Language of document : ECLI:EU:T:2014:123

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Marzu 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni — Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑306/11,

Schwenk Zement KG, stabbilita f’Ulm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Raible, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, R. Sauer u C. Hödlmayr, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2367 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ 39520 – Siment u prodotti relatati),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Matul Novembru 2008 u Settembru 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), diversi spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ kumpanniji attivi fis-settur tas-siment. Dawn l-ispezzjonijiet kienu segwiti minn talbiet għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-rikorrenti, Schwenk Zement KG, ma kienet is-suġġett la ta’ spezzjonijiet fl-uffiċċji tagħha u lanqas ta’ talba għal informazzjoni.

2        B’ittra tad-19 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tibgħatilha deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, u bagħtitilha l-proġett ta’ kwestjonarju li kienet qiegħda tipprevedi li tannetti ma’ din id-deċiżjoni.

3        B’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan il-proġett ta’ kwestjonarju.

4        Fl-istess jum, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet iddeċidiet li tibda proċedura fir-rigward tagħha abbażi tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fir-rigward ta’ seba’ impriżi oħra attivi fis-settur tas-siment, għal ksur preżunt tal-Artikolu 101 TFUE minħabba “restrizzjonijiet fil-fluss kummerċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inklużi restrizzjonijiet ta’ importazzjonijiet fiż-ŻEE bi provenjenza minn pajjiżi esterni għaż-ŻEE, tqassim tas-swieq, koordinament tal-prezzijiet u prattiki antikompetittivi konnessi fis-suq tas-siment u s-swieq ta’ prodotti relatati” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura”).

5        Fit-30 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2011) 2367 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ 39520 – Siment u prodotti relatati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

6        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, b’mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex twettaq id-doveri assenjati lilha minn dan ir-regolament, hija tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi lill-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li fakkret li r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni b’mod konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u li din kienet ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq proġett ta’ kwestjonarju (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni irrikjediet permezz ta’ deċiżjoni, lir-rikorrenti, kif ukoll lis-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u kkontrollati direttament jew indirettament minnha, li jirrispondu għall-kwestjonarju li jinsab fl-Anness I, li jinkludi fih 94 paġna u huwa kkostitwit minn ħdax-il sensiela ta’ domandi (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata). L-istruzzjonijiet li jikkonċernaw ir-risposti għal dan il-kwestjonarju jinsabu fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-mudelli tar-risposti jinsabu fl-Anness III.

7        Il-Kummissjoni fakkret ukoll id-deskrizzjoni tal-ksur preżunt, imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        B’riferenza għan-natura u għall-kwantità tal-informazzjoni rikjesta kif ukoll għas-serjetà tal-ksur preżunt tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset li kellu jingħata lir-rikorrenti terminu biex tirrispondi ta’ tnax-il ġimgħa għall-ewwel għaxar sensiliet ta’ domandi u ta’ ġimagħtejn għall-ħdax-il sensiela, relattiva għall-“Kuntatti u laqgħat” (premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

[Ir-rikorrenti] (flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-UE u li huma kkontrollati direttament jew indirettament minnha), għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fil-forma rikjesta fl-Anness II u fl-Anness III ta’ din tal-aħħar, f’terminu ta’ risposta ta’ tnax-il ġimgħa għad-domandi 1-10 u ta’ ġimgħatejn għad-domanda 11, mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni. L-Annessi kollha jiffurmaw parti integrali minn din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

[Ir-rikorrenti,] flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-UE u li huma kkontrollati direttament jew indirettament minnha, hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.”

10      B’ittra tal-11 ta’ April 2011 u b’posta elettronika tat-12 ta’ April 2011, ir-rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu għar-risposta applikabbli għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet sat-2 ta’ Mejju 2011. B’posta elettronika tat-12 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ġiet informata li din it-talba ma kinitx ġiet milqugħa.

