Language of document : ECLI:EU:F:2010:162

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

14 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-67/05 RENV

Christos Michail

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rinviju lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003 — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Michail jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April u l-31 ta’ Diċembru 2003, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2005, li tiċħad l-ilment tiegħu ppreżentat skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni: Ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent, stabbilit għall-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2003, huwa annullat. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent kumpens ta’ EUR 1 000. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Stabbiliment — Uffiċjal li ma eżerċita ebda funzjoni suġġetta għal evalwazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Stabbiliment — Uffiċjal li ma eżerċita ebda funzjoni suġġetta għal evalwazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Proċedura prekontenzjuża — Żvolġiment differenti fil-preżenza jew fl-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, l-evalwaturi għandhom il-possibbiltà li jibbażaw ruħhom fuq ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera preċedenti tal-uffiċjal ikkonċernat għall-attribuzzjoni tal-marki ta’ mertu, meta, minħabba sitwazzjoni eċċezzjonali, esklużivament attribwibbli lill-amministrazzjoni, huma ma jistgħux jattribwixxu marka minħabba l-assenza ta’ prestazzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni. Issa, peress li l-evalwaturi għandhom madankollu jieħdu deċiżjoni li tosserva l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat, huma jistgħu, skont id-dmir ta’ premura tagħhom, raġonevolment iqisu li, jekk l-uffiċjal ingħata kompiti matul il-perijodu ta’ referenza, huwa kien iwettaqhom minn l-inqas bl-istess kompetenza, rendiment u kondotta fis-servizz bħal matul il-perijodu evalwat fir-rapporti ta’ żvilupp ta’ karriera preċedenti.

(ara l-punt 56)

2.      Sa fejn, matul il-perijodu ta’ referenza, uffiċjal ma wettaqx prestazzjonijiet li jistgħu jiġu evalwati, il-kwistjoni dwar liema persuna hija kompetenti sabiex tistabbilixxi r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera hija nieqsa minn rilevanza. F’tali ċirkustanzi, l-amministrazzjoni tista’ validament tiddeċiedi li tafda l-istabbiliment tal-imsemmi rapport mal-persuna li l-iktar tqis li hija approprjata.

(ara l-punt 62)

3.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-rapporti ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u ddettaljat u li tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tifformula osservazzjonijiet dwar din il-motivazzjoni. F’rapport ta’ evalwazzjoni, tali motivazzjoni tinsab, bħala prinċipju, taħt it-titolu “Evalwazzjoni ta’ natura ġenerali” tal-formola ad hoc. Hija tispjega fi tliet punti, rispettivament relatati mal-kompetenza, mar-rendiment u mal-kondotta fis-servizz, il-mappa ta’ evalwazzjoni analitika tal-istess formola. Il-kummenti ta’ natura ġenerali li jakkumpanjaw l-evalwazzjonijiet analitiċi għandhom jippermettu lill-persuna li qed tiġi evalwata sabiex tifhem il-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u, jekk ikun il-każ, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li teżisti koerenza bejn dawn l-evalwazzjonijiet u l-kummenti intiżi sabiex jiġġustifikawhom.

(ara l-punt 80)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Mejju 2005, Piro vs Il‑Kummissjoni, T‑193/03, ĠabraSP p. I‑A‑121 u II‑547, punt 41; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il‑Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 61; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 80

4.      Fis-sistema tar-rimedji stabbilita permezz tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għad-danni, li jikkostitwixxi rimedju legali awtonomu mir-rikors għal annullament, huwa ammissibbli biss jekk ikun ippreċedut bi proċedura prekontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tvarja skont jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab il-kumpens, jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma jkunx ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-parti kkonċernata li, fit-terminu stabbilit, għandha tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, min-naħa l-oħra, il-proċedura amministrattiva għandha tinbeda billi tiġi ppreżentata talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex jinkiseb kumpens. Hija biss iċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba, li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju li kontriha jista’ jsir ilment u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li r-rikors għad-danni jkun jista’ jitressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 112)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni, F‑30/08, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata