Language of document : ECLI:EU:C:2013:786

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 88(1) u (2) KE – Għajnuna mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja bil-għan li tinxtara art agrikola – Kompetenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Skema ta’ għajnuna eżistenti – Adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea – Għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni – Miżuri xierqa – Natura indissoċjabbli ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Kriżi ekonomika – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑117/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, L. Flynn, K. Walkerová u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn É. Sitbon u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentat minn D. Kriaučiūnas u L. Liubertaitė, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn G. Koós u M. Fehér, kif ukoll minn K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen (Relatur), ), E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, J. Malenovský, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/10/KE, tal-20 ta’ Novembru 2009, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Polonja għax-xiri ta’ art agrikola bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 4, p. 89, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 L-att ta’ adeżjoni

2        Il-Kapitolu 4 tal-Anness IV tal-Att li jirrigwarda l-ku#ndizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ‘il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) jipprovdi:

“[…]

Bla preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw l-għajnuna eżistenti stipulati fl-Artikolu 88 [KE], skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali mogħtija għal xi attività konnessa mal-produzzjoni […] ta’ prodotti elenkati fl-Anness I mat-Trattat tal KE […] li jkunu daħlu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 88(1) [KE] bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

–        il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ l-adeżjoni. […] Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta’ dawn l-għajnuniet.

Dawn il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu bħala għajnuna "eżistenti" skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 88(1) [KE] sa l-aħħar tat-tielet sena mid-data ta’ l-adeżjoni.

L-Istati Membri l-ġodda għandhom, fejn ikun meħtieġ, jemendaw dawn il-miżuri ta’ għajnuna sabiex ikunu konformi mal-linji-gwida applikati mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-aħħar tat-tielet sena mid-data ta’ l-adeżjoni. Wara dik id-data, kull għajnuna li tinsab li tkun inkompatibbli ma’ dawk il-linji-gwida għandha tkun meqjusa bħala għajnuna ġdida.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(ċ)      “għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

4        L-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li skema ta’ għajuna eżistenti m’hijiex, jew m’għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-opinjoni preliminarja tagħha u tagħti lill-Istat Memrbu kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahar. […]”

5        L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-informazzjoni sottomessa mill-Istat Membru skond l-Artikolu 17, tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti m’hijiex, jew m’għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha toħroġ rakommandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa lill-Istat Membru kkonċernat. […]”

6        L-Artikolu 19(1) tal-istess regolament huwa mfassal f’dawn it-termini:

“Fejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1857/2006

7        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 348M, p. 925), jipprovdi:

“1.      L-għajnuna għal investimenti fi proprjetajiet agrikoli fil-Komunità għall-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli, għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira tal-Artikolu 87(3)(ċ) [KE] u għandha tkun eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika tal-Artikolu 88(3) [KE] jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

8.      L-għajnuna tista’ tingħata għax-xiri ta’ art barra minn art għal skopijiet ta’ kostruzzjoni li jqumu sa 10% tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

[…]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1535/2007

8        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35), jipprovdi:

“L-għajnuniet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) [KE] u għaldaqstant li mhumiex suġġetti għan-notifika rikjesta mill-Artikolu 88(3) [KE].”

 Il-linji gwida agrikoli

9        Il-punt 29 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013 (ĠU 2006, C 319, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida agrikoli”) jipprovdi:

“L-għajnuna għall-investimenti fl-impriżi agrikoli tkun iddikjarata kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(3)(ċ) [KE] jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1857/2006] […]”

10      Il-punt 195 ta’ dawn il-linji gwida huwa mfassal b’dan il-mod:

“Għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna individwali kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti skont il-punt 4 tal-Kapitolu 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2006 jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2007, mingħajr preġudizzju għall-punt 196, sakemm l-imsemmija skemi ta’ għajnuna jkunu konformi mal-istess Linji Gwida sat-30 ta’ April 2007.”

11      Taħt it-titolu “Proposti għall-miżuri xierqa”, il-punt 196 tal-linji gwida msemmija jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 88(1) [KE], il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri li jemendaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom biex jikkonformaw mal-linji gwida preżenti sal-31 ta’ Diċembru 2007, ħlief fil-każ tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti […] favur investimenti għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, li għandhom jiġu emendati u jsiru konformi mal-linji gwida preżenti sal-31 ta’ Diċembru 2009.”

12      Il-punt 197 tal-istess linji gwida jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw bil-miktub li jaċċettaw dawn il-proposti għal miżuri xierqa sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2007.

13      Il-punt 198 tal-linji gwida agrikoli huwa mfassal b’dan il-mod:

“Jekk Stat Membru ma jikkonfermax bil-miktub l-aċċettazzjoni tiegħu f’dak il-perijodu, il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 659/1999], u jekk ikun meħtieġ, tagħti bidu għall-proċedura li jagħmel riferiment għaliha l-imsemmi Artikolu.”

 Il-qafas temporanju

14      Il-punt 4.2.2 tal-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika preżenti, stabbilit bl-Avviż tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009 C 83, p. 1), kif emendat bl-Avviż tal-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Ottubru 2009 (ĠU C 261, p. 2, iktar ’il quddiem il-“qafas temporanju”), jipprovdi li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika, jitqies bħala neċessarju li jiġi awtorizzat b’mod temporanju l-ogħti ta’ ammont limitat ta’ għajnuna taħt ċerti kundizzjonijiet.

15      Il-punt 4.2.2(h) tal-qafas temporanju jippreċiża, fost oħrajn, li “[m]eta l-għajnuna tingħata lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli […], l-ammont tal-għajnuna diretta (jew l-ekwivalenti gross tal-għajnuna) ma għandux jaqbeż [EUR] 15 000 għal kull impriża […]”.

16      Il-punt 7 tal-qafas temporanju jipprovdi, b’mod partikolari, li “[d]an l-Avviż […] ma japplikax wara l-31 ta’ Diċembru 2010”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

17      Matul l-1996, ir-Repubblika tal-Polonja stabbilixxiet għajnuna bil-għan li jinxtraw artijiet agrikoli.

18      B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fil-Kapitolu 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni b’żewġ skemi ta’ għajnuna eżistenti intitolati, rispettivament, “Għajnuna għall-ħlas tal-interessi fuq il-krediti ta’ investiment fis-settur agrikolu u agro-alimentari u fis-settur tas-servizzi għall-agrikoltura” u “Bejgħ ta’ artijiet li jappartjenu lill-Agenzija tal-proprjetà agrikola tat-Teżor tal-Istat b’rimbors skalat tas-somma dovuta u applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi preferenzjali”. Konsegwentement, il-Kummissjoni rreġistrat dawn l-iskemi ta’ għajnuna fil-lista ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti fl-Istati Membri ġodda, fis-settur tal-agrikoltura, li ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 147, p. 2).