11      Fit-18 ta’ April u fil-5 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti bagħtet ir-risposta tagħha għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet. Fis-27 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti bagħtet ir-risposta tagħha għall-ewwel għaxar sensiliet ta’ mistoqsijiet.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2013.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-karattru sproporzjonat tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni, fuq il-ksur tal-imsemmi Artikolu 18(3), it-tielet, fuq il-karattru sproporzjonat tat-terminu ta’ ġimagħtejn iffissat għar-risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet, ir-raba’, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata u, il-ħames, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

 Fuq il-kontestazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fit-tieni u r-raba’ motivi

18      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata tonqos mill-preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni trid tivverifika, liema ħaġa ċaħditha milli tifhem il-ħtieġa għall-informazzjoni mitluba.

19      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tirrileva n-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. B’mod partikolari, hija tilmenta li l-Kummissjoni pparafrażat it-termini tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, pjuttost milli pprovdiet elementi ta’ motivazzjoni relattivi għall-fatti li huma lmentati kontriha, għas-serjetà tal-aġir preżunt u għall-ħtieġa tal-informazzjoni rikjesta. Hija tosserva wkoll, essenzjalment, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien imsaħħaħ, b’mod partikolari fid-dawl tal-karattru mhux tas-soltu tat-terminu ta’ ġimagħtejn mogħti biex tingħata risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet.

20      Fir-risposta tagħha għat-tieni motiv, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tispjega, b’mod suffiċjentement preċiż, il-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija trid tivverifika. Fil-kuntest tar-risposta tagħha għar-raba’ motiv, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti fil-liġi.

21      B’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, l-elementi essenzjali tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talbiet għal informazzjoni huma ddefiniti mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 stess (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑458/09 u T‑171/10, punti 76 u 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      B’hekk, ir-raba’ motiv (nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti) u l-ewwel parti tat-tieni motiv (ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003) jikkoinċidu parzjalment, sa fejn il-kritika ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni fl-ispjegazzjoni mill-Kummissjoni tal-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, formalment ippreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv, hija ekwivalenti għal kontestazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

23      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu l-għan li jippermetti lill-Qorti li teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna interessata b’indikazzjoni suffiċjenti biex din tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk eventwalment hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha, bil-preċiżazzjoni li l-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li ġie adottat fih kif ukoll mid-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1984, Interfacultair Instituut Electronenmicroscopie der Rijksuniversiteit te Groningen, 185/83, Ġabra p. 3623, punt 38; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punti 62 u 63; u tat-12 ta’ Lulju 2007, CB vs Il-Kummissjoni, T‑266/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

24      L-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Kummissjoni “ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta”. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża li l-Kummissjoni “ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23”, li għandha “tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24” u li “[h]i ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”.

25      Din id-delimitazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija dovuta għan-natura ta’ miżura ta’ investigazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ talba għal informazzjoni.

26      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha stess, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontradittorja, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 1/2003 u li tasal sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża biex tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontradittorja, li testendi mill-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni definittiva fuq il-ksur ilmentat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, punt 47).

27      Minn naħa, fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, din tibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, tadotta miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jiddeterminaw konsegwenzi importanti fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tkun tista’ ssostni kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għadha tista’ tinħeba minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, il-miżuri investigattivi adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ verifika u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom stess l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet importanti fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għalhekk, għandu jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva billi l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi ta’ natura illegali ta’ mġiba ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 15, u s-sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 50 u 51).

29      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika l-bażi legali u l-għan tat-talba għal informazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali intiż biex tintwera n-natura ġustifikata tal-informazzjoni rikjesta mingħand l-impriżi kkonċernati, iżda anki biex dawn ikunu f’pożizzjoni li jagħrfu l-portata tal-obbligu ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jippreżervaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ titlob biss informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw il-kondotta tal-istħarriġ u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑39/90, Ġabra p. II‑1497, punt 25, u tat-8 ta’ Marzu 1995, Société Générale vs Il-Kummissjoni, T‑34/93, Ġabra p. II‑545, punt 40).

30      Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C‑36/92 P, Ġabra p. I‑1911, I‑1914), l-obbligu li jiġi indikat l-għan tat-talba jfisser “evidentement [li l-Kummissjoni] għandha tidentifika l-allegat ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni”, “[i]l-karattru neċessarju tal-informazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni” u “[l]-għan għandu jiġi indikat bi preċiżjoni biżżejjed, għaliex inkella jkun impossibbli li jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni hijiex neċessarja u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha”.

