Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Diċembru 2020 – Proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi ta’ Galapagos S.A., u l-partijiet interessati huma DE bħala amministratur tal-insolvenza, Galapagos BidCo. S.a.r.l., Hauck Aufhäuser Fund Services S.A. u Prime Capital S.A.

(Kawża C-723/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Debitur: Galapagos S.A.

Partijiet oħra fil-proċedura: DE, amministratur tal-insolvenza ta’ Galapagos S.A., Galapagos BidCo. S.a.r.l., Hauck Aufhäuser Fund Services S.A., Prime Capital S.A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija debitriċi li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jkun jinsab fi Stat Membru ma jkollhiex iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha f’tieni Stat Membru li fih jinsab il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha, kif dan il-post jista’ jiġi ddeterminat abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-proċedura fil-kawża prinċipali, din il-kumpannija tkun ittrasferixxiet dan il-post ta’ amministrazzjoni ċentrali minn tielet Stat Membru lejn dan it-tieni Stat Membru, fi żmien li fih talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali fir-rigward tal-assi tal-imsemmija kumpannija tkun tressqet f’dan it-tielet Stat Membru u tkun għadha ma ngħatatx deċiżjoni dwar din it-talba?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: l-Artikolu 3(1) tar-Reglament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)    il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fiż-żmien li fih titressaq talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jżommu ġurisdizzjoni fuq il-livell internazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura meta d-debitur jittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara t-tressiq tat-talba iżda qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura; u

b)    li tali żamma tal-ġurisdizzjoni fuq il-livell internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ talbiet oħra għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali li jaslu f’qorti ta’ Stat Membru ieħor wara t-trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur lejn dan l-Istat Membru l-ieħor?

____________

1     ĠU 2015, L 141 p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9.