19      Fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, il-Kummissjoni pproponiet lill-Istati Membri li jemendaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għax-xiri tal-artijiet agrikoli sabiex dawn isiru konformi mal-linji gwida sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

20      Fis-26 ta’ Frar 2007, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat li kienet aċċettat il-proposti ta’ miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida msemmija. Kif jipprovdi l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan il-ftehim billi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 70, p. 11).

21      Fit-12 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet talba quddiem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, intiża biex dan jiddikjara kompatibbli mas-suq komuni sal-31 ta’ Diċembru 2013, għajnuna intiża għax-xiri ta’ artijiet agrikoli. B’ittra tat-28 ta’ Settembru 2009, l-imsemmi Stat Membru ressaq lill-Kunsill “Agrikoltura u Sajd” talba ġdida f’dan is-sens.

22      Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill laqa’ t-talba msemmija abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-għajnuna eċċezzjonali mill-awtoritajiet Pollakki għal self għax-xiri ta’ art agrikola, li tammonta għal massimu ta’ 400 miljun [zlotys Pollakki (PLN)] u li tingħata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni.”

23      Il-Kunsill immotiva d-deċiżjoni tiegħu billi invoka, b’mod partikolari, fil-premessi 2 sa 8 tagħha, l-istruttura sfavorevoli tal-impriżi agrikoli Pollakki, id-dħul baxx tal-agrikolturi, iż-żieda fil-prezz tal-produzzjoni agrikola kif ukoll it-tnaqqis fid-dħul u fil-prezzijiet agrikoli u ż-żieda fil-qagħad fil-Polonja, b’riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dan irrileva wkoll li s-sitwazzjoni tal-agrikolturi Pollakki kienet ġiet aggravata wkoll minħabba telf ikkawżat minn għargħar kbir. Finalment, dan enfasizza ż-żieda kontinwa fil-prezz tal-artijiet agrikoli, id-djugħfija tal-kapitali li jiddisponu minnhom l-agrikolturi Pollakki u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fl-aċċess għall-kreditu.

24      Skont il-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(11)      F’dan l-istadju l-Kummissjoni ma bdiet l-ebda proċedura u lanqas ma ħadet pożizzjoni dwar in-natura u l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(12)      Għalhekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li b’riżultat tagħhom huwa possibbli li din l-għajnuna titqies, bħala deroga u safejn ikun strettament meħtieġ sabiex ikun limitat il-faqar rurali fil-Polonja, li hi kompatibbli mas-suq komuni.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

27      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

28      Il-Kummissjoni tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill

29      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill ma kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

30      Dan l-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-qbiż tat-terminu li l-Kunsill kellu biex jiddeċiedi abbażi tal-Artikolu 88(2) KE u t-tieni parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tiegħu biex jawtorizza għajnuna li r-Repubblika tal-Polonja kienet intrabtet li tneħħi meta aċċettat il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kunsill adotta deċiżjoni iktar minn tliet xhur wara t-talba tar-Repubblika tal-Polonja

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Skont il-Kummissjoni, is-setgħa li għandu l-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet. B’mod partikolari, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill jista’ jaġixxi biss matul terminu ta’ tliet xhur mid-data tat-talba tal-Istat Membru kkonċernat.

32      Bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ħames xhur wara d-data li fiha r-Repubblika tal-Polonja kienet talbitu jawtorizza għajnuna għax-xiri tal-artijiet agrikoli, il-Kunsill aġixxa lil hinn minn dan it-terminu, meta ma kellux iktar kompetenza biex jadotta deċiżjoni.

33      B’mod kuntrarju, il-Kunsill isostni li t-terminu ta’ tliet xhur mogħti lilu mill-Artikolu 88(2) KE biex jadotta deċiżjoni japplika biss fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun diġà fetħet il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat ikkonċernata, liema ħaġa ma hijiex il-każ hawnhekk.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni meta l-Kunsill ma jkunx adotta pożizzjoni f’terminu ta’ tliet xhur mit-talba, din ir-regola tapplika biss fil-każ li l-Kummissjoni tkun diġà bdiet il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, mingħajr ma tkun adottat id-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-110/02, Ġabra p. I-6333, punti 32 u 33).

35      Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, mit-tielet u mir-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 88(2) KE jirriżulta li dan il-limitu temporali fil-kompetenza tal-Kunsill huwa unikament intiż biex jiġi evitat li s-sospensjoni tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, li tinvolvi proċedura quddiem il-Kunsill, tiġi mtawla, b’riskju li tiġi pparalizzata l-azzjoni tal-Kummissjoni u li b’hekk jiddgħajjef ir-rwol ċentrali li jirriżervawlha l-Artikoli 87 KE u 88 KE għar-rikonoxximent tal-eventwali nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-Kummissjoni qatt ma bdiet il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE f’dak li jikkonċerna l-għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-fatt li għadda terminu ta’ ħames xhur bejn l-ewwel talba mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex tali li jċaħħad lill-Kunsill mill-kompetenza li jikkonferilha t-tielet subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 88(2).

37      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kunsill awtorizza għajnuna li r-Repubblika tal-Polonja kienet impenjat ruħha li twaqqaf meta aċċettat il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Skont il-Kummissjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-setgħa tal-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura eċċezzjonali u li għalhekk, il-Kunsill ma huwiex kompetenti biex jannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern jew biex jipprova jinjora tali deċiżjoni.

39      Il-Kummissjoni tqis li fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, hija adottat pożizzjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna implementata mir-Repubblika tal-Polonja favur ix-xiri ta’ artijiet agrikoli. Il-fatt li din il-pożizzjoni ġiet adottata taħt forma ta’ linji gwida ma għandha ebda konsegwenza, peress li l-qrati tal-Unjoni Ewropea ddeċidew li Stat Membru li jaċċetta l-linji gwida huwa marbut li japplikahom.

40      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat l-aċċettazzjoni tagħha tal-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli. Konsegwentement, hija kienet marbuta li twaqqaf l-imsemmija skema ta’ għajnuna mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009 u li ma terġax timplementaha qabel il-31 ta’ Diċembru 2013. B’hekk, meta awtorizza din l-istess skema ta’ għajnuna mill-1 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill ippreġudika l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u b’hekk eċċeda l-kompetenza tiegħu.

41      B’mod kuntrarju, il-Kunsill isostni li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida. B’hekk, dan iqis li, abbażi tal-Kapitolu 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli stabbiliti mir-Repubblika tal-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni setgħu biss jiġu kkwalifikati bħala skemi ta’ għajnuna eżistenti sat-30 ta’ April 2007.

