Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2020 – Robert Stockdale vs Il-Kunsill et

(Kawża T-776/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Robert Stockdale (Bristol, ir-Renju Unit) (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil- Bosnja-Ħerzegovina

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara d-deċiżjoni ta’ tkeċċija bħala illegali;

fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt irregolat bid-dritt privat:

tikklassifika mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali f’kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat ;

tiddeċiedi li r-rikorrent kien suġġett għal diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda r-raġuni għal tkeċċija invokata u tikkundanna fuq il-bażi ta’ dan il-kap lill-konvenuti għal ħlas ta’ EUR 10 000 bħala dannu psikoloġiku evalwat ex aequo et bono ;

tikkonstata l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom u, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ għoti preavviż xieraq fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ;

tiddeċiedi li r-rikorrent kien suġġett għal trattament mhux ugwali u illegali u tikkundanna, konsegwentement, lill-konvenuti għall-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu jew, b’mod sussidjarju, għall-ħlas ta’ kumpens evalwat fuq il-bażi tat-telf tad-dħul mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li kieku dan kien eżegwit minnu sat-tmiem prevedibbli tiegħu;

konsegwentement, tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas lir-rikorrent ta’ kumpens għal tkeċċija inġusta (unfair dismissal), liema kumpens għandu jiġi stabbilit sussegwentement u ffissat, b’mod proviżorju, ex aequo et bono, għal EUR 393 850.08;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas tal-interessi fuq l-ammonti msemmija iktar ’il fuq;

fir-rigward tad-drittijiet l-oħra, ibbażati fuq id-diskriminazzjoni bejn it-trattament tar-rikorrent u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni Ewropea:

tikkonstata li r-rikorrent kellu jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju ta’ wieħed mill-ewwel tliet konvenuti u tiddikjara li l-ewwel tliet konvenuti ttrattaw lir-rikorrent b’mod diskriminatorju, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni tiegħu, id-drittijiet għall-pensjoni u l-vantaġġi relattivi tagħhom, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-garanzija ta’ impjieg ulterjuri;

tikkundanna lill-ewwel tliet konvenuti għall-ħlas ta’ kumpens lir-rikorrent għat-telf ta’ remunerazzjoni, pensjoni, allowances u vantaġġi kkawżat mill-ksur tad-dritt Komunitarju indikat f’dan ir-rikors;

tikkundannahom iħallsuh l-interessi fuq dawn l-ammonti;

tiffissa terminu għall-partijiet sabiex jistabbilixxu l-imsemmi kumpens b’teħid inkunsiderazzjoni tal-grad u tal-iskala li fihom r-rikorrent kellu jiġi rreklutat, taż-żieda medja tar-remunerazzjoni, l-iżvilupp tal-karriera tiegħu, l-allowances li kellu jirċievi abbażi ta’ dawn il-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju u tqabbel ir-riżultati miksuba mar-remunerazzjoni li effettivament irċieva r-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Sussidjarjament:

tikkundanna lill-istituzzjonijiet għall-ħlas lir-rikorrent ta’ kumpens għad-danni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li jirriżultaw mill-assenza ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu, ekwivalenti għal ammont stabbilit b’mod provviżorju, ex aequo et bono, għal EUR 400 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrenti jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq responsabbiltajiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali tal-konvenuti għar-raġunijiet li ġejjin:

il-ksur tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt tar-rikorrent;

id-diskriminazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu fuq il-bażi tan-nazzjonalità tiegħu u l-inugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-proċedura ta’ tkeċċija bħala Brittanniku fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu;

l-abbuż ta’ dritt fl-użu suċċessiv ta’ kuntratti għal żmien determinat u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ;

l-inċertezza legali u l-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, il-ksur tal-Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta Amministrattiva Tajba u l-ksur tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tar-rikorrent. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ ilmenti.

L-ewwel ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (klassifikazzjoni tal-kuntratt, regoli fil-qasam ta’ tkeċċija, inugwaljanza fit-trattament fil-konfront tal-membri tal-persunal Brittaniċi l-oħra li jaħdmu għall-Unjoni, eċċ.). B’mod sussidjarju, ir-rikorrent isostni li huma l-istess prinċipji, stabbiliti fl-istrumenti tad-dritt Ewropew, li għandhom jiġu applikati sabiex jinkisbu l-istess riżultati.

It-tieni ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn ħaddiema fl-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet ir-rikonoxxuti lill-membri tal-persunal temporanju (nuqqas ta’ ħlas ta’ diversi allowances, kontribuzzjoni fil-fond għall-pensjoni, rimbors tal-ispejjeż, eċċ.).

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, imqajjem mir-rikorrent fil-każ li t-talbiet tiegħu marbuta mar-responsabbiltà kuntrattwali tal-konvenuti jitqiesu li huma inammissibbli jew mhux fondati.

____________