Language of document : ECLI:EU:C:2022:137

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fl‑24 ta’ Frar 2022 (1)

Kawża C99/21 P

Danske Slagtermestre

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Regoli dwar il-kontribuzzjonijiet għall-ġbir tal-ilma mormi – Ilment – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inċidenza diretta”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tagħha, Danske Slagtermestre titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (T‑486/18, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:576), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 2259 final, tad‑19 ta’ April 2018, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37433 (2017/FC) – Danimarka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li tiddikjara, fi tmiem il-fażi preliminari tal-eżami, li l-kontribuzzjoni stabbilita bil-lov nr. 902/2013 om ændring af lov om betalingsregler for spildevandsforsyningsselskaber m.v. (Betalingsstruktur for vandafledningsbidrag, bemyndigelse til opgørelse af særbidrag for behandling af særlig forurenet spildevand m.v.) (il-Liġi Nru 902/2013, li Temenda l-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli dwar il-Kontribuzzjonijiet Dovuti lill-Operaturi tat-Trattament tal-Ilma Mormi (Struttura tal-kontribuzzjonijiet għar-rimi ta’ ilma mormi, li tawtorizza l-istabbiliment ta’ kontribuzzjonijiet partikolari għat-trattament ta’ ilma mormi partikolarment imniġġes, eċċ)) tal‑4 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”) ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat mill-kompetituri tal-benefiċjarji ta’ miżuri ta’ għajnuna fil-kuntest tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, b’mod iktar partikolari, il-kunċetti ta’ “inċidenza diretta” u ta’ “miżuri ta’ implimentazzjoni”, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (2).

II.    Ilfatti li wasslu għall-kawża

3.        Danske Slagtermestre hija assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta bejjiegħa bl-imnut tal-laħam, biċċeriji, bejjiegħa bl-ingrossa u impriżi ta’ pproċessar Daniżi. Fis‑26 ta’ Settembru 2013, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, minħabba li r-Renju tad-Danimarka, permezz tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, ta għajnuna mill-Istat lil biċċeriji kbar fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-ġbir tal-ilma mormi.

4.        Din il-miżura emendat is-sistema ta’ kontribuzzjonijiet għall-ġbir tal-ilma mormi (3) u stabbilixxiet mudell digressiv “gradwali” li jipprevedi tariffa għall-metru kubu ta’ ilma mormi skont il-volum ta’ ilma mormi skarikat fi tliet partijiet (iktar ’il quddiem il-“mudell gradwali”), li l-ewwel waħda minnhom tikkorrispondi għal konsum ta’ ilma ta’ inqas minn jew ekwivalenti għal 500 m³ fis-sena għal kull beni immobbli, it-tieni waħda tikkorrispondi għall-parti tal-konsum tal-ilma li hija ta’ bejn 500 m³ u 20 000 m³ għal kull beni immobbli u tipprevedi tariffa għal kull metru kubu ta’ 20 % inqas minn dik tal-ewwel parti, u t-tielet tikkorrispondi għall-parti tal-konsum ta’ ilma li jeċċedi 20 000 m³ kull sena għal kull beni immobbli u tipprevedi tariffa għal kull metru kubu ta’ 60 % inqas minn dik tal-ewwel parti (4).

5.        Fi tmiem il-fażi preliminari tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li permezz tagħha hija qieset li t-tariffikazzjoni l-ġdida stabbilita mill-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

III. Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

6.        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

7.        Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors inammissibbli, minħabba li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi, la f’isimha stess u lanqas bħala rappreżentanta tal-interessi tal-membri tagħha. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti la kellha locus standi bis-saħħa tal-istatus tagħha bħala parti interessata (peress li ma sostnietx, fir-rikors tagħha, il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha) u lanqas bl-inċidenza diretta u individwali tal-membri tagħha.

8.        Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (5), il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “att regolatorju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (punti 94 sa 96 tad-digriet appellat) iddeċidiet li din id-deċiżjoni ma kinitx tikkonċerna direttament lir-rikorrenti (punti 97 sa 104 ta’ dan id-digriet), b’tali mod li r-rikors ippreżentat minnha kien inammissibbli, mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija deċiżjoni kinitx tinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni (punt 105 tal-imsemmi digriet).

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja u ttalbiet tal-partijiet

9.        Fis‑17 ta’ Frar 2021, Danske Slagtermestre ppreżentat appell mid-digriet appellat. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla dan id-digriet (6).