42      Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata hija distinta mill-iskemi ta’ għajnuna msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari għaliex din hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi ġodda. Apparti dan, anki jekk jitqies li kienu japplikaw miżuri xierqa għall-iskema ta’ għajnuna implementata mir-Repubblika tal-Polonja u li din ma kinitx kompatibbli ma’ dawn il-miżuri, mis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I-1125) jirriżulta li b’hekk, din l-iskema ssir sempliċiment skema ta’ għajnuna ġdida. Għalhekk, il-Kummissjoni qatt ma evalwat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata.

43      Il-Kunsill iżid li l-punt 196 tal-linji gwida agrikoli ma huwiex applikabbli għall-iskema ta’ għajnuna approvata minnu, peress li l-miżuri xierqa stabbiliti fl-Artikolu 88(1) KE japplikaw biss għall-għajnuna eżistenti.

44      Finalment, il-Kunsill iqis li l-punti 29 u 196 tal-linji gwida agrikoli ma jimplikawx li l-għajnuna mill-Istat li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1857/2006 hija sistematikament inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, peress li dan ir-Regolament huwa regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, tali għajnuna tista’ tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE. Meta jeżiġi li l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti jsiru konformi ma’ dawn il-linji gwida, il-punt 196 ta’ dawn tal-aħħar sempliċement ifakkar l-obbligu li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, li jeħtieġu eżami individwali tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna ġdida mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill.

45      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li mill-Kapitolu 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ inkompatibbiltà bejn l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-linji gwida applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2007, din l-iskema żammet l-istat tagħha bħala għajnuna eżistenti. Din tosserva wkoll li d-differenzi rrilevati mill-Kunsill bejn l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata ma humiex rilevanti, peress li dawn l-iskemi huma marbuta b’mod tant indissoċjabbli li jkun b’mod artifiċjali ħafna li taparsi ssir distinzjoni bejn dawn l-iskemi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) KE.

46      Ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja jaqblu, essenzjalment, mal-evalwazzjoni tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-Ungerija tenfasizza li l-formulazzjoni astratta u ġenerali tal-punt 196 tal-linji gwida agrikoli tipprekludi li dan jitqies fis-sens li jifformula proposti għal miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 88 KE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Biex tiġi evalwata l-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kienx kompetenti, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, biex jikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern l-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata mid-deċiżjoni kkontestata, meta r-Repubblika tal-Polonja kienet aċċettat il-miżuri xierqa proposti fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli.

48      B’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, il-Kunsill, fuq talba ta’ Stat Membru u b’deċiżjoni unanima, jista’ jiddeċiedi li għajnuna stabbilita jew li għandha tiġi stabbilita minn dan l-Istat għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE jew tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 89 KE, jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali deċiżjoni.

49      B’hekk, Stat Membru jista’, f’ċirkustanzi definiti sewwa, jinnotifika għajnuna mhux lill-Kummissjoni, li tkun iddeċidiet fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 88(3) KE, iżda lill-Kunsill, li jkollu jiddeċiedi fil-kuntest iddefinit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE jew tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 89 KE.

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża ċerti aspetti mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51      B’hekk, qabel kollox din iddeċidiet, wara li fakkret ir-rwol ċentrali li t-Trattat FUE jirriżerva lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq intern, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE jikkonċerna każ eċċezzjonali u partikolari, minkejja li s-setgħa tal-Kunsill abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha manifestament karattru eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 sa 31), liema ħaġa timplika li dan it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE għandu neċessarjament ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C‑510/08, Ġabra p. I‑3553, punt 32, u tal-14 ta’ Marzu 2013, C-419/11, Česká spořitelna, C‑419/11, punt 26).

52      Sussegwentement, fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 88(2) KE, li, minn naħa, jistabbilixxu li meta Stat Membru jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill, l-eżami li jkun qed isir mill-Kummissjoni jiġi sospiż għal terminu ta’ tliet xhur u, min-naħa l-oħra, li fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill f’dan it-terminu, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-imsemmi terminu jkun skada, il-Kunsill ma jkunx iktar kompetenti li jadotta deċiżjoni taħt l-imsemmi tielet subparagrafu fir-rigward tal-għajnuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tfassil ta’ tali limitazzjoni fiż-żmien għall-kompetenza tal-Kunsill tindika wkoll li, jekk ma tkun tressqet ebda talba lill-Kunsill mill-Istat Membru kkonċernat, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, qabel ma l-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern u b’dan il-mod tagħlaq il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, il-Kunsill ma jkunx iktar awtorizzat jeżerċita s-setgħa eċċezzjonali li jikkonferilu l-imsemmi tielet subparagrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għall-finijiet li tali għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-399/03, Ġabra p. I-5629, punt 24).

54      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li d-dispożittiv tagħhom ikun jirriżulta kontradittorju u b’hekk tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, peress li din tippreżerva l-karattru definittiv ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksub wara l-iskadenza ta’ termini għall-appell raġonevoli jew bl-użu tal-mezzi ġudizzjarji kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 32 u 35, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 25).

55      Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha dwar il-kwistjoni jekk il-fatt li l-Kunsill ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun diġà ddeċidiet definittivament ifissirx li l-Kunsill lanqas ma għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar għajnuna li għandha l-għan li tagħti, lill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali preċedentement iddikjarata inkompatibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ammont intiż biex jikkumpensa r-rimbors li kellhom jagħmlu l-benefiċjarji b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

56      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita, jekk Stat Membru jitħalla jagħti lill-benefiċjarji ta’ tali għajnuna illegali għajnuna ġdida ta’ ammont ekwivalenti għal dak tal-għajnuna illegali, intiża biex tinnewtralizza l-impatt tar-rimborsi li dawn tal-aħħar huma marbuta li jħallsu b’applikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija, evidentement tkun qed titfixkel l-effettività tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 43, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 27).

57      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kunsill, li ma jistax jostakola deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern billi huwa stess jiddikjara li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq imsemmi, lanqas ma jista’ jfixkel l-effettività ta’ tali deċiżjoni billi jiddikjara kompatibbli mas-suq intern, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, għajnuna intiża biex tikkumpensa, favur il-benefiċjarji tal-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, ir-rimborsi li dawn għandhom jagħmlu b’applikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 44 u 45, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 28).

58      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) KE, il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni huma delimitati b’tali mod li, l-ewwel nett, il-kompetenza tal-Kummissjoni tiġi eżerċitata b’mod prinċipali, fejn il-Kunsill huwa kompetenti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. It-tieni nett, il-kompetenza tal-Kunsill, li tippermetti li dan jidderoga, fid-deċiżjoni tiegħu, minn ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, għandha tiġi eżerċitata f’kuntest temporali determinat. It-tielet nett, minn meta l-Kummissjoni jew il-Kunsill ikunu ddeċidew definittivament dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna inkwistjoni, l-istituzzjoni l-oħra ma tkunx tista’ iktar tadotta deċiżjoni f’sens kuntrarju.

