Language of document : ECLI:EU:T:2022:558

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

14 ta’ Settembru 2022 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688 – Artikolu 3(1) sa (3) u (5) sa (8) tar-Regolament 2016/1036 – Bejgħ imwettaq permezz ta’ kumpanniji relatati – Kostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni – Danni lill-industrija tal-Unjoni – Kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet – Rabta kawżali – Artikolu 9(4) tar-Regolament 2016/1036 – Kalkolu tal-marġni tad-dannu – Tneħħija tad-dannu”

Fil-Kawża T‑744/19,

Methanol Holdings (Trinidad) Ltd, stabbilita f’Couva (Trinidad u Tobago), irrappreżentata minn B. Servais u V. Crochet, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Achema AB, stabbilita f’Jonava (il-Litwanja), irrappreżentata minn B. O’Connor u M. Hommé, avocats,

u minn

Grupa Azoty S.A., stabbilita f’Tarnów (il-Polonja),

Grupa Azoty Zakłady Azotowe Puławy S.A., stabbilita f’Puławy (il-Polonja),

irrappreżentati minn O’Connor u Hommé, avocats,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, J. Svenningsen, R. Barents (Relatur), T. Pynnä u J. Laitenberger, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Methanol Holdings (Trinidad) Ltd, titlob l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 tat‑8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2019, L 258, p. 21, rettifika fil-ĠU 2019, L 259, p. 86, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Proċedura amministrattiva

2        Fit‑13 ta’ Awwissu 2018, wara lment, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u ta’ nitrat tal-ammonju (iktar ’il quddiem l-“UAN”) li joriġinaw fir-Russja, fit-Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 2018, C 284, p. 9).

3        L-investigazzjoni dwar il-prattiki ta’ dumping u d-dannu kopriet il-perjodu inkluż bejn l‑1 ta’ Lulju 2017 u t‑30 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u t‑30 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

4        Il-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni kien jikkorrispondi għal taħlitiet ta’ UAN f’soluzzjoni ta’ ilma jew ammonja li jistgħu jinkludu addittivi, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 80 00 (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

5        Ir-rikorrenti, kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Trinidad u Tobago, hija attiva fil-produzzjoni u fil-bejgħ ta’ taħlitiet ta’ UAN. Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti biegħet UAN lil xerrej relatat fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri Helm AG (iktar ’il quddiem “HAG”). Sussegwentement dan tal-aħħar biegħ mill-ġdid l-UAN lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni u lil żewġ xerrejja relatati stabbiliti fl-Unjoni, jiġifieri Helm Engrais France (iktar ’il quddiem “HEF”) u Helm Iberica (iktar ’il quddiem “HIB”). Ir-rikorrenti hija l-unika produttur-esportatur ta’ Trinidad u Tobago li kkopera u l-esportazzjonijiet tagħha rrappreżentaw 100 % tal-esportazzjonijiet provenjenti minn dan il-pajjiż matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

6        Fl‑10 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/576 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2019, L 100, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni provviżorju”).

7        Fil‑11 ta’ April 2019, dokument ta’ informazzjoni li jinkludi l-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni ġie kkomunikat lir-rikorrenti, li ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta fis‑26 ta’ April 2019.

8        Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina, b’mod partikolari, minn Trinidad u Tobago. Fil-premessa 88 tad-dokument anness mal-imsemmija ittra, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari, li hija kienet iddeċidiet li tikkompleta l-kalkoli relatati mat-twaqqigħ tal-prezz imwettqa fl-istadju provviżorju fid-dawl tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234). Ir-rikorrenti rrispondiet għal din l-ittra fit‑22 ta’ Lulju 2019.

9        Fit‑8 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

10      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jipprevedi l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fil-forma ta’ ammont fiss ta’ EUR 22.24 għal kull tunnellata fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni mmanifatturat mir-rikorrenti.

11      Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub matul il-proċedura amministrattiva.

