Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2022 minn Zoï Apostolopoulou u Anastasia Apostolopoulou-Chrysanthaki mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawżi magħquda T-721/18 u T-81/19, Apostolopoulou u Apostolopoulou-Chrysanthaki vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-124/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Zoï Apostolopoulou u Anastasia Apostolopoulou-Chrysanthaki (rappreżentant: Dionysios Gkouskos, dikigoros)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Diċembru 2021, Kawżi magħquda T-721/18 u T-81/19 1 ;

tilqa’ fl-intier tagħhom ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda T-721/18 u T-81/19;

tikkundanna l-appellata għall-ispejjeż legali sostnuti mill-appellanti – fl-ewwel istanza u fl-appell – għaż-żewġ istanzi tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji.

1. L-ewwel aggravju: motivazzjoni kontradittorja u żbaljata rigward il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni

L-appellanti jikkritikaw il-parti tas-sentenza fejn huwa miċħud l-argument tagħhom dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi huwa ddikjarat li miż-żewġ rikorsi magħquda ma kinux irriżultaw punti ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jservu ta’ bażi għall-allegazzjonijiet inkwistjoni, b’motivazzjoni li hija għaldaqstant żbaljata u kontradittorja sa fejn: 1. il-Qorti Ġenerali stess qieset li r-rikorsi ppreżentati kienu preċiżi, ċari u ddettaljati rigward il-kontenut u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikorsi, eċċepita mill-Kummissjoni (punt 73 tas-sentenza appellata); 2. il-Qorti Ġenerali stess qieset (punt 124 tas-sentenza appellata) li l-Kummissjoni fformulat effettivament, fl-atti tal-proċedimenti rigward ir-rikorrenti, dikjarazzjonijiet foloz, u li għaldaqstant l-appellanti jinvokaw l-eżistenza tar-rekwiżiti għal aġir kuntrarju għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Jiġifieri, mhux biss ġew indikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa (bħalma fil-fatt jirriżulta mis-sempliċi qari tar-rikorsi promoturi) iżda l-istess Qorti Ġenerali diġà esprimiet ruħha dwarhom. 3. il-fatt stess li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-Kummissjoni fformulat dikjarazzjonijiet foloz rigward ir-rikorrenti fl-ambitu tal-proċedimenti ġudizzjarji, filwaqt li pprovat tirkupra s-somom li l-appellanti MA SETGĦUX jitqiesu responsabbli għalihom, jikkostitwixxi każ manifest ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni. Inkella, ikollu jiġi ammess li l-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni tigdeb quddiem qorti nazzjonali għad-dannu ta’ ċittadini tal-Unjoni huwa effettivament bi qbil mal-kriterji ta’ amministrazzjoni tajba.

2. It-tieni aggravju: motivazzjoni illeġittima u bbażata fuq dikjarazzjonijiet li ma sarux u nuqqas ta’ eżami tat-talbiet tar-rikorsi fir-rigward tat-talbiet għal kumpens għad-danni morali kkawżati minn dikjarazzjonijiet foloz partikolari u dikjarazzjonijiet offensivi tal-Kummissjoni

Il-Qorti Ġenerali, minflok ma eżaminat id-dikjarazzjonijiet foloz partikolari u d-dikjarazzjonijiet offensivi, kif ukoll il-frażijiet singoli li l-Kummissjoni inkludiet fin-noti tagħha rigward l-appellanti, li jikkostitwixxu l-fatti u l-evalwazzjonijiet li huma s-suġġett taż-żewġ rikorsi, sabiex jiġi deċiż jekk jissoddisfawx ir-rekwiżiti għal danni għad-drittijiet tal-persuna tal-appellanti u jekk jiġġustifikawx it-talba għal kumpens pekunjarju għal dannu morali, kif jallegaw l-appellanti fiż-żewġ rikorsi tagħhom, iddikjarat li l-Kummissjoni ma akkużatx lill-appellanti bi frodi u abbażi ta’ din il-kunsiderazzjoni ċaħdet it-talbiet għal kumpens. Din id-deċiżjoni madankollu tistona mal-kontenut tar-rikorsi promoturi, peress li l-appellanti ma jitolbux, fir-rikorsi tagħhom, il-kumpens għad-danni għall-allegata raġuni li l-Kummissjoni akkużathom bi frodi. B’din il-kunsiderazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali fformulat ġudizzju abbażi ta’ dikjarazzjonijiet li ma humiex ġejjin mill-appellanti u għal din ir-raġuni din ma hijiex motivazzjoni leġittima. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali, minn naħa, naqset milli tiddeċiedi dwar ir-rikorsi magħquda u, min-naħa l-oħra, ċaħdet id-deċiżjoni tagħha minn motivazzjoni leġittima.