59      Din l-interpretazzjoni hija intiża biex tippreżerva l-koerenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni, peress li, minn naħa, din teskludi li jiġu adottati deċiżjonijiet kontradittorji u, min-naħa l-oħra, din tipprekludi li d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li saret definittiva tkun tista’, lil hinn minn kull terminu ta’ żmien, inkluż dak stabbilit fl-Artikolu 230(5) KE, u bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tiġi kontradetta b’dik ta’ istituzzjoni oħra.

60      Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet sottostanti għal din l-interpretazzjoni juru li huwa irrilevanti jekk l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxix għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni titqiegħed indiskussjoni mhux biss meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern għajnuna li hija l-istess bħal dik li l-Kummissjoni diġà ddeċidiet dwarha, iżda wkoll meta l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kunsill tkun għajnuna intiża biex tikkumpensa, favur il-benefiċjarji tal-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, ir-rimborsi li dawn għandhom jagħmlu b’applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni għajnuna hija marbuta b’mod tant indissoċjabbli ma’ dik li n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ġie preċedentement ikkonstatat mill-Kummissjoni, li jkun b’mod artifiċjali ħafna li taparsi ssir distinzjoni bejn dawn l-iskemi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46).

61      Għalhekk, f’din il-kawża, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kunsill għandhiex, indipendentement min-natura ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida tagħha, titqies bħala għajnuna li l-Kummissjoni diġà ddeċidiet definittivament dwarha.

62      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE, tistabbilixxi linji gwida li għandhom l-għan li jindikaw il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni teżerċita, abbażi tal-istess Artikoli, is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward ta’ għajnuna ġdida jew fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-242/00, Ġabra p. I-5603, punt 27).

63      Peress li huma bbażati fuq l-Artikolu 88(1) KE, dawn il-linji gwida jirrappreżentaw element ta’ kooperazzjoni regolari u perjodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri l-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u tipproponilhom il-miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1996, IJssel-Vliet, C-311/94, Ġabra p. I-5023, punti 36 u 37, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-288/96, Ġabra p. I-8237, punt 64). Meta dawn il-proposti għal miżuri xierqa jiġu aċċettati minn Stat Membru, dawn ikollhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq IJssel-Vliet, punti 42 u 43, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 65), li huwa marbut, kif ifakkar l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jimplementahom.

64      F’dan il-każ, fis-26 ta’ Frar 2007, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat l-aċċettazzjoni tagħha tal-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli.

65      B’mod partikolari, dawn il-miżuri xierqa jikkonsistu f’emenda fl-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għal investimenti li jikkonċernaw ix-xiri ta’ artijiet f’impjanti agrikoli bil-għan li l-iskemi msemmija jsiru konformi ma’ dawn il-linji gwida sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

66      Il-punt 29 tal-linji gwida msemmija jipprovdi li l-għajnuna għall-investimenti fl-impjanti agrikoli għandhom jiġu ddikjarati kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1857/2006.

67      B’hekk jidher li, skont il-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, il-Kummissjoni tipproponi, b’mod partikolari, lill-Istati Membri li għandhom skemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha ffisati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1857/2006, li jemendaw dawn l-iskemi biex iġibuhom konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija jew, fin-nuqqas, li jneħħuhom sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

68      Din il-konklużjoni ma titpoġġiex indiskussjoni mill-argumentazzjoni tal-Kunsill li tgħid li r-referenza, fil-punt 29 tal-linji gwida agrikoli, għall-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1857/2006, tfisser li kull proġett intiż biex jagħti għajnuna mill-Istat għall-investimenti fl-impjanti agrikoli li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-imsemmi Artikolu għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni b’mod li din tkun tista’ tevalwa jekk din l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern.

69      B’hekk, mill-kliem tal-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, ikkunsidrat flimkien mal-punt 29 tagħhom, jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha bl-użu, f’ċerti każijiet, ta’ dawn il-kundizzjonijiet bħala kriterji ta’ kompatibbiltà u mhux ta’ eżenzjoni tal-obbligu ta’ notifika. Konsegwentement, il-portata tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti hija differenti minn dik li hija mogħtija lilhom mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1857/2006.

70      Barra minn hekk, l-argument tal-Ungerija li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax validament tipproponi miżuri xierqa fformulati f’termini astratti u ġenerali applikabbli għal skemi ta’ għajnuna eżistenti f’diversi Stati Membri ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għalkemm l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999 jobbligaw lill-Kummissjoni li twettaq eżami individwali ta’ kull skema ta’ għajnuna eżistenti li għaliha jkollha l-intenzjoni tipproponi miżuri xierqa, la l-Artikolu 88(1) KE u lanqas ir-Regolament ma jipprekludu lil din l-istituzzjoni milli tifformula tali proposti billi tidentifika l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti kkonċernati abbażi tal-karatteristiċi tagħhom, mingħajr ma ssemmihom b’isimhom.

71      Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li, b’mod konformi mal-Artikolu 88(1) KE, il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli jirrigwardaw biss skemi ta’ għajnuna eżistenti.

72      Għalhekk, l-iskema awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida.

73      B’hekk, anki jekk jitqies li ż-żewġ skemi ta’ għajnuna msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza żammew l-istat tagħhom ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti wara t-30 ta’ April 2007, huwa stabbilit li dawn l-iskemi ta’ għajnuna ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1857/2006, li jirreferi għalihom il-punt 29 tal-linji gwida agrikoli.

74      Peress li mill-Artikolu (1)(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li kull skema ta’ għajnuna li ma hijiex skema ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida u li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata kienet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010, din tal-aħħar kienet neċessarjament tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida.

75      B’hekk, l-obbligi tar-Repubblika tal-Polonja, sussegwenti għall-aċċettazzjoni tagħha tal-proposti ta’ miżuri xierqa, ma jirrigwardawx l-iskema kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern bid-deċiżjoni kkontestata, peress li din hija skema ta’ għajnuna ġdida li ma titħallatx ma’ skema ta’ għajnuna eżistenti milquta mill-miżuri xierqa aċċettati minn dan l-Istat Membru.

76      Madankollu, il-Kunsill ma jistax jinvoka s-sempliċi natura ġdida ta’ skema ta’ għajnuna biex jeżamina mill-ġdid sitwazzjoni li l-Kummissjoni diġà għamlet evalwazzjoni definittiva dwarha u b’hekk jikkontradixxi din l-evalwazzjoni. Għalhekk, il-Kunsill ma huwiex kompetenti biex jiddeċiedi li skema ta’ għajnuna ġdida għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern meta din tkun marbuta b’mod tant indissoċjabbli ma’ skema ta’ għajnuna eżistenti li Stat Membru jkun intrabat li jemenda jew li jneħħi, fil-kuntest stabbilit fl-Artikolu 88(1) KE, li jkun b’mod artifiċjali ħafna li taparsi ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ skemi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) KE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

77      Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

78      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li għadda terminu ta’ żmien sinjifikattiv bejn l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u dik imwettqa mill-Kunsill, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata madwar tliet snin wara l-proposta għal miżuri xierqa inkwistjoni.

