Language of document : ECLI:EU:C:2022:510

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

30 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Skema ta’ kontribuzzjonijiet għall-ġbir ta’ ilma mormi – Ilment – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inċidenza diretta”

Fil-Kawża C‑99/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑17 ta’ Frar 2021,

Danske Slagtermestre, stabbilita f’Odense (Id-Danimarka), irrappreżentata minn H. Sønderby Christensen, advokat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Grønfeldt u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Nymann-Lindegren, V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u L. Teilgård, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Danske Slagtermestre titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Danske Slagtermestre vs Il-Kummissjoni (T‑486/18, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:576), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2259 final tad‑19 ta’ April 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37433 (2017/FC) – Danimarka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li tiddikjara, fi tmiem il-fażi preliminari tal-eżami, li l-kontribuzzjoni stabbilita bil-lov nr. 902/2013 om ændring af lov om betalingsregler for spildevandsforsyningsselskaber m.v. (Betalingsstruktur for vandafledningsbidrag, bemyndigelse til opgørelse af særbidrag for behandling af særlig forurenet spildevand m.v.) (il-Liġi Nru 902/2013 li Temenda l-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli dwar il-Kontribuzzjonijiet Dovuti lill-Operaturi tat-Trattament tal-Ilma Mormi (Struttura tal-Kontribuzzjonijiet għar-Rimi ta’ Ilma Mormi, li Tawtorizza l-Istabbiliment ta’ Kontribuzzjonijiet Partikolari għat-Trattament ta’ Ilma Mormi Partikolarment Imniġġes, eċċ)) ma tagħti l-ebda vantaġġ lil impriżi speċifiċi u li għalhekk hija ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        L-appellanti hija assoċjazzjoni professjonali li allegatament tirrappreżenta biċċeriji, bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut tal-laħam u impriżi ta’ pproċessar żgħar Daniżi. Fis‑26 ta’ Settembru 2013, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, minħabba li r-Renju tad-Danimarka ta, permezz tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 902/2013, għajnuna mill-Istat lil biċċeriji kbar fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għat-trattament ta’ ilma mormi.

3        Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-leġiżlazzjoni Daniża kienet tipprevedi tariffa unitarja għal kull metru kubu ta’ ilma għall-konsumaturi kollha tal-ilma konnessi mal-istess impjant ta’ purifikazzjoni, irrispettivament mis-settur ta’ attività tagħhom u mill-konsum tagħhom. Issa, il-Liġi Nru 902/2013 stabbilixxiet mudell digressiv gradwali li jipprevedi tariffa għal kull metru kubu ta’ ilma mormi li hija stabbilita skont il-volum ta’ ilma mormi skarikat (iktar ’il quddiem il-“mudell gradwali”).

4        Il-mudell gradwali huwa mfassal b’dan il-mod:

–        il-parti 1 tikkorrispondi għal konsum ta’ ilma ta’ inqas minn jew ekwivalenti għal 500 m³ fis-sena għal kull proprjetà immobbli;

–        il-parti 2 tikkorrispondi għall-parti tal-konsum ta’ ilma li hija ta’ bejn 500 m³ u 20 000 m³ fis-sena għal kull proprjetà immobbli, u

–        il-parti 3 tikkorrispondi għall-parti tal-konsum ta’ ilma li jeċċedi 20 000 m³ fis-sena għal kull proprjetà immobbli.

5        L-operaturi tal-impjanti ta’ purifikazzjoni jiffissaw it-tariffa għal kull metru kubu għal kull waħda mill-partijiet kif ġej:

–        it-tariffa għal kull metru kubu tal-parti 2 hija ta’ 20 % inqas minn dik tal-parti 1 u

–        it-tariffa għal kull metru kubu tal-parti 3 hija ta’ 60 % inqas minn dik tal-parti 1.

