Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Settembru 2012 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Saħħa pubblika — Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumaturi — Ittikkettjar u preżentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel — Kunċetti ta’ ‘stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv’ u ‘għas-saħħa’ — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Deskrizzjoni ta’ inbid bħala ‘diġestibbli’ — Indikazzjoni ta’ kontenut ta’ aċidità mnaqqsa — Xarbiet li jkun fihom iktar minn 1.2 % ta’ alkoħol fil-volum— Projbizzjoni ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 15(1) — Libertà professjonali — Artikolu 16 — Libertà tal-intrapriża — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑544/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Deutsches Weintor eG

vs

Land Rheinland-Pfalz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsches Weintor eG, minn H. Eichele u B. Goebel, Rechtsanwälte,

–        għal-Land Rheinland-Pfalz, minn C. Grewing, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, B. Cabouat u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopoulou u E. Waldherr, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(5) u 4(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9), kif emendat fl-aħħar lok bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010 (ĠU L 37, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1924/2006”). It-talba tirrigwarda wkoll il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikoli 15(1) u 16 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsches Weintor eG (iktar ’il quddiem “Deutsches Weintor”), koperattiva ta’ produtturi tal-inbid Ġermaniża, u d-dipartimenti responsabbli mill-kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi fil-Land ta’ Rheinland-Pfalz, dwar id-deskrizzjoni ta’ inbid “diġestibbli” li jindika kontenut ta’ aċidità mnaqqsa.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1 sa 3, 5, 10, 14 sa 16 u 18 tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabbilixxu :

“(1)      Numru dejjem jikber ta’ ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat fil-Komunità qed ikollu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq inklużi dawk importati, għandhom ikunu siguri u ttikkettati b’mod xieraq. Dieta varjata u bbilanċjata hija prerekwiżit għas-saħħa u prodotti individwali għandhom importanza relattiva fil-kuntest tad-dieta kollha.

(2)      Id-differenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar tali stqarrijiet jistgħu jxekklu l-moviment liberu ta’ l-ikel u joħolqu kondizzjonijiet mhux ugwali ta’ kompetizzjoni. Għalhekk huma għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant hemm bżonn li jiġu adottati regoli Komunitarji dwar l-użu ta’ stqarrijiet fuq l-ikel dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa.

(3)      Disposizzjonijiet ġenerali għall-ittikkettar jinsabu fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-ittikkettar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel [(ĠU L 109, p. 29)]. B’mod ġenerali, id-Direttiva 200/13/KE tipprojbixxi l-użu ta’ informazzjoni li tista’ tqarraq lix-xerrej jew li tista’ tattribwixxi kwalitajiet mediċinali lill-ikel. Dan ir-Regolament għandu jikkomplementa l-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE u għandu jistabbilixxi disposizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ stqarrijiet fuq l-ikel dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa li jitwassal bħala tali lill-konsumatur.

[…]

(5)      Deskrizzjonijiet ġeneriċi (denominazzjonijiet) li tradizzjonalment intużaw biex jindikaw kwalità ta’ kategorija ta’ ikel jew xorb li tista’ timplika effett fuq is-saħħa tal-bniedem, bħal ‘diġestiv’ jew ‘ħelu għas-sogħla’, għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(10)      F’għajnejn il-konsumatur, ikel li jiġi promoss permezz ta’ stqarrijiet jista’ jidher li għandu vantaġġ nutrittiv, fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor ta’ saħħa fuq prodotti simili jew prodotti oħrajn li m’għandhomx dawn in-nutrijenti u sustanzi oħra miżjuda. Dan jista’ jħeġġeġ lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet li jinfluwenzaw direttament il-konsum totali tagħhom ta’ nutrijenti individwali jew ta’ sustanzi oħra b’mod li jmur kontra l-parir xjentifiku. Sabiex wieħed jilqa’ għal dan l-effett potenzjali mhux mixtieq, huwa xieraq li jiġu imposti ċerti restrizzjonijiet fir-rigward ta’ prodotti li juru l-istqarrijiet. […]

(14)      Hemm varjetà kbira ta’ stqarrijiet li bħalissa qed jintużaw fl-it-tikkettjar u fir-reklamar ta’ l-ikel f’xi Stati Membri relatati ma’ sustanzi li ma ġewx ippruvati li huma ta’ benefiċċju jew li bħalissa m’hemmx biżżejjed qbil xjentifiku dwarhom. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li s-sustanzi li dwarhom issir stqarrija jkunu ġew ippruvati li għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huwa ta’ benefiċċju.

(15)      Sabiex jiġi żgurat l-verità ta’ l-istqarrijiet, hu meħtieġ li s-sustanza li hija s-suġġett ta’ l-istqarrija tkun preżenti fil-prodott finali fi kwantitajiet li huma suffiċjenti, jew li s-sustanza ma tkunx preżenti jew li tkun preżenti fi kwantitajiet imnaqqsa biżżejjed, biex jiġi prodott l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr. Is-sustanza għandha wkoll tkun f’forma li tista’ tintuża mill-ġisem. […]

(16)      Huwa importanti li l-istqarrijiet fuq l-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u huwa xieraq li-konsumaturi kollha jkunu mħarsa minn stqarrijiet qarrieqa. […]

[…]

(18)      Stqarrija ta’ vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa m’għandhiex issir jekk tkun inkonsistenti mal-prinċipji ta’ nutriment u saħħa ġeneralment aċċettati jew jekk tinkoraġġixxi jew tittollera konsum eċċessiv ta’ kwalunkwe ikel jew tmaqdar il-prattika ta’ dieta tajba.”

4        L-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 huma esposti fl-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, bil-mod segwenti :

“1.      Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.

[…]”.

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1924/2006 jinkludi d-definizzjonijiet segwenti :

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      id-definizzjonijiet ta’ ‘ikel’, ‘operatur ta’ negozju ta’ l-ikel’, ‘tqegħid fis-suq’, u ‘konsumatur finali’ stabbilita fl-Artikoli 2, 3(3), 3(8) u 3(18) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel [(ĠU L 31, p. 1)] għandhom japplikaw ;

[…]

2.      Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll :

1)      ‘stqarrija’ tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

[…]

4)      ‘stqarrija dwar vantaġġ nutrittiv’ tfisser kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet ta’ nutriment partikolari […]

5)      ‘stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa’ tfisser kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

6)      ‘stqarrija ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard’ tfisser stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li l-konsum ta’ kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu jnaqqsu b’mod sinifikanti fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ xi marda tal-bniedem ;

[…]”.

6        Il-Kapitolu II (Artikoli 3 sa 7) tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa.

7        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-istqarrijiet kollha” huwa redatt kif ġej :

“Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel mqiegħed fis-suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2000/13/KE u 84/450/KEE, l-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa ma għandux:

a)      ikun falz, ambigwu jew qarrieqi;

b)      iqajjem dubji dwar is-sigurtà u/jew l-adegwatezza nutrittiva ta’ ikel ieħor ;

(ċ)      iħeġġeġ jew jittollera l-konsum eċċessiv ta’ xi ikel;

[…]”.

8        Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Kondizzjonijiet għall-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3 tiegħu li:

“Ix-xorb li jkun fih iktar minn 1.2 % fil-volum ta’ alkoħol ma għandux juri stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni, għal xorb li jkun fih aktar minn 1,2 % tal-volum ta’ alkoħol huma biss indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li jirreferu għal livell baxx ta’ alkoħol, jew għal tnaqqis fil-kontenut ta’ l-alkoħol, jew għal tnaqqis fil-kontenut ta’ enerġija li għandhom ikunu permessi.”

9        L-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali, jistabbilixxi :

“1.      L-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)      ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel ta’ nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-istqarrija għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta’ benefiċċju, kif stabbilit minn data xjentifika aċċettata b’mod ġenerali”.

10      L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Prova xjentifika għall-istqarrijiet”, jistabbilixxi :

“Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn data xjentifika aċċettata b’mod ġenerali.”

11      L-Artikoli 10 sa 19 li jinsabu fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdu dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għall-istqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa.