31      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, iżda hija għandha tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija biħsiebha tinvestiga (sentenzi Société Générale vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 77).

32      Madankollu, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni li tindika, fl-istadju tal-fażi tal-investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, anki l-ħjiel, jiġifieri l-provi li jwassluha biex tasal għall-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jpoġġi indiskussjoni l-bilanċ li tistabbilixxi l-ġurisprudenza bejn il-preżervazzjoni tal-effettività tal-investigazzjoni u l-preżervazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

33      F’dan il-każ, huwa indikat b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata li din ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-prattiki investigati jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Il-premessi 10 u 11 tagħha jirreferu espressament għas-sanzjonijiet u għad-dritt ta’ rikors imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq.

34      B’hekk, in-natura suffiċjentement motivata jew le tad-deċiżjoni kkontestata tiddependi b’mod esklużiv mill-punt jekk il-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tinvestiga humiex ippreċiżati b’ċarezza suffiċjenti.

35      Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt tikkonsisti fir-referenza li tinsab fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li “[i]l-ksur preżunt jikkonċerna restrizzjonijiet fil-flussi kummerċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inklużi restrizzjonijiet ta’ importazzjoni fiż-ŻEE provenjenti minn pajjiżi esterni għaż-ŻEE, tqassim tas-swieq, koordinament tal-prezzijiet u tal-prattiki antikompetittivi relatati mas-suq tas-siment u s-swieq tal-prodotti relatati”.

36      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod espliċitu għad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, li fih informazzjoni supplimentari dwar il-firxa ġeografika tal-preżunzjonijiet ta’ ksur kif ukoll dwar it-tip ta’ prodotti kkunsidrati.

37      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija mfassla f’termini ġenerali ħafna li kienu jimmeritaw li jiġu ppreċiżati u għalhekk din għandha tiġi kkritikata f’dan ir-rigward. Madankollu, jista’ jitqies li r-referenza għal restrizzjonijiet ta’ importazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għal tqassim tas-swieq kif ukoll għal koordinament tal-prezzijiet fis-suq tas-siment u s-swieq tal-prodotti relatati, moqrija flimkien mad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura, tikkorrispondi għal-livell minimu ta’ ċarezza li tippermetti li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

38      Minn dan għandu jiġi dedott li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti fil-liġi.

39      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

40      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-kritika tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni għan-neċessità tal-informazzjoni mitluba, biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tipprovdi motivazzjoni dwar dan il-punt. Huwa, fil-fatt, permezz tal-indikazzjoni tal-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni trid tivverifika li l-impriża kkonċernata tista’ tifhem il-ħtieġa tal-informazzjoni mitluba u, jekk ikun il-każ, tikkontesta d-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

41      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-għażla ta’ terminu ta’ ġimagħtejn għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jimponi biss li l-Kummissjoni tiffissa terminu u mhux li tipprovdi motivazzjoni fir-rigward tal-għażla tiegħu.

42      F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata fuq dan il-punt, peress li fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata hemm enfasizzat li t-terminu ta’ tnax-il ġimgħa mogħti għall-ewwel għaxar sensiliet ta’ domandi u dak ta’ ġimagħtejn mogħti għall-ħdax-il sensiela huwa dovut għan-natura u għall-kwantità tal-informazzjoni mitluba kif ukoll għas-serjetà tal-ksur preżunt għar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ titqies li kkunsidrat li l-kwantità limitata ta’ informazzjoni involuta fil-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet kienet tiġġustifika terminu ta’ risposta iqsar.

43      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li tinftiehem il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq l-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2010, għandu jingħad li l-Kummissjoni lanqas ma kienet marbuta li tipprovdi motivazzjoni speċifika fuq dan il-punt. Madankollu jista’ jiġi rrilevat li fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata hemm ippreċiżat li dawn l-osservazzjonijiet għandhom, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-kwestjonarju li jinsab fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Għalhekk, ir-raba motiv kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003

45      Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li t-trażmissjoni ta’ sempliċi talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kienet tkun suffiċjenti fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-fatt li, kuntrarjament għal kumpanniji oħra li ġiet indirizzata lilhom deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma bagħtitilhiex, bil-quddiem, talba għal informazzjoni abbażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Hija tikkunsidra wkoll li t-tibdil li sar mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, meta mqabbel mas-sitwazzjoni prevalenti taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), ma jimplikax li l-Kummissjoni tista’ liberament tagħżel li tipproċedi permezz ta’ talba għal informazzjoni jew ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni u tinħeles mill-obbligu li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

46      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

47      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fejn huwa sottointiż li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas miżura stretta, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81).

48      Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni “permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni”, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal “talba sempliċi” preċedenti. B’hekk, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa distint mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li, fil-paragrafu 5 tiegħu kien jorbot il-possibbiltà li ssir talba permezz ta’ deċiżjoni għal informazzjoni mal-kundizzjoni li tfalli talba preċedenti għal informazzjoni.

49      Kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni l-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, għandu jiġi enfasizzat li l-għażla li għandha tagħmel bejn talba sempliċi għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) ta’ dan l-istess Regolament tinsab taħt il-kontroll tal-proporzjonalità. Dan jirriżulta neċessarjament mid-definizzjoni stess tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li tinsab fil-punt 47 iktar ’il fuq, sa fejn fih jingħad li, “meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas miżura stretta”. Bl-istess mod, jista’ jiġi osservat li l-għażla mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandha analoġija ċerta ma’ dik eżistenti bejn il-verifika permezz ta’ sempliċi mandat u l-verifika ordnata permezz ta’ deċiżjoni taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, l-eżerċizzju ta’ din l-għażla huwa suġġett għal stħarriġ mill-Qorti tal-Unjoni abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 29, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 77; u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra p. II‑573, punt 147)

50      Fid-dawl tal-approċċ privileġġat fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-użu ta’ verifika ordnata permezz ta’ deċiżjoni, jidher li tali stħarriġ, fir-rigward tal-għażla li għandha ssir bejn talba sempliċi għal informazzjoni u deċiżjoni, għandha tiddependi min-neċessitajiet ta’ investigazzjoni xierqa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ (sentenzi National Panasonic vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 29; Roquette Frères, punt 49 iktar ’il fuq, punt 77, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 147).

51      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tidħol fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tirrigwarda prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jinvolvu, minbarra lir-rikorrenti, lil seba’ impriżi oħra attivi fis-settur tas-siment.

52      Deċiżjoni hija distinta minn talba sempliċi għal informazzjoni mill-fatt li huwa possibbli għall-Kummissjoni li timponi multa jew penali f’każ ta’ provvista ta’ informazzjoni mhux kompluta jew ippreżentata tard, b’applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 23(1)(b) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 1/2003.

53      Għalhekk, fid-dawl tal-kwantità tal-informazzjoni li għandha tinġabar u tiġi sovrapposta, ma jidhirx li ma kienx xieraq jew mhux adattat min-naħa tal-Kummissjoni li tipproċedi direttament fir-rigward tar-rikorrenti permezz tal-istrument legali li joffrilha l-ikbar assigurazzjoni li din tipprovdi risposta kompluta fit-termini mogħtija.

54      Barra minn hekk, peress li l-proporzjonalità tal-użu ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandha tiġi eżaminata fir-rigward tan-neċessitajiet ta’ investigazzjoni xierqa, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tirrigwarda t-trattament mhux ugwali li ġie rriżervat lilha, peress li l-kumpanniji l-oħra kkonċernati mill-investigazzjoni kienu s-suġġett ta’ sempliċi talba għal informazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-ħtiġiet ta’ investigazzjoni xierqa jistgħu jiġġustifikaw li ma jiġix segwit l-istess approċċ fir-rigward tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kollha li jistgħu jipprovdu informazzjoni utli għat-tmexxija tal-investigazzjoni msemmija.

