Language of document : ECLI:EU:T:2008:483

Kawża T-270/06

Lego Juris A/S

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Brikk tal-Lego ħamra — Raġuni assoluta għal rifjut — Sinjal li jikkonsisti esklużivament minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku — Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Offerti ta’ provi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63)

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali li jikkonsistu esklużivament minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali li jikkonsistu esklużivament minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

1.      Ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż għall-kontroll tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell.

La l-partijiet u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza ma huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, minn elementi dedotti mill-ġurisprudenza Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali. Tali possibbiltà li jsir riferiment għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali mhijiex imsemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, peress li mhuwiex allegat li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni elementi ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, u li invoka l-ġurisprudenza insostenn ta’ dan il-motiv.

(ara l-punti 22, 24)

2.      Skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja “[ma] jistgħux jiġu rreġistrati […] is-sinjali li jikkonsistu esklu[ż]ivament […] minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”.

Il-kelma “esklu[ż]ivament”, preżenti fl-imsemmi Artikolu, għandha tinqara fid-dawl tal-espressjoni “karatteristiċi essenzjali li jissodisfaw funzjoni teknika” użata fil-punti 79, 80 u 83 tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002 Philips (C-299/99). Fil-fatt, minn din l-espressjoni jirriżulta li ż-żieda ta’ karatteristiċi li mhumiex essenzjali u li m’għandhomx funzjoni teknika ma tfissirx li forma tista’ tevita li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija forma jissodisfaw tali funzjoni.

Il-frażi “neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”, preżenti fl-imsemmi Artikolu ma tfissirx li din ir-raġuni assoluta għal rifjut ma tapplikax meta l-forma inkwistjoni hija l-unika li tippermetti l-ksib tar-riżultat previst. Għaldaqstant, sabiex din ir-raġuni assoluta għal rifjut tapplika, huwa suffiċjenti li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma jkunu magħmulin mill-karatteristiċi kawżali u suffiċjenti għall-ksib tar-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn li jużaw l-istess prinċipju tekniku jew prinċipju tekniku ieħor.

(ara l-punti 36, 38, 39, 43)

3.      L-istabbiliment tal-karatteristiċi essenzjali li jissodisfaw funzjoni teknika tal-forma jsir, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bl-għan preċiż li jippermetti l-eżami tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Issa, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju mhijiex rilevanti għall-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma. Fil-fatt, il-konsumatur rilevanti jista’ ma jiddisponix mill-għarfien tekniku neċessarju għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma, b’tali mod li ċerti karatteristiċi jistgħu jkunu essenzjali mill-perspettiva tiegħu filwaqt li ma jkunux essenzjali fil-kuntest ta’ analiżi tal-funzjonalità u viċeversa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu stabbiliti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod oġġettiv, abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tagħhom u l-eventwali deskrizzjonijiet ippreżentati fl-applikazzjoni għal trade mark.

Fil-kuntest tal-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali stabbiliti b’dan il-mod, xejn ma jeskludi li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ikun jista’ jikkunsidra kull prova rilevanti.

(ara l-punti 70, 78)