SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Marzu 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Direttiva 2006/95/KE — Kunċett ta’ ‘tagħmir elettriku’ — Marka ta’ konformità CE — Kejsings għal konnetturi multipolari tal-elettriku”
Fil-Kawża C‑132/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura
Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV Frankfurt am Main
vs
ILME GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għaz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, minn H.‑J. Ruhl u M. Bohner, avukati,
– għal ILME GmbH, minn U. Blumenröder, avukat,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers u G. Zavvos, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 374, p. 10).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn iz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV Frankfurt am Main (uffiċċju għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali ta’ Frankfurt am Main, iktar ’il quddiem iz-“Zentrale”) u ILME GmbH dwar it-twaħħil tal-marka CE fuq kejsings ta’ konnetturi multipolari għal użu industrijali.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2006/95
3 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/95, it-terminu “tagħmir elettriku” ifisser kull tagħmir iddisinjat għall-użu ma’ skala tal-voltaġġ ta’ bejn 50 u 1000 volt għall-kurrent li jalterna, u bejn 75 u 1500 volt għall-kurrent dirett.
4 L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi t-tagħmir elettriku jista’ jitpoġġa fuq is-suq biss jekk ikun mibni skond il-prattika tajba ta’ l-inġinerija f’dik li hi sigurtà li tkun fis-seħħ fil-Komunità, u għaldaqstant ma jipperikulax is-sigurtà ta’ persuni, annimali domestiċi jew proprjetà meta jkun installat u miżmum sewwa u użat għal skopijiet li għalihom kien magħmul.”
5 L-Artikolu 8(1) jipprovdi dan li ġej:
“Qabel jitpoġġa fuq is-suq, it-tagħmir ta’ l-elettriku għandu jkollu mw[aħ]ħall miegħu l-immarkar CE msemmi fl-Artikolu 10 li jafferma l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li jinkludi l-proċedura ta’ stima ta’ konformità deskritta fl-Anness IV.”
6 Artikolu 10(1) ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“L-immarkar ta’ konformità CE msemmija fl-Anness III għandu jitwaħħal mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità mat-tagħmir ta’ l-elettriku jew, jekk dan ma jistax iseħħ, ma’ l-ippakkjar, il-folja ta’ introduzzjoni jew iċ-ċertifikat ta’ garanzija, sabiex ikun viżibbli, jinqara faċilment u ma jitħassarx.”
7 L-Anness II tad-Direttiva 2006/95 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ċertu tagħmir u ċerti fenomeni elettriċi speċifiċi.
8 L-Anness III tal-imsemmija direttiva jiddeskrivi l-marka CE li għandha titwaħħal u l-elementi li jikkostitwixxu d-dikjarazzjoni ta’ konformità CE.
9 L-Anness IV tal-istess direttiva jipprovdi r-rekwiżiti relatati mal-modalitajiet ta’ kontroll intern tal-produzzjoni tat-tagħmir elettriku.
Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008
10 Skont l-Artikolu 30(3) u (4) tar-Regolament (KE) [Nru] 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, p. 30):
“3. Permezz, u bħala riżultat, tat-twaħħil tal-markatura CE, il-manifattur jindika li jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli kollha stipulati fil-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] rilevanti ta’ armonizzazzjoni li tipprevedi t-twaħħi[l] tagħha.
4. Il-markatura CE għandha tkun l-unika markatura li turi l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] rilevanti ta’ armonizzazzjoni fejn ikun stabbilit li tista’ titwaħħal.”
Il-linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/95
11 Fix-xahar ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/95 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).
12 In-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-linji gwida tindika:
“Il-kunċett ta’ ‘tagħmir elettriku’ ma huwiex iddefinit fid-direttiva u għandu għalhekk jinftiehem fis-sens mogħti lilu fuq livell internazzjonali. Fid-dizzjonarju internazzjonali tal-elettro[tek]nika tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Elettro[tek]nika (IEC), il-kunċett ta’ tagħmir tekniku huwa ddefinit bħala: ‘prodott li jintuża bl-għan li tiġi prodotta, ittrasformata, trażmessa, iddistribwita jew użata enerġija elettrika bħal magni, transformers, swiċċijiet u apparat ta’ kontroll, apparat għall-kejl, apparat ta’ sigurtà, kejbils, oġġetti li jużaw l-elettriku’”.
13 Il-punt 9 tal-linji gwida jipprovdi li l-komponenti bażiċi ta’ tagħmir elettriku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/95 sa fejn is-sigurtà tagħhom tista’ tiġi evalwata skont din id-direttiva qabel ma jiġu integrati fit-tagħmir elettriku bil-kundizzjoni li huma stess jaqgħu taħt il-kategorija “tagħmir elettriku” fis-sens tal-imsemmija direttiva.
