Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Awwissu 2011 - Afriqiyah Airways vs Il-Kunsill

(Kawża T-436/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Afriqiyah Airways (Tripoli, il-Libja) (rappreżentant: B. Sarfati, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/300/PESK, tat-23 ta' Mejju 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 136, 24.05.2011, p. 85), flimkien mal-Anness II tad-deċiżjoni msemmija;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-irregolarità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-att. Ir-rikorrenti tinvoka l-assenza ta' proċedura regolari fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, tat-28 ta' Frar 2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, p. 53) u ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

It-tieni motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kunsill talli pprovda motivazzjoni standardizzata li la tippermetti lid-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem ir-raġunijiet wara l-adozzjoni tagħha u lanqas ma tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha dwar il-legalità tal-att. Motivazzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti hija sussidjarja u proprjetà ta' Libyan African Investment Portfolio, entità li hija wkoll ikkonċernata mill-miżuri restrittivi, ma hijiex motivazzjoni suffiċjenti.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn b'ebda mod ma huwa stabbilit li d-drittijiet tad-difiża ġew irrispettati u li r-rikorrenti ngħatat l-opportunità tinvoka d-drittijiet tagħha qabel ġiet inkluża fil-lista.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27 TUE. Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni 2011/137/PESK imsemmija fil-punt 2 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, tat-23 ta' Marzu 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 78, p. 24), ġew adottati bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) TUE.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti hija kumpannija tal-ajru li tipprovdi servizzi ċivili li jinvolvu t-trasport ta' passiġġieri u ta' merkanzija, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tiffriża l-assi tar-rikorrenti għas-sempliċi raġuni li hija l-proprjetà tal-Istat Libjan permezz ta' fond ta' investiment.

____________