Language of document : ECLI:EU:C:2009:119

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Marzu 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE – Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE – Ftehim konklużi mir-Renju tal-Isvezja mar-Repubblika Arġentina, mar-Repubblika tal-Bolivja, mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire, mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, Hong Kong, mar-Repubblika tal-Indoneżja, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mar-Repubblika tal-Madagaskar, mal-Malasja, mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, mar-Repubblika tal-Perù, mar-Repubblika tas-Senegal, mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, mar-Repubblika tat-Tuneżija, mar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mar-Repubblika tal-Jemen, u ma’ dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja fil-qasam ta’ investimenti”

Fil-Kawża C‑249/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-29 ta’ Mejju 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Tufvesson, B. Martenczuk u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u K. Wistrand, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas, u K. Szíjjártó, kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski u J. Heliskoski, bħala aġenti,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot (Relatur), Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqas milli jadotta l-miżuri xierqa sabiex jelimina l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mar-Repubblika Arġentina, mar-Repubblika tal-Bolivja, mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire, mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, Hong Kong, mar-Repubblika tal-Indoneżja, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mar-Repubblika tal-Madagaskar, mal-Malasja, mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, mar-Repubblika tal-Perù, mar-Repubblika tas-Senegal, mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, mar-Repubblika tat-Tuneżija, mar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mar-Repubblika tal-Jemen, u ma’ dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Renju tal-Isvezja kkonkluda, qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, ftehim bilaterali ta’ investiment, ippubblikati fis-Sveriges internationella överenskommelser (iktar ’il quddiem is-“SÖ”), mar-Repubblika Arġentina [ftehim li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Settembru 1992 (SÖ 1992:91)], mar-Repubblika tal-Bolivja [ftehim li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 1992 (SÖ 1992:19)], mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire [ftehim li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Novembru 1966 (SÖ 1966:31)], mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu [ftehim li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1979 (SÖ 1979:1)], Hong Kong [ftehim li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Ġunju 1994 (SÖ 1994:19)], mar-Repubblika tal-Indoneżja [ftehim li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Frar 1993 (SÖ 1993:68)], mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina [ftehim li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 1982 (SÖ 1982:28)], mar-Repubblika tal-Madagaskar [ftehim li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Ġunju 1967 (SÖ 1967:33)], mal-Malasja [ftehim li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Lulju 1979 (SÖ 1979:17)], mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan [ftehim li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ġunju 1981 (SÖ 1981:8)], mar-Repubblika tal-Perù [ftehim li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 1994 (SÖ 1994:22)], mar-Repubblika tas-Senegal [ftehim li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 1968 (SÖ 1968:22)], mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka [ftehim li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 1982 (SÖ 1982:16)], mar-Repubblika tat-Tuneżija [ftehim li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Mejju 1985 (SÖ 1985:25)], mar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam [ftehim li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 1994 (SÖ 1994:69)], mar-Repubblika tal-Jemen [ftehim li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 1984 (SÖ 1983:110)] u ma’ dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja [ftehim li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 1979 (SÖ 1979:29)].

3        Dawn il-ftehim fihom klawżola li tipprovdi li kull parti tiggarantixxi lill-investituri tal-parti l-oħra, it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, f’munita liberament konvertibbli, ta’ pagamenti konnessi ma’ investiment.

 Il-proċedura prekontenzjuża

4        Billi qieset li dawn il-ftehim bilaterali jistgħu jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fit-12 ta’ Mejju 2004 lir-Renju tal-Isvezja.

5        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2004, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni. Huwa sostna li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-ftehim tal-investimenti inkwistjoni ma jostakolawx l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE.

6        Billi qieset li l-argumenti mressqa mir-Renju tal-Isvezja kienu insuffiċjenti u li dan l-Istat Membru kien naqas, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 307 KE, milli jadotta l-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment li jinsabu fid-diversi ftehim ta’ investimenti inkwistjoni, il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata fil-21 ta’ Marzu 2005.

7        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, ir-Renju tal-Isvezja rrisponda l-imsemmija opinjoni motivata billi bagħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu. Huwa baqa’ jsostni l-argumenti invokati fl-osservazzjonijiet relatati mal-ittra ta’ intimazzjoni.

8        Peress li kkunsidrat li dawn l-argumenti ma jippermettux li jiġu kkonfutati l-ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

9        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2008, ir-Renju tal-Isvezja talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet ippreżentat b’mod irregolari lment ġdid matul il-proċedura orali u li, minħabba dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu bbażati fuq fatti u argumenti li ma setgħux jiġu ttrattati bejn il-partijiet b’mod effettiv.

