Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 - GEMA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-410/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte (GEMA) (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Bechtold u I. Brinker, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 231(1) KE, l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(2) u - sa fejn jirreferi għall-Artikolu 3 - l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, sa fejn din tirrigwarda r-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 fil-Każ COMP/C2/38.698 - CISAC, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikkjarat li l-prattiċi miftiehma dwar il-liċenżjar reċiproku tad-drittijiet tal-awtur għal xogħolijiet mużikali bejn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur membri tal-Confédération Internationale des Sociétés d'Auteur et Compositeurs (Konfederazzjoni internazzjonali tal-assoċjazzjonijiet ta' awturi u kompożituri - "CISAC"), jiksru l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE. Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni ta' prattika miftiehma, ifformulata fl-Artikolu 3, u l-obbligi li jiġi mitmum dan il-ksur li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata.

Għal dan il-għan hija tressaq erba' ilmenti in sostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li d-deċizjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta' determinazzjoni, billi ma jirriżultax b'mod ċar liema mġieba hija pprojbita, billi hija minnha nfisha kontradittorja u li barra minn dan tikser, fost l-oħrajn, il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità kif ukoll abbuż ta' poter, sa fejn, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni mxiet fuq kunsiderazzjonijiet li mhumiex kriterji rilevanti skont id-dritt tal-kompetizzjoni u li għalhekk marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni wettqet irregolarità sostanzjali fil-proċedura meta mmotivat id-deċiżjoni tagħha b'mod insuffiċjenti, u b'dan il-mod kisret l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 253 KE.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija bbażata fuq żbalji manifesti ta' liġi u ta' evalwazzjoni, minħabba li l-Kummissjoni ddeduċiet l-eżistenza ta' prattika miftiehma biss mill-istruttura tas-suq, u b'dan il-mod, bi ħsara għar-rikorrenti, qalbet b'mod illeċitu l-oneru tal-prova, mill-mod kif jirriżulta mil-liġi.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tafferma li huwa b'mod ġuridikament żbaljat li l-Kummissjoni tqis li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE, billi tonqos milli tagħraf, li fi ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka konkluż bejn il-membri tas-CISAC skont il-kuntratt mudell CISAC, drittijiet limitati għat-territorju nazzjonali huwa element essenzjali u indispensabbli għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fuq il-livell internazzjonali u l-espressjoni ta' prinċipju tad-drittijiet tal-awtur li huwa ġeneralment aċċettat, il-prinċipju tat-territorjalità, u li għalhekk tali element ma jikkostitwixxix restrizzjoni għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).