79      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni hija speċifikament immotivata minn ċirkustanzi ġodda, ikkunsidrati bħala eċċezzjonali mill-Kunsill, li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti intiża għax-xiri ta’ artijiet agrikoli implementati mir-Repubblika tal-Polonja.

80      Għalhekk, filwaqt li l-linji gwida agrikoli ġew adottati fl-2006, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod partikolari għall-effetti li nħolqu matul l-2008 u l-2009 mill-kriżi ekonomika u finanzjarja fis-settur agrikolu fil-Polonja. B’mod partikolari, il-Kunsill isemmi t-tnaqqis fid-dħul u fil-prezzijiet agrikoli li seħħ matul dawn is-sentejn minħabba r-riċessjoni, il-livell għoli tar-rati ta’ mgħax, id-diffikultà ikbar ta’ aċċess għall-kreditu u ż-żieda fil-qagħad ikkonstatata matul l-2009.

81      Għalhekk, il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni, insostenn tal-proposta għal miżuri xierqa tagħha, dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskemi ta’ għajnuna msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, kienet neċessarjament ibbażata fuq l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-informazzjoni ekonomika li kellha fl-2006, tal-konsegwenzi li setgħu jinvolvu l-applikazzjoni ta’ dawn l-iskemi fuq l-iżvilupp progressiv jew fuq il-funzjonament tas-suq intern.

82      Għalhekk, minħabba l-bidla kbira fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn l-iskemi ta’ għajnuna ma tistax titqies li tippreġudika dik li saret fuq skema ta’ għajnuna, li tinkludi miżuri simili, iżda li ġiet applikata f’kuntest ekonomiku radikalment differenti minn dak li kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha. Isegwi li l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna ġdida li kienet is-suġġett ta’ talba indirizzata lill-Kunsill mir-Repubblika tal-Polonja abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE għandha tiġi evalwata fl-aħħar ta’ evalwazzjoni individwali distinta minn dik tal-iskemi msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, magħmula b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ekonomiċi rilevanti fil-mument meta tingħata din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-261/89, Ġabra p. I-4437, punt 21, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C-459/10 P, punt 48).

83      Għalhekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija distinta minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill.

84      Fil-fatt, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill annullati f’dawn iż-żewġ sentenzi, id-deċiżjoni kkontestata hija, f’dan il-każ, immotivata preċiżament minn elementi ġodda li jirriżultaw minn bidla kbira fiċ-ċirkustanzi li seħħet bejn il-mument meta l-Kummissjoni eżaminat l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti applikati mir-Repubblika tal-Polonja u dak meta l-Kunsill evalwa l-iskema ta’ għajnuna ġdida li hija s-suġġett tat-talba li dan l-Istat Membru kien ressaq quddiemu.

85      Konsegwentement, l-elementi li kienu ġġustifikaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill fiż-żewġ sentenzi msemmija fil-punt 83 ta’ din is-sentenza huma neqsin f’din il-kawża.

86      Barra minn hekk, l-ammissjoni tal-kompetenza tal-Kunsill ma tistax tippermetti li jiġu injorati miżuri xierqa aċċettati mill-Istati Membri.

87      Fil-fatt, minn naħa, il-Kunsill huwa kompetenti biex jawtorizza skema ta’ għajnuna ġdida simili għal skema ta’ għajnuna eżistenti li Stat Membru kien obbligat li jemenda jew li jneħħi, wara l-aċċettazzjoni ta’ proposti ta’ miżuri xierqa, biss fil-każ fejn ikunu jeżistu ċirkustanzi ġodda wara l-proposti msemmija.

88      Min-naħa l-oħra, is-setgħa mogħtija lill-Kunsill bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE tapplika biss fil-limiti indikati minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri fil-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑122/94, Ġabra p. I‑881, punt 13).

89      Finalment, f’dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Kunsill ma huwiex kompetenti biex jawtorizza għajnuna kuntrarja għall-orjentazzjonijiet iddefiniti fil-linji gwida agrikoli, għandu jitfakkar li, fi ħdan dawn il-linji gwida, huma biss il-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 u aċċettati mill-Istati Membri li jistgħu jikkostitwixxu adozzjoni ta’ pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern.

90      Fil-fatt, huma biss dawn il-proposti għal miżuri xierqa li huma suġġetti għall-aċċettazzjoni tal-Istati Membri, kif jindika l-punt 197 tal-linji gwida agrikoli, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn tal-aħħar jikkostitwixxu biss regoli ġenerali indikattivi li għandha tosserva l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I-5163, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) mingħajr ma jorbtu lill-Istati Membri. Dawn ma jistgħux, a fortiori, jorbtu lill-Kunsill peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE jagħtih is-setgħa li jidderoga, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE jew mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 89 KE.

91      Mill-punt 196 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, l-Istati Membri ntrabtu biss li jemendaw dawn l-iskemi biex iġibuhom konformi mal-linji gwida msemmija jew, fin-nuqqas, li jħassruhom, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

92      Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 76 sa 85 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri, bl-aċċettazzjoni tal-proposti għal miżuri xierqa msemmija fil-punt 196 tal-linji gwida agrikoli, ma ċċaħdux minn kull possibbiltà li jitolbu l-awtorizzazzjoni li jerġgħu jintroduċu skemi simili jew identiċi matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

93      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi injorata bħala infondata, u b’hekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud b’mod sħiħ.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

94      Bit-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter meta pprova jinnewtralizza l-konsegwenzi tal-evalwazzjoni li hija kienet wettqet dwar l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri tal-artijiet agrikoli stabbiliti mir-Repubblika tal-Polonja.

95      Il-Kunsill josserva li meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, huwa ma kellux l-intenzjoni li jxejjen l-effetti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma kienet adottat ebda deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata bħala mhux kompatibbli mas-suq intern. Fir-realtà, l-għan imfittex mill-Kunsill jikkonsisti f’għajnuna lill-agrikolturi Pollakki milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja biex jixtru artijiet agrikoli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ħafna drabi, att huwa vvizzjat minħabba użu ħażin ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat esklużivament jew almenu b’mod determinati, sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li huwa jiddikjara jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu affrontati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il-Kummissjoni, C-48/96 P, Ġabra p. I-2873, punt 52, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I-7285, punt 69).

97      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ppreżentatx tali indizji.

98      F’dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xejn mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi sostnut li l-Kunsill kellu għan esklużiv, jew almenu determinanti, differenti minn dak li jgħin lill-agrikolturi Pollakki biex jixtru artijiet agrikoli b’mod iktar faċli bil-għan li jillimita l-faqar fiż-żoni rurali fil-Polonja.