10.      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11.      Il-partijiet wieġbu wkoll bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar iddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

V.      Analiżi

12.      Insostenn tal-appell tagħha, Danske Slagtermestre tinvoka ħames aggravji bbażati, essenzjalment, fuq l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-kundizzjoni tal-“inċidenza diretta”, fis-sens tat-tielet każ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Montessori.

13.      Preliminarjament, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tal-appell, minħabba li t-talbiet imressqa mill-appellanti huma intiżi biss għall-annullament tad-digriet appellat, filwaqt li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tal-appell huma intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza. Fuq il-mertu, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Daniż, titlob, prinċipalment, li l-appell jiġi miċħud u, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta tal-appellanti, tiċħad l-appell minħabba li d-deċiżjoni inkwistjoni hija att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tat-tielet każ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, billi tissostitwixxi l-motivi tad-digriet appellat.

14.      Fir-rigward, preliminarjament, tal-ammissibbiltà tal-appell fis-sens tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa minnu li, għalkemm l-appellanti ma titlobx espressament li jintlaqgħu t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, jew li tiġi annullata d-deċiżjoni inkwistjoni (7), jidhirli li t-talbiet tagħha jistgħu jitqiesu biss bħala intiżi, essenzjalment, għall-istess riżultat, taħt piena li jiġi evitat formaliżmu eċċessiv (8). Għalhekk, inqis li l-appell huwa ammissibbli.

15.      Fis-segwenti, ser nanalizza qabelxejn, il-ħames aggravji tal-appell, dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali relatata mal-inċidenza diretta tal-appellanti (Sezzjoni A). Sussegwentement, ser neżamina l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, skont ir-raġunament li qiegħed nipproponilha, tiddeċiedi li d-digriet appellat għandu jiġi annullat (Sezzjoni B.1), fir-rigward, minn naħa, tal-inċidenza diretta tal-appellanti (1.) u, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni tal-assenza possibbli ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, li ma ġietx analizzata mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat (Sezzjoni B.2).

A.      Fuq lappell

16.      Il-ħames aggravji, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq allegazzjoni ta’ applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “inċidenza diretta”, it-tieni wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkonfondiet l-evalwazzjoni tal-inċidenza individwali ma’ dik tal-inċidenza individwali, it-tielet wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-kriterji stabbiliti mis-sentenza Montessori dwar l-inċidenza diretta huma ssodisfatti f’dan il-każ, ir-raba’ wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-appellanti ma wrietx li l-membri tagħha kienu ġarrbu kompetizzjoni distorta u, il-ħames wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterji marbuta mal-inċidenza individwali, billi ppreżumiet li dawn huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar.

1.      Fuq ilkriterju tal-inċidenza diretta kif interpretat millġurisprudenza talQorti talĠustizzja

17.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 236 TFUE jistabbilixxi li kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu, rikors kontra l-atti indirizzati lilha (l-ewwel każ) jew li jirrigwardawha direttament u individwalment (it-tieni każ) (9), kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (it-tielet ipoteżi) (10).

18.      Barra minn hekk, peress li l-espressjoni “li jirrigwardaha direttament” tidher b’mod identiku fit-tieni u fit-tielet każ previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, diġà ġie deċiż li l-kunċett ta’ inċidenza diretta li jaqa’ taħt it-tielet każ ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni iktar restrittiva minn dak li jaqa’ taħt it-tieni każ (11).

19.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tkun tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (12).

20.      Fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi enfasizzat li dawn għandhom l-għan li jippreżervaw il-kompetizzjoni. B’hekk, f’dan il-qasam, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni żżomm sħaħ l-effetti ta’ miżuri nazzjonali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent ikun sostna, fi lment indirizzat lil dik l-istituzzjoni, li ma kinux kompatibbli ma’ dan l-għan u li jqegħduh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża jippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni (13).

21.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-applikazzjoni tal-ewwel wieħed miż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għalkemm ma hijiex il-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li għandha tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-miżuri nazzjonali evalwati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħad-deċiżjoni inkwistjoni, l-inċidenza diretta ta’ tali rikorrenti ma tistax madankollu tiġi dedotta mis-sempliċi potenzjalità ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni (14).

22.      Fil-fatt, sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta teżiġi li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar “esponiex b’mod rilevanti r-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tpoġġih f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u, għaldaqstant, tista’ tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu” (15).

23.      Hija l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari mis-sentenza Montessori, li għandha tiġi eżaminata hawnhekk.

