Language of document : ECLI:EU:T:2011:220

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Mejju 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kollettiva verbali TXAKOLI – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑341/09,

Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava, stabbilit fi Amurrio (Spanja),

Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Bizkaia, stabbilit fi Leioa (Spanja),

Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Getaria, stabbilit fi Getaria (Spanja),

irrappreżentati minn J. Grimau Muñoz u J. Villamor Muguerza, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-4 ta’ Ġunju 2009 (Każ R 197/2009-2), dwar applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal verbali TXAKOLI bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2009,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Frar 2010,

wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti, il-Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava, il-Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Bizkaia u l-Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Getaria, ippreżentaw talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja kollettiva fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TXAKOLI.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 33, 35, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 33: “Txakoli (chacolí)”;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut u permezz ta’ netwerks informatiċi mondjali, servizzi ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni, reklamar, promozzjoni u esklussivitajiet kummerċjali, kollha assoċjati maċ-txakoli”;

–        klassi 41: “Attivitajiet edukattivi, ta’ divertiment u kulturali assoċjati maċ-txakoli”;

–        klassi 42: “Provvista ta’ servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi, ta’ riċerka industrijali u ta’ kontroll tal-kwalità, kollha assoċjati mal-produzzjoni taċ-txakoli”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2008, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet irrifjutata mill-eżaminatur taħt l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament Nru 207/2009].

5        Fl-4 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ressqu appell minn din id-deċiżjoni quddiem l‑UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009].

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors għall-motiv li t‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva u nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward tal-prodott u tas-servizzi kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Fir-rigward tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell indika li l-frażi “txakoli” (“chacolí” bl-Ispanjol) tidher fid-Diccionario de la Lengua española tar-Real Academia Española u hemm hija ddefinita bħala “inbid ħafif, ftit aċiduż, prodott fil-País Vasco, f’Cantabria u fiċ-Ċilì”. Ġie konkluż li l-pubbliku rilevanti ma huwiex se jipperċepixxi din il-frażi bħala trade mark iżda bħala deskrizzjoni ta’ tip ta’ nbid partikolari.

8        Barra minn hekk, anki jekk hi qieset li l-frażi kienet tikkorrispondi għat-termini tradizzjonali “chacolí” jew “txakolina” u kienet riżervata, b’konformità mal-leġiżlazzjoni Spanjola u ma’ dik tal-Unjoni [b’mod partikolari mal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002, tad-29 ta’ April 2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-oriġini, il‑preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 455)] għall-inbid protett mid-denominazzjonijiet ta’ oriġini li tagħhom ir-rikorrenti huma l-Kunsilli regolatorji, hija kkunsidrat ukoll li, bħal kull terminu tradizzjonali ieħor, din ma tistax tiġi monopolizzata permezz ta’ trade mark individwali jew kollettiva, peress li hija ddestinata li tintuża liberament mill-impriżi kollha li jipproduċu dan it-tip ta’ nbid li għandhom, jew li jista’ jkollhom fil-futur, id-dritt li jużaw dan it-terminu tradizzjonali.

9        Fir-rigward tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward tal-prodott u s‑servizzi msemmija peress li hija kienet magħmula biss mit-terminu tradizzjonali tat-tip speċifiku ta’ nbid imsemmi fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u li għalih jirreferu s-servizzi inkwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Ir-rikorrenti essenzjalment iressqu żewġ motivi, ibbażati fuq, l-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni nett, l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, huma jinvokaw ċerti dikjarazzjonijiet ta’ natura politika insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom kif ukoll ċerti argumenti relattivi għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-frażi “txakoli” tikkostitwixxi f’denominazzjoni tal-oriġini deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, bħat-termini l-oħra kollha mħarsa bir-Regolament Nru 753/2002, iżda jsostnu li r‑raġuni assoluta għal rifjut prevista f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’dan il‑każ. Huma jsostnu wkoll li l-frażi “txakoli” essenzjalment tikkostitwixxi indikazzjoni li tista’ sservi, fil-kummerċ sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizzi inkwistjoni u li tista’, bħala konsegwenza, tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li jipprovdi li, b’deroga mill‑Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji kollettivi.

