Language of document :

Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01

Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Vantaġġi fiskali mogħtija minn entità territorjali ta’ Stat Membru — Kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-ammont tal-investimenti — Deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-iskemi ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa — Assoċjazzjoni professjonali — Ammissibbiltà — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Intervent — Ammissibbiltà — Eżami mill-ġdid wara digriet preċedenti li rrikonoxxa l-ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40)

2.      Proċedura — Intervent — Persuni interessati — Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħha — Ammissibbiltà f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju tali li jaffettwaw lil dawn il-membri

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

3.      Proċedura — Rikors għal intervent — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(4))

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni — Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tipproteġi u tirrappreżenta l-membri tagħha

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ eżenzjoni fiskali lil ċerti impriżi — Inklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami tal-ilmenti — Obbligi tal-Kummissjoni — Motivazzjoni

(Artikoli 87(2) KE u 253 KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha

(Artikolu 87 KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Għajnuna ta’ importanza żgħira — Għajnuna ta’ natura temporanja — Nuqqas ta’ effett

(Artikolu 87(1) KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kreditu ta’ taxxa

(Artikolu 87(1) KE)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mogħtija minn entitajiet reġjonali jew lokali — Inklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżura fiskali speċifika — Natura selettiva tal-miżura — Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali — Esklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikolu 87(3) KE)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti — Kriterji — Miżura li temenda sostanzjalment skema ta’ għajnuna eżistenti — Esklużjoni

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(ii))

14.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti — Kriterji — Żvilupp tas-suq komuni

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(v))

15.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu l-kummenti tagħhom

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

16.    Proċedura — Intervent — Rikors intiż li jsostni t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 116(3))

17.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura ta’ eżami qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999 — Nuqqas ta’ ssuġġettar għal termini speċifiċi — Limitu — Osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali — Obbligu li l-eżami preliminari mibdi wara lment jiġi konkluż f’terminu raġonevoli

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999)

18.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli min-naħa tal-benefiċjarji — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE)

19.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

20.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE)

1.      Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ digriet preċedenti, awtorizzat lil persuna sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ parti f’kawża, ma jipprekludix li jsir eżami ġdid tal-ammissibbiltà tal-intervent tagħha.

(ara l-punt 81)

2.      L-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħhom f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jaffettwaw lil dawn tal‑aħħar, hija intiża li tippermetti li jiġi evalwat aħjar il-kuntest tal-kawżi filwaqt li jiġu evitati numru ta’ interventi individwali li jistgħu jaffettwaw l-effettività u l‑iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.

Organizzazzjoni professjonali konfederattiva intersettorjali li għandha bħala għan, b’mod partikolari, ir-rappreżentanza u l-protezzjoni tal-interessi tal-impriżi li wħud minnhom huma l-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna mogħtija abbażi ta’ dawn is‑sistemi fiskali u li, barra minn hekk, ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, hija ġġustifikata li tintervjeni fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw l-iskemi ta’ eżenzjoni fiskali illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mogħtija f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 83-90)

3.      Ir-rikors għal intervent, li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi u l-argumenti mressqa mill-intervenjent, għandu, l-istess bħar-rikors promotur, ikun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il‑każ mingħajr informazzjoni addizzjonali insostenn tar-rikors.

Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, l-istess bħal fil-każ tar-rikors promotur, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għal intervent, jirriżultaw, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tiegħu stess. F’dan ir‑rigward, jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjoni tal-argumenti fid-dritt, li għandhom ikunu jinsabu fir-rikors. Minbarra dan, mhuwiex kompitu tal-Qorti tal‑Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali.

Ir-rikors għal intervent li jagħmel riferiment globali għal rikorsi ppreżentati fil‑kawżi magħquda mal-kawża li insostenn tagħha qed isir l-intervent, mingħajr ma jesponi, anki jekk b’mod sommarju jew sostanzjalment, ebda wieħed mill‑punti essenzjali ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom huwa jibbaża ruħu, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

(ara l-punti 94-97, 100, 101)

4.      Assoċjazzjoni li għandha l-inkarigu li tipproteġi l-interessi kollettivi ta’ impriżi, bħala prinċipju, tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal‑Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat biss f’każ li l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud minnhom ikollhom locus standi individwali jew jekk tista’ tinvoka interess proprju.

Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment biss jekk l-att kontenzjuż jippreġudikaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra, u minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għad-destinatarju tal-att. F’dan ir-rigward, għalkemm il-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna ma jistgħux, abbażi ta’ din il-karatteristika waħedha, jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq komuni, madankollu, impriża li mhijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni inkwantu impriża li tista’ potenzjalment tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, iżda wkoll fil‑kapaċità tagħha bħala benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li tagħha l-Kummissjoni ordnat l-irkupru, tinsab f’pożizzjoni differenti. Barra minn hekk, ladarba d-deċiżjoni tobbliga lill-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji, l-impriżi li bbenefikaw minnha għandhom jiġu kkunsidrati bħala direttament ikkonċernati minnha.

Konsegwentement, assoċjazzjoni inkarigata mill-protezzjoni tal-interessi ta’ impriżi li fir-rigward tagħhom jiġi stabbilit, anki jekk fil-kuntest tal-proċedura orali, li huma l-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali, mogħtija taħt l-imsemmija skemi, u li huma stess għandhom, bħala tali, locus standi, għandha locus standi kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw l-illegalità u l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni, u li jordnaw it-tneħħija u l-irkupru tal‑għajnuna mħallsa.

(ara l-punti 107-118)

5.      Il-kunċett ta’ għajnuna, skont l-Artikolu 87(1) KE, ma jinkludix biss miżuri pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l‑ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi.

Miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jagħtu eżenzjoni fiskali lil ċerti impriżi li, għalkemm ma tkunx tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal‑Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji tagħha f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l‑Artikolu 87(1) KE.

Dan huwa l-każ ta’ krediti ta’ taxxa intiżi li jinċentivaw l-investimenti li, billi jagħtu lill-impriżi benefiċjarji tnaqqis tal-ispejjeż fiskali tagħhom ekwivalenti għal perċentwali mill-ammont tal-investiment eliġibbli u b’hekk jippermettilhom li ma jħallsux l-ammont finali kollu tat-taxxa dovuta, iqegħduhom f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra. Il-fatt li dawn il-krediti ta’ taxxa huma intiżi li jinċentivaw l-investimenti, bil-għan li fit-tul jiġi ġġenerat dħul, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti, ladarba l-għan imfittex minn miżura ma jistax jippermettilha li taħrab mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE.

(ara l-punti 124‑126,130,184)

6.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal‑istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ‑ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni skema ta’ għajnuna f’forma ta’ krediti ta’ taxxa tammonta għal motivazzjoni suffiċjenti fir‑rigward tal-effetti ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni, ladarba din tikkonstata li, minħabba karatteristiċi ta’ ftuħ barra mill-pajjiż u ta’ propensità għall-esportazzjoni min-naħa tal-ekonomija tal-Istat Membru inkwistjoni, din l-għajnuna, minn naħa, issaħħaħ il-pożizzjoni tal-impriżi benefiċjarji meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra‑Komunitarju, u għaldaqstant taffettwa dan il-kummerċ, u, min-naħa l-oħra, ittejjeb il-vijabbiltà tal-istess impriżi benefiċjarji minħabba ż-żieda fir-riżultat net tagħhom (profitt wara t-taxxi) u tqegħdhom f’pożizzjoni li jikkompetu mal‑impriżi li ma jibbenefikawx minn dawn il-krediti ta’ taxxa.