24.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-ġurisprudenza preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta fis-sens tat-tieni każ msemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (li sar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE), spiss marġinali meta mqabbla ma’ dik tal-inċidenza individwali (16), kienet pjuttost iffokata fuq it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta, jiġifieri l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni (17) filwaqt li kull analiżi tal-effetti materjali tal-miżura inkwistjoni kienet prinċipalment meħuda inkunsiderazzjoni mill-perspettiva tal-inċidenza individwali. Wara l-introduzzjoni tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mit-Trattat ta’ Lisbona, il-qorti tal-Unjoni, mitluba teżamina l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta ta’ rikorrent indipendentement minn kull kunsiderazzjoni dwar l-inċidenza individwali tiegħu, interpretat dan il-kriterju b’mod dejjem iktar eżiġenti (18), billi ħadet inkunsiderazzjoni elementi ta’ natura fattwali li huma simili ħafna, essenzjalment, għal dawk li sa dak iż-żmien kienu jagħmlu parti mill-eżami tal-inċidenza individwali (19).

25.      Madankollu, minkejja dawn l-iżviluppi fil-ġurisprudenza, ma jistax jiġi miċħud, fl-opinjoni tiegħi, li l-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta hija marbuta, b’mod predominanti, ma’ elementi ta’ natura ġuridika, kif jirriżulta mill-istess kliem tal-formulazzjoni użata b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-kundizzjoni li l-miżura kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu (20), filwaqt li dik tal-inċidenza individwali tinkludi evalwazzjoni materjali veritiera tas-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrent, ibbażata prinċipalment fuq indikaturi ta’ natura ekonomika (21).

2.      Fuq levalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar linċidenza diretta tarrikorrenti

26.      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, b’riferiment għall-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Montessori, li, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, “il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk din tal-aħħar esponietx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u, għaldaqstant, li tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha” (22), irrilevat, billi għamlet riferiment għall-punti 71 sa 77 tad-digriet appellat, li, “fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ma [kinitx] uriet li l-membri tagħha, jew uħud minnhom, kienu konkretament affettwati mill-miżura inkwistjoni u wisq inqas liema huma l-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar fuq il-pożizzjoni tal-kompetizzjoni tagħhom” u kkonkludiet li “[i]r-rikorrenti ma [kinitx] għaldaqstant stabbilixxiet b’mod rilevanti li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tqiegħed lill-membri tagħha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni kienet taffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’mod partikolari id-dritt tagħhom li ma jġarrbux fis-suq rilevanti kompetizzjoni distorta mill-imsemmija miżura” (23).

27.      Kif issostni l-appellanti, bl-użu tal-verbi “turi” u “tistabbilixxi”, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ssuġġettat il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għal rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din il-kundizzjoni fis-sentenza Montessori. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat sewwa li, jekk l-inċidenza diretta ta’ rikorrent ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi potenzjalità ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni (24), hija mitluba tivverifika li r-rikorrent “espona b’mod rilevanti” li teżisti l-“potenzjalità ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni żvantaġġuża” (25). Madankollu, niddubita bil-qawwi li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-każ ineżami timplika li l-appellanti kienet obbligata “turi” li wħud mill-membri tagħha “kienu affettwati b’mod konkret mill-miżura inkwistjoni” u “x’kienu l-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar fuq il-pożizzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom”.

28.      Għalhekk, jidhirli li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Montessori.

29.      Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, sabiex tevita li tillimita ruħha għal evalwazzjoni eċċessivament formalista, għandu jiġi vverifikat jekk, indipendentement mill-kriterju użat, l-elementi msemmija mill-Qorti Ġenerali humiex madankollu suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni li l-appellanti ma “esponietx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża”.

30.      Kif issostni l-appellanti, fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar l-assenza ta’ inċidenza diretta tal-membri tagħha f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 103 tad-digriet appellat, sempliċement tagħmel riferiment għall-punti 71 sa 77 tiegħu, li jikkonċernaw espliċitament l-evalwazzjoni, ferm differenti, dwar l-assenza ta’ inċidenza individwali tal-membri (26).

31.      Dawn il-punti tad-digriet appellat jikkonċernaw, essenzjalment, it-“turija ta’ ħsara sostanzjali kkawżata lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq”. Madankollu, il-kriterju tal-“inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva” tar-rikorrenti, rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-inċidenza individwali, jikkostitwixxi parametru inkontestabbilment differenti minn dak tal-“potenzjalità ta’ sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża”, rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-inċidenza diretta. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 69 tad-digriet appellat, sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza individwali tagħha, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fil-konfront tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li hija tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzaha b’mod analogu għal dik tad-destinatarju tad-deċiżjoni inkwistjoni (27), filwaqt li, sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza diretta tagħha, huwa biżżejjed li tali impriża tesponi b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u, għaldaqstant, li tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha (28).