6        Fil-kuntest tal-mudell gradwali, il-konsumaturi li jaqgħu taħt il-parti 3 iħallsu qabel kollox it-tariffa prevista għall-parti 1 sakemm il-konsum ta’ ilma tagħhom jaqbeż il‑500 m³. Sussegwentement huma jħallsu t-tariffa prevista għall-parti 2 sakemm il-konsum tagħhom jaqbeż l‑20 000 m³, u, fl-aħħar nett, iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ilma mormi skont it-tariffa prevista għall-parti 3.

7        Bejn l‑10 ta’ Ottubru 2013 u t‑12 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni skambjat informazzjoni dwar l-ilment mal-appellanti u mar-Renju tad-Danimarka. Fit‑23 ta’ Lulju 2014 u fil‑25 ta’ Frar 2016, din l-istituzzjoni bagħtet ittri ta’ evalwazzjoni preliminari lill-appellanti, li fihom hija qieset li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tagħti vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

8        Fid‑19 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Filwaqt li l-appellanti qieset li l-mudell gradwali kien jiffavorixxi, fis-suq tal-qtil tal-annimali, il-biċċeriji l-kbar fid-Danimarka billi tahom vantaġġ ekonomiku li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni qieset li t-tarifikazzjoni l-ġdida stabbilita mil-Liġi Nru 902/2013 ma kienet tagħti ebda vantaġġ partikolari lil impriżi speċifiċi.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Awwissu 2018, l-appellanti ppreżentat, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

10      Ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dan l-intervent ġie ammess.

11      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors inammissibbli, minħabba li l-appellanti ma kellhiex locus standi.

12      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 32 ta’ dan id-digriet, li, għalkemm l-ewwel każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-locus standi ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika kontra l-atti li tagħhom hija tkun destinatarja, kien, fi kwalunkwe każ, nieqes minn rilevanza f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha bħala destinatarju uniku r-Renju tad-Danimarka, kellu jiġi eżaminat, min-naħa l-oħra, jekk l-appellanti kellhiex locus standi skont it-tieni jew it-tielet każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw, rispettivament, il-locus standi ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika kontra l-atti li jikkonċernawha direttament u individwalment, u l-locus standi ta’ tali persuna kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ eżekuzzjoni.

13      F’dan ir-rigward, wara li kkonstatat, fil-punti 24 sa 26 tal-imsemmi digriet, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx taffettwa individwalment lill-appellanti bħala negozjatriċi, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 33 sa 82 tal-istess digriet, iddeċidiet li l-kundizzjoni li tgħid li l-appellanti għandha tkun individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni lanqas ma setgħet tiġi dedotta minn elementi oħra, peress li r-rikors ippreżentat f’dan il-każ ma jaqax, konsegwentement, taħt it-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

14      Sussegwentement, hija ddeċidiet li t-tielet każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni lanqas ma seta’ japplika.

15      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset, fil-punti 90 sa 96 tad-digriet appellat, billi rreferiet, b’mod partikolari, għall-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Montessori”, EU:C:2018:873), li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att regolatorju.

16      Min-naħa l-oħra, hija qieset, fil-punti 97 sa 104 ta’ dan id-digriet, li l-appellanti ma kinitx ikkonċernata direttament minn dan l-att.

17      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 102 tal-imsemmi digriet, irreferiet għall-punt 47 tas-sentenza Montessori, li jgħid li, “sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta teżiġi li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar esponiex b’mod rilevanti r-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u, għaldaqstant, tista’ tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu”.

18      Fil-punt 103 tal-istess digriet, il-Qorti Ġenerali qieset li, “[f]’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li l-membri tagħha, jew uħud minnhom, kienu konkretament affettwati mill-miżura inkwistjoni u wisq inqas liema huma l-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar fuq il-pożizzjoni tal-kompetizzjoni tagħhom (ara l-punti 71 sa 77 [tad-digriet appellat]). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx b’mod rilevanti li d-deċiżjoni [kontenzjuża] setgħet tqiegħed lill-membri tagħha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni kienet taffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’mod partikolari id-dritt tagħhom li ma jġarrbux fis-suq rilevanti kompetizzjoni distorta mill-imsemmija miżura”.