12      L-Artikolu 10(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi, jistabbilixxi :

“1.      Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ stqarrijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

[…]

3.      Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn stqarrija speċifika dwar vantaġġ għas-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Deutsches Weintor hija koperattiva ta’ produtturi tal-inbid stabbilita f’Ibesheim (il-Ġermanja), fil-Land ta’ Rheinland-Pfalz. Hija tbiegħ inbejjed tal-varjetajiet tal-għenba Dornfelder u Grauer/Weißer Burgunder bl-indikazzjoni“Edition Mild” (edizzjoni ħelwa), akkumpanjata bir-riferiment “aċidità ħafifa”. It-tikketta tgħid, b’mod partikolari, dan li ġej: “Il-morbidezza tiegħu hija dovuta għall-applikazzjoni tal-proċess protettiv tagħna tal-‘LO 3’ (LO3 Schonverfahren zur biologischen Säurereduzierung) għat-tnaqqis bioloġiku tal-aċidità”. It-tikketta fuq l-għonq tal-fliexken tal-inbid fiha l-iskrizzjoni: “Edition Mild bekömmlich” (Edizzjoni ħelwa / diġestibbli). Fil-lista tal-prezzijiet, l-inbid huwa deskritt bħala “Edition Mild — sanfte Säure/bekömmlich ” (Edizzjoni Mild — aċidità ħafifa/diġestibbli).

14      L-awtorità inkarigata mis-superviżjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ xarbiet alkoħoliċi fir-Rheinland-Pfalz oġġezzjonat għall-użu tad-deskrizzjoni “diġestibbli” fuq il-bażi li din kienet tammonta għal “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, li, skont l-Artikolu 4(3)(a) ta’ dan ir-regolament, ma hijiex awtorizzata għal xarbiet alkoħoliċi.

15      Għalhekk, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li inbid jiġi deskritt bħala “diġestibbli” flimkien mal-indikazzjoni għal aċidità ħafifa jikkostitwixxix “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006, li normalment hija pprojbita għal xarbiet alkoħoliċi.

16      Deutsches Weintor ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht (qorti amministrattiva) fejn talbet li jiġi kkonstatat li hija tiġi awtorizzata tuża l-indikazzjoni “diġestibbli” għat-tikketti tal-inbejjed ikkonċernati u r-reklamar magħmul għalihom.

17      Insostenn tat-talbiet tagħha, hija essenzjalment sostniet, minn naħa, li l-indikazzjoni “diġestibbli” ma għandha ebda relazzjoni mas-saħħa u tirrigwarda biss il-benesseri ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li r-Regolament Nru 1924/2006 ma japplikax għall-indikazzjonijiet użati tradizzjonalment għall-prodotti tal-ikel jew għax-xarbiet u li jistgħu jkollhom effetti fuq il-benesseri ġenerali, bħal pereżempju l-indikazzjoni “diġestiv” għal xarba li taġevola d-diġestjoni. Għalhekk, fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa għandu jiġi interpretat b’mod strett, li jirrigwarda biss l-effetti prodotti fuq medda twila ta’ żmien mill-prodott tal-ikel inkwistjoni.

18      Il-Verwaltungsgericht ċaħdet dan ir-rikors b’sentenza tat-23 ta’ April 2009. L-appell ippreżentat kontra din is-sentenza ġie miċħud b’sentenza tal-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (Qorti amministrattiva reġjonali superjuri tal-Rheinland-Pfalz) mogħtija fid-19 ta’ Awwissu 2009.

19      Il-qorti tal-appell ikkunsidrat li l-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” kien ikopri, f’kull ipoteżi, l-effetti ta’ prodott tal-ikel fuq il-ġisem u fuq il-funzjonijiet korporali tal-konsumatur. L-indikazzjoni “diġestibbli” tistabbilixxi, f’dak li jirrigwarda l-inbid, rabta mal-proċess korporali, u tirrigwarda l-benesseri ġenerali marbut mas-saħħa. Jistgħu jiġu assoċjati ma’ din l-indikazzjoni l-espressjonijiet sinonimi bħal “tajjeb għas-saħħa”, “faċilment diġestibbli” jew “ħafif fuq l-istonku”.

20      Skont l-imsemmija qorti, dan l-aspett għandu ċerta importanza fil-kuntest tal-konsum tal-inbid, għaliex dan tal-aħħar regolarment huwa assoċjat ma’ uġigħ ta’ ras u fl-istonku. Jista’ jagħti l-każ li l-inbid saħansitra jikkawża effett dannuż għas-saħħa tal-bniedem u jwassal għal dipendenza. L-użu tal-espressjoni “diġestibbli”, flimkien mar-riferiment dwar proċedura partikolari ta’ tnaqqis tal-aċidità u l-kontenut ta’ aċidità ħafifa, joħloq, mill-perspettiva tal-konsumatur, rabta bejn l-inbid u n-nuqqas, fil-proċess ta’ diġestjoni, ta’ effetti negattivi ġieli marbuta mal-konsum tal-inbid.