(ara l-punti 136‑138)

7.      Meta għajnuna finanzjarja mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra‑Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala influwenzati mill-għajnuna, minkejja li l-impriża benefiċjarja stess ma tipparteċipax fl-esportazzjonijiet. Il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tistabbilixxi impatt reali ta’ din il-miżura fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l‑karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, iżda għandu jingħad li, fejn din l-iskema ma ġietx innotifikata, mhuwiex neċessarju li l-motivazzjoni f’dan ir‑rigward tkun tinkludi evalwazzjoni aġġornata tal-effetti tal-iskemi fuq il‑kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punti 142, 143)

8.      Il-fatt li vantaġġi fiskali huma ta’ natura temporanja, li l-influwenza tagħhom hija limitata u mhux determinanti, jew saħansitra li ma jikkostitwixxux l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ma jistax jikkonfuta l‑klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, ladarba l-ġurisprudenza ma teħtieġx li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew it‑theddida ta’ tali distorsjoni u l-impatt fuq il-kummerċ intra‑Komunitarju jkunu kunsiderevoli jew sostanzjali.

(ara l-punt 148)

9.      L-ispeċifiċità ta’ miżura tal-Istat, jiġifieri n-natura selettiva tagħha, tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-miżura tagħtix lok jew le għal vantaġġi jew benefiċċji esklużivi għal ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attività.

Sistemi fiskali li jagħtu vantaġġi taħt forma ta’ krediti ta’ taxxa li minnhom jibbenefikaw biss impriżi li jagħmlu investimenti li jaqbżu ċertu limitu, u li għaldaqstant ikollhom riżorsi finanzjarji importanti, bl-esklużjoni tal-impriżi l‑oħra kollha, anki meta dawn jinvestu, u li, barra minn hekk u wara kollox, jagħtu setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni li tippermettilha b’mod partikolari li tbiddel l-ammont jew il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-vantaġġ fiskali skont il‑karatteristiċi tal-pjanijiet ta’ investimenti suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha, jikkostitwixxu vantaġġ selettiv, “favur ċerti impriżi”, fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE.

(ara l-punti 158‑162, 166‑168)

10.    Il-fatt li entità intra‑Statali għandha awtonomija fiskali rikonoxxuta u protetta mill-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru, madankollu, ma jeżentax lil din l-entità milli tosserva d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. L‑Artikolu 87(1) KE, meta jsemmi l-għajnuna “ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”, jirreferi għall-kull għajnuna ffinanzjata permezz ta’ riżorsi pubbliċi. B’hekk il-miżuri meħuda minn entitajiet intra‑Statali (deċentralizzati, federati, reġjonali jew oħrajn) tal-Istati Membri, indipendentement mill-istatus ġuridiku u l-kompetenzi tagħhom, jaqgħu, l-istess bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti.

(ara l-punt 178)

11.    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ miżura tal-Istat bħala għajnuna mill-Istat, in‑natura selettiva tagħha tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tkun iġġustifikata “permezz tan-natura jew l-istruttura tas-sistema”. Jekk dan ikun il-każ, il-miżura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. B’hekk, miżura fiskali speċifika li hija ġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali – bħall‑progressività tat-taxxa li hija ġġustifikata mil-loġika redistributtiva tagħha – ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

Il-fatt li miżuri fiskali huma bbażati fuq kriterji oġġettivi u huma ta’ natura orizzontali mhuwiex biżżejjed biex jikkonfuta n-natura selettiva tagħhom u jippermetti li dawn jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu miżuri ġustifikati mil‑loġika interna tas-sistema fiskali kkonċernata, ladarba dawn ikunu ta’ vantaġġ biss għall-impriżi li jwettqu investimenti li jaqbżu ċertu limitu, u li għaldaqstant ikollhom riżorsi finanzjarji importanti, bl-esklużjoni tal-impriżi l‑oħra kollha, anki meta dawn jinvestu. Bl-istess mod, l-għan imfittex mill-miżuri inkwistjoni ma jistax jippermettilhom li jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, billi mingħajru jkun suffiċjenti li l-awtoritajiet pubbliċi jinvokaw il-leġittimità tal-għanijiet intenzjonati permezz tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura ġenerali, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Issa, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet wara l-interventi mill-Istati, iżda tiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom.

(ara l-punti 179, 180, 184, 185)

12.    Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesa’ taħt l-Artikolu 87(3) KE. L‑istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu għaldaqstant ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.

Fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema kkonċernata, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari.

(ara l-punti 198, 199)

13.    It-Trattat jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi notifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l‑proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l‑Artikolu 88(1) KE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha. Għaldaqstant l-għajnuna eżistenti tista’ biss tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li toħloq effetti fil-ġejjieni.

Skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], għajnuna eżistenti tfisser, b’mod partikolari, “l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”.

Sistema fiskali ta’ krediti ta’ taxxa, li ġiet stabbilita wara d-dħul fis-seħħ tat‑Trattat fl-Istat Membru kkonċernat, li l-kundizzjonijet għall-applikazzjoni tagħha u, għaldaqstant, iċ-ċirku tal-benefiċjarji, l-bażi u l-perċentwali kif ukoll it‑tul tagħha jidhru bħala emenda sostanzjali ta’ skema li kienet teżisti qabel dan id-dħul fis-seħħ, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 228‑234)

14.    Il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” li jinsab fl-Artikolu 1(b)(v) tar‑Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], jista’ jinftihem bħala bidla fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni. Tali bidla tista’ b’mod partikolari, tirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq inizzjalment magħluq għall-kompetizzjoni.

Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ma jirrigwardax il-każ fejn il-Kummissjoni tbiddel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iżjed stretta tar-regoli tat‑Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

Għaldaqstant, anki jekk jiġi meqjus bħala stabbilit, bdil fid-duttrina tal‑Kummissjoni, wara l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, fir-rigward tal-kriterji ta’ selettività applikati fl-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-miżura mill-perspettiva tal‑Artikolu 87(1) KE, ma jistax jippermetti li tiġi stabbilita “evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

(ara l-punti 245, 247, 250)

15.    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], jipprovdi li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-partijiet interessati għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw il-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li dawn il-kummenti għandhom jiġu ppreżentati f’terminu speċifiku, li jista’ jiġi estiż f’ċerti każijiet debitament iġġustifikati, iżda ma tipprovdix il‑possibbiltà li parti interessata tippreżenta, fuq l-inizjattiva tagħha biss u wara l‑iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan, kummenti ġodda lill‑Kummissjoni.

Għaldaqstant il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni kummenti supplimentari ta’ parti interessata, minħabba li waslu għandha wara li skada t‑terminu u minħabba li din il-parti qatt ma ppreżentat talba għall-estensjoni tat‑terminu mogħti skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, ma jistax, fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li kummenti supplimentari, anki jekk ippreżentati tardivament, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki fin-nuqqas ta’ talba għall‑estensjoni tat-terminu, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi jew ta’ amministrazzjoni tajba.

Fil-fatt, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li fi ħdana l-istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqot tamiet fondati, u ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni.

Barra minn hekk, fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil‑proċeduri amministrattivi, wieħed isib b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa konness l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, jikkostitwixxi applikazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, ta’ dawn il-prinċipji. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati ma jistgħux jippretendu li għandhom id-dritt għal dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal ma għandu dritt għalih l-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna, u ma jistgħux jibbenefikaw minn drittijiet daqstant estiżi bħad-drittijiet tad-difiża bħala tali. Il-prinċipji ġenerali tad‑dritt, bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ma jistgħux jippermettu lill‑Qorti Komunitarja testendi d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet interessati, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, permezz tat-Trattat jew tad-dritt derivat.

(ara l-punti 259‑272)

16.    Għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jipprekludux lill-intervenjent milli jsostni argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jkun qed isostni, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li dawn l-argumenti ma jbiddlux il-kuntest tal-kawża u li l-intervent ikun intiż dejjem bħala sostenn tat-talbiet ippreżentati minn din tal-aħħar.

Ilment imressaq mill-intervenjent li, minkejja li distint minn dawk tar-rikorrent, huwa marbut mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit minn dan tal-aħħar u li għaldaqstant ma għandux l-effett li jbiddel il-kuntest tal-kawża, huwa ammissibbli.