19      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 104 sa 106 tad-digriet appellat, li, minħabba l-assenza ta’ inċidenza diretta, ir-rikors kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

 Ittalbiet talpartijiet

20      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digriet appellat.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

22      Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkonferma d-digriet appellat.

 Fuq lappell

 Fuq lammissibbiltà

23      Il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet ifformulati mill-appellanti ma humiex konformi mal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn it-talbiet huma intiżi biss għall-annullament tad-digriet appellat, mingħajr ma jipprevedu s-sitwazzjoni li fiha l-appell jintlaqa’.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont dan l-Artikolu 170(1), “[j]ekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tiegħu għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa flewwel istanza”.

25      F’dan il-każ, l-appellanti titlob formalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digriet appellat. Għalkemm it-talbiet tagħha ma humiex intiżi espressament sabiex jintlaqgħu t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, jew saħansitra sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża, huma ma jistgħux jitqiesu li jfittxu xi ħaġa oħra ħlief, essenzjalment, l-istess riżultat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 59).

26      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura invokata mill-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq ilmertu

27      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħames aggravji. L-ewwel u t-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li tgħid li l-appellanti għandha tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u fuq konfużjoni bejn din il-kundizzjoni u dik li tgħid li l-appellanti għandha tkun ikkonċernata individwalment mill-att inkwistjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-kriterji stabbiliti mis-sentenza Montessori dwar il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta huma ssodisfatti f’dan il-każ, ir-raba’ wieħed, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-appellanti ma kinitx uriet li l-membri tagħha kienu qegħdin isofru minn kompetizzjoni distorta u, il-ħames wieħed, fuq il-fatt li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kundizzjoni li tgħid li l-appellanti għandha tkun ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża huma żbaljati fil-fatt kif ukoll fid-dritt.

 Fuq lewwel u ttieni aggravju

–       Largumenti talpartijiet

28      L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ssuġġettatha, għal dak li jirrigwarda l-inċidenza diretta, għal rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Montessori.

29      Filwaqt li ċċitat is-sentenza Montessori fil-punt 102 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 103 ta’ dan id-digriet, injorat it-tagħlim li jirriżulta minnha, peress li eżiġiet li l-appellanti turi liema mill-membri tagħha huma konkretament affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, u rreferiet, insostenn tal-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-appellanti ma hijiex ikkonċernata direttament minn din id-deċiżjoni, għall-punti 71 sa 77 tal-imsemmi digriet, minkejja li dawn il-punti ma jirrigwardawx il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, iżda dik li tgħid li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat individwalment.

30      Skont il-Kummissjoni, dawn l-allegazzjonijiet huma infondati. Il-Qorti Ġenerali rrepetiet fedelment, fil-punt 102 tad-digriet appellat, il-kriterju rilevanti li jinsab fis-sentenza Montessori, qabel ma qieset, fil-punt 103 ta’ dan id-digriet, li r-rikors ma jissodisfax dan il-kriterju. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi.

31      L-użu, f’dan il-punt 103, tal-verb “juri” jirrifletti korrettament il-kliem “[tesponi] b’mod rilevanti”, li jinsabu fil-punt 47 tas-sentenza Montessori.

32      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Montessori hija, barra minn hekk, differenti minn dik ta’ din il-kawża. Il-Kummissjoni tosserva li din l-ewwel kawża kienet tikkonċerna eżenzjoni fiskali favur entitajiet identifikati b’mod ċar, f’settur ta’ servizzi speċifiku. Dan jispjega għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li r-rikorrenti kienu allegaw, flimkien ma’ provi ta’ sostenn, li l-istabbilimenti tagħhom kienu jinsabu fil-viċinanza immedjata ta’ dawk operati, fl-istess suq ta’ servizzi, minn benefiċjarji tal-allegata għajnuna, kien biżżejjed sabiex jitqies li d-deċiżjoni inkwistjoni fl-imsemmija kawża setgħet tqiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda miżura li taqa’ taħt sistema fiskali ġenerali, applikabbli għall-attivitajiet tal-persuni kollha li jiskarikaw ilma mormi. L-appellanti la esponiet u lanqas sostniet kif din is-sistema tpoġġi lill-membri tagħha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata meta mqabbla mal-impriżi l-oħra suġġetti għal din il-miżura. Hija saħansitra naqset milli tidentifika s-suq inkwistjoni, peress li d-deskrizzjoni tagħha tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni kienet vaga wisq.

33      Fir-rigward tar-riferiment, fil-punt 103 tad-digriet appellat, għall-punti 71 sa 77 tiegħu, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali eżaminat, f’dawn il-punti, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża setgħetx tqiegħed lill-membri tal-appellanti f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata. Il-fatt li din l-evalwazzjoni kienet rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tal-kundizzjoni li tgħid li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat individwalment mill-att inkwistjoni bl-ebda mod ma jipprekludi li l-istess konstatazzjonijiet ikunu wkoll rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tgħid li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament minn dan l-att.

34      Fi kwalunkwe każ, mill-imsemmija punti 71 sa 77 jirriżulta li l-appellanti ma esponietx b’mod rilevanti kif id-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tpoġġi lill-membri tagħha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

35      Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi tad-digriet appellat billi tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża hija att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni, b’tali mod li l-kundizzjoni stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE dwar l-assenza ta’ tali miżuri ma tkunx issodisfatta.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li mill-punt 105 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar din il-kundizzjoni. Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza Montessori, din il-kawża tikkonċerna miżura li tissuġġetta kemm il-benefiċjarji tal-allegata għajnuna kif ukoll lill-kompetituri tagħhom għal taxxa. Il-kompetituri jistgħu għalhekk, bħall-benefiċjarji tal-allegata għajnuna, jippreżentaw rikors kontra l-avviż ta’ tassazzjoni tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali, li jippermetti lil dawn tal-aħħar iressqu talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

37      Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li l-Liġi Nru 902/2013 teżiġi min-naħa tal-operaturi tal-impjanti ta’ purifikazzjoni li jiffissaw kull sena t-tariffa applikabbli għat-tliet partijiet tal-mudell gradwali. Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni ta’ dan il-mudell teħtieġ eżekuzzjoni ulterjuri fid-dritt Daniż. Barra minn hekk, dan id-dritt jeżiġi li dan l-iffissar tat-tariffa jkun, f’kull lokalità, approvat mill-kunsill muniċipali. B’hekk jiġi adottat att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati nazzjonali għar-raġuni li l-iffissar tat-tariffi jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, f’din is-sitwazzjoni wkoll, l-appellanti setgħet twassal lil dawn il-qrati jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, il-membri tal-appellanti jistgħu jressqu azzjoni għal konstatazzjoni quddiem il-qrati Daniżi sabiex jikkontestaw il-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 902/2013 mad-dritt tal-Unjoni.

38      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni, bħall-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ġustament ir-rikors bħala inammissibbli.

39      Skont dan l-Istat Membru, l-appellanti tagħti interpretazzjoni tas-sentenza Montessori li ddgħajjef ir-rekwiżiti ta’ prova stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Fil-punt 50 tas-sentenza Montessori, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inċidenza diretta fid-dawl tal-fatt li l-appellanti kienu pproduċew provi tal-prossimità ġeografika tagħhom mal-benefiċjarji tal-allegata għajnuna u tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet simili fl-istess suq. Issa, f’din il-kawża, l-appellanti ma pprovdietx informazzjoni rilevanti li tippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni kompetittiva tal-membri tagħha tista’ tiġi affettwata.