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti amministrattiva federali).

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” adottata mill-qrati inferjuri hija dubjuża. Fil-fehma tagħha, fid-dawl tal-funzjoni komuni tal-prodotti kollha tal-ikel, li hija li jipprovdu nutrijenti u sustanzi oħra lill-ġisem tal-bniedem, riferiment dwar iż-żamma sempliċement temporali tal-funzjonijiet korporali jew il-benesseru ġenerali marbut mas-saħħa ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi rabta mas-saħħa fis-sens tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006.

23      Fil-fehma tal-Bundesverwaltungsgericht, ċerti elementi jidhru, għall-kuntrarju, li jindikaw li l-kwalifika ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” hija ġġustifikata biss jekk inċidenti ta’ tul itwal, sostenuti, fuq l-istat tal-ġisem jew il-kundizzjoni fiżika jseħħu, u mhux meta jkun hemm biss effetti ta’ żmien qasir fuq il-proċess metaboliku li ma jkollhom ebda influwenza fuq il-kostituzzjoni u għalhekk fuq l-istat ta’ saħħa kif mifhum ġeneralment.

24      Għalhekk, ir-riferiment tal-inbejjed ikkumerċjalizzati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala diġestibbli jirrigwarda biss, skont il-qorti tar-rinviju, l-affermazzjoni li l-inbid ma jipprovokax uġigħ fl-istonku matul id-diġestjoni jew li jipprovoka biss uġigħ minimu meta mqabbel ma’ dak li huwa mistenni minn inbid ta’ dan it-tip u ta’ dan il-kwalità. Barra minn hekk, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi jekk is-sempliċi fatt li prodott tal-ikel ikun inqas dannuż minn prodotti komparabbli tal-istess kategorija huwiex biżżejjed biex jiġi rrikonoxxut effett benefiku għas-saħħa.

25      Fl-aħħar nett, il-Bundesverwaltungsgericht tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk il-projbizzjoni tal-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa għall-inbid hijiex paragunabbli mad-drittijiet fundamentali li huma l-libertà professjonali u l-libertà tal-intrapriża, sa fejn produttur jew distributur ta’ inbejjed huwa pprojbit milli jindika li l-prodott tiegħu huwa diġestibbli minħabba aċidità ħafifa, anki jekk din l-istqarrija tkun preċiża.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja :

“1)      Il-klassifikazzjoni ta’ stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 4(3), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(5) jew mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 […], teħtieġ effett ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku għal titjib sostenibbli tal-kundizzjoni fiżika jew huwa wkoll biżżejjed effett temporanju, b’mod partikolari limitat għat-tul tal-assorbiment u tad-diġestjoni tal-prodott tal-ikel ?

2)      Fil-każ li l-affermazzjoni ta’ effett ta’ benefiċċju temporanju tista’ diġà kklassifikata bħala stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa:

Huwa biżżejjed, sabiex jiġi kkunsidrat li tali effett huwa ġġustifikat min-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas ta’ sustanza fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, li l-affermazzjoni sempliċement tindika li effett ġeneralment prodott minn prodotti tal-ikel ta’ dan it-tip, u kkunsidrat minn ħafna nies bħala negattiv, huwa f’każ partikolari limitat?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

Huwa kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa, fil-verżjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) (il-libertà professjonali), u mal-Artikolu 16 (il-libertà tal-intrapriża) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2007 li tipprojbixxi, mingħajr eċċezzjoni, produttur jew distributur ta’ nbejjed milli jirreklama permezz ta’ stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa tat-tip inkwistjoni fil-kawża, anki jekk din l-istqarrija hija korretta?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

27      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” jkopri riferiment għal “diġestibbli”, li jkun akkumpanjat bir-riferiment għall-kontenut imnaqqas tas-sustanzi meqjusa minn numru kbir ta’ konsumaturi bħala dannużi.

28      L-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jiddefinixxi “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” bħala “kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

29      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 jippreċiża li l-użu tal-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa huwa awtorizzat biss jekk il-preżenza, l-assenza jew il-kontenut imnaqqas fi prodott tal-ikel jew ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel ta’ nutrijent jew ta’ sustanza oħra li tkun is-suġġett tal-istqarrija jkollha effett ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku, kif stabbilit mill-provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati.