10      Fil-fatt, il-Kummissjoni, għall-ewwel darba u b’mod konċiż, sostniet li ż-żamma fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta’ investiment inkwistjoni kienet inkompatibbli mal-Artikolu 10 KE.

11      Issa, l-Avukat Ġenerali, fil-punti 33 sa 43 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tibbaża n-nuqqas allegat fuq l-Artikolu 10 KE kif ukoll fuq l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE.

12      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li mhijiex edotta biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx ġie ttrattat bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25 u tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid‑Hollandse Milieufederatie, C‑138/05, Ġabra p. I-8339, punt 23; digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, Ġabra p. I-665, punt 18).

13      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu bħala dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li fuqha dawn ikunu bbażati, mhuwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ dritt li ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet.

14      F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija edotta biżżejjed sabiex tagħti deċiżjoni, u peress li l-kawża ma teħtieġx li tiġi riżolta abbażi ta’ argumenti li ma kinux ġew ittrattati bejn il-partijiet, b’mod partikolari waqt is-seduta, m’hemmx lok li tilqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-inkompatibbiltà tal-ftehim ta’ investiment mat-Trattat

 L-argumenti tal-partijiet

15      Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas, fil-ftehim inkwistjoni, ta’ dispożizzjoni li tirriżerva espressament il-possibbiltà għar-Renju tal-Isvezja li japplika l-miżuri li jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu deċiżi, mill-Kunsill abbażi tal-Artikoli 57 KE, 59 KE u 60 KE jista’ jrendi iktar diffiċli, anki impossibbli, l-osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligu Komunitarji tiegħu u li, peress li ma adottax il-miżuri opportuni sabiex ineħħi tali inkompatibbiltà, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

16      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ adozzjoni mill-Kunsill ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital u fuq il-pagamenti, il-perijodu ta’ żmien neċessarju għat-terminazzjoni jew għan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim inkwistjoni għandu l-konsegwenza li jobbliga, skont id-dritt internazzjonali, lir-Renju tal-Isvezja li jkompli japplika, matul l-intervall, il-ftehim inkwistjoni, inkluża l-klawżola ta’ trasferiment tagħhom, hekk kif wara kollox jipprovdi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Dan iwassal għal nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi fil-Komunità Ewropea tal-miżuri adottati mill-Kunsill.

17      Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mill-interventi tar-Repubblika tal-Ungerija u tar-Repubblika tal-Finlandja, kif ukoll, waqt is-seduta, mir-Repubblika tal-Litwanja, iqis li l-Kummissjoni tista’ biss tipprova ksur li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-ftehim bilaterali inkwistjoni jekk, minħabba d-drittijiet iggarantiti minn dawn il-ftehim lill-investituri ta’ pajjiżi terzi, ir-Renju tal-Isvezja ma jkollux il-possibbiltà li jimplementa l-miżuri restrittivi konkreti stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

18      Għaldaqstant, huwa biss wara l-adozzjoni effettiva tal-miżuri awtorizzati mid-dispożizzjonijiet rilevanti u f’każ ta’ nuqqas jew ta’ ineffettività tal-miżuri bbażati fuq id-dritt internazzjonali, intiżi sabiex jirrimedjaw għal inkompatibbiltà f’każ speċifiku, li tinħoloq is-sitwazzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Huwa biss f’dan il-każ li, meta tinvoka miżura restrittiva konkreta, il-kunflitt reali bejn din il-miżura u l-ftehim ikkontestat, kif ukoll il-miżuri adottati jew mhux adottati sabiex jitneħħa dan il-kunfitt, il-Kummissjoni tista’ tressaq, fir-rigward ta’ att Komunitarju identifikat, rikors ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

19      Ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja jinsistu fuq il-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tagħmel possibbli li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE f’kull każ fejn konvenzjoni, konkluża ma’ pajjiż terz jew qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat jew qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat, tkun tapplika f’qasam li fuqu l-Kummissjoni tkun għadha ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha skont it-Trattat, jiġifieri f’qasam li fuqu hija għanha ma stabbilixxietx regoli. Tali interpretazzjoni tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE portata illimitata u dan huwa kontestabbli kemm mill-aspett taċ-ċertezza legali kif ukoll mill-aspett tad-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, u tkisser l-ekwilibriju maħluq mill-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 307 KE.

20      L-inkompatibbiltà futura u eventwali, mad-dritt Komunitarju sekondarju, ta’ konvenzjoni konkluża ma’ pajjiż terz, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE u tista’ tiġi eventwalment ikkonstatata biss jekk il-Kunsill jagħmel effettivament użu mill-kompetenza tiegħu fil-qasam ikkonċernat minn dan l-artikolu.