40      Ir-Renju tad-Danimarka jżid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, xorta waħda jkun hemm lok li l-appell jiġi miċħud, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

41      L-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑594/19 P, EU:C:2022:40, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma espressament previsti mit-Trattat FUE (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Dan l-appell jikkonċerna l-aħħar każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jagħti l-locus standi meta l-att ikkontestat ikun att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni li jikkonċernaw direttament lir-rikorrent. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 94 sa 96 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat l-iskema, introdotta mil-leġiżlatur Daniż, ta’ tarifikazzjoni digressiva tal-kontribuzzjonijiet għat-trattament ta’ ilma mormi, tikkostitwixxi att regolatorju. Madankollu, hija ddeċidiet ukoll, fil-punti 97 sa 104 ta’ dan id-digriet, li dan l-att ma jikkonċernax direttament lill-appellanti. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punti 105 u 106 tal-imsemmi digriet, li r-rikors huwa inammissibbli, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi att jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali, kif issostni l-appellanti, wettqitx żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta.

45      Din il-kundizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv żewġ kriterji, jiġifieri li l-miżura kkontestata, l-ewwel, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u, it-tieni, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il-Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għal dak li jirrigwarda t-tieni wieħed minn dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 98 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn tipprovdi li l-mudell gradwali introdott mir-Renju tad-Danimarka fil-kuntest tal-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tiegħu għat-trattament ta’ ilma mormi ma jinkludix element ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kellha, b’mod purament awtomatiku u dan bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss, l-effett li tippermetti lil dan l-Istat Membru japplika dan il-mudell, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra.

47      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju msemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li jikkonċerna l-inċidenza diretta, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 43 tas-sentenza Montessori, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni żżomm kompletament l-effetti ta’ miżura nazzjonali li fir-rigward tagħha r-rikorrent ikun sostna, fi lment indirizzat lil dik l-istituzzjoni, li ma kinitx kompatibbli mal-għan li tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni u li tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata, jippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta minn din il-miżuri nazzjonali.

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza Montessori, li, għalkemm l-inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrent ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li jista’ jkun hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrent u l-benefiċjarji tal-għajnuna allegata, din il-kundizzjoni għandha, min-naħa l-oħra, titqies li hija ssodisfatta meta r-rikorrent ikun espona b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista’ tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata. Il-verifika li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq f’dan ir-rigward ma għandhiex madankollu twassalha sabiex tiddeċiedi, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrent u l-benefiċjarji tal-allegata għajnuna.

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk stabbilixxiet interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta li tippermetti lill-persuna li tkun indirizzat, lill-Kummissjoni, ilment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li jkollha aċċess għall-Qorti Ġenerali sabiex din tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar il-miżura nazzjonali msemmija minn dan l-ilment, bil-kundizzjoni madankollu li din il-persuna tesponi b’mod rilevanti quddiem il-Qorti Ġenerali li jkun jeżisti r-riskju li hija ssofri żvantaġġ kompetittiv minħabba din id-deċiżjoni.

50      F’dan il-każ, l-appellanti ppreżentat ruħha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni professjonali ta’ biċċeriji, bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut tal-laħam u impriżi ta’ pproċessar żgħar Daniżi. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk hija esponietx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kontenzjuża, li tipprovdi li l-mudell gradwali introdott mir-Renju tad-Danimarka fil-kuntest tal-iskema ta’ kontribuzzjonijiet għat-trattament ta’ ilma mormi ma jinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat, setgħet tqiegħed lill-membri tagħha, jew tal-inqas parti sinjifikattiva minnhom, f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

51      Mill-punt 103 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta fuq il-kunsiderazzjoni li “ir-rikorrenti ma wrietx li l-membri tagħha, jew uħud minnhom, kienu konkretament affettwati mill-miżura inkwistjoni u wisq inqas liema huma l-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar fuq il-pożizzjoni tal-kompetizzjoni tagħhom (ara l-punti 71 sa 77 [tad-digriet appellat])”.