14      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li, peress li r-Regolament Nru 753/2002 u l-leġiżlazzjoni Spanjola jirrikonoxxu t-termini tradizzjonali oħra “chacolí” jew “txakolina” u “txakoli” biss għall-inbejjed ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini li tagħhom huma l-Kunsilli regolatorji, il-frażi “txakoli” isservi sabiex tidentifika biss l-inbejjed u ma tistax tintuża mill-produtturi tal-inbejjed barra ż‑żoni kkonċernati mill-imsemmija denominazzjonijiet ta’ oriġini. Huma jaffermaw b’mod partikolari li, sabiex frażi tkun irrikonoxxuta bħala terminu tradizzjonali, dak li jimporta huwa li din tkun, flimkien mal-indikazzjoni ġeografika tal-inbejjed, assoċjata mal-oriġini u mal-karatteristika tal-inbejjed li tirreferi għalihom. Huma jżidu li l-pubbliku rilevanti jassoċja l-frażi “txakoli” mal-País Vasco (Spanja), minħabba l-oriġini tagħha u l-ortografija tagħha, u jikkunsidra, bħala konsegwenza, lil din il-frażi bħala indikatur tal-oriġini ġeografika.

15      Barra minn hekk, huma jinvokaw ir-reġistrazzjoni ta’ ċerti trade marks allegatament komparabbli.

16      L-UASI jikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

17      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il‑valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

18      L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I-12447, punt 31, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, allsafe Jungfalk vs UASI (ALLSAFE), T-343/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20].

19      Is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għaldaqstant huma biss dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali tal-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jindikaw sew direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza ALLSAFE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Dan huwa l-każ meta għall-pubbliku rilevanti tkun teżisti relazzjoni diretta u konkreta bejn is-sinjal verbali inkwistjoni u l-prodotti u s‑servizzi msemmija [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Lulju 2004, Lissotschenko u Hentze vs UASI (LIMO), T-311/02, Ġabra p. II‑2957, punt 30, u tat-30 ta’ Novembru 2004, Geddes vs UASI (NURSERYROOM), T-173/03, Ġabra p. II-4165, punt 20].

20      Għaldaqstant, il-karattru deskrittiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Rewe-Zentral vs UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 27, u tal-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 20].

21      Barra minn hekk, l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

“1.      Marka Komunitarja kollettiva hija trade mark Komunitarja li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. […]

2.      B’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki Komunitarji kollettivi skont it-tifsira tal-paragrafu 1 […]”

22      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-evalwazzjoni tal-eżaminatur meta kkunsidra li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju Bask u Spanjol, il-frażi “txakoli” tindika t-tip ta’ nbid li għalih saret l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u li għalih għamlu referenza s-servizzi inkwistjoni, u li bħala konsewenza, imur kontra r-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 207/2009.

23      Preliminarjament, anki jekk ir-rikorrenti ma jikkontestawx id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti magħżula mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-frażi “txakoli” jew “chacoli” tindika t-tip ta’ nbid li għalih saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (ara punt 3 iktar ’il fuq) u peress li ma jeżistux traduzzjonijet tagħha f’lingwi oħra tal-Unjoni, ma hemm l-ebda raġuni għal xiex il-pubbliku rilevanti jkun limitat għall-pubbliku Bask u Spanjol biss. Madankollu, din il‑preċiżazzjoni ma għandha l-ebda konsegwenza fuq l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

24      Ir-rikorrenti jsostnu li l-frażi “txakoli” essenzjalment tikkostitwixxi indikazzjoni li tista’ sservi, fil-kummerċ, sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li, minn naħa, hija espressjoni tradizzjonali oħra protetta mir-Regolament Nru 753/2002, u għaldaqstant hija rriżervata esklussivament għall-inbejjed li għandhom id‑denominazzjoni ta’ oriġini, u, min-naħa l-oħra, peress li hija ta’ oriġini Baska u hija miktuba bil-Bask.

25      Għandu jiġi ppreċiżat li r-Regolament Nru 753/2002, invokat mir-rikorrenti, ġie mħassar, bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-preżentata tar-rikors, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, tal-14 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, p. 60). Ir‑Regolament Nru 607/2009 jirrikonoxxi, bħalma jagħmel ir-Regolament Nru 753/2002, it-termini “chakolí” u “txakolina” bħala konnessi mal-inbejjed ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini li tagħhom ir-rikorrenti huma l-Kunsilli regolatorji. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mar-regolament bażiku l-ġdid, jiġifieri r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1), kif emendat, ma jużax l-espressjoni “termini tradizzjonali oħra” iktar.