21      F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li miżuri restrittivi tal-moviment tal-kapital adottati kontra r-Repubblika tal-Côte d’Ivoire u kontra dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja ma ġewx ostakolati mill-akkordji ta’ investiment konklużi bejn dawn l-Istati u r-Renju tal-Isvezja, liema fatt mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

22      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Ungerija tistaqsi ruħha fuq il-konsegwenzi tal-approċċ tal-Kummissjoni, peress li l-Istati Membri kkonkludew ma’ pajjiżi terzi madwar 1 000 konvenzjoni bilaterali ta’ investiment li fihom klawżoli paragunabbli fil-qasam ta’ trasferimenti, li l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt Komunitarju qatt ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni.

23      Ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja jqisu li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, il-miżuri ta’ salvagwardja msemmija fl-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, jistgħu biss jiġu implementati f’każijiet eċċezzjonali ċari li ma setgħux jiġu previsti waqt il-konklużjoni tal-konvenzjonijiet inkwistjoni. B’hekk, ir-Renju tal-Isvezja jista’ jagħmel użu mill-prinċipju rebus sic stantibus sabiex jissospendi b’mod provviżorju d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà ta’ trasferiment fil-każ fejn il-Komunità tadotta miżuri ta’ salvagwardja abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

24      L-Istati Membri li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom isostnu li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, u li hija ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tibbaża ruħha fuq suppożizzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Id-diversi ftehim ta’ investiment inkwistjoni, konklużi mir-Renju tal-Isvezja, fihom dispożizzjonijiet ekwivalenti li jiżguraw it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, tal-pagamenti konnessi ma’ investiment f’munita liberament konvertibbli.

26      B’hekk huma ggarantiti, b’mod partikolari, it-trasferiment liberu tal-fondi sabiex jinħoloq, jiġi ġestit jew estiż investiment, il-libertà li jintbagħat lura d-dħul miksub mill-investiment, kif ukoll il-libertà li jiġu ttrasferiti l-fondi neċessarji għar-rimbors tad-dejn u l-fondi li jirriżultaw mil-likwidazzjoni jew mit-terminazzjoni tal-imsemmi investiment.

27      F’dan is-sens, dawn il-ftehim huma konformi mat-termini tal-Artikolu 56(1) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi [għandha] tkun projbita”, u ma’ dawk tal-Artikolu 56(2) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita”, u huma konformi mal-għan segwit minn dan l-artikolu.

28      Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija minn dan ir-rikors tal-Kummissjoni jagħtu lill-Kunsill il-poter li jirristrinġi, f’ċerti ċirkustanzi, il-moviment tal-kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, li fosthom jinsabu l-movimenti koperti mill-klawżoli inkwistjoni.

29      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jinsabu fl-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jintroduċu, sabiex jiġi protett l-interess ġenerali tal-Komunità u sabiex jippermettu lil din tal-aħħar li tissodisfa, fejn meħtieġ, l-obbligi internazzjonali tagħha u dawk tal-Istati Membri, eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u pajjiżi terzi.

30      L-Artikolu 57(2) KE jippermetti lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, li jadotta ċerti miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvu, b’mod partikolari, investiment dirett. Meta dawn il-miżuri jkunu jikkostitwixxu “pass lura” fil-liġi Komunitarja f’dak li jirrigwarda l-liberalizzazzjoni tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi, tkun meħtieġa l-unanimità.

31      L-Artikolu 59 KE jawtorizza lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew, li jadotta miżuri ta’ salvagwardja meta l-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz “joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja” bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u jdumu għal żmien ta’ “mhux aktar minn sitt xhur

32      L-Artikolu 60(1) KE jippermetti lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex jimplementa pożizzjoni jew azzjoni komuni fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, li jadotta l-“miżuri urġenti u neċessarji” dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti. Tali azzjoni tista’ tkun meħtieġa, pereżempju, sabiex tiġi implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

33      Huwa paċifiku li l-ftehim inkwistjoni ma fihom ebda dispożizzjoni li tirriżerva dawn il-possibbiltajiet ta’ limitazzjoni, min-naħa tal-Komunità, ta’ movimenti ta’ fondi konnessi mal-investimenti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Renju tal-Isvezja kienx, għal din ir-raġuni, obbligat li jadotta l-mezzi opportuni li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

34      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjoni konkluża qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru bejnu u Stat terz ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax id-dmir tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 8; tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑84/98, Ġabra p. I-5215, punt 53, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2003, Budĕjovický Budvar, C‑216/01, Ġabra p. I‑13617, punti 144 u 145).

35      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jobbliga lill-Istati Membri li jadottaw il-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati bejn konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjoni tagħhom u d-dritt Komunitarju. Skont din id-dispożizzjoni, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw approċċ komuni.

36      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jagħtu lill-Kunsill kompetenza sabiex jirristrinġi, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-movimenti ta’ kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.

37      Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa neċessarju li l-miżuri restrittivi għall-moviment liberu tal-kapital ikunu jistgħu jiġu, fil-każ li jkunu adottati mill-Kunsill, applikati immedjatament fir-rigward tal-Istati li jkunu jikkonċernaw, u li jistgħu jinkludu xi wħud mill-Istati li ffirmaw wieħed mill-ftehim inkwistjoni mar-Renju tal-Isvezja.

38      Għalhekk, dawn il-kompetenzi tal-Kunsill, li jikkonsistu f’li jiġu adottati b’mod unilaterali miżuri restrittivi fir-rigward tal-Istati terzi f’qasam li huwa identiku jew konness ma’ dak irregolat minn ftehim preċedenti konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, iwasslu għal inkompatibbiltà mal-imsemmi ftehim meta, minn naħa, dan ma jkunx jipprevedi dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala membru tal-Komunità u meta, min-naħa l-oħra, dan lanqas ma jkun permess minn xi mekkaniżmu tad-dritt internazzjonali.

39      Issa, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni r-Renju tal-Isvezja, il-miżuri proposti minnu, u li skontu, jistgħu jippermettulu li jissodisfa l-obbligi Komunitarji tiegħu, ma jidhrux li jiggarantixxu li dan isir.

40      Fl-ewwel lok, il-perijodi ta’ żmien meħtieġa għan-negozjati internazzjonali kollha li jkunu neċessarji sabiex jiġu diskussi mill-ġdid il-ftehim inkwistjoni huma min-natura tagħhom stess inkompatibbli mal-effettività ta’ dawn il-miżuri.

41      Fit-tieni lok, il-possibbiltà li jintużaw metodi oħra offruti mid-dritt internazzjonali, bħas-sospensjoni tal-ftehim, jew inkella t-terminazzjoni tal-ftehim inkwistjoni jew ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, hija wisq inċerta fl-effetti tagħha sabiex tiżgura li l-miżuri adottati mill-Kunsill ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv.

42      Issa, huwa paċifiku li, fil-każijiet imsemmija mill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvezja, fit-terminu mogħti minn din tal-aħħar fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, ma ħa ebda pass fir-rigward tal-Istati terzi kkonċernati sabiex jelimina r-riskju ta’ kunflitt mal-miżuri li l-Kunsill jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, li jista’ jinħoloq mill-applikazzjoni tal-ftehim ta’ investimenti li huwa kkonkluda ma’ dawn l-Istati terzi.

43      Għandu jingħad ukoll, hekk kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija llum stess fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑205/06, Ġabra p. I-0000), li l-inkompatibbiltajiet mat-Trattat li jirriżultaw mill-ftehim ta’ investiment ma’ Stati terzi u li jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li jista’ jadotta l-Kunsill taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE mhumiex limitati għall-Istat Membru li huwa l-konvenut f’din il-kawża.

44      Konsegwentement, għandu jingħad li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw approċċ komuni. Fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 211 KE, li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, din għandha tieħu kull pass li jista’ jiffaċilita l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll l-adozzjoni mill-imsemmija Stati Membri ta’ approċċ komuni.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqas milli jadotta l-miżuri xierqa sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mar-Repubblika Arġentina, mar-Repubblika tal-Bolivja, mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire, mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, Hong Kong, mar-Repubblika tal-Indoneżja, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mar-Repubblika tal-Madagaskar, mal-Malasja, mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, mar-Repubblika tal-Perù, mar-Repubblika tas-Senegal, mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, mar-Repubblika tat-Tuneżija, mar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mar-Repubblika tal-Jemen, u ma’ dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Fuq l-ispejjeż

46      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Isvezja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi naqas milli jadotta l-miżuri xierqa sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mir-Renju tal-Isvezja mar-Repubblika Arġentina, mar-Repubblika tal-Bolivja, mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire, mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, Hong Kong, mar-Repubblika tal-Indoneżja, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mar-Repubblika tal-Madagaskar, mal-Malasja, mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, mar-Repubblika tal-Perù, mar-Repubblika tas-Senegal, mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, mar-Repubblika tat-Tuneżija, mar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mar-Repubblika tal-Jemen, u ma’ dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

2)      Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.