Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2010 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-117/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, L. Flynn, K. Walkerová, A. Stobiecka-Kuik, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/10/KE 1, tal-20 ta' Novembru 2009, dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Polonja għax-xiri ta' art agrikola bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013.

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill qaleb id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-proposta għal miżuri xierqa fil-Punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007 u mill-aċċettazzjoni inkundizzjonata tagħha mill-Polonja, li tobbliga lil din tal-aħħar twaqqaf l-iskema ta' għajnuna eżistenti għax-xiri ta' art agrikola sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009. Taħt il-vesti ta' ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kunsill fil-fatt ippermetta lill-Polonja żżomm din l-iskema sa ma jiskadu l-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007 fil-31 ta' Diċembru 2013. Huwa ċar li ċ-ċirkustanzi mressqa mill-Kunsill bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu mhumiex ċirkustanzi eċċezzjonali ta' natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni meħuda u ma ħadux inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq dik l-iskema. Il-Kummissjoni tressaq erba' motivi insostenn tar-rikors għal annullament:

a) L-ewwel nett, hija tikkunsidra li l-Kunsill ma kellux kompetenza sabiex jaġixxi taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE peress li ma ddeċidiex fuq l-applikazzjoni Pollakka fit-terminu ta' tliet xhur kif stabbilit fir-raba' subparagrafu ta' din id-dispożżizzjoni u peress li, fi kwalunkwe każ, l-għajnuna li huwa approva kienet għajnuna eżistenti li l-Polonja kienet intrabtet li telimina sal-aħħar tal-2009 meta aċċettat il-miżuri xierqa proposti lilha mill-Kummissjoni.

b) It-tieni nett, il-Kunsill abbuża mill-poteri tiegħu, meta fittex li jinnewtralizza d-deċiżjoni li miżuri ta' għajnuna li l-Polonja setgħet iżżomm sal-aħħar tal-2009 imma mhux wara dik id-data setgħu jinżammu fis-seħħ sal-2013.

ċ) It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali li tapplika għall-Istati Membri u wkoll bejn l-istituzzjonijiet. Bid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill ħeles lill-Polonja mill-obbligu tagħha ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri xierqa aċċettati minn dak l-Istat Membru dwar għajnuna eżistenti għax-xiri ta' art agrikola fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 88(1) KE.

d) Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill għamel żball manifest ta' evalwazzjoni inkwantu sab li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura approvata.

____________

1 - ĠU L 4, p. 89