55      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta adottat deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tar-rikorrenti u li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003

56      Dan il-motiv jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet. Diġà ngħatat risposta għall-ewwel parti, li tirrigwarda n-natura mhux suffiċjentement preċiża tal-għan tat-talba għal informazzjoni, fil-punti 18 sa 44 iktar ’il fuq. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni rikjesta abbażi tal-ewwel għaxar sensiliet ta’ domandi ma għandha ebda rabta mal-fatti lmentati kontriha, liema ħaġa tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. L-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi stabbilita bil-komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-ewwel għaxar domandi, li jirrigwardaw il-bejgħ ta’ siment matul l-aħħar għaxar snin u li jwasslu biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’rappreżentazzjoni dettaljata tal-industrija tas-siment.

57      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

58      Hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi biss il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-tmexxija tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 25, u Société Générale vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 40).

59      Fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ verifika wiesgħa tal-Kummissjoni, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa l-ħtieġa tal-informazzjoni li hija tirrikjedi mingħand l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, Ġabra p. 1575, punt 17; tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 15, u Roquette Frères, punt 49 iktar ’il fuq, punt 78).

60      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita fuq din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” għandu jiġi interpretat skont l-iskop li fid-dawl tiegħu s-setgħat ta’ investigazzjoni inkwistjoni ġew ikkonferiti lill-Kummissjoni. B’hekk, tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur preżunt, meta, f’dan l-istadju tal-proċedura, it-talba msemmija tista’ titqies b’mod leġittimu li hija relatata mal-ksur preżunt, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ b’mod raġonevoli tqis li d-dokument ser jgħinha fid-determinazzjoni tal-eżistenza tal-ksur allegat (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 29, u Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 42).

61      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdix stampa preċiża ta’ informazzjoni mitluba abbażi tal-ewwel għaxar domandi li hija tikkontesta n-natura neċessarja tagħhom, iżda tikkritika, b’mod ġenerali, il-ħtieġa ta’ talba għal informazzjoni li tkopri l-bejgħ ta’ siment fuq perijodu ta’ għaxar snin. Essenzjalment, hija tikkontesta l-użu ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex il-Kummissjoni kellha pjuttost tipproċedi, f’tali ċirkustanza, permezz ta’ investigazzjoni skont is-settur ekonomiku abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003.

62      Issa, is-sempliċi enfasi mir-rikorrenti tal-fatt li l-informazzjoni mitluba abbażi tal-ewwel għaxar sensiliet ta’ domandi tkopri l-bejgħ ta’ siment fuq perijodu ta’ għaxar snin ma tippermettix, waħedha, li jiġi konkluż li d-domandi msemmija jaqbżu dak li jista’ jitqies li huwa neċessarju fir-rigward tal-iskop tat-talba għal informazzjoni, kif imsemmi fil-punti 4 u 35 iktar ’il fuq.

63      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li tinsab fir-risposta, ibbażata, essenzjalment, fuq il-fatt li l-kwantità ta’ informazzjoni mitluba tagħti l-impressjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha natura esplorattiva.

64      Ċertament, huwa minnu li l-ħtieġa ta’ protezzjoni kontra interventi tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna, kemm jekk din tkun fiżika jew ġuridika, li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 81).

65      Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet li jiġi osservat dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandha tkun intiża biex tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja biex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi determinati li l-Kummissjoni diġà għandha informazzjoni dwarhom.

66      Madankollu, l-eventwali natura arbitrarja tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi stabbilita skont il-firxa tat-talba għal informazzjoni, peress li l-Kummissjoni tista’ b’mod leġittimu tmexxi investigazzjoni li għandha kamp ta’ investigazzjoni wiesgħa, meta din ikollha fil-pussess tagħha ħjiel serju biżżejjed tal-parteċipazzjoni tal-impriża fid-diversi preżunzjonijiet ta’ ksur li hija jkollha l-intenzjoni li tivverifika.

67      Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tpoġġix indiskussjoni, u ma talbitx lill-Qorti Ġenerali biex tivverifika, il-pussess mill-Kummissjoni ta’ ħjiel suffiċjentement serju li jiġġustifika l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fin-nuqqas ta’ talba espliċita u motivata tar-rikorrenti, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tivverifika ex officio, u biss abbażi tal-allegazzjoni ġenerali bbażata fuq in-natura wiesgħa tat-talba għal informazzjoni, jekk il-Kummissjoni kellhiex ħjiel suffiċjentement serju li jiġġustifika l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

68      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tat-terminu ta’ ġimagħtejn iffissat għar-risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet

69      Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-terminu ta’ ġimagħtejn iffissat għar-risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet.