30      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari jirrigwardaw l-inbid. Peress li l-inbid jidħol fil-kategorija ta’ xarbiet li fihom iktar minn 1.2 % fil-volum ta’ alkoħol, għandu mill-ewwel jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi, mingħajr eċċezzjoni, kull “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” f’dak li jirrigwarda din il-kategorija ta’ xarbiet.

31      F’din il-kawża, l-istqarrija inkwistjoni tissuġġerixxi li, fid-dawl ta’ aċidità mnaqqsa, l-inbid inkwistjoni huwa adatt jew tajjeb għad-diġestjoni. Għalhekk, dan l-inbid jipproduċi effett ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku.

32      Huwa paċifiku li, peress li hija marbuta mal-assorbiment, puntwali, ta’ prodott tal-ikel, id-diġestjoni għandha tiġi analizzata bħala proċess fiżjoloġiku li huwa limitat fiż-żmien, li joħloq effetti li huma biss temporanji jew li jgħaddu malajr.

33      Billi titlaq minn din il-konstatazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk riferiment bħal “diġestibbli” jistax jiġi kklassifikat bħala “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa”, anki jekk dan ma jimplikax li l-effett ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku li l-inbid inkwistjoni jista’ joħloq iwassal għal titjib sostenibbli tal-istat tal-ġisem.

34      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-“istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa”, fis-sens tal-imsemmi regolament, hija ddefinita abbażi tar-relazzjoni li għandha teżisti bejn prodott tal-ikel jew wieħed mill-komponenti tiegħu, minn naħa, u s-saħħa, min-naħa l-oħra. Dan premess, għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni ma tipprovdi l-ebda preċiżazzjoni la dwar in-natura diretta jew indiretta li għandha jkollha din ir-relazzjoni u lanqas dwar l-intensità tagħha jew it-tul tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu “relazzjoni” għandu jinftiehem b’mod wiesgħa.

35      Għalhekk, minn naħa, il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għandu jirrigwarda mhux biss relazzjoni li timplika titjib tal-istat tas-saħħa permezz tal-konsum ta’ prodott tal-ikel, iżda wkoll kull relazzjoni li timplika n-nuqqas jew it-tnaqqis tal-effetti negattivi jew dannużi għas-saħħa li jirriżultaw jew isegwu, fi każijiet oħra, tali konsum, u, għalhekk, is-sempliċi ħarsien ta’ stat tajjeb ta’ saħħa minkejja l-imsemmi konsum potenzjalment dannuż.

36      Minn naħa, il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” huwa meqjus bħala li jirrigwarda mhux biss l-effetti ta’ konsum puntwali ta’ kwantità preċiża ta’ prodott tal-ikel, li jista’ normalment iwassal għal effetti li jkunu biss temporanji u li jgħaddu malajr, iżda wkoll dawk ta’ konsum ripetittiv, regolari, saħansitra frekwenti, ta’ tali prodott tal-ikel, li, min-naħa l-oħra, l-effetti tiegħu ma humiex neċessarjamanet temporanji u li jgħaddu malajr biss.

37      Fil-fatt, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-premessa 1 u tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, huwa fatt magħruf li l-istqarrijiet li jiżguraw ir-reklamar tal-prodotti tal-ikel li fuqhom dawn jinsabu, billi jsemmu vantaġġ nutrittiv jew fiżjoloġiku jew kull vantaġġ ieħor marbut mas-saħħa meta mqabbel ma’ prodotti simili, jorjentaw l-għażliet tal-konsumatur. Dawn l-għażliet jinfluwenzaw direttament il-kwantità totali tan-nutrijenti differenti jew tas-sustanzi l-oħra li jagħżlu li jassorbu, u għalhekk jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet imposti mill-imsemmija regolament fir-rigward tal-użu ta’ dawn l-istqarrijiet.

38      Għalhekk, għall-finijiet preżenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-effetti temporanji u li jgħaddu malajr kif ukoll l-effetti kumulattivi tal-konsum ripetittiv u ta’ tul ta’ żmien twil ta’ ċertu prodott tal-ikel fuq il-kundizzjoni fiżika.