32.      Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-elementi li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tal-assenza ta’ inċidenza individwali tal-membri tal-appellanti, jew pjuttost uħud minn dawn l-elementi, jistgħu jkunu wkoll rilevanti sabiex jiġi stabbilit li hija ma kinitx “esponiet b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward.

33.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-elementi msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 71 sa 77 tad-digriet appellat ma jistgħux isostnu l-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ inċidenza diretta tal-membri tar-rikorrenti (29).

34.      Fil-fatt, qabelxejn, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 71, 72 u 74 tad-digriet appellat, l-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta tal-appellanti ma għandhiex tkun ibbażata fuq ċifri konkreti tal-partijiet tas-suq u lanqas fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha. Din l-evalwazzjoni lanqas ma teħtieġ, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali stabbiliti fil-punti 73 u 75 tad-digriet appellat, wirja tar-riperkussjonijiet tat-tariffi għat-trattament tal-ilma mormi fuq il-prezzijiet applikati mill-membri tal-appellanti lill-klijenti tagħhom jew offrut lill-fornituri tagħhom (30).

35.      Sussegwentement, fil-punt 76 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali essenzjalment talbet analiżi komparattiva tal-iżvantaġġi tal-miżura f’termini ta’ kompetittività fir-rigward tal-impriżi Daniżi l-kbar u tal-vantaġġi li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-impriżi żgħar u medji Daniżi meta mqabbla mal-impriżi kompetituri stabbiliti fi Stati Membri oħra. Madankollu, għalkemm tali analiżi tista’ tkun rilevanti sabiex tiġi stabbilita distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma jidhirlix li din hija bl-ebda mod neċessarja għall-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta tal-membri tar-rikorrenti (31).

36.      Fl-aħħar, huwa evidenti, kif fakkart fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kriterju tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tal-appellanti, imsemmi fil-punti 77 u 78 tad-digriet appellat, jirreferi għal kriterju tipiku li jikkonċerna l-inċidenza individwali (32).

37.      Għaldaqstant, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta tal-appellanti meta hija mmotivat, essenzjalment, l-assenza ta’ inċidenza diretta tal-membri tagħha minħabba l-assenza ta’ inċidenza individwali tagħhom.

38.      Għalhekk, nipproponi li jintlaqa’ l-ewwel aggravju u, konsegwentement, li jiġi annullat id-digriet appellat.

B.      Fuq irrikors flewwel istanza

39.      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi l-kawża hija stess b’mod definittiv, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi.

40.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, li tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, hija għandha, għall-kuntrarju, l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-locus standi tal-appellanti fis-sens tat-tielet każ previst fl-Artikolu 263 TFUE kienet is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżami tagħha ma jeħtieġ l-adozzjoni ta’ ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ struttorja tal-proċess.

41.      Għaldaqstant, għandha qabelxejn tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza sabiex imbagħad, fil-każ li dan ir-rikors jirriżulta li huwa ammissibbli, jintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu.

42.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti, fl-ewwel lok minħabba l-inċidenza fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni u, fit-tieni lok, bħala rappreżentanta tal-interessi tal-membri tagħha, f’dak li jirrigwarda l-locus standi tagħhom fis-sens, rispettivament, ta’ kull wieħed mill-każijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

43.      L-ewwel, ser neżamina l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti bħala rappreżentanta tal-interessi tal-membri tagħha fir-rigward tat-tielet każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Peress li l-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala “att regolatorju” ma hijiex inkwistjoni u barra minn hekk ma ġietx ikkontestata (33), ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq l-inċidenza diretta tal-appellanti (Sezzjoni B.1) u fuq l-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni (Sezzjoni B.2).

1.      Fuq linċidenza diretta tarrikorrenti

44.      Preliminarjament, infakkar li, sabiex individwu jkun affettwat direttament, jeħtieġ li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-individwu, u min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (34).

45.      Peress li t-tieni parti ta’ din il-kundizzjoni ma hijiex verament diskussa fil-każ ineżami (35), ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u, b’mod iktar partikolari, tal-membri tagħha.

46.      Skont l-insenjamenti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti “esponietx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tpoġġi lill-membri tagħha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u, għaldaqstant, tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha”.