3. It-tielet aggravju: distorsjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-appellati u evalwazzjoni kontradittorja fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ smiegħ xieraq u tad-dritt għal ġustizzja ġusta

B’mod kompletament kontradittorju l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tiddikjara ġustament li l-appellanti sostnew li l-aġir li jsostnu li wettqet il-Kummissjoni fil-Kawża T-81/19 imur kontra kemm id-dmir ta’ verità u ta’ korrettezza tal-partijiet fil-kawża, li jikkostitwixxi prinċipju komuni tad-dritt tal-Istati Membri, kif ukoll kontra l-prinċipju ġenerali fundamentali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (dritt għal ġustizzja ġusta), iktar ’il quddiem iddikjarat li allegatament x’aktarx l-appellanti ma kinux qegħdin isostnu ksur tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu dan jista’ jinftiehem minn sempliċi qari tar-rikorsi tagħhom. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar din il-parti tar-rikors fil-Kawża T-81/19 u tat motivazzjoni kontradittorja u illeġittima.

4. Ir-raba’ aggravju: distorsjoni tal-kontenuti tar-rikorsi u interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 299, 268 u 340 TFUE

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li: 1. is-suġġett iddikjarat tal-proċess kien l-aġir tal-uffiċjali tal-Kummissjoni (fil-kwalità ta’ rappreżentanti legali), inkwantu l-kontroparti u l-parti responsabbli għall-ħlas tal-kumpens għal responsabbiltà mhux kuntrattwali hija l-Kummissjoni stess; 2. il-ksur tad-dover ta’ verità min-naħa tal-Kummissjoni u l-ksur tad-dritt tal-appellanti għal ġustizzja ġusta jaqgħu fl-ambitu tal-istħarriġ dwar ir-regolarità tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li huwa kompetenza tal-qrati nazzjonali, filwaqt li l-allegazzjonijiet li jinsabu fir-rikorsi, relatati ma’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni, jinvolvu ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni min-naħa ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, li jagħtu lok għal dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE; u 3. l-appellanti jinvokaw il-ksur ta’ regoli proċedurali nazzjonali, inkwantu l-appellanti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ dritt komuni għall-Istati Membri, tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali tal-individwu li huma protetti mill-ordinament tal-Unjoni, bħalma jirriżulta minn sempliċi qari tar-rikorsi u minn indikazzjonijiet oħra li l-istess Qorti Ġenerali aċċettat fid-deċiżjoni tagħha.

5. Il-ħames aggravju: interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 299, 317 u 325 TFUE

Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tilqa’ fl-intier tagħha d-dikjarazzjoni relatata mar-“riferimenti FOLOZ” tal-Kummissjoni kontra l-appellanti, tamplifika b’mod kompletament arbitrarju d-dritt tal-Kummissjoni li tikseb l-eżekuzzjoni forzata li d-dispożizzjoni tagħtiha, filwaqt li tittraskura b’mod paradossali u li sa issa ma huwiex magħruf fid-duttrina ġuridika l-fatt li l-Kummissjoni ma tistax teżerċita dan l-allegat dritt inaljenabbli tagħha billi tigdeb u tikser id-drittijiet fundamentali tal-individwu li għandhom l-appellanti, li jifformaw limitu demokratiku minimu fil-konfront ta’ kwalunkwe aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

____________

1 ECLI:EU:T:2021:933.