14 Dan il-punt jippreċiża li s-sigurtà ta’ ċerti tipi ta’ komponenti elettriċi intiżi sabiex jiġu inkorporati bħala komponenti bażiċi f’apparati elettriċi oħra tiddependi mill-parti l-kbira fuq il-mod li bih dawn il-komponenti jiġu integrati fil-prodott finali. Skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 tal-linji gwida, il-komponenti attivi bħaċ-ċirkuwiti integrati, it-transistors, id-diodes, ir-rettifikaturi, it-triacs, it-thyristors tat-tip GTO, l-IGBTs u s-semikondutturi ottiċi, l-elementi passivi bħall-capacitors, l-inductors, ir-resistors u l-filtri, kif ukoll il-komponenti elettromekkaniċi bħall-elementi ta’ konnessjoni, l-istrumenti mekkaniċi ta’ sigurtà integrati fl-apparati, ir-relays b’konnessjonijiet għal printed circuit boards u l-microswitches.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 ILME GmbH tikkummerċjalizza fil-Ġermanja konnetturi multipolari prodotti fl-Italja minn ILME SpA.
16 Il-komponenti tal-konnetturi jintgħażlu mill-klijent skont il-bżonnijiet tagħhom. Ladarba jiġu kkunsinnati l-komponenti differenti, dawn jiġu mmuntati mill-klijent stess.
17 Il-kejsings tal-konnetturi għandhom il-marka CE, kif previst fl-Anness III tad-Direttiva 2006/95. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ konformità CE relatata ma’ din il-marka ma tirrigwardax il-konnetturi f’dawn il-kejsings iżda l-kejsings stess.
18 Għaz-Zentrale, it-twaħħil tal-marka CE ma huwiex iġġustifikat sa fejn din tirrigwarda esklużivament il-kejsings u ma toffri, konsegwentement, l-ebda garanzija fir-rigward tas-sigurtà tal-konnetturi mmuntati. Din il-marka tista’ tqarraq bil-konsumatur u, għaldaqstant, tikkostitwixxi fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ksur tar-regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-kompetizzjoni żleali.
19 Peress li t-tagħmir elettriku kollu għandu jkollu l-marka CE skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2006/95, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kejsings inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux dan it-tagħmir.
20 Billi ġie ppreżentat rikors għal mandat ta’ inibizzjoni quddiem iz-Zentrale u billi din tal-aħħar tqis li l-eżitu tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Landgericht Köln (tribunal reġjonali ta’ Cologne) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 1, 8 u 10, kif ukoll l-Annessi II [sa] IV tad-Direttiva [2006/95] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-marka ta’ konformità ‘KE’ [CE] ma għandhiex titqiegħed fuq kejsings għal konnetturi multipolari tal-elettriku mibjugħa bħala unitajiet separati u maħsuba għal użu industrijali?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kejsings ta’ konnetturi multipolari għal użu industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “tagħmir elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għandhom ikollhom, konsegwentement, il-marka CE.
22 Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-marka CE għandha titwaħħal biss fuq prodotti li għalihom it-twaħħil tagħha huwa previst b’mod speċifiku mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armonizzazzjoni, bl-esklużjoni ta’ kull prodott ieħor. Fil-fatt, kull evalwazzjoni differenti twassal sabiex jinħoloq riskju ta’ konfużjoni dwar it-tifsira tal-imsemmija marka (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Latchways u Eurosafe Solutions, C‑185/08, Ġabra p. I‑9989, punt 63).
23 F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2006/95, it-tagħmir elettriku għandu jkollu mwaħħla miegħu l-marka CE.
24 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “tagħmir elettriku” ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva. Minn naħa, l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jindika l-limiti tal-voltaġġ li fihom dan it-tagħmir huwa intiż li jiġi użat. Min-naħa l-oħra, it-tipi ta’ tagħmir elettriku u ta’ fenomeni speċifiċi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/95 huma enumerati fl-Anness II.
25 Il-Kummissjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-linji gwida, tiddeduċi minn din l-assenza ta’ definizzjoni li l-kunċett ta’ “tagħmir elettriku” għandu jinftiehem fis-sens mogħti lilu fuq livell internazzjonali.
26 F’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, isir riferiment, b’mod partikolari, għad-definizzjoni li tinsab fid-dizzjunarju internazzjonali tal-elettroteknika tal-IEC, li jipprovdi li tagħmir tekniku huwa “prodott li jintuża bl-għan li tiġi prodotta, ittrasformata, trażmessa, iddistribwita jew użata enerġija elettrika”.
27 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kejsings inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma komponenti ta’ konnetturi multipolari għal użu industrijali sa fejn dawn jikkostitwixxu l-qoxra ta’ barra tagħhom. F’dan ir-rigward, dawn il-kejsings iwettqu funzjoni prinċipali, jiġifieri li jiżguraw l-iżolazzjoni fiżika u elettrika tal-kejbils differenti bejniethom kif ukoll minn elementi esterni permezz ta’ ert.
28 Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, għandu jitqies li l-kejsings inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tagħmir elettriku”, fis-sens tad-Direttiva 2006/95, peress li dawn ma għandhomx biss funzjoni estetika u ta’ protezzjoni tal-kontenut tagħhom iżda jiggarantixxu l-kuntatt mingħajr perikolu tal-elementi elettriċi u jikkontribwixxu wkoll għat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika.