70      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tqis li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku f’dak li jikkonċerna t-terminu inkwistjoni, peress li r-risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet ġiet ipprovduta u peress li r-rikorrenti rċeviet assigurazzjonijiet li ma kinitx ser tkun is-suġġett ta’ multa f’każ ta’ komunikazzjoni skalata tal-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-terminu ġimagħtejn kien ġustifikat u li ma kienx materjalment impossibbli għar-rikorrenti li tirrispondi għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

71      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lil impriża għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jirrappreżenta għal din tal-aħħar oneru sproporzjonat meta mqabbel man-neċessitajiet tal-investigazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 51; tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 418, u Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 81).

72      Għall-finijiet li tiġi evalwata n-natura eventwalment sproporzjonata tal-oneru involut mill-obbligu li tingħata risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet f’terminu ta’ ġimagħtejn, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, bħala destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, kellha r-riskju li tiġi imposta fuqha mhux biss multa jew penali f’każ ta’ provvista ta’ informazzjoni mhux kompluta jew tardiva jew fin-nuqqas ta’ provvista ta’ informazzjoni, b’applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 23(1)(b) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda wkoll multa f’każ ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni kkwalifikata mill-Kummissjoni bħala mhux eżatta jew żnaturata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament imsemmi.

73      B’hekk, l-eżami tal-adegwatezza tat-terminu stabbilit minn deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandu importanza partikolari. Fil-fatt, it-terminu msemmi għandu jkun jista’ jippermetti lid-destinatarju mhux biss li materjalment jipprovdi risposta, iżda anki li jiżgura ruħu min-natura kompluta, eżatta u mhux żnaturata tal-informazzjoni pprovduta.

74      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni preliminari mqajma mill-Kummissjoni li tirrigwarda l-interess tar-rikorrenti li tqajjem dan il-motiv, din għandha tinftiehem fis-sens li tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponilha terminu ta’ ġimagħtejn għall-finijiet li tirrispondi għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-informazzjoni mitluba ġiet parzjalment ipprovduta wara t-terminu mingħajr ma ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti u li, fil-kuntest ta’ konversazzjoni telefonika, ingħatatilha l-possibbiltà li tikkomunika r-risposti tagħha b’mod skalat fiż-żmien.

75      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi enfasizzat li l-interess ġuridiku kontra deċiżjoni li tordna l-provvista ta’ informazzjoni jibqa’ jeżisti anki jekk din tkun ġiet eżegwita mid-destinatarju tagħha. Fil-fatt, l-annullament ta’ tali deċiżjoni jista’ minnu nnifsu jkollu konsegwenzi legali, b’mod partikolari billi jobbliga lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u billi jiġi evitat it-tiġdid ta’ tali prattika min-naħa tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Novembru 1994, Scottish Football vs Il-Kummissjoni, T‑46/92, Ġabra p. II‑1039, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata u għandha d-dritt li tinvoka l-motivi li tqis li huma ta’ natura li jwasslu lill-Qorti Ġenerali biex tilqa’ t-talbiet tagħha.

77      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tressaq ebda prova li turi li r-rikorrenti ġiet żgurata li provvista skalata tal-informazzjoni mitluba (u għalhekk parzjalment wara l-iskadenza) ma kinitx ser twassal għal multa jew għal penali. Għalkemm huwa stabbilit bejn il-partijiet li seħħet konversazzjoni dwar dan is-suġġett bejn il-kunsill amministrattiv tar-rikorrenti u uffiċjal tal-Kummissjoni, huma ma jaqblux dwar is-sens eżatt ta’ din il-konversazzjoni.