52      Billi rrikjediet għalhekk li l-appellanti “turi” liema effetti antikompetittivi ser ikunu “konkretament” prodotti mill-miżura nazzjonali inkwistjoni u, konsegwentement, mid-deċiżjoni kontenzjuża li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat japplika din il-miżura, il-Qorti Ġenerali, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, issuġġettat il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta għal rekwiżit li jmur lil hinn minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din il-kundizzjoni fis-sentenza Montessori. Fil-fatt, skont l-ibbilanċjar imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa biżżejjed, għall-persuna li ressqet l-ilment, li tesponi, b’mod rilevanti, in-natura potenzjali ta’ sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

53      Għaldaqstant, peress li, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, applikat rekwiżit li ma jikkorrispondix mal-portata ta’ din il-kundizzjoni kif imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

54      L-eżistenza ta’ dan l-iżball hija kkorroborata mir-riferiment li l-punt 103 tad-digriet appellat jagħmel għall-punti 71 sa 77 tiegħu, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-appellanti talli naqset milli tipproduċi, insostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, informazzjoni konkreta dwar, b’mod partikolari, l-ishma tas-suq inkwistjoni miżmuma mill-membri tagħha u mill-benefiċjarji tal-allegata għajnuna, id-dħul mill-bejgħ u d-dħul tal-membri tagħha u r-riperkussjoni tat-tariffi għat-trattament ta’ ilma mormi fuq il-prezz li l-membri tagħha jistgħu effettivament jiffatturaw. Skont il-punt 77 ta’ dan id-digriet, l-appellanti “baqgħet ma stabbilixxietx effett konkret tal-għajnuna allegata fil-konfront tal-membri tagħha, u fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq ikkonċernat”.

55      Billi qieset li tali elementi kienu neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza diretta tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mir-rekwiżit li jirriżulta mis-sentenza Montessori. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, l-eżami tal-inċidenza diretta għandu jkun ibbażat mhux fuq analiżi fil-fond tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni, iżda fuq evalwazzjoni prima facie tar-riskju li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, twassal għal sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata għall-appellanti jew għall-membri tagħha.

56      Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni aggravju huma fondati.

57      Għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni u mir-Renju tad-Danimarka li tgħid li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi ta’ dritt oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander vs Il-Kummissjoni, C‑52/19 P, EU:C:2021:794, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ.

58      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, id-digriet appellat, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors inammissibbli, ma jidhirx li huwa fondat minħabba motivi ta’ dritt oħra minbarra dawk ikkunsidrati minnha.

59      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni, invokata minn din l-istituzzjoni u minn dan l-Istat Membru, dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza Montessori li, għalkemm, fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu din l-iskema u l-atti li jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, bħal avviż ta’ tassazzjoni, jikkostitwixxu miżuri ta’ eżekuzzjoni inklużi f’deċiżjoni li tiddikjara l-imsemmija skema inkompatibbli mas-suq intern jew li tiddikjara din l-istess skema kompatibbli ma’ dan is-suq bla ħsara għall-osservanza ta’ impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tal-kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ miżura nazzjonali li tqieset bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, tali kompetitur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn din il-miżura sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun artifiċjali jekk dan il-kompetitur ikun obbligat jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtuh dan il-benefiċċju u jikkontesta l-att li jirrifjuta din it-talba quddiem qorti nazzjonali sabiex din imbagħad tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-imsemmija miżura.

60      F’dan il-każ, il-benefiċċju allegat li l-Kummissjoni kellha, skont l-appellanti, tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat, jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ skema ta’ tarifikazzjoni digressiva li, skont l-argumenti ppreżentati mill-appellanti, għandha l-effett li l-biċċeriji l-kbar jaqgħu, fil-mudell gradwali deskritt fil-punti 4 u 5 ta’ din is-sentenza, taħt parti tariffarja iktar favorevoli minn dik applikata għall-biċċeriji ż-żgħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun, b’mod analogu għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza Montessori, artifiċjali, u barra minn hekk kuntrarju għall-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-appellanti jew il-biċċeriji affiljati magħha jiġu obbligati jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw din l-iskema ta’ tarifikazzjoni sabiex jagħtu, lill-biċċeriji ż-żgħar, il-benefiċċju tal-parti tariffarja vantaġġuża applikata għall-biċċeriji l-kbar, minkejja li jkunu jafu li ma humiex intitolati għaliha, għall-iskop uniku li jiġi kkontestat l-att li ċaħad din it-talba quddiem qorti nazzjonali u li din tal-aħħar tiġi mħeġġa tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar din l-iskema.

61      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jintlaqgħu u d-digriet appellat għandu jiġi annullat.

 Fuq ittielet salħames aggravju

62      Peress li d-digriet appellat huwa annullat abbażi tal-ewwel u tat-tieni aggravju, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati t-tielet sal-ħames aggravju.

 Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

63      Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’ fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

64      F’dan l-istadju tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun jinvolvi l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt abbażi ta’ provi li ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali u lanqas ġew diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

65      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed deċiżjoni definittiva fuq dan l-aspett proċedurali (ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 66; tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 66, kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punti 31 u 32).

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 28, 31 u 32 tas-sentenza Montessori, l-atti mhux leġiżlattivi tal-Kummissjoni li għandhom, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-għan li jawtorizzaw jew jipprojbixxu skema nazzjonali, jaqgħu taħt dan il-kunċett.

67      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, titqies li tinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni.

68      It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, din teħtieġ, kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li jiġu ssodisfatti kumulattivament żewġ kriterji, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha.

69      Id-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-mudell gradwali introdott mir-Renju tad-Danimarka fil-kuntest tal-iskema ta’ kontribuzzjonijiet għat-trattament ta’ ilma mormi ma jinkludix element ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu effetti legali b’mod purament awtomatiku bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra. Konsegwentement, ir-rikors jissodisfa t-tieni waħda miż-żewġ kriterji mfakkra fil-punt preċedenti.

70      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju ċċitat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti allegat quddiem il-Qorti Ġenerali, flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn, li diversi membri li hija tirrappreżenta jeżerċitaw l-istess attività bħal impriża dominanti fis-suq tal-qtil tal-baqar u tal-ħnieżer fid-Danimarka u li din tal-aħħar hija suġġetta, minħabba l-volum għoli tagħha ta’ ilma mormi, għal kontribuzzjoni inqas għolja minn dik li l-impriżi affiljati mal-appellanti jistgħu jippretendu skont it-tarifikazzjoni gradwali stabbilita bis-saħħa tal-Liġi Nru 902/2013. Barra minn hekk, hija esponiet, b’mod sostanzjat, li l-piż għal kull annimal maqtul kien ħafna ikbar għal dawn tal-aħħar minn dak li jaqa’ fuq l-impriża dominanti, peress li dawn ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess parti tal-mudell gradwali.

71      B’dan il-mod, ir-rikorrenti esponiet b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tqiegħed, tal-inqas, parti sinjifikattiva mill-membri tagħha, jiġifieri l-biċċeriji ż-żgħar, f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

72      Konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, b’tali mod li r-rikors jissodisfa wkoll l-ewwel wieħed miż-żewġ kriterji ċċitati fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

73      Għaldaqstant ir-rikors tal-appellanti huwa ammissibbli. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu.

 Fuq lispejjeż

74      Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal1 ta’ Diċembru 2020, Danske Slagtermestre vs Il-Kummissjoni (T486/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:576), huwa annullat.

2)      Ir-rikors fl-ewwel istanza huwa ammissibbli.

3)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.