26      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argumenti tar-rikorrenti li għandhom l-għan li juru li l-frażi “txakoli” hija indikazzjoni ġeografika, għandu jitfakkar li, anki jekk wieħed jissuponi li din il-frażi, kif jafferma r-rikorrent, hija ekwivalenti għall-frażijiet “chacolí” u “txakolina”, l-imsemmija frażi tikkostitwixxi biss, bħal dawn, espressjoni tradizzjonali kumplimentari fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002 u mhux denominazzjoni ta’ oriġini protetta. Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni tal-inbid huma “txakoli de Álava”, “txakoli de Bizkaia” u “txakoli de Getaria” u jinkludu, maġenb il-frażi “txakoli”, l-isem tal-provinċja jew tal-post speċifiku li jindika l-oriġini ġeografika konkreta tal-inbid inkwistjoni kif awtorizzat bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25) – Regolament bażiku li jippreċedi r‑Regolament Nru 1234/2007 u li fuqu ġie bbażat ir-Regolament Nru 753/2002 –, li kien jipprovdi li l-Istati Membri setgħu jawtorizzaw li l-isem ta’ reġjun speċifiku jiġi kkumbinat bi preċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ prodott.

27      Id-distinzjoni bejn indikazzjonijiet ġeografiċi, fis-sens wiesa’, u t-termini tradizzjonali irriżultat b’mod ċar mir-Regolament Nru 1493/1999, peress li fl-Artikolu 47(2)(e) tiegħu huwa kien jindika li r-regoli dwar id-deskrizzjoni, id‑denominazzjoni tal-oriġini u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti koperti bl-imsemmi regolament, kif ukoll il-protezzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet u termini u ta’ ċerti frażijiet, kienu jinkludu b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ termini tradizzjonali.

28      Fost dawn tal-aħħar, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002 kien jiddefinixxi t-termini tradizzjonali oħra bħala “termini addizzjonali tradizzjonali użati fl-Istati Membri produtturi biex jinnominaw, fil-każ ta’ l-inbejjed [tal-mejda li għandhom indikazzjoni ġeografika u l-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjun speċifiku] il-produzzjoni jew il-metodu tax-xjuħija jew il-kwalità, il-kulur, it-tip ta’ post, jew xi ġrajja partikolari marbuta ma’ l-istorja ta’ l-inbid ikkonċernat u definita f’leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru għall-iskopijiet tad-deskrizzjoni ta’ l-inbid ikkonċernat li joriġina fit-territorju tiegħu.” Bħala konsegwenza, it-termini tradizzjonali oħra, fis-sens tar-Regolament Nru 753/2002 kienu termini li jiddeskrivu ċerti elementi karatteristiċi tal-inbid, tal-post tal-produzzjoni jew tal-istorja tiegħu u mhux tal-oriġini ġeografika tiegħu.

29      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li numru ta’ termini tradizzjonali protetti bir-Regolament Nru 753/2002, u, fil-preżent bir-Regolament Nru 607/2009, huma assoċjati ma’ numru kbir ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, li xi drabi jkopru Stat Membru sħiħ, jew anki iktar, li jxekklu l-kwalifikazzjoni ta’ frażi ta’ “termini tradizzjonali oħrajn” milli titqies li għandha l-effett li tibdilha f’indikazzjoni ġeografika u inqas u inqas milli titqies li din il-kwalifikazzjoni ma tagħmel xejn ħlief li tikkonferma li l-frażi tikkostitwixxi diġà fiha nnifisha indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika tal-inbejjed.

30      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li qegħdin jallegaw ir-rikorrenti, ir‑Regolament Nru 753/2002 ma jipprovdix, li sabiex frażi tkun rikonoxxuta bħala terminu tradizzjonali hija għandha tkun, flimkien mal-indikazzjoni ġeografika tal-inbejjed, assoċjata mal-oriġini tal-karatteristika tal-inbejjed li hija tiddeskrivi.

31      Ċertament, l-ewwel verżjoni tar-Regolament Nru 753/2002, fl-Artikolu 24(6) tagħha, kienet tindika li l-“espressjonijiet tradizzjonali” kellhom iservu sabiex jidentifikaw l-inbejjed li huma oriġinarji tal-post stabbilit bl-indikazzjoni ġeografika li huma għandhom meta l-karatteristika li toħroġ minnhom setgħet tkun attribwita essenzjalment għal din l-oriġini ġeografika. Madankollu, dan il‑paragrafu, fost oħrajn, ġie mħassar b’effett mill-1 ta’ Frar 2004 bl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 316/2004, tal-20 ta’ Frar 2004, li emenda r-Regolament Nru 753/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 490). Mill-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 316/2004 jirriżulta li dan it-tħassir kellu l-għan li jirrispondi għall-kritika magħmula minn ċerti pajjiżi terzi bbażati fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni kienet tirriżerva ċerti “termini tradizzjonali”, jiġifieri dawk li jidhru fil-lista fejn kienu jinsabu it-termini “chakolí” u “txakolina”, għall-inbejjed tal-Unjoni Ewropea biss.