47.      Fil-punt 50 tas-sentenza Montessori, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rikorrenti kienu ssodisfaw dawn ir-rekwiżiti, billi allegaw ir-raġunijiet tagħhom “filwaqt li ressqu provi insostenn ta’ dan u mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt mill-Kummissjoni”. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikorrenti kienu sostnew li l-istabbilimenti rispettivi tagħhom kienu jinsabu fil-viċinanza immedjata ta’ entitajiet li kienu jeżerċitaw attivitajiet simili u li għalhekk kienu attivi fl-istess suq ta’ servizzi u fl-istess suq ġeografiku, u li dawn l-entitajiet kienu, a priori, eliġibbli għall-miżuri inkwistjoni. Għalhekk, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment illimitat ruħha li tikkonstata li r-rikorrenti kienu sostnew l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji potenzjali tal-miżura inkwistjoni.

48.      Dawn l-istess rekwiżiti, li jitolbu evalwazzjoni każ b’każ, ġew interpretati b’mod ftit jew wisq wiesa’ fil-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti Ġenerali (36).

49.      Għal dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, l-appellanti sostniet, qabel kollox, li hija assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta bejjiegħa bl-imnut tal-laħam, biċċeriji, bejjiegħa bl-ingrossa u impriżi ta’ pproċessar Daniżi, sussegwentement, li diversi mill-membri tagħha, permezz tal-attività tagħhom, huma f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ impriża kbira li topera fl-istess qasam fit-territorju Daniż, jiġifieri Danish Crown, li għandha partijiet mis-suq estremament kbar, jiġifieri 95 % u 63 % rispettivament tal-biċċeriji li jipproċessaw il-majjali u l-baqar, u finalment, li Danish Crown, minħabba il-volum għoli tagħha ta’ ilma mormi, hija suġġetta, permezz tal-miżura inkwistjoni, għall-kontribuzzjoni prevista fit-tielet parti tal-mudell gradwali (37), fatt li jagħtiha d-dritt għal tariffi inqas għoljin minn dawk dovuti mill-membri tagħha, li huma suġġetti biss għall-kontribuzzjonijiet, iktar għoljin, previsti mill-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-mudell.

50.      Ċertament, huwa minnu li l-espożizzjoni tal-motivi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza hija superfiċjali ħafna u, barra minn hekk, ma tiddistingwixxix b’mod ċar bejn id-diversi kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors. Madankollu, jekk wieħed iżomm mal-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li ma ġewx validament ikkontestati mill-Kummissjoni u mir-Renju tad-Danimarka matul il-kawża, ma jistax jiġi serjament ikkontestat li r-rikorrenti invokat elementi rilevanti li abbażi tagħhom huwa probabbli ħafna li l-membri tagħha (jew tal-inqas uħud minnhom) jinsabu f’kompetizzjoni ma’ kumpannija li teżerċita l-istess attività fit-territorju Daniż li tista’ tibbenefika, skont l-allegazzjonijiet tagħha, mill-miżuri inkwistjoni (38).

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni (39), għandu jitqies, fil-fehma tiegħi, li r-rikorrenti “esponiet b’mod rilevanti” li d-deċiżjoni inkwistjoni, li tħalli intatt l-effetti kollha tal-miżura inkwistjoni, tista’ tqiegħed lill-membri tagħha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma taffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom li ma jkunux suġġetti f’dan is-suq għal kompetizzjoni distorta minn din il-miżura.

52.      Għalhekk, inqis li r-rikorrenti hija direttament affettwata mill-miżura inkwistjoni, fis-sens tat-tielet każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

2.      Fuq lassenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni

53.      Skont il-Kummissjoni u l-Gvern Daniż, f’dan il-każ jeżistu miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li t-tielet każ previst f’din id-dispożizzjoni ma huwiex applikabbli. B’mod iktar preċiż, huma jsostnu li, skont is-sistema implimentata mill-miżura inkwistjoni, l-operaturi tal-impjanti ta’ purifikazzjoni jiffissaw, kull sena, it-tariffa applikabbli għat-tliet partijiet tal-mudell gradwali u li l-kunsilli muniċipali kompetenti japprovaw din it-tariffa. Sussegwentement, kull impriża Daniża li tiskarika ilma mormi tirċievi avviż ta’ taxxa dwar il-ħlas tat-tariffa tagħha għat-trattament tal-ilma mormi skarikat minnha. Konsegwentement, il-membri tal-appellanti jistgħu jikkontestaw dan l-avviż ta’ impożizzjoni quddiem qorti nazzjonali billi jsostnu li l-iskema inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali favur impriżi li jikkonsmaw kwantitajiet kbar ta’ ilma.

54.      Preliminarjament, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-frażi “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jikseb aċċess għal qorti. Meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiċċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma kellhiex rimedju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa fil-konfront tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (40).

55.      Għall-kuntrarju, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni li dan l-att jinvolvi (41).

56.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt ta’ rimedju taħt it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra hija irrilevanti. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tar-rikors (42).

57.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm, fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu din l-iskema u l-atti li jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, bħal avviż ta’ impożizzjoni, jikkostitwixxu miżuri ta’ implimentazzjoni li jinkludu deċiżjoni li tiddikjara l-imsemmija skema inkompatibbli mas-suq intern jew li tiddikjara din l-istess skema kompatibbli ma’ dan is-suq bla ħsara għall-osservanza ta’ impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat (43), din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tal-kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ miżura nazzjonali li tqieset bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li s-sitwazzjoni ta’ tali kompetitur hija distinta minn dik tal-benefiċċjarji tal-għajnuna previsti minn din l-istess ġurisprudenza sa fejn dan il-kompetitur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mill-miżura nazzjonali inkwistjoni sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar (44).

58.      F’dan il-każ, minn naħa, ma teżistix miżura ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li toriġina mill-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jidhirli li l-membri tar-rikorrenti ma humiex ikkonċernati minn miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

59.      Huwa minnu li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija, sa ċertu punt, differenti minn dik li kienet is-suġġett tas-sentenza Montessori, fis-sens li l-membri tagħha stess huma kkonċernati mill-iskema inkwistjoni u jirċievu avviż tat-taxxa bl-istess mod tal-allegat benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri hija distinta minn dik tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, sa fejn huma ma għandhomx dritt għat-tariffa, iktar vantaġġuża, prevista minn din il-miżura fil-kuntest tat-tielet parti u li, skont l-allegazzjonijiet tagħhom, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, ikun artifiċjali li dawn il-membri jiġu obbligati jitolbu li din it-tariffa tiġi applikata għalihom, filwaqt li jkunu jafu li ma għandhomx dritt, għall-finijiet biss li jikkontestaw ir-rifjut quddiem qorti nazzjonali sabiex din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni (45).

61.      Bħala konklużjoni, inqis li d-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżura ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti, fis-sens tat-tielet każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

62.      Għaldaqstant, nipproponi li r-rikors fl-ewwel istanza jiġi ddikjarat ammissibbli.

C.      Fuq irrinviju tal-kawża lillQorti Ġenerali

63.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni inkwistjoni hijiex ivvizzjata b’illegalità, infakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli mingħajr ma eżaminat il-motivi fuq il-mertu mqajma kontra din id-deċiżjoni. Dawk il-motivi jeżiġu evalwazzjonijiet fattwali li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni (46).

64.      Konsegwentement, inqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fuq il-mertu u li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors.

VI.    Fuq lispejjeż

65.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni definittiva hija stess dwar il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

66.      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

67.      Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

68.      Fil-kawża ineżami, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż (47).

VII. Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (T‑486/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:576);

–        tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza bħala ammissibbli;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors fl-ewwel istanza;

–        tirriżerva l-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      C‑622/16 P sa C‑624/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Montessori”, EU:C:2018:873.


3      Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-leġiżlazzjoni Daniża kienet tipprevedi tariffa unitarja għal kull metru kubu tal-ilma għall-konsumaturi kollha tal-ilma, irrispettivament mis-settur ta’ attività tagħhom, marbuta mal-istess impjant ta’ purifikazzjoni, indipendentement mill-konsum tagħhom.


4      B’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tal-mudell gradwali, il-konsumaturi li jaqgħu taħt it-tielet parti jħallsu qabelxejn it-tariffa prevista għall-ewwel parti (sakemm il-konsum tal-ilma tagħhom jaqbeż il‑500 m³), imbagħad it-tariffa prevista għat-tieni parti (sakemm il-konsum tagħhom jaqbeż l‑20 000 m³) u, fl-aħħar, iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ilma mormi skont it-tariffa prevista għat-tielet parti.


5      Dan huwa l-każ ta’ rikors ippreżentat kontra att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrent u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.


6      Ninnota li l-appellanti la titlob li jintlaqa’ r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, u lanqas li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.


7      Hija titlob sempliċement l-annullament tad-digriet appellat, skont l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura.


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punti 57 sa 60). Barra minn hekk, peress li l-appell jikkonċerna biss l-ammissibbiltà tar-rikors, fil-każ li jintlaqa’ l-appell, ma jista’ jkun hemm ebda dubju dwar il-fatt li t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni jibqgħu kompletament rilevanti, iktar u iktar peress li, skont il-proposti tiegħi, ir-rikors għandu jiġi rrinvijat lill-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors.


