarment diffiċli l-verifikazzjoni tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tan-natura indispensabbli tagħhom għal dawn il-finijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, evalwazzjoni stretta tal-onorarji li jistgħu jinġabru hija neċessarjament meħtieġa [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Awwissu 2014, Phonebook of the World vs UASI – Seat Pagine Gialle (PAGINE GIALLE), T‑589/11 DEP, mhux ippubblikata, EU:T:2014:731, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata].

24      Fir-rigward tal-proċedura fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura bil-miktub kkonsistiet fi skambju ta’ noti u li fis-16 ta’ Settembru 2015 inżammet seduta. Hemm lok li jiġi osservat li l-parteċipazzjoni effettiva tal-intervenjent fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tirriżulta f’osservazzjonijiet ta’ żewġ paġni fuq il-lingwa tal-kawża, fil-preżentazzjoni ta’ risposta ta’ għaxar paġni, f’teħid ta’ pożizzjoni dwar iż-żamma ta’ seduta ta’ żewġ paġni, fir-redazzjoni tar-risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali ta’ żewġ paġni u fil-parteċipazzjoni għas-seduta.

25      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li r-risposta tal-intervenjent kienet tinkludi argument iddedikat għall-konfutazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti dwar kwistjoni diġà diskussa quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri l-paragun tas-sinjali kunfliġġenti. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-preparazzjoni ta’ din ir-risposta ma kienet tinvolvi ebda diffikultà kbira. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li r-rappreżentant tal-intervenjent diġà kien jaf tajjeb il-kawża minħabba li kien irrappreżentah waqt il-proċedura amministrattiva. Dan il-fatt iffaċilita parzjalment ix-xogħol tiegħu u naqqas il-ħin iddedikat għall-preparazzjoni tar-risposta. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li x-xogħol imwettaq fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell inaqqas il-volum tax-xogħol li għandu jsir quddiem il-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, l-ammonti li jistgħu jinġabru f’dan ir-rigward (digriet tad-19 ta’ Jannar 2016, BLUECO, T‑685/13 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2016:31, punt 21).

26      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-osservazzjonijiet dwar il-lingwa tal-kawża li ma kinux intiżi li jikkontestawha, il-motivazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni dwar iż-żamma ta’ seduta kif ukoll ir-risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali huma dokumenti qosra.

27      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li s-seduta, li għaliha pparteċipa l-intervenjent, damet siegħu u tliet minuti.

28      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-fattura tat-28 ta’ Settembru 2015, relatata mat-tieni perijodu, din tinkludi wkoll spejjeż relatati mal-perijodu sussegwenti għas-16 ta’ Settembru 2015, data li fiha nżammet is-seduta, relatati ma’ rendikont ta’ din tal-aħħar mogħti fit-18 ta’ Settembru 2015, mingħajr ma dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu preċiżament kkwantifikati minħabba l-assenza ta’ tqassim tal-ispejjeż f’din il-fattura (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Issa, skont il-ġurisprudenza, meta, bħal f’dan il-każ, ebda att tal-proċedura ma jkun ġie adottat wara s-seduta, l-ispejjeż relatati mal-perijodu sussegwenti għall-proċedura orali ma jistgħux jinġabru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Marzu 2016, Yorma Eberl, T‑229/14 DEP, mhux ippubblikata, EU:T:2016:177, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol iffatturati mir-rappreżentant tal-intervenjent huwa ogħla minn dak li jista’ jitqies bħala indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali, peress li n-noti ta’ onorarji prodotti mill-intervenjent ma fihomx preċiżazzjonijiet biżżejjed li jippermettu li jiġi evalwat jekk tali numru ta’ sigħat kienx iġġustifikat.

30      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis adatt li tiffissa għal 18-il siegħa l-ħin ta’ xogħol totali tal-avukat tal-intervenjent oġġettivament indispensabbli għall-fininjiet tar-rappreżentazzjoni tiegħu matul il-fażi ġudizzjarja

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, issir evalwazzjoni ġusta tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-intervenjent fir-rigward tal-onorarji tal-avukat jekk l-ammont tagħhom jiġi ffissat għal EUR 4 500.

 Fuq l-ispejjeż tal-avukat

32      Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tar-rappreżentant tal-intervenjent għall-finijiet tal-parteċipazzjoni għas-seduta tas-16 tas-Settembru 2015 u tal-ispejjeż “ta’ kitba”, ta’ fotokoppjar u ta’ pustaġġ, ir-rappreżentant tal-intervenjent ikkwantifikahom, rispettivament, minn naħa, għal EUR 1 121.65 u, min-naħa l-oħra, għal EUR 506.38 għall-ewwel perijodu u għal EUR 266.60 għat-tieni perijodu.

33      Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tar-rappreżentant tal-intervenjent, hemm lok li jiġi rrilevat li dan iffattura ammont ta’ EUR 1 121.65 fir-rigward tal-ivvjaġġar bl-ajruplan u bit-taxi kif ukoll ta’ soġġorn f’lukanda. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-diversi spejjeż ma humiex iddettaljati u li l-intervenjent, minbarra l-fattura tat-28 ta’ Settembru 2015 li bagħatlu r-rappreżentant tiegħu, ma pproduċa ebda prova sabiex jagħti prova tal-ammont tagħhom.

34      Issa, hija l-persuna li titlob ir-rimbors tal-ispejjeż li għandha tipproduċi l-prova tar-realtà u tal-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ li hija qiegħda titlob li jiġi rrimborsati. La l-parti kkundannata għall-ispejjeż u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu fil-fatt ikunu obbligati jevalwaw tali spejjeż abbażi, bħal f’dan il-każ, ta’ sempliċi indikazzjoni ċċifrata min-naħa tal-persuna li titlob ir-rimbors. Għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa l-intervenjent li għandu jipproduċi, b’mod partikolari, il-fattura tax-xiri tal-biljett tal-ajru, jew il-karti tal-imbarkament, il-fattura tal-lukanda, jew il-prova ta’ riżervazzjoni f’lukanda, u riċevuta waħda jew iktar tal-ispejjeż relatati mat-taxi.

35      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-assenza ta’ kull prova ta’ natura li tistabbilixxi r-realtà u l-ammont rispettivi tad-diversi spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tar-rappreżentant tal-intervenjent, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkundannata tirrimborsa tali spejjeż lill-intervjent u għandu jiġi konkluż li f’dan ir-rigward ma hemmx spejjeż li jistgħu jinġabru.

36      Fir-rigward tal-ispejjeż “ta’ kitba”, ta’ fotokoppjar u ta’ pustaġġ stmati għal EUR 506.38 għall-ewwel perijodu u għal EUR 266.60 għat-tieni perijodu, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn huma eċċessivi u tqis, għaldaqstant, adatt, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li tiffisa, f’daqqa, l-ammonti tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan ir-rigward għal EUR 100.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-intervenjent fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jekk l-ammont tagħhom jiġi ffissat għal EUR 4 600, liema ammont jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni ta’ dan id-digriet.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:


L-ammont totali tal-ispejjeż li għandu jiġi rrimborsat minn Nürburgring GmbH lil Lutz Biedermann huwa ffissat għal EUR 4 600.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Jannar 2017.

Reġistratur

 

President

E. Coulon

 

G. Berardis



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.