39      F’din il-kawża, ir-riferiment inkwistjoni, li jissuġġerixxi li l-inbid huwa tassew assorbit u diġestibbli, jimplika b’mod partikolari li s-sistema diġestiva, għalhekk parti mill-ġisem tal-bniedem, ma ssofrix jew issofri ftit u li l-istat ta’ din is-sistema jibqa’ rilettivament b’saħħtu u intatt, anki wara konsum ripetittiv, għalhekk ta’ kwantitajiet kumulati u li jkun mifrux fuq perijodu twil, peress li dan l-inbid huwa kkaratterizzat minn aċidità mnaqqsa.

40      B’dan il-mod, l-istqarrija inkwistjoni tista’ tissuġġerixxi effett ta’ benefiċċju fiżjoloġiku sostenibbli, li jikkonsisti fil-ħarsien tal-istat tajjeb tas-sistema diġestiva, kuntrarjament għal inbejjed oħra meqjusa bħala li jwasslu, wara l-konsum akkumulat tagħhom, għal effetti sostenibbli negattivi fuq is-sistema diġestiva u, għalhekk, fuq is-saħħa.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 4(3)(a) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” jkopri riferiment bħal “diġestibbli”, li jkun akkumpanjat bir-riferiment dwar il-kontenut imnaqqas ta’ sustanzi meqjusa minn numru kbir ta’ konsumaturi bħala dannużi.

 Fuq it-tielet domanda

42      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li fir-Regolament Nru 1924/2006 produttur jew distributur ta’ inbejjed huwa pprojbit milli juża stqarrija tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki meta din l-istqarrija tkun fiha nnifisha preċiża, huwiex kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.

43      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati.

44      Fuq il-bażi tad-drittijiet fundamentali rilevanti fid-dawl tal-projbizzjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 15(1) tal-Karta, li abbażi tiegħu kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li teżerċita professjoni magħżula liberament jew aċċettata, kif ukoll l-Artikolu 16 ta’ din l-istess Karta, li jiggarantixxi l-libertà tal-intrapriża.

45      Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta li teżiġi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jiġi żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 18 tar-Regolament Nru 1924/2006, il-protezzjoni tas-saħħa tinsab fost l-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-regolament.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa fid-dawl mhux biss tal-libertà professjonali u tal-libertà tal-intrapriża, iżda wkoll tal-protezzjoni tas-saħħa, li għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-projbizzjoni, mingħajr eċċezzjoni, ta’ stqarrija tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47      Minn dan isegwi li tali evalwazzjoni għandha titwettaq taħt l-osservanza tal-konċiljazzjoni meħtieġa bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali differenti protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punti 65 u 66).

48      L-ewwel nett, fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tar-riskji ta’ dipendenza u ta’ abbuż kif ukoll tal-effetti dannużi kumplessi riżultanti marbuta mal-konsum tal-alkoħol, b’mod partikolari l-inċidenza ta’ mard gravi, ix-xarbiet alkoħoliċi jirrapreżentaw kategorija speċjali ta’ prodotti tal-ikel li huma suġġetta għal regolamentazzjoni partikolarment stretta.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet irrikonoxxiet li miżuri li jillimitaw il-possibbiltà ta’ reklamar ta’ xarbiet alkoħoliċi u li jfittxu għalhekk li jiġġieldu kontra l-abbuż tal-alkoħol jirriflettu tħassib dwar is-saħħa pubblika u li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tikkostitwixxi, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 9 TFUE, għan ta’ interess ġenerali ta’ natutra, jekk ikun il-każ, li jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Franza, 152/78, Ġabra p. 2299, punt 17 ; tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, C-l/90 u C‑176/90, Ġabra p. 1-4151, punt 15 ; tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-262/02, Ġabra p. 1-6569, punt 30 ; u tat-13 ta’ Lulju 2004, kif ukoll Bacardi France, C-429/02, Ġabra p. 1-6613, punt 37).

50      Barra minn hekk, għalkemm, b’mod ġenerali, mill-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa ma għandhomx ikunu foloz, ambigwi jew qarrieqa, dan ir-rekwiżit jgħodd b’mod iktar konkret għax-xarbiet alkoħoliċi. Fil-fatt, huwa importanti li l-istqarrijiet kollha dwar dawn ix-xarbiet ma jkunux ambigwi, sabiex il-konsumaturi jkunu f’pożizzjoni li jirregolaw il-konsum tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-perikoli kollha intrinsiċi li huma marbuta mal-imsemmi konsum, u b’hekk jaġixxu b’mod li jipproteġu effikaċament saħħithom.