9      Dan il-każ huwa, essenzjalment, identiku għal dak previst qabel fl-Artikolu 230 KE (u, iktar qabel, fl-Artikolu 173 KEE), li jistabbilixxi li kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, jikkonċernawha direttament u individwalment.


10      Dan it-tielet każ ġie miżjud mit-Trattat ta’ Lisbona sabiex twessa’ l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra l-atti kollha ta’ portata ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Montessori, punti 26 u 27).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punti 82 sa 84).


12      Ara s-sentenza Montessori, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dan jgħodd ukoll meta l-possibbiltà għad-destinatarji tagħha li ma jsegwux att tal-Unjoni tkun purament teoretika, peress li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tagħhom li jisiltu konsegwenzi konformi ma’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 44).


13      Ara s-sentenza Montessori, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Ara s-sentenza Montessori, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15      Ara s-sentenza Montessori, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Ara b’mod partikolari s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, COFAZ vs Il‑Kummissjoni (C‑169/84, EU:C:1990:301, punt 30).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punti 7 sa 10) u tat‑12 ta’ Lulju 1990, COFAZ vs Il-Kummissjoni (C‑169/84, EU:C:1990:301, punt 30).


18      Minkejja, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “inċidenza diretta” li jaqa’ taħt it-tielet każ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni iktar restrittiva minn dak li jaqa’ taħt it-tieni każ ta’ din id-dispożizzjoni.


19      Ara, b’mod partikolari, Noël, V. u Thomas, S., “Locus standi in State Aid Litigation After Montessori”, European State Aid Law Review, Nru 4, Nru 2021, p. 528, kif ukoll R. Caranta, “Knock, and it shall be opened unto you: Standing for non privileged applicants after Montessori”, Common Market Law Review, Nru 58, 2021, p. 173 u 174. Is-sentenza Montessori ma jidhirlix li hija eżentata minn kritika f’dan ir-rigward, peress li l-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza sabiex tispeċifika l-kriterji relatati mal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta hija simili ħafna għal dik użata minnha stess fil-punt 28 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, COFAZ vs Il‑Kummissjoni (C‑169/84, EU:C:1990:301) għall-finijiet tal-analiżi, ferm differenti, tal-inċidenza individwali.


20      Sabiex inkun preċiż, qiegħed nirreferi għall-ewwel wieħed miż-żewġ kriterji ta’ din il-kundizzjoni, it-tieni wieħed, li l-preżenza tiegħu ma hijiex ikkontestata fil-każ ineżami, ikun dak li l-miżura kkontestata ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha (ara l-punti 19 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


21      L-Avukat Ġenerali Wathelet, fil-kawża Montessori, kien ippropona distinzjoni ċara bejn l-inċidenza diretta u l-inċidenza individwali bbażata fuq il-fatt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu jirrigwardaw, l-ewwel waħda, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent (il-miżura kkontestata għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu) u, it-tieni waħda, is-sitwazzjoni fattwali tiegħu (il-miżura għandha taffettwah minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra) (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:229, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx distinzjoni tant ċara fis-sentenza Montessori.


22      Ara l-punt 102 tad-digriet ikkontestat (korsiv miżjud minni).


23      Ara l-punt 103 tad-digriet ikkontestat (korsiv miżjud minni).


24      Ara s-sentenza Montessori, punt 46.


25      Ara s-sentenza Montessori, punt 47.


26      Ara l-punti 70 u 78 tad-digriet appellat. Il-Qorti Ġenerali għalhekk għamlet, sabiex nissellef il-kliem tal-Avukat Ġenerali Wathelet, “perverżjoni tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:229, punt 58).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk huwa evidenti li ż-żewġ kundizzjonijiet jibqgħu differenti u li r-rekwiżiti previsti sabiex jiġi stabbilit l-interess individwali jibqgħu, bħala prinċipju, sostanzjalment differenti minn dawk relatati mal-interess dirett.