 Sunt talmotivi li fuqhom huwa bbażat irRegolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat

 Teħid ta’ kampjuni

12      Fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għażlet fil-kampjun tliet produtturi tal-Unjoni, li flimkien jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-volum tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u tal-bejgħ tagħha.

13      Fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni tal-importaturi indipendenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx xieraq li tipproċedi għal tali teħid ta’ kampjuni u bagħtet kwestjonarji lit-tliet importaturi li aċċettaw li jikkooperaw.

14      Fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi-esportaturi fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“pajjiżi kkonċernati”), kienu biss żewġ produtturi‑esportaturi fir-Russja (jiġifieri Acron Group u Eurochem Group), wieħed fi Trinidad u Tobago (jiġifieri r-rikorrenti) u wieħed fl-Istati Uniti (jiġifieri CF Industries Holdings, Inc.), li aċċettaw li jikkooperaw u li jidhru fil-kampjun. Fid-dawl tal-għadd baxx ta’ reazzjonijiet mingħand il-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni ddeċidiet li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx neċessarju.

 Prodott ikkonċernat u prodott simili

15      Il-prodott suġġett għall-investigazzjoni kien jikkorrispondi għal taħlitiet ta’ UAN f’soluzzjoni ta’ ilma jew ammonja, li jistgħu jinkludu addittivi, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 80 00, u li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti.

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prodott ikkonċernat, il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq intern tal-pajjiżi kkonċernati kif ukoll il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni kienu jikkostitwixxu prodotti simili.

 Dumping

17      Fir-rigward tal-valur normali tal-prodotti kkonċernati tal-produtturi‑esportaturi ta’ Trinidad u Tobago, il-Kummissjoni kkonstatat li milli jidher ir-rikorrenti kienet l-uniku produttur tal-prodott ikkonċernat f’dan il-pajjiż matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

18      Fil-każ tar-rikorrenti, fid-dawl tal-assenza ta’ bejgħ ta’ prodott simili fis-suq intern, il-valur normali nbena mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(3) u (6)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Il-valur normali nbena billi ġew miżjuda mal-ispiża medja tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produttur‑esportatur li kkoopera matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, minn naħa, l-ammont reali tal-ispejjeż ta’ bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-ispejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAĠ”) sostnuti fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ, matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti mir-rikorrenti fis-suq intern ta’ Trinidad u Tobago u, min-naħa l-oħra, l-ammont reali tal-profitt miksub fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti magħmula mir-rikorrenti fl-imsemmi suq intern.

19      Sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet tesporta lejn l-Unjoni biss permezz ta’ kumpanniji relatati li aġixxew fil-kwalità ta’ importaturi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Il-bejgħ kollu lejn l-Unjoni twettaq permezz ta’ importatur relatat li jirresjedi fil-Ġermanja. Dan l-importatur relatat kien ibigħ il-prodott ikkonċernat lil xerrejja indipendenti fil-Ġermanja jew lil kumpaniji relatati fi Franza u Spanja, li min-naħa tagħhom kienu jbigħu l-prodott ikkonċernat lil xerrejja indipendenti fis-swieq interni rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati reġgħu nbiegħu għall-ewwel darba lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, l-aġġustamenti fil-prezz saru sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż SG&A u l-infiq tad-dilwizzjoni u t-taħlit kif ukoll profitt raġonevoli.

20      Sussegwentement, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, hija għamlet aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-iskontijiet, it-tnaqqis u d-differenzi fil-kwantitajiet, kif ukoll l-infiq tat-trasport, tal-assigurazzjoni, tal-manutenzjoni, tat-tagħbija u tal-ispejjeż anċillari kif ukoll tal-infiq tal-kreditu.