78      B’hekk, mill-proċess jirriżulta biss b’mod ċar ir-rifjut tal-Kummissjoni, f’posta elettronika tat-12 ta’ April 2011, milli testendi t-terminu tar-risposta applikabbli għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet, b’risposta għat-talba f’dan is-sens ippreżentata mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-11 ta’ April 2011 u fil-posta elettronika tagħha tat-12 ta’ April 2011. Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ppreżentat parti mir-risposta tagħha għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet wara t-terminu stabbilit, tista’ tiġi imposta fuqha, għall-inqas b’mod teoretiku, multa mill-Kummissjoni għal din ir-raġuni b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, minkejja l-assigurazzjonijiet li jidher li trid tagħti l-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha.

79      Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq, għandu jitqies li n-natura eventwalment sproporzjonata tal-oneru involut minħabba l-obbligu li tingħata risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet f’terminu ta’ ġimagħtejn jista’ jkollu impatt fuq in-natura kompluta, eżatta u ċara biżżejjed tar-risposti pprovduti, liema ħaġa tista’, jekk ikun il-każ, anki twassal għall-impożizzjoni ta’ multa b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

80      Bid-domanda 11(a), ir-rikorrenti tintalab biex tikkomunika l-informazzjoni kollha dwar ir-rwol, il-funzjoni u r-responsabbiltajiet ta’ P. L. u H. M. mill-2001, il-persuna li lilha dawn jagħtu rendikont b’mod immedjat u, finalment, il-persuna jew persuni li lilhom dawn jagħtu jew kienu jagħtu istruzzjonijiet. Abbażi tad-domanda 11(b) hemm mitlub li tiġi pprovduta lista tal-laqgħat kollha u kuntatti oħra bil-miktub jew orali li jikkonċernaw is-siment u l-prodotti relatati li seħħew bejn P. L. (għall-perijodu 2003-2009), u H. M. (għall-perijodu 2006-2008) ma’ produtturi ta’ siment u ta’ prodotti relatati jew ir-rappreżentanti tagħhom fil-Ġermanja. Għalhekk, ir-rikorrenti ġiet mitluba, b’mod partikolari, biex tippreċiża d-dati tal-laqgħat u l-ismijiet tal-mistiedna u parteċipanti, biex issemmi lill-persuna u lill-impriża li organizzaw il-laqgħa jew laqgħat jew talbu li jsiru dawn il-laqgħat kif ukoll li tagħti l-isem, ir-rwol, il-funzjoni u r-responsabbiltà tal-impjegati l-oħra tar-rikorrenti li pparteċipaw f’dawn il-laqgħat matul il-perijodu 2001-2010. Finalment, abbażi tad-domanda 11(ċ), ir-rikorrenti ġiet mitluba tipprovdi d-dokumenti kollha relattivi għall-kuntatti jew laqgħat imsemmija iktar ’il fuq, inklużi, b’mod partikolari, il-posta elettronika, l-aġendi, il-minuti tal-laqgħat, id-dokumenti tal-ivvjaġġar, in-noti bil-miktub, ir-rapporti jew il-protokolli.

81      Għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata ma tirriżultax l-eżistenza ta’ neċessità partikolari tal-investigazzjoni li tiġġustifika li jiġi stabbilit terminu partikolarment qasir għall-provvista tal-informazzjoni mitluba abbażi tal-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet.

82      Hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 42 iktar ’il fuq, mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ biss jiġi dedott li l-ġustifikazzjoni ta’ dan it-terminu tista’ tkun tinsab fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din is-sensiela ta’ mistoqsijiet timplika l-provvista ta’ kwantità baxxa ta’ informazzjoni.

83      Ċertament, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li, abbażi tal-obbligu ġenerali ta’ prudenza li għandha kull kumpannija jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, ir-rikorrenti hija marbuta li tassigura l-konservazzjoni tajba, fil-kotba u fl-arkivji tagħha, tal-provi li jippermettu li tiġi traċċata l-attività tagħha sabiex, b’mod partikolari, ikollha l-provi meħtieġa f’każ ta’ azzjonijiet legali jew amministrattivi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra p. II‑3355, punt 301).