29      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-assenza, ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tad-digriet appellat, tal-wiri tar-riperkussjoni ta’ tariffi għat-trattament tal-ilma mormi fuq il-prezzijiet li l-membri tar-rikorrenti jistgħu effettivament jiffatturaw lill-klijenti tagħhom jew joffruhom lill-fornituri tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżami tal-effett konkret ta’ għajnuna mill-Istat fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tar-rikorrenti ma huwiex kriterju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors, peress li l-kompitu tal-qorti tal-Unjoni f’dan l-istadju ma huwiex li tiddeċiedi b’mod definittiv, fuq ir-relazzjonijet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-benefiċċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna iżda li tivverifika jekk ir-rikorrenti esponietx b’mod rilevanti r-raġunijet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 20 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


30      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet riċentement li, billi allegat, essenzjalment, li r-rikorrenti ma ddefinixxietx is-swieq li fihom ġiet ippreġudikata l-pożizzjoni kompetittiva tagħha billi rrilevat li hija ma kienet tat ebda informazzjoni dwar id-daqs u l-istruttura tagħhom kif ukoll lill-kompetituri preżenti f’dawn is-swieq, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-inċidenza individwali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punti 63 u 64). Barra minn hekk, analiżi tant wiesgħa tas-suq u tar-riperkussjonijiet tal-miżuri kkontestati fuq il-pożizzjoni tal-operaturi lanqas ma jidhirli li hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.


31      Nistaqsi, inċidentalment, jekk din l-analiżi lanqas ma hija eċessarja fir-rigward tal-kundizzjoni tal-inċidenza individwali.


32      Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza stabbilita invokata fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li jekk l-inċidenza diretta ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi potenzjalità ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, relazzjoni ta’ kompetizzjoni stabbilita hija biżżejjed f’dan ir-rigward.


33      Fil-fatt, bħad-deċiżjoni li kienet is-suġġett tas-sentenza Montessori, id-deċiżjoni inkwistjoni għandha l-għan li ma tqisx il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u għalhekk għandha portata ġenerali, filwaqt li ma hijiex att leġiżlattiv. Għaldaqstant, hija tikkostitwixxi “att regolatorju” fis-sens tat-tielet każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Montessori, punti 22 sa 33).


34      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


35      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni li tiddikjara miżura statali bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, bħad-deċiżjoni inkwistjoni, toħloq l-effetti legali tagħha b’mod purament awtomatiku skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara, f’dan is-sena, is-sentenza Montessori, punt 54).


36      Ara, fir-rigward ta’ rikorsi ddikjarati ammissibbli, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2021, Verband Deutscher Alten- und Behindertenhilfe u CarePool Hannover vs Il‑Kummissjoni (T‑69/18, EU:T:2021:189, punti 157 u 158), kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2021, Casa Regina Apostolorum della Pia Società delle Figlie di San Paolo vs Il-Kummissjoni (T‑223/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:315, punti 95 sa 99), u, fir-rigward ta’ rikors iddikjarat inammissibbli, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Settembru 2019, Opere Pie d’Onigo vs Il‑Kummissjoni (T‑491/17, EU:T:2019:692, punti 31 sa 35).


37      B’mod iktar preċiż, hija suġġetta għat-tielet parti ta’ dan il-mudell sa fejn ir-rimi tagħha ta’ ilma mormi jeċċedi l-kwantitajiet li jaqgħu taħt l-ewwel u t-tieni parti (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


38      Barra minn hekk, nistaqsi, jekk il-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxietx b’mod impliċitu, fil-punt 77 tad-digriet appellat, li, tal-inqas, il-membri tal-appellanti kienu jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat preżunta, meta hija tafferma l-ewwel li “jekk ir-rikorrenti, effettivament, sostniet li l-membri tagħha kienu jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-biċċeriji ta’ daqs kbir li jibbenefikaw mill-għajnuna allegata, iżda baqgħet ma stabbilixxietx effett konkret tal-għajnuna allegata fil-konfront tal-membri tagħha, u fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq ikkonċernat” biex imbagħad fil-punt 78, tikkonkludi li din ir-relazzjoni kompetittiva “ma hijiex suffiċjenti sabiex turi li l-pożizzjoni kompetittiva tal-membri fis-suq hija affettwata b’mod sostanzjali u li b’hekk huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni [inkwistjoni]” (korsiv miżjud minni).


39      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara s-sentenza Montessori, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41      Ara s-sentenza Montessori, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata. Meta l-implimentazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implimentazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jistgħu jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni. Meta din l-implimentazzjoni tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwassluhom sabiex jagħmlu, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Montessori, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenza Montessori, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43      Ara s-sentenza Montessori, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44      Ara s-sentenza Montessori, punt 65.


45      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Montessori, punti 65 sa 67, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il‑Kummissjoni (C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, punti 38 sa 42).


46      Ara b’mod partikolari s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Għall-kuntrarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża li tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, ikun meħtieġ li Danske Slagtermestre tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u li jiġi konkluż li r-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.