21      Fi tmiem dan il-paragun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni ta’ dumping għar-rikorrenti kif ukoll għall-produtturi‑esportaturi potenzjali l-oħra. Dan il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit għar-rikorrenti għal 55.8 % fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

 Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

22      Il-Kummissjoni kkonstatat li l-prodott simili kien manifatturat minn 20 produttur magħruf fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dawn l-entitajiet, meħuda flimkien, kienu jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

23      Il-Kummissjoni fakkret ukoll li tlieta minn dawn il-produtturi, li jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili, kienu ntgħażlu għat-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni.

 Dannu

24      Il-Kummissjoni qieset li evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati kienet possibbli, peress li l-kundizzjonijiet ta’ tali evalwazzjoni, previsti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, kienu ssodisfatti.

25      Fil-kuntest tal-analiżi tal-volum tal-importazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat żieda ta’ 64 % tal-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perijodu kkunsidrat kif ukoll żieda ta’ 72 % tal-ishma tas-suq tal-imsemmija importazzjonijiet, li telgħu minn 21.9 % għal 37.7 %, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. B’mod iktar preċiż, matul l-imsemmi perijodu, il-volum tal-importazzjonijiet provenjenti minn Trinidad u Tobago naqas u l-parti tiegħu tas-suq għaddiet minn 10.2 % għal 8.1 %.

26      Fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni pparagunat, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni provviżorju, il-prezzijiet tal-produtturi magħżula fil-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni ma’ dawk tal-produtturi‑esportaturi li kkooperaw fil-pajjiżi kkonċernati. B’mod iktar preċiż, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, twettaq paragun bejn, minn naħa, il-prezzijiet medji pponderati ffatturati mill-produtturi‑esportaturi li kkooperaw fil-pajjiżi kkonċernati lill-ewwel xerrej indipendenti fis-suq tal-Unjoni għal kull tip ta’ prodott li kien is-suġġett ta’ importazzjonijiet, stabbiliti fuq il-bażi tal-kost, assigurazzjoni, u nol (CIF) u debitament aġġustati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dazji doganali u l-ispejjeż sussegwenti għall-importazzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-bejgħ medji pponderati korrispondenti ffatturati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun lil xerrejja indipendenti fis-suq tal-Unjoni.

27      Il-Kummissjoni b’hekk qabblet il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni tal-produtturi‑esportaturi mal-prezz mill-fabbrika tal-produtturi tal-Unjoni, li jirrappreżenta 60 % tal-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, għal dak il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li kien jinvolvi nfiq ta’ trasport bil-baħar għall-konsenja tal-prodotti kkonċernati f’portijiet bħal Rouen (Franza) u Ghent (il-Belġju), li jirrappreżenta 40 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni, instab xieraq li jintużaw il-prezzijiet għall-konsenja f’dawk il-portijiet minflok jiġu kkalkolati l-prezzijiet mill-fabbrika.

28      Il-Kummissjoni b’hekk ikkonstatat li l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati kienu jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’6.8 % bħala medja. B’mod iktar partikolari, hija qieset li l-marġni medju pponderat ta’ twaqqigħ tal-prezz kien ta’ 6.2 % għall-importazzjonijiet provenjenti minn Trinidad u Tobago.

29      Sussegwentement, il-Kummissjoni evalwat l-effett tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni fid-dawl ta’ diversi indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi.

30      Fi tmiem l-analiżi tagħha tal-indikaturi ta’ dannu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu kunsiderevoli fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

31      Fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkompleta l-kalkoli tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, fid-dawl tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), permezz ta’ żewġ kalkoli addizzjonali ta’ twaqqigħ tal-prezz li, fil-fehma tagħha, kienu jippermettu li jintwera b’mod iktar ċar li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping kienu saru bi prezzijiet inferjuri għal dawk tal-industrija tal-Unjoni, irrispettivament mill-metodu użat.