32      Ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Taljana kontra r-Regolament Nru 316/2004, li fil-kuntest tiegħu hija allegat li t-“termini tradizzjonali” huma ħaġa waħda mal-indikazzjonijiet ġeografiċi, ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Marzu 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T-226/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

33      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk hija tassoċja l‑frażijiet “chacolí” jew “txakolina”, kif ukoll il-frażi “txakoli”, mal-inbejjed ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini li tagħhom huma l-Kunsilli regolaturi, il‑leġiżlazzjoni dwar l-inbid invokata mir-rikorrenti tqis l-imsemmija frażijiet bħala indikazzjoni ta’ karatteristika tal-inbejjed, u mhux bħala indikazzjoni tal‑oriġini ġeografika tagħhom, u dan minkejja r-rabta li allegatament teżisti bejn dawn il-frażijiet, b’mod partikolari l-frażi “txakoli”, u l-Pais Vasco.

34      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li din il-frażi “fuq il-mertu” tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika, għandhom jiġu miċħuda.

35      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 66(2), tar-Regolament Nru 207/2009 li jipprovdi eċċezzjoni għar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, m’għandux jiġi interpretat b’mod estensiv li jkopri s-sinjali li jikkostitwixxu indikazzjoni ġeografika ta’ sfond biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Olesen vs Il-Kummissjoni, ĠabraSP p. I‑A‑181 u II‑805, punt 47).

36      Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, fir-rigward tas-suq speċifiku ħafna tal-inbid, li taċċetta, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti quddiem l-UASI, li l-frażi “txakoli” tiddeskrivi jew tista’ sservi biex tiddeskrivi, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku relevanti, lill-Pais Vasco bħala oriġini ġeografika tal-inbid inkwistjoni, ittellef il‑kompetenza tal-awtoritajiet intervenjenti fil-proċeduri intiżi għall-ħolqien ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini ġodda jew ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li jinkludu din il-frażi (jew dawk ekwivalenti għaliha “chakolí” jew “txakolina”), jew intiżi għaż-żieda tan-numru ta’ denominazzjonijiet assoċjati ma’ dawn it-termini.

37      Madankollu, huma l-awtoritajiet li għandhom jiddeterminaw, permezz tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom u wara li jiġu eżaminati ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha bħal dawk diskussi mill-partijiet f’din il-kawża, jekk il-frażi “txakoli” għandhiex tiġi protetta bħala deskrizzjoni tal-oriġini ġeografika tal-inbid inkwistjoni, u dan b’osservanza tal-proċedura speċifika prevista f’dan ir-rigward bir-Regolament Nru 1234/2007, li tinkludi b’mod partikolari drittijiet speċifiċi għall-persuni interessati u timplika l-possibbiltà li d-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

38      Fir-rigward, it-tieni nett, tat-trade marks irreġistrati invokati mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI huma marbuta li jieħdu, skont ir-Regolament Nru 40/94, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandhom ikunu evalwati biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux fuq prassi deċiżjonali preċedenti għalihom [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 65, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI - LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/004, Ġabra p. II-4891, punt 71].

39      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li t-trade marks invokati mir-rikorrenti ma humiex rilevanti f’dan il-każ peress li dawn huma trade marks individwali li ma jaqgħux fir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c), u mhux trade marks deskrittivi li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009. B’mod partikolari, l-ewwel tnejn huma trade marks figurattivi li jinkludu, barra l‑frażijiet iċċitati mir-rikorrenti, “zumo” u “don sabor mosto”, aspetti figurattivi distintivi ħafna. F’dak li jirrigwarda t-trade mark verbali MOSTO, bil-frażi “mosto” tfisser meraq tal-għenba bl-Ispanjol, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrenti, din ma ġietx irreġistrata għall-meraq tal-għenba.