99      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li mis-suċċessjoni tal-avvenimenti u mill-korrispondenza skambjata jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata kienet intiża biex ixxejjen il-pożizzjoni li hija kienet adottat, jidher li l-Kunsill seta’ validament jikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx adottat pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, hekk kif tenfasizza l-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata.

100    Għalhekk, it-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, għandu jiġi injorat bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

 L-argumenti tal-partijiet

101    Bit-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet peress li, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill ħeles lir-Repubblika tal-Polonja mill-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni impost fuq dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 88(1) KE.

102    Fil-fatt, meta awtorizza l-estensjoni ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti li r-Repubblika tal-Polonja impenjat ruħha li tneħħi, il-Kunsill ikkomprometta r-riżultati tad-djalogu li kien inżamm preċedentement bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru.

103    Il-Kunsill iqis li huwa ma huwiex marbut mill-obbligu ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 88(1) KE. Barra minn hekk, dan jerġa jsostni li ma kien jeżisti ebda impenn mir-Repubblika tal-Polonja dwar l-iskema ta’ għajnuna approvata bid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104    L-Artikolu 88(1) KE jimponi fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istati Membri obbligu ta’ kooperazzjoni regolari u perjodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri l-evalwazzjoni permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u tipproponilhom il-miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan ir-rigward, mill-punt 85 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma kienet assumiet ebda impenn speċifiku dwar l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din id-deċiżjoni ma tistax titqies li ħelset lir-Repubblika tal-Polonja minn obbligu partikolari ta’ kooperazzjoni peress li din bl-ebda mod ma kkompromettiet ir-riżultati tad-djalogu li kien inżamm preċedentement bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru.

106    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet motiv tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

107    Bl-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu sab li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri approvati. Skont it-tieni parti tal-istess motiv, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-miżuri inkwistjoni ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni msemmija u ma jillimitawx ruħhom għall-minimu neċessarju biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali

–       L-argumenti tal-partijiet

108    Il-Kummissjoni tqis li ċirkustanzi ma jistgħux jitqiesu bħala eċċezzjonali, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, ħlief jekk dawn ma jkunux prevedibbli qabel ma jseħħu u li, f’dan il-każ, dawn jolqtu b’mod partikolari lir-Repubblika tal-Polonja. Għalhekk, dan ma jistax ikun il-każ ta’ ostakolu strutturali preeżistenti jew ta’ problema li kellhom il-parti l-kbira tal-Istati Membri.

109    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura sfavorevoli tal-impjanti agrikoli u l-livell għoli fir-rata ta’ qagħad fiż-żoni rurali jikkostitwixxu problemi li ilhom jeżistu u li huma dovuti għall-istruttura stess tal-ekonomija agrikola Pollakka. Bl-istess mod, xejn ma jindika li n-nuqqas ta’ kapital li jiffaċċjaw l-agrikolturi Pollakki ma jikkostitwixxix problema strutturali li ma tistax, min-natura tagħha stess, tiġi kkwalifikata bħala eċċezzjonali. F’dak li jirrigwarda ż-żieda fil-prezz tal-produzzjoni agrikola, din ma hijiex iktar sinjifikattiva fil-Polonja milli fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li l-livell baxx ta’ ħlasijiet diretti, stabbilit mill-Att ta’ Adeżjoni, il-varjazzjonijiet taż-Zloty Pollakka fil-konfront tal-Euro jew iż-żieda fil-prezz tal-artijiet agrikoli jistgħu jiġu deskritti bħala ċirkustanzi eċċezzjonali.

110    Barra minn hekk, filwaqt li tammetti li l-kriżi ekonomika tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali, madankollu l-Kummissjoni tqis li din il-kriżi tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn din kellha effett fuq il-problemi strutturali preeżistenti b’mod li ħolqot ċirkustanzi eċċezzjonali fil-Polonja, liema ħaġa l-Kunsill ma pprovax. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-impatt tal-kriżi msemmija fuq id-diffikultà ta’ aċċess għall-kreditu, it-tnaqqis fid-dħul agrikolu u ż-żieda fil-qagħad fil-Polonja ma għandhomx karattru eċċezzjonali fid-dawl tal-kuntest tal-Unjoni kollha.

111    Il-Kunsill jikkunsidra li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali proposta mill-Kummissjoni hija restrittiva wisq fid-dawl tal-ġurisprudenza għaliex tali ċirkustanzi għandhom biss ikunu mhux previsti u jistgħu jaffettwaw lil Stati Membri oħra jew lil setturi differenti minn dak tal-agrikoltura.

112    F’dan il-każ, effettivament jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali, kostitwiti minn avvenimenti straordinarji relattivi għall-kriżi ekonomika, li kellhom riperkussjonijiet kbar fuq l-agrikolturi Pollakki u li, konsegwentement, komplew jaggravaw il-problemi strutturali li kellhom diġà l-impriżi agrikoli Pollakki. B’hekk, it-tnaqqis fid-dħul agrikolu kkawżat mit-tnaqqis fil-prezzijiet, iż-żieda fil-qagħad fiż-żoni rurali, il-livell għoli tar-rati ta’ interessi u d-diffikultà ikbar fl-aċċess għall-kreditu b’riżultat tal-kriżi, iktar ħorox fil-Polonja milli fi Stati Membri oħra, għamlu eċċessivament diffiċli, kważi impossibbli, ix-xiri ta’ artijiet agrikoli mill-agrikolturi Pollakki. Fir-rigward tal-varjazzjonijiet taż-Zloty Pollakka fil-konfront tal-Euro, tal-livell baxx tal-ħlasijiet diretti jew taż-żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni u tal-artijiet agrikoli, il-Kunsill iqis li dawn jikkontribwixxu biex jillimitaw il-kapaċità tal-agrikolturi Pollakki li jegħlbu r-riperkussjonijiet serji tar-riċessjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kunsill igawdi, għall-applikazzjoni tal-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u li ma kienx hemm żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 19, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, Ġabra p. I-10807, punt 78).

114    Għaldaqstant, fid-dawl tal-karattru mhux tas-soltu u imprevedibbli kif ukoll tal-firxa tal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq l-agrikoltura Pollakka, il-Kunsill ma jistax jitqies li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li dawn l-effetti kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fir-risposta tagħha, li l-wasla ta’ din il-kriżi setgħet tikkostitwixxi tali ċirkustanza eċċezzjonali.

115    Il-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja ħolqot ukoll effetti kunsiderevoli fi Stati Membri oħra ma huwiex determinanti, peress li din iċ-ċirkustanza ma għandhiex effett fuq in-natura eċċezzjonali tal-effetti ta’ din il-kriżi f’dak li jikkonċerna l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-agrikolturi Pollakki.