51      Issa, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istqarrija inkwistjoni, jekk jiġi preżunt li tista’ titqies bħala li hija fiha nnifisha materjalment preċiża inkwantu tinforma li hemm kontenut imnaqqas ta’ aċidità, hija madankollu inkompluta. Fil-fatt, l-imsemmija stqarrija tenfasizza ċerta kwalità ta’ natura li tiffaċilita d-diġestjoni, filwaqt li ma ssemmix il-fatt li, irrispettivament mill-proċess tajjeb ta’ diġestjoni, perikoli inerenti marbuta mal-konsum tax-xarbiet alkoħoliċi la huma eliminati u lanqas limitati.

52      Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ ġustament jikkunsidra li stqarrijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ambigwi, jekk mhux saħansitra qarrieqa, meta jirrigwardaw xarba alkoħolika. Fil-fatt, billi semmiet biss id-diġestjoni faċli tagħha, l-istqarrija inkwistjoni hija ta’ natura li tinkoraġixxi l-konsum tal-inbid inkwistjoni u, b’mod definittiv, li tkabbar ir-riskji inerenti marbuta mal-konsum mhux moderat ta’ kull xarba alkoħolika għas-saħħa tal-konsumaturi. Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ tali stqarrijiet tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tar-rekwiżiti li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumatur.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-projbizzjoni totali ta’ stqarrija tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqis bħala meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 35 tal-Karta.

54      It-tieni nett, fir-rigward tal-libertajiet professjonali u tal-intrapriża, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali bħad-dritt tal-proprjetà ma humiex drittijiet assoluti, iżda għandhom ikunu kkunsidrati fir-rigward tal-funzjoni soċjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I—11893, punt 72). Għaldaqstant, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għad-dritt li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet, kemm-il darba dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni Ewropea u, fid-dawl tal-għan tagħhom, ma jammontawx għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet iggarantiti (sentenzi tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C-22/94, Ġabra p. I-1809, punt 27, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C 64/00, Ġabra p. I-7411, punt 68).

55      F’dak li jirrigwarda l-imsemmija għanijiet, mill-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża li tipproteġi s-saħħa, li tikkostitwixxi għan rikonoxxut mill-Artikolu 35 tal-Karta.

56      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għalkemm huwa minnu li l-projbizzjoni tal-istqarrijiet inkwistjoni timponi ċerti restrizzjonijiet għall-attività professjonali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati fuq aspett preċiż, l-osservanza ta’ dawn il-libertajiet hija madankollu żgurata fuq l-aspetti essenzjali.

57      Fil-fatt, lil hinn milli tipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarbiet alkoħoliċi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, f’qasam definit sew, sempliċement tinkwadra l-ittikkettjar u l-pubbliċità marbuta magħhom.

58      Fil-fatt, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni inkwistjoni ma taffettwa bl-ebda mod is-sustanza stess tal-libertà professjonali u tal-libertà tal-intrapriża.

59      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-projbizzjoni totali, fir-Regolament Nru 1924/2006, ta’ stqarrija tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala konformi mar-rekwiżit intiż li jikkonċilja d-drittijiet fundamentali differenti preżenti u li jistabbilixxi bilanċ ġust bejniethom.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, il-fatt li, fir-Regolament Nru 1924/2006, produttur jew distributur tal-inbejjed huwa pprojbit mingħajr eċċezzjoni milli juża stqarrija tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk din l-istqarrija tkun fiha nnifisha preċiża, huwa kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendat fl-aħħar lok bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” jkopri riferiment bħal “diġestibbli”, li jkun akkumpanjat bir-riferiment dwar il-kontenut imnaqqas ta’ sustanzi meqjusa minn numru kbir ta’ konsumaturi bħala dannużi.

2)      Il-fatt li, fir-Regolament Nru 1924/2006, produttur jew distributur tal-inbejjed huwa pprojbit mingħajr eċċezzjoni milli juża stqarrija tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk din l-istqarrija tkun fiha nnifisha preċiża, huwa kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.