(ara l-punti 292‑294)

17.    Għalkemm, sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], il‑Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal termini speċifiċi għall-eżami tal-miżuri ta’ għajnuna, hija kellha madankollu taċċerta ruħha li l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma jittawwalx indefinittivament, u dan sabiex jiġi rrispettat ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali.

Fil-fatt, sa fejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment li jirrapporta l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-eżami preliminari ta’ miżuri Statali li kienu s-suġġett ta’ lment. In-natura raġonevoli tat-tul tal-eżami ta’ lment għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tal-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża.

Terminu ta’ tmienja u tletin xahar bejn meta l-Kummissjoni saret taf bl-iskemi ta’ għajnuna u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE ma jikkostitwixxix, fid-dawl tal-kuntest li fih jidħlu dawn l‑iskemi, terminu mhux raġonevoli li jivvizzja l-proċedura ta’ eżami preliminari bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew, b’konsegwenza ta’ dan, bi ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjon tajba, lperess li, minn naħa, il-miżuri inkwistjoni jeħtieġu eżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u, min-naħa l‑oħra, it-tul tal-proċedura huwa, minn tal-inqas parzjalment, imputabbli fuq l‑awtoritajiet nazzjonali, li b’mod partikolari talbu estensjoni tat-terminu mogħti sabiex iwieġbu t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 296-309)

18.    Aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna ngħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 88 KE. Fil-fatt, awtorità reġjonali u operatur ekonomiku diliġenti għandhom, normalment, ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw ruħhom li din il-proċedura ġiet osservata. Dawn il-prinċipji japplikaw anki f’każ ta’ skemi ta’ għajnuna, peress li l-Artikolu 88 KE ma jgħamilx distinzjoni bejn jekk ikunx każ ta’ skemi ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali.

Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li benefiċjarji ta’ għajnuna illegali, minħabba li ma tkunx ġiet innotifikata, jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu b’mod leġittimu jservu bħala bażi għall-aspettativi tagħhom fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jikkontestaw il-ġbir lura tagħha.

(ara l-punti 310‑314)

19.    In-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, sew jekk fil-fażi ta’ eżami preliminari jew inkella f’dik tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandha tiġi evalwata skont iċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, il-kuntest tagħha, id‑diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni tkun segwiet, l-imġieba tal-partijiet matul il-proċedura, il-kumplessità u l-interess li l-kawża għandha għad-diversi partijiet interessati.

Proċedura ta’ investigazzjoni komplessiva ta’ ħames snin u xahar, li minnhom 38 xahar kienu ddedikati għall-fażi ta’ eżami preliminari u 23 xahar għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mhijiex ta’ natura irraġonevoli, fid-dawl tal-kuntest, tal-kumplessità tal-miżuri inkwistjoni u tal-interessi tal-kawża, u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kkontribwixxew, minn tal-inqas parzjalment, permezz tal-imġieba tagħhom, għat-titwil tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Dan it-tul ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali tali li toħloq aspettattivi leġittimi fin‑natura legali tal-għajnuna.

(ara l-punti 336-342, 347)

20.    It-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija konsegwenza loġika tal‑konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Għaldaqstant, l-irkupru ta’ għajnuna mill‑Istat mogħtija illegalment, bil-għan li jerġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

Bir-restituzzjoni tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’dan il-mod terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna. Minn din il-funzjoni tar-rimbors jirriżulta wkoll li, bħala regola ġenerali, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, meta titlob lill-Istat Membru jirkupra s-somom mogħtija bħala għajnuna illegali, peress li hija tkun qegħdha sempliċement terġa tistabbilixxi l-istatus quo ante.

Ċertament, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tingħażel dik li hija l-inqas restrittiva.

Madankollu, l-irkupru tal-għajnuna illegali, ladarba huwa intiż sabiex jerġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Tali miżura, anki jekk tkun ġiet implementata ħafna żmien wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, ma tistax tikkostitwixxi sanzjoni mhux prevista mid-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 372‑375)