32      Il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li, minbarra li stabbilixxiet l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, l-investigazzjoni kienet żvelat ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kien il-kawża ta’ soppressjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Hija kkonkludiet li t-twaqqigħ tal-prezz kien għalhekk biss wieħed mill-fatturi f’analiżi ferm iktar wiesgħa tal-effetti fuq il-prezzijiet, li fiha t-tnaqqis fil-prezzijiet u s-soppressjoni tal-prezzijiet kienu argumenti prinċipali tar-rabta kawżali.

33      Għaldaqstant, il-Kummissjoni żammet mal-konklużjoni tagħha li l-industrija tal-Unjoni kienet ġarrbet dannu kunsiderevoli fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

 Rabta kawżali

34      Matul il-perjodu kkunsidrat u fl-isfond tat-tnaqqis fil-konsum fl-Unjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni provviżorju, li l-volumi tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kif ukoll l-ishma tagħhom mis-suq kienu żdiedu b’mod sinjifikattiv, filwaqt li l-prezzijiet tal-pajjiżi kkonċernati kienu naqsu b’medja ta’ 33 %. Hija osservat li ż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ħabtet ma’ tnaqqis simili fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-UAN huwa prodott bażiku sensittiv għall-prezzijiet, li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien ta’ 37.7 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u li dawk l-importazzjonijiet kienu saru bi prezzijiet li waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-importazzjonijiet kienu pproduċew effetti dannużi kunsiderevoli.

35      Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati kienu jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni. Hija rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tar-rabta kawżali kienet ħadet inkunsiderazzjoni bosta fatturi oħra minbarra l-konklużjoni dwar it-twaqqigħ tal-prezz fil-kuntest tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. B’hekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet kif ukoll is-soppressjoni tal-prezzijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ikkawżati mill-importazzjonijiet ikkonċernati, kienu argumenti essenzjali għar-rabta kawżali.

36      Wara li eżaminat fatturi oħra, jiġifieri, b’mod partikolari, il-prezz dinji tal-urea u ż-żieda fl-ispejjeż tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma kien kiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu kunsiderevoli subit mill-industrija tal-Unjoni.

 Livell tal-miżuri u interess tal-Unjoni

37      Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju iktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx suffiċjenti biex jitneħħa d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

38      Fil-każ ta’ Trinidad u Tobago, il-Kummissjoni kkonkludiet li kellhom jiġu stabbiliti miżuri antidumping provviżorji skont ir-regola tad-dazju inferjuri stabbilita fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Hija pparagunat il-marġni ta’ dannu u l-marġni ta’ dumping u l-ammont tad-dazji ġie ffissat għal-livell l-iktar baxx taż-żewġ marġni. Wara l-istabbiliment ta’ miżuri provviżorji, hija rrevediet kemxejn il-kalkolu tagħha tal-ispejjeż futuri tat-tqegħid f’konformità, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2d) ta’ dan ir-regolament. Hija aġġornat l-ispejjeż mistennija tal-kwoti tal-Unjoni u ddeċidiet li l-prezz medju għall-kwoti ta’ emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) tal-Unjoni kien stabbilit b’mod definittiv għal EUR 25.81 għal kull tunnellata ta’ CO2 prodott, meta mqabbel ma’ EUR 24.14 għal kull tunnellata ta’ CO2 prodott fl-istadju provviżorju. Elementi oħra tal-kalkolu ġew ukoll kemxejn irreveduti. B’hekk, ġiet stabbilita spiża addizzjonali ta’ 3.8 % (minflok 3.7 % fl-istadju provviżorju) u din l-ispiża ġiet miżjuda mal-prezz mhux dannuż.

 Miżuri antidumping

39      Fir-rigward tal-forma tal-miżuri antidumping, il-Kummissjoni għażlet li tistabbilixxi dazju fiss speċifiku.

40      B’dan il-mod, id-dazju antidumping definittiv ġie stabbilit, fl-aħħar lok, għal ammont li jvarja, skont il-kumpanniji kkonċernati, bejn EUR 22.24 u EUR 42.47 għal kull tunnellata ta’ prodott ikkonċernat. Għar-rikorrenti, dan id-dazju ammonta għas-somma ta’ EUR 22.24 għal kull tunnellata ta’ prodott ikkonċernat.

