Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (L-Irlanda) fit-22 ta’ Jannar 2024 – Waltham Abbey Residents Association vs An Bord Pleanála, L-Irlanda u The Attorney General

(Kawża C-41/24 Waltham Abbey Residents Association)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (Ireland)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Waltham Abbey Residents Association

Konvenuti: An Bord Pleanála, L-Irlanda u The Attorney General

Intervenjent: O’Flynn Construction Co. Unlimited Company

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(4) u/jew il-punt 3 tal-Anness IIA tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 , kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 2 , interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandhom l-effett, f’każ fejn għandha tingħata informazzjoni taħt l-Anness IIA tad-Direttiva, u fejn ikun hemm indikazzjonijiet quddiem l-awtorità kompetenti li speċi jew habitat jistgħu jiġu affettwati mill-proġett, li l-iżviluppatur ikkonċernat għandu jikseb l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ispeċi jew l-habitats li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett billi jwettaq jew jikseb sondaġġi xjentifiċi li jkunu adegwati sabiex jitneħħa d-dubju dwar l-effetti sinjifikattivi fuq tali speċi jew habitats, u li fl-assenza tar-riżultati ta’ tali sondaġġi, l-awtorità kompetenti għandha tkun informata u mitluba tipproċedi abbażi tal-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti għall-esklużjoni tad-dubju dwar jekk il-proġett ikunx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent?

L-Artikolu 4(4) u/jew il-punt 3 tal-Anness IIA tad-Direttiva 2011/92, kif emendata bid-Direttiva 2014/52, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandhom l-effett, f’każ fejn għandha tingħata informazzjoni taħt l-Anness IIA tad-Direttiva, li l-awtorità kompetenti tkun meħtieġa teskludi d-dubju dwar il-possibbiltà ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jekk tipproponi li l-proġett ma jiġix issuġġettat għal evalwazzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva, u għalhekk li fejn matul determinazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, awtorità kompetenti ma jkollhiex oġġettivament biżżejjed informazzjoni sabiex teskludi d-dubju dwar jekk il-proġett ikunx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, ikun meħtieġ li l-proġett jiġi ssuġġettat għal evalwazzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda inġenerali hija fin-negattiv, tali konsegwenzi jirriżultaw sa fejn l-effett sinjifikattiv potenzjali fuq l-ambjent jirrigwarda speċi li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett fejn tali speċi jkunu intitolati għal protezzjoni stretta skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa 1 , fid-dawl inter alia tal-importanza ta’ tali speċi kif irrikonoxxuta fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 u fil-premessa 11 tad-Direttiva 2014/52?

L-Artikolu 4(4) u/jew il-punt 3 tal-Anness IIA tad-Direttiva 2011/92, kif emendata bid-Direttiva 2014/52, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandhom l-effett li, jekk, wara l-provvista ta’ informazzjoni mill-iżviluppatur skont l-Anness IIA tad-Direttiva, informazzjoni addizzjonali tiġi pprovduta minn parti oħra lill-awtorità kompetenti oġġettivament kapaċi toħloq dubju dwar l-effett tal-proġett fuq l-ambjent, ikun meħtieġ li jew, minn naħa, l-iżviluppatur jipprovdi iktar informazzjoni lill-awtorità kompetenti li teskludi tali dubju jew jinforma lill-awtorità kompetenti bl-assenza ta’ tali informazzjoni, jew li, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti nnifisha tikseb iktar informazzjoni li teskludi tali dubju jew alternattivament tiddetermina dik l-evalwazzjoni skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva, fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi eskluż id-dubju dwar jekk il-proġett ikunx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent?

5)    Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda inġenerali hija fin-negattiv, dawn il-konsegwenzi jirriżultaw sa fejn l-effett sinjifikattiv potenzjali fuq l-ambjent jirrigwarda speċi li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett fejn tali speċi jkunu intitolati għal protezzjoni stretta taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43, fid-dawl inter alia tal-importanza ta’ tali speċi kif irrikonoxxuta fl-Artikolu 3(l)(b) tad-Direttiva 2011/92 u l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/52?

____________

1     ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

1     ĠU 2014, L 124, p. 1.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.