116    Bl-istess mod, il-konstatazzjoni li tgħid li l-istruttura sfavorevoli tal-impjanti agrikoli, il-livell għoli tar-rata ta’ qagħad fiż-żoni rurali jew in-nuqqas ta’ kapital li jiffaċċjaw l-agrikolturi jikkostitwixxu problemi strutturali fil-Polonja, ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-tnaqqis fid-dħul agrikolu kkawżat mit-tnaqqis fil-prezzijiet, iż-żieda fil-qagħad fiż-żoni rurali, il-livell għoli tar-rati ta’ interessi u d-diffikultà ikbar ta’ aċċess għall-kreditu riżultanti mill-kriżi ddeterjoraw b’mod ċar is-sitwazzjoni tal-agrikolturi Pollakki, u b’hekk ipprekludew milli jiġu solvuti l-problemi strutturali msemmija u, għalhekk, milli jiġi limitat il-faqar fiż-żoni rurali bit-titjib tal-kompetittività tal-impriżi agrikoli Pollakki (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

117    Isegwi li l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

118    Skont il-Kummissjoni, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

119    Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tistax tippermetti li jinkisbu l-għanijiet indikati fid-deċiżjoni msemmija. B’hekk, minkejja l-eżistenza ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, id-daqs medju ta’ impjant agrikolu fil-Polonja ftit li xejn evolva matul l-aħħar snin li għaddew. Ma huwiex ipprovat li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jinkisbu l-aħjar riżultati, peress li l-iskemi ta’ għajnuna preeżistenti ma ppermettewx li jiġu affrontati d-diffikultajiet ikbar tal-aċċess għall-kreditu osservati matul l-2009. L-għajnuna intiża għax-xiri ta’ artijiet agrikoli tikkontribwixxi fir-realtà għaż-żieda fil-prezz tal-artijiet agrikoli iktar milli għall-bidla fl-istruttura tal-proprjetà ta’ dawn l-artijiet, liema ħaġa hija partikolarment frustranti f’kuntest diġà mmarkat minn żieda kostanti fil-prezz tal-artijiet agrikoli.

120    Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika, skont il-Kummissjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-miżuri fis-seħħ li jistgħu jirrispondu għall-bżonnijiet li l-Kunsill jikkwalifika bħala ċirkustanzi eċċezzjonali. Issa, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri preċedentement awtorizzati mill-Kummissjoni jew permessi mil-linji gwida tagħha u mir-regoli ta’ eżenzjoni skont il-kategorija. B’mod partikolari, il-qafas temporanju jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna lill-operaturi agrikoli. Bl-istess mod, huwa impossibbli li jsir użu mill-għajnuna de minimis awtorizzata bir-Regolament Nru 1535/2007 biex tissolva, b’mod partikolari, il-problema maħluqa mill-prezzijiet għolja tal-prodotti agrikoli.

121    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna ż-żieda fil-qagħad, il-Kunsill naqas ukoll milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-programm ta’ żvilupp rurali 2007-2013 tar-Repubblika tal-Polonja jipprevedi diversi azzjonijiet intiżi biex jillimitaw din iż-żieda fiż-żoni rurali, b’mod partikolari bit-trasferiment tal-eċċess tal-lavranti agrikoli lejn setturi oħra tal-ekonomija.

122    Barra minn hekk, il-miżuri awtorizzati bid-deċiżjoni kkontestata ma jillimitawx ruħhom għall-minimu neċessarju għaliex dawn għandhom terminu ta’ żmien li jaqbeż id-data ffissata mill-Kummissjoni fil-qafas temporanju għall-applikazzjoni tal-għajnuna intiża b’mod speċifiku biex jiġu affrontati l-effetti tal-kriżi ekonomika.

123    Finalment, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-ġustifikazzjoni tal-iskema inkwistjoni bil-ħtieġa li jiġu kkumpensati l-effetti tal-għargħar li laqtu ħdax-il voïvodies matul l-2009, il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna intiża biex tikkumpensa lill-agrikolturi Pollakki b’madwar 80 % mit-telf subit minnhom u, min-naħa l-oħra, li ma teżisti ebda rabta bejn dan l-għargħar u x-xiri ta’ artijiet agrikoli.

124    Il-Kunsill isostni li, f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità tal-miżuri adottati abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE tista’ tiġi affettwata biss jekk dawn il-miżuri jkunu manifestament mhux adatti fir-rigward tal-għan li l-Kunsill irid jikseb.

125    Il-Kummissjoni ma pprovatx li l-evalwazzjoni ta’ fatti ekonomiċi kumplessi li wettaq il-Kunsill kienet manifestament ivvizzjata bi żbalji. B’mod partikolari, dan tal-aħħar iqis li l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli applikati mir-Repubblika tal-Polonja tejbu l-istruttura tal-impriżi agrikoli Pollakki f’termini ta’ superfiċi u li dan l-effett jista’ jissaħħaħ bl-għoti ta’ għajnuna fuq perijodu itwal. Il-Kunsill josserva wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li tali għajnuna tikkontribwixxi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-artijiet. Barra minn hekk, dan iqis li ż-żieda fis-superfiċi tal-impjanti agrikoli tippermetti li titjieb il-kompetittività u d-dħul tal-agrikolturi kkonċernati u li l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata għandha tiffavorixxi x-xiri ta’ artijiet agrikoli minn persuni mingħajr impjieg.

126    Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li ma kienx marbut li jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri diġà approvati mill-Kummissjoni peress li s-setgħa li jikkonferilu t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE hija ġustament intiża biex tippermettilu japprova għajnuna li l-Kummissjoni ma kinitx legalment f’pożizzjoni li tapprova, liema ħaġa hija l-każ f’din il-kawża. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex koperta mill-qafas temporanju.

127    Il-Kunsill jenfasizza wkoll li għandu jiġi miġġieled il-qagħad bl-użu ta’ mezzi differenti, fosthom b’din l-iskema ta’ għajnuna.

128    Fir-rigward tat-tul tal-iskema ta’ għajnuna msemmija, din ma għandhiex tillimita ruħha għall-perijodu kopert mill-qafas temporanju, u tikkorrispondi għaż-żmien meqjus neċessarju biex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi.

129    Finalment, il-Kunsill isostni li l-istess skema ta’ għajnuna ma hijiex direttament intiża biex tikkumpensa l-effetti tal-għargħar li seħħ fl-2009 u li dawn tal-aħħar issemmew fid-deċiżjoni kkontestata unikament bħala fattur li jaggrava t-tnaqqis fid-dħul tal-agrikolturi Pollakki. F’kull każ, l-iskema ta’ għajnuna speċifika msemmija mill-Kummissjoni ma kkumpensatx it-telf kollu dovut għall-għargħar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130    F’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 113 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa biss il-karattru manifestament mhux xieraq ta’ miżura adottata abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE fil-konfront tal-għan li l-Kunsill irid jilħaq li jista’ jaffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C-343/09, Ġabra p. I-7027, punt 46, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C-59/11, punt 39).