40      Minn dak li ssemma hawn fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ma applikax l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex jiċħad ir‑raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

41      Ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex terminu tradizzjonali jkun protett bir-Regolament Nru 753/2002, huwa jrid jagħti indikazzjoni ġeografika li sservi sabiex issir assoċjazzjoni ma’ reġjun, u jsostnu li l-karattru distintiv tal-frażi “txakoli” joħroġ mir-rabta diretta mal-Pais Vasco, bl-imsemmija rabta tkun murija mill-fatt li hija rriżervata għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini li tagħhom huma l-Kunsilli regolaturi. Huma jżidu li l-esklussività fl-użu tal-frażi “txakoli” tirriżulta mill-kwalifikazzjoni tagħha ta’ “espressjoni tradizzjonali” f’dan ir-regolament f’dak li jirrigwarda d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tagħhom.

42      Huma jsostnu, għal finijiet indikattivi biss, li l-pożizzjoni tagħhom hija kkonfermata bis-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia (Qorti tal-Ġustizzja Superjuri) tal-Pais Vasco tal-4 ta’ Ġunju 2007, dwar il-legalità ta’ multa imposta lil produttur Bask li uża l-frażi biex jiddeskrivi l-inbejjed tiegħu, li ddeċidiet li l‑frażi “txakoli” ma setgħetx tintuża minn operaturi li ma għandhomx dritt għal waħda mid-denominazzjonijiet ta’ oriġini tar-rikorrenti, u li, flimkien mal-imsemmija denominazzjonijiet, hija kienet assoċjata mal-oriġini tal-karatteristiċi li hija kienet tiddeskrivi.

43      Fuq il-bażi tan-normi nazzjonali dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini li tagħhom huma l-Kunsilli regolatorji, ir-rikorrenti jsostnu li l-frażijiet “chacolí”, “txakoli” jew “txakolina” huma speċifiċi fihom infushom u, billi huma ddefiniti bi preċiżjoni fl-imsemmija normi, igawdu minn reputazzjoni u minn karattru distintiv miksub bl-isforzi ta’ dawk li jkabbru d-dwieli u tal-produtturi li jibbenefikaw mill-imsemmija denominazzjonijiet ta’ oriġini.

44      L-UASI jikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

45      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti essenzjalment jillimitaw ruħhom li jirrepetu l-argumenti mressqa minnhom insostenn tal-ewwel motiv tagħhom u li diġà ġew miċħuda iktar ’il fuq.

46      Fir-rigward tal-argument tagħhom li l-esklussività tal-użu tal-frażi “txakoli” jirriżulta mill-kwalifikazzjoni tagħha ta’ “terminu tradizzjonali” bir-Regolament Nru 753/2002, għandu jiġi osservat li, anki kieku din l-esklussività kienet reali – kif anki rrikonoxxa l-Bord tal-Appell anke jekk l-UASI ma jaqbilx ma’ din l‑evalwazzjoni –, din l-esklussività ma għandhiex rilevanza fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li r-rikorrenti ppreżentaw quddiem l-UASI u li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-esklussività mogħtija minn dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni ma timplikax b’mod awtomatiku r-reġistrazzjoni ta’ sinjal inkwistjoni bħala trade mark Komunitarja. Tali reġistrazzjoni tagħti drittijiet speċifiċi lill-proprjetarju tagħha, inkluża l-possibbiltà li jibbenefika minn esklussività għal perijodu indefinit – sakemm il-formalitajiet għat-tiġdid tat-trade mark ikunu sodisfatti (ara l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 207/2009) –, li ma joħorġux minn normi oħra bħalma hija dik li tirrigwarda l-politika agrikola.

47      Fir-rigward tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia tal-4 ta’ Ġunju 2007, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti jaffermaw li din hija invokata bħala gwida. Fi kwalunkwe każ, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali tikkostitwixxi biss element li, mingħajr ma jkun determinanti, jista’ biss jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI, (pillola tonda ħamra u bajda), T‑337/99, Ġabra p. II‑2597, punt 58; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI, (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, Ġabra p. II-811, punt 32]. Issa, mill-eżami li sar hawn fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq din is‑sentenza huma jew infondati jew irrilevanti.

48      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-frażijiet “chacolí”, “txakoli” jew “txakolina” huma uniċi fihom infushom u jgawdu minn karattru distintiv u minn reputazzjoni, għandu jiġi nnutat li dawn il-kundizzjonijiet kienu meħtieġa mill-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 753/2002 sabiex frażi tkun tista’ tikkwalifika bħala “terminu tradizzjonali”, u konsegwentement, huma komuni għal dawn it‑termini kollha. Issa, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet rispettivi tar-Regolamenti Nru 753/2002 u Nru 207/2009, għandu jiġi kkunsidrat li l-karattru distintiv li għalih jagħmel referenza l-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti jikkonċerna l-kapaċità tal-frażi li tidentifika karatteristika partikolari tal-inbid inkwistjoni u mhux il-kapaċità li tiddistingwi bejn il-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn fost dawk l-impriżi l-oħra fis-sens tal-Artikolu 4 tat-tieni regolament. Ir-rikonoxximent ta’ karattru distintiv u ta’ reputazzjoni ta’ frażi fil-kuntest tal-kwalifikazzjoni tagħha bħala “terminu tradizzjonali” hija għaldaqstant irrilevanti f’dan il-każ.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-argumenti bbażati fuq ċerti dikjarazzjonijiet ta’ natura politika u dawk dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-rikorrenti ppreżentaw lill-Qorti Ġenerali xi dikjarazzjonijiet uffiċjali tal-parlament tal-Komunità awtonoma tal-Pais Vasco, tal-Juntas Generales de Álava kif ukoll ta’ kummissjoni tal-Parlament Spanjol li skont dawn id-dikjarazzjonijiet, dawn l-istituzzjonijiet jappoġġjawhom fit-talba tagħhom għal użu esklussiv tal-frażijiet “txakoli” u “chacolí” fit-territorju tagħhom. Huma jsostnu li dawn id‑dikjarazzjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-frażi “txakoli” u jitolbu l‑esklussività tal-imsemmija frażi.

51      Barra minn hekk, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tiċħad ir-realtà fattwali u ġuridika li tipproteġihom sabiex jużaw il-frażi “txakoli” bħala wieħed mill-indikaturi tal-Pais Vasco u toħloq ukoll diskriminazzjoni sinjifikanti u mhux ġustifikata meta mqabbla ma’ nbejjed u żoni ġeografiċi oħra ta’ Spanja u l-Unjoni. Minbarra dan, wara l-għeluq tal-proċedura orali, huma ppreżentaw lill-Qorti Ġenerali dokumenti relattivi għal mistoqsija parlamentari u għat-tweġiba tal-Kummissjoni għal din il-mistoqsija li wrew, skont dawk, li ħa jkun impossibbli għalihom li jiddefendu l-interessi tagħhom kontra produtturi li jużaw il-frażi “chacolí” jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma kinitx irreġistrata.

52      L-UASI jikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

53      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-korpi diversi tal-UASI u tal-Qorti Ġenerali jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom indipendentement minn pożizzjonijiet politiċi.

54      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma għandhiex effett fuq id-dritt esklussiv li għandhom ir-rikorrenti fil-preżent sabiex jużaw il-frażijiet “chacolí”, “txakolina” u anki “txakoli”, skont il-leġiżlazzjoni dwar l-inbid u bħala konsegwenza ma għandux l‑effett li jippermetti l-użu ta’ din il-frażi minn operaturi oħra barra dawk li jgawdu minn dan id-dritt permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni., u lanqaws ma għandu l-effett li jxekkel lir-rikorrenti milli jeżiġu l-osservanza tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm lok li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid u li jiżdiedu mal-proċess id-dokumenti msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ippreżentati mir-rikorrenti wara l-għeluq tagħha.

55      It-tielet nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jippreċiżawx l-argument tagħhom ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni u ma jindikawx liema “inbejjed u żoni ġeografiċi oħra” li allegatament jinsabu fl-istess sitwazzjoni, kisbu r-reġistrazzjoni tat-trade marks li jikkonsistu fi frażi li tikkostitwixxi “terminu tradizzjonali oħra” u mhux denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta. Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li t-termini tradizzjonali kollha huma frażijiet deskrittivi li l-użu tagħhom huwa riżervat għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini, għandu jiġi osservat li din iċ-ċirkostanza hija rrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża peress li din l-esklussività tirriżulta mill-unika leġiżlazzjoni dwar l-inbid filwaqt li r-rikorrenti jippruvaw jibbenefikaw, barra minn hekk, mill-esklussività mogħtija bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

56      Peress li dawn l-aħħar argumenti tar-rikorrenti għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda wkoll, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava, il-Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Bizkaia u l-Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Getaria huma kkundannati għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Mejju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.