Language of document : ECLI:EU:F:2016:71

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

11 ta’ April 2016

Kawża F‑59/13 RENV

Thierry Rouffaud

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Kawża mibgħuta lura quddiem it-Tribunal wara annullament – Persunal tas-SEAE – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat – Rifjut”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Thierry Rouffaud talab b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2012 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li tiċħad it-talba tiegħu intiża sabiex il-perijodu ta’ servizz li huwa kien wettaq skont kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt jitqies li huwa perijodu ta’ servizz imwettaq bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, u sabiex il-kuntratti suċċessivi tiegħu ta’ impjieg għal żmien determinat jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-Kawżi F‑59/13 u F‑59/13 RENV. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu sostnuti fil-Kawża T‑457/14 P u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Thierry Rouffaud fil-Kawża T‑457/14 P.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal awżiljarju – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat – Esklużjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 3a u 3b)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Evalwazzjoni tal-kompiti li jistgħu jaqgħu taħt id-diversi gruppi ta’ funzjonijiet – Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 80(2))

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal awżiljarju – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat – Kundizzjonijiet – Tiġdid – Kunċett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 3a)

1.      Id-dritt għal membru tal-persunal bil-kuntratt li l-kuntratt tiegħu għal żmien determinat jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat huwa l-konsegwenza tar-reklutaġġ tiegħu taħt kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, u mhux taħt kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, peress li dan l-aħħar kuntratt ma jistax jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat.

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-użu ta’ membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt huwa eskluż fil-każijiet fejn l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ikun applikabbli. Konsegwentement, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata teżamina, każ b’każ, jekk il-membru tal-persunal bil-kuntratt li hija tixtieq timpjega għandux jiġi rreklutat taħt kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew taħt kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

F’dan ir-rigward, il-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati fi ħdan is-sede ta’ istituzzjoni sabiex iwettqu kompiti li jikkorrispondu għall-grupp ta’ funzjonijiet I, jiġifieri kompiti manwali jew ta’ sostenn amministrattiv, jistgħu jiġu rreklutati biss taħt kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Meta l-membru tal-persunal bil-kuntratt jiġi rreklutat fi ħdan is-sede ta’ istituzzjoni sabiex iwettaq kompiti li jikkorrispondu għall-gruppi ta’ funzjonijiet II, III jew IV, l-istituzzjoni kkonċernata tkun obbligata toffrilu kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

Barra minn hekk, fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-membri tal-persunal bil-kuntratt jistgħu jiġu rreklutati biss skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u dan indipendentement mill-grupp ta’ funzjonijiet li miegħu jikkorrispondu l-kompiti mwettqa.

(ara l-punti 42, 43, 48 u 49)

2.      Minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma jispjegax liema differenza teżisti bejn il-kompiti ta’ sostenn amministrattiv li jikkorrispondu għall-grupp ta’ funzjonijiet I u l-kompiti amministrattivi li jikkorrispondu għall-grupp ta’ funzjonijiet IV, wieħed għandu jifhmu fis-sens li, fid-dawl tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jiġi kklassifikat fil-grupp ta’ funzjonijiet IV kif ukoll fid-dawl tal-gradi għolja mogħtija lill-membri tal-persunal bil-kuntratt ikklassifikati f’dan il-grupp ta’ funzjonijiet, il-kompiti amministrattivi attribwiti lil dawn tal-aħħar huma ta’ importanza, ta’ kumplessità u ta’ responsabbiltà ħafna ikbar mill-kompiti ta’ sostenn amministrattiv li jkollhom il-membri tal-persunal bil-kuntratt ikklassifikati fil-grupp ta’ funzjonijiet I. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kompiti li jistgħu jaqgħu taħt id-diversi gruppi ta’ funzjonijiet, fosthom il-gruppi I u IV, imsemmija fl-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

(ara l-punt 61)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Gheysens vs Il-Kunsill, F‑83/08, EU:F:2013:133, punt 33

3.      Kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma jistax jitqies bħala t-tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li rregola l-ewwel reklutaġġ tal-persuna kkonċernata fil-każ fejn dawn iż-żewġ kuntratti ma jkunux suċċessivi għal xulxin mingħajr skontinwità.

(ara l-punt 65)