131    Isegwi li għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata hijiex manifestament mhux xierqa għall-finijiet tat-twettiq tal-għan imsemmi fil-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, li jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-faqar fiż-żoni rurali fil-Polonja.

132    Huwa ammess li dan l-għan jista’ parzjalment jinkiseb permezz ta’ titjib fl-effettività tal-agrikoltura fil-Polonja, liema ħaġa tippresupponi żieda fis-superfiċi tal-impjanti agrikoli permezz tax-xiri ta’ artijiet agrikoli mill-agrikolturi Pollakki. Ma huwiex ikkontestat li t-tnaqqis fid-dħul u d-diffikultajiet ta’ aċċess għall‑kreditu li jiffaċċjaw l-agrikolturi msemmija jostakolaw ix-xiri ta’ dan it-tip. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li hija intiża biex tikkumpensa dawn il-problemi u l-aggravament tagħhom bil-kriżi ekonomika u finanzjarja bil-proposta ta’ sussidji għall-ħlas tal-interessi relatati mas-self intiż għax-xiri ta’ artijiet agrikoli, ma tidhirx li hija manifestament mhux xierqa biex jinkiseb l-għan imfittex permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

133    Barra minn hekk, il-fatt li l-persuni qiegħda jiġu permessi li jaħdmu fl-agrikoltura jippresupponi li dawn ikollhom il-possibbiltà li jixtru artijiet agrikoli, minkejja li dawn huma kkonfrontati wkoll b’diffikultajiet ta’ aċċess għall-kreditu, liema ħaġa tikkonferma li l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata mid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex manifestament mhux xierqa biex tillimita l-faqar fiż-żoni rurali fil-Polonja.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli applikati preċedentement ma ppermettewx żieda sinjifikattiva u kontinwa tas-superfiċi tal-impriżi agrikoli Pollakki ma huwiex tali li jipprova l-karattru manifestament mhux xieraq tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet li jinkiseb l-għan tagħha, hekk kif tfakkar fil-punt 131 ta’ din is-sentenza.

135    Fil-fatt, iż-żieda dgħajfa fis-superfiċi medja tal-impjanti msemmija ma hijiex biżżejjed biex turi l-ineffettività manifesta tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kunsill, peress li jista’ jirriżulta li din iż-żieda dgħajfa tirriżulta minn ċirkustanzi li ma għandhomx idumu għall-perijodu kollu kopert mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kif tosserva r-Repubblika tal-Polonja, l-evalwazzjoni tal-informazzjoni relattiva għad-daqs medju tal-impjanti agrikoli biss ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn l-iżvilupp tal-impjanti li bbenefikaw mill-iskemi ta’ għajnuna minn dak tal-impjanti li ma bbenefikawx minnhom.

136    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għax-xiri ta’ artijiet agrikoli jikkontribwixxu għaż-żieda fil-prezz tal-artijiet agrikoli iktar milli għall-bdil fl-istruttura tal-proprjetà ta’ dawn l-artijiet, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma hijiex sostnuta biżżejjed biex tkun tista’ tistabbilixxi li l-Kunsill għażel miżura manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għan imfittex minnu.

137    Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-perspettivi offruti minn strumenti oħra li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

138    Fid-dawl tal-firxa tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità biss minħabba l-fatt li kien mistenni, mir-Repubblika tal-Polonja, li tfittex l-għan imsemmi fil‑punt 131 ta’ din is-sentenza permezz ta’ tip ieħor ta’ skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità b’deċiżjoni adottata abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali bħal dik li għandu l-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni adottata kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda biss jekk din kinitx manifestament sproporzjonata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C-33/08, Ġabra p. I-5035, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill ma teħilsux mill-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu, il-miżuri preeżistenti speċifikament intiżi bħala rimedju għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

140    F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1535/2007 huwa intiż biex jeżenta l-għajnuna ta’ ammont baxx mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE u b’hekk ma jistax jitqies bħala intiż biex b’mod speċifiku jirrimedja l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq l-agrikolturi Pollakki.

141    Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-qafas temporanju ġie stabbilit biex jiġi ffavorit l-aċċess tal-impriżi għall-finanzjament fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Madankollu, l-għajnuna li jipprevedi dan il-qafas temporanju għandha funzjoni ġenerali ta’ sostenn għall-investimenti u għalhekk ma hijiex intiża b’mod speċifiku biex tippermetti x-xiri ta’ artijiet agrikoli. Barra minn hekk, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-punt 7 tal-qafas temporanju kien jipprovdi li din ma kellhiex tapplika lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2010. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tiġi awtorizzata skema ta’ għajnuna intiża b’mod speċifiku biex jiġi limitat il-faqar fiż-żoni rurali billi tiġi żgurata ż-żieda tas-superfiċi tal-impjanti agrikoli fil-Polonja fuq perijodu itwal ma tistax titqies li tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni kkontestata.

142    Barra minn hekk, għalkemm xi wħud mill-miżuri msemmija fil-programm ta’ żvilupp rurali 2007-2013 tar-Repubblika tal-Polonja huma intiżi wkoll biex jiġġieldu kontra l-qagħad fiż-żoni rurali, dawn jidhru bħala kumplimentari għall-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn huma prinċipalment intiżi biex jiffavorixxu t-trasferiment tal-eċċess tal-lavranti agrikoli lejn setturi oħra tal-ekonomija u mhux biex itejbu l-vijabbiltà tal-impjanti agrikoli jew biex jippermettu l-istabbiliment ta’ operaturi ġodda.

143    Il-fatt li teżisti skema ta’ għajnuna li tikkumpensa l-essenzjal tad-danni kkawżati mill-għargħar li seħħ fl-2009 lanqas ma huwa tali li jipprova l-karattru manifestament sproporzjonat tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn id-danni jikkostitwixxu biss wieħed mill-fatturi li jillimitaw il-kapaċità ta’ investiment tal-agrikolturi Pollakki u li jaggravaw il-faqar fiż-żoni rurali fil-Polonja.

144    Finalment, fir-rigward tat-tul tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata, mil-loġika stess tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE jirriżulta li l-Kunsill ma jistax ikun obbligat minn limitazzjoni fiż-żmien stabbilita f’Avviż tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fir-rigward taż-żmien meħtieġ għall-evoluzzjoni tal-istruttura tal-impjanti agrikoli u tat-tul tal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill għażel miżura manifestament sproporzjonata meta awtorizza l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013.

145    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv imqajjem mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda wkoll bħala infondata.

146    Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

147    Peress li ebda wieħed mill-motivi tal-Kummissjoni ma jista’ jintlaqa’, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

148    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.

149    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.