Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2008 - Nouriddin El Fatmi vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-409/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Nouriddin El Fatmi (Vught, l-Olanda) (rappreżentant: G. Pulles, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tiddeċiedi li r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 mhuwiex applikabbli u/jew tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE tal-15 ta' Lulju 2008 sa fejn dawn l-istrumenti japplikaw għar-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li r-Regolament (KE) Nru 2580/20012 ma japplikax għalih u tannulla d-Deċiżjoni 2008/583/KE sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent.

L-ewwel nett, ir-rikorrent jafferma li l-Kunsill aġixxa mingħajr ma osserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 KE. Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma kellux kompetenza minħabba nuqqas ta' rabta ma' pajjiżi terzi jew mas-suq komuni.

It-tieni nett, ir-rikorrent jafferma li l-Artikoli 60, 301 u 308 KE ma joħolqux kompetenza sabiex jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat.

It-tielet nett, ir-rikorrent jafferma li l-Kunsill aġixxa mingħajr ma osserva l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tas-27 ta' Diċembru 2001 u kiser rekwiżiti proċedurali essenzjali u prinċipji tad-dritt Komunitarju fosthom l-obbligu ta' motivazzjoni. Ir-rikorrent iqis li d-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom il-Kunsill ukoll ibbaża ruħu, minn naħa, mhumiex deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jew, min-naħa l-oħra, huma deċiżjonijiet li ġew annullati mill-qorti nazzjonali fl-appell.

Ir-raba' nett, ir-rikorrent jafferma li l-Kunsill m'osservax id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent u, b'mod partikolari, id-dritt għall-ħarsien tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt ta' proprjetà.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70).

2 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE tal-15 ta' Lulju 2008 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 188, p. 21).

3 - Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 93).