84      Madankollu, sa fejn ir-risposta għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet timplika, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-kuntatti kollha, inklużi dawk l-iktar informali, ta’ żewġ impjegati tar-rikorrenti ma’ produtturi ta’ siment u ta’ prodotti relatati jew mar-rappreżentanti tagħhom fil-Ġermanja fuq perijodi ta’ tlieta u seba’ snin rispettivament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, minkejja dan l-obbligu ta’ konservazzjoni, il-ġbir, l-organizzazzjoni u l-verifika tal-informazzjoni mitluba ma għandhomx natura neċessarjament faċli.

85      Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 73 iktar ’il fuq għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-terminu stabbilit għandu jkun jista’ jippermetti lir-rikorrenti li tiżgura ruħha min-natura kompluta, eżatta u mhux żnaturata tal-informazzjoni pprovduta.

86      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni mitluba, terminu għar-risposta ta’ ġimagħtejn ma jidhirx li huwa biżżejjed biex din tinġabar u tiġi żgurata n-natura kompluta, eżatta u mhux żnaturata tar-risposta pprovduta.

87      Minn dan jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ risposta għal dawn id-domandi f’tali terminu tikkorrispondi għal oneru sproporzjonat fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq.

88      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, imfakkar mill-Kummissjoni, li, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Novembru 2010, hija kienet wissiet lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tindirizza deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni fil-konfront tagħha abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 billi tipprovdilha proġett ta’ kwestjonarju, li l-ħmistax-il sensiela ta’ mistoqsijiet tiegħu kienet sostanzjalment identika għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet li kienet tinsab fil-kwestjonarju definittiv.

89      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi enfasizzat li fil-paragrafu 4 ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni kitbet, b’lingwaġġ nieqes minn kull ambigwità, li “d-Deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 tagħt[i] lil Schwenk terminu ta’ xahrejn biex tirrispondi għall-kwestjonarju tad-deċiżjoni b’mod korrett, komplut u mhux żnaturat”.

90      B’hekk, il-fatt li r-rikorrenti setgħet b’mod leġittimu tistenna li tiddisponi minn terminu ta’ xahrejn għall-finijiet li tirrispondi għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet jipprekludi, f’kull każ, li l-avviż inkluż fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2010, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-obbligu li tingħata risposta għall-imsemmija sensiela ta’ mistoqsijiet f’terminu ta’ ġimagħtejn.

91      Fir-rigward tar-riferiment min-naħa tal-Kummissjoni fil-punt 38 tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6), biżżejjed li jiġi enfasizzat li dan huwa irrilevanti.

92      F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li mill-punt 38 tal-Avviż imsemmi jirriżulta li, bħala regola ġenerali, it-terminu stabbilit huwa ta’ mil-inqas ġimagħtejn, iżda li dan jista’ jkun iqsar għad-domandi li għandhom biss portata limitata. Dan pjuttost isostni l-ħsieb li, għall-Kummissjoni, terminu ta’ ġimagħtejn għandu, bħala regola ġenerali, natura ta’ rekwiżit minimu. Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-importanza tax-xogħol li jista’ jirrappreżenta l-ġbir, l-organizzazzjoni u l-verifika tal-informazzjoni mitluba, l-użu ta’ terminu ta’ ġimagħtejn għandu natura minn tal-inqas sproporzjonata.

93      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan l-argument għandu jiġi milqugħ.

94      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata hemm ippreċiżat li l-Annessi jifformaw parti sħiħa mid-deċiżjoni kkontestata. Il-qari tal-Anness I, li jikkostitwixxi l-kwestjonarju, juri li l-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet ma tifformax unità indissoċjabbli mill-bqija tal-kwestjonarju.

95      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata biss sa fejn din titlob lir-rikorrenti biex tirrispondi għall-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet tal-kwestjonarju li tinsab fl-Anness I tiegħu, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat il-ħames motiv, peress li dan jikkonċerna, b’mod esklużiv, il-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

97      F’dan il-każ, peress ir-rikors intlaqa’ parzjalment, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2367 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ 39520 – Siment u prodotti relatati), hija annullata sa fejn tikkonċerna l-ħdax-il sensiela ta’ mistoqsijiet tal-kwestjonarju li jikkostitwixxi l-Anness I tagħha.

2)      Schwenk Zement KG għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha kif ukoll terz tal-ispejjeż ta’ Schwenk Zement.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Marzu 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.