29 Għaldaqstant, jekk dawn il-kejsings jkunu konformi man-normi ta’ sigurtà previsti minn din id-direttiva, il-marka CE għandha titwaħħal fuqhom.
30 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikklassifika l-imsemmija kejsings bħala komponenti ta’ apparati elettriċi li huma l-konnetturi multipolari għal użu industrijali.
31 Iz-Zentrale tqis li, bħala komponenti, il-konformità tal-kejsings inkwistjoni mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà ma tistax tiġi vverifikata qabel l-immuntar komplet tal-konnetturi multipolari.
32 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 30(3) u (4) tar-Regolament Nru 765/2008, permezz tat-twaħħil tal-marka CE, li hija l-unika marka li turi l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti li tipprevedi t-twaħħil tagħha, il-produttur ta’ dan il-prodott jindika li jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti.
33 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/95 ifakkar, essenzjalment, li biss dak it-tagħmir elettriku li ma jipperikolax is-sigurtà ta’ persuni u ta’ oġġetti jista’ jitpoġġa fuq is-suq.
34 Għaldaqstant, il-marka CE ma tistax titwaħħal fuq komponent li jikkostitwixxi tagħmir elettriku li s-sigurtà tiegħu tkun tiddependi essenzjalment mill-mod li bih jiġi inkorporat f’apparat elettriku finali. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, minn naħa, peress li l-kwalità ta’ dan il-komponent ma tippermettix li jingħata ġudizzju minn qabel dwar is-sigurtà tal-apparat elettriku li fih ikun ġie inkorporat, it-twaħħil tal-marka CE fuq l-imsemmi komponent jista’ jqarraq bl-utent ta’ dan l-apparat. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija inkorporazzjoni tista’ tikkomprometti l-konformità kkonstatata minn qabel tal-istess komponent mar-rekwiżiti ta’ sigurtà kif ukoll dik tal-apparat elettriku li fih ikun ġie inkorporat il-komponent inkwistjoni.
35 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, jekk it-tagħmir elettriku bħala komponent li għandu jiġi inkorporat f’apparat elettriku jkollu karatteristiċi li jippermettu li jkun is-suġġett ta’ kontroll fir-rigward tar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà, għandu jitqies li t-twaħħil tal-marka CE huwa ġġustifikat.
36 Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-kejsings inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu l-iżolazzjoni tal-kejbils konnessi bejniethom kif ukoll tal-konnetturi minn elementi esterni permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ertjar, dawn il-kejsings jistgħux, bħala tali u indipendentement mill-inkorporazzjoni tagħhom f’tagħmir elettriku ieħor, ikunu s-suġġett ta’ eżami effettiv fir-rigward tar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà.
37 Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda r-riskju li t-twaħħil tal-marka fuq l-imsemmija kejsings ikun jista’ jqarraq bl-utenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu kkunsinnati f’biċċiet separati, b’tali mod li huwa l-utent stess li jkollu jimmuntahom. Għalhekk, it-twaħħil tal-marka fuq kejsing ma jistax jinftiehem li jirreferi għall-konnettur kollu.
38 It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/95, il-konformità ta’ tagħmir elettriku mar-rekwiżiti ta’ sigurtà hija evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni każijiet meta tali tagħmir ikun ġie installat u miżmum sewwa kif ukoll meta jkun ġie użat għal skopijiet li għalihom kien magħmul.
39 Peress li, minn naħa, il-kejsings inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà li fir-rigward tagħhom ġew ikkontrollati u li, min-naħa l-oħra, l-inkorporazzjoni tagħhom b’mod korrett u konformi mal-użu intiż tagħhom fil-konnetturi multipolari ma tistax twassal sabiex tiġi kompromessa l-konformità tagħhom ma’ dawn ir-rekwiżiti, l-użu tagħhom bħala komponent ta’ apparat elettriku ma jistax ikollu bħala effett li jikkontesta l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “tagħmir elettriku”.
40 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kejsings ta’ konnetturi multipolari għal użu industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tagħmir elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għandhom ikollhom, konsegwentement, il-marka CE bil-kundizzjoni li l-inkorporazzjoni tagħhom, b’mod korrett u konformi mal-użu intiż tagħhom, fl-ebda każ ma tkun tista’ twassal sabiex tiġi kompromessa l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà li fir-rigward tagħhom ikunu ġew ikkontrollati.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kejsings ta’ konnetturi multipolari għal użu industrijali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tagħmir elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għandhom ikollhom, konsegwentement, il-marka CE bil-kundizzjoni li l-inkorporazzjoni tagħhom b’mod korrett u konformi mal-użu intiż tagħhom fl-ebda każ ma tkun tista’ twassal sabiex tiġi kompromessa l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà li fir-rigward tagħhom ikunu ġew ikkontrollati.
Firem