 Talbiet talpartijiet

41      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat sa fejn jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, Achema AB, Grupa Azoty S.A. u Grupa Azoty Zakłady Azotowe Puławy S.A., titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

43      Ir-rikorrenti tinvoka formalment insostenn tar-rikors motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-metodu applikat mill-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi jikser l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) sa (3) u (5) sa (8) tar-Regolament bażiku, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kif ukoll il-prinċipju ta’ paragun ekwu.

44      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-prezz tal-UAN mibjugħa rispettivament minn HAG, minn HEF u minn HIB lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni, u sussegwentement naqqset l-ispejjeż BAĠ ta’ HAG, ta’ HEF u ta’ HIB kif ukoll marġni ta’ profitt ta’ 4 % miksub mingħand importaturi indipendenti li kkooperaw. Hija tafferma li l-Kummissjoni sussegwentement żiedet euro għal kull tunnellata sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. Essenzjalment, kif huwa indikat fil-premessa 128 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, sabiex tikkalkola l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, il-Kummissjoni applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku li jikkonċerna l-kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni fid-dawl tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

45      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-motiv waħdieni mqajjem formalment mir-rikorrenti jinqasam, essenzjalment, fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li l-metodu applikat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi jikser l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, it-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li dan l-istess metodu jikser l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (8) tal-imsemmi regolament, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prezzijiet innegozjati ma’ xerrejja indipendenti u ma pparagunatx il-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali u t-tielet parti hija bbażata fuq il-fatt li d-dazju antidumping definittiv jeċċedi l-livell xieraq sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament.

46      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fi ħdan l-Unjoni jistgħu jiġu eżaminati minn angoli differenti. L-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku fil-fatt jipprovdi għall-eżami mill-Kummissjoni ta’ tliet aspetti, jiġifieri t-twaqqigħ tal-prezzijiet, it-tnaqqis fil-prezzijiet u s-soppressjoni tagħhom.

47      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istess prezz ta’ esportazzjoni kkostruwit sabiex tikkalkola t-twaqqigħ tal-prezzijiet (imqabbel mal-prezz tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni) u t-twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi (meta mqabbla mal-prezz fil-mira).

48      Essenzjalment u fir-rigward tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ħadet kampjun tal-industrija tal-Unjoni billi għażlet produtturi li jirrappreżentaw 50 % tal-volum tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u tal-bejgħ tagħha. Hija kkostruwiet ukoll il-prezzijiet ta’ esportazzjoni tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-prezzijiet iffatturati mill-importaturi relatati magħha lil xerrejja indipendenti, billi naqqset l-ispejjeż BAĠ kif ukoll marġni ta’ profitt ta’ 4 % (u billi żiedet euro għal kull tunnellata sabiex tkopri l-ispejjeż sussegwenti għall-importazzjoni). Sussegwentement, hija pparagunat dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-fabbrika (għal 60 % tal-bejgħ) u l-prezzijiet CIF tal-portijiet ta’ Rouen u ta’ Ghent (għal 40 % tal-bejgħ). Ir-riżultat ta’ dan il-paragun żvela twaqqigħ tal-prezzijiet. Fl-aħħar nett, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat u fid-dawl tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), il-Kummissjoni kkompletat dan il-kalkolu, imwettaq fl-istadju tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni provviżorju, permezz tal-ewwel kalkolu addizzjonali ppreżentat fil-premessa 114 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni u t-tieni kalkolu sussidjarju, ippreżentat fil-premessa 115 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li t-tnejn li huma jikkonfermaw l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet.

 Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilfatt li lmetodu applikat millKummissjoni għallkalkolu talmarġni ta’ twaqqigħ talprezzijiet u talprezzijiet indikattivi jikser lArtikolu 3(1) tarRegolament bażiku

49      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tirreferi għalih fil-premessa 128 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, tikser l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka l-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, li minnu jirriżulta li “it-terminu ‘dannu’ […] għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu”. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament. Fit-tieni lok, din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tikkonċerna l-kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u mhux tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi. Fit-tielet lok, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tipprevedi li l-Artikolu 2(9) tal-istess regolament jista’ jiġi applikat “b’analoġija” għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dannu.

51      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-loġika wara l-kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tal-bejgħ imwettaq fl-Unjoni permezz ta’ kumpanniji relatati, hija bbażata fuq il-fatt li dan il-prezz ma huwiex affidabbli minħabba r-relazzjonijiet bejn il-partijiet. Fil-fehma tagħha, din il-loġika ma tapplikax għad-determinazzjoni tal-prezz tagħha li għandu jintuża għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, sa fejn il-prezz reali ffatturat minn HAG, minn HEF u minn HIB lix-xerrejja indipendenti tagħhom fl-Unjoni huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, affidabbli, peress li huwa ffatturat bejn partijiet li ma għandhom ebda rabta bejniethom. Ir-rikorrenti tispeċifika li l-iżbalji identifikati fil-metodu applikat mill-Kummissjoni jaffettwaw ukoll il-validità tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Russi, sa fejn ibiegħu wkoll il-prodotti tagħhom permezz ta’ negozjanti relatati.

52      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-premessa 128 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat tipprovdi li:

“[r]igward l-elementi kkunsidrati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (b’mod partikolari l-prezz tal-esportazzjoni), il-Kummissjoni trid tidentifika l-ewwel punt li fih isseħħ (jew tista’ sseħħ) il-kompetizzjoni ma’ produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Dan il-punt huwa fil-fatt il-prezz tax-xiri tal-ewwel importatur mhux relatat għaliex il-kumpanija fil-prinċipju għandha l-għażla li tagħmel l-akkwist tagħha jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn fornituri barranin. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li huwa meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ importaturi relatati, il-punt ta’ paragun jenħtieġ li jkun eżatt wara li l-prodott jaqsam il-fruntiera tal-Unjoni, u mhux fi stadju aktar tard fil-katina tad-distribuzzjoni, pereżempju meta jinbiegħ lil utent finali tal-prodott. Għalhekk, b’analoġija mal-approċċ segwit għall-kalkoli tal-marġni ta’ dumping, il-prezz tal-esportazzjoni jinħadem fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Billi dan l-Artikolu huwa l-unika dispożizzjoni fir-Regolament bażiku li tagħti gwida dwar it-tiswir tal-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni tiegħu b’analoġija hija ġġustifikata. Fir-rigward tal-kalkoli ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’, il-Kummissjoni nnutat li l-użu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma wassal għall-ebda paragun asimmetriku (għall-kuntrarju tal-każ ta’ Jindal) minħabba li għall-paragun ta’ bejgħ bi prezz imwaqqa’, il-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni kien mibni u kien jinkludi l-ispejjeż tal-manifattura, l-SG&A u l-profitt fil-mira tal-entità li tipproduċi biss, u għalhekk, huwa komparabbli mal-prezz tal-esportazzjoni maħdum. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni relatati ma tqisux fit-tqabbil tal-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni mal-prezz tal-esportazzjoni maħdum.”

54      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi t-terminu “dannu” bħala li jfisser, “sakemm mhux speċifikat mod ieħor, […] dannu materjali [kunsiderevoli] lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta’ dannu materjali [kunsiderevoli] lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali [kunsiderevoli] fl-istabbiliment ta’ tali industrija”.

55      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu hija bbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-imsemmija industrija.

56      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-effett fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi, fost l-oħrajn, l-obbligu li jiġi eżaminat jekk kienx hemm, fir-rigward tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni jew jekk dawn l-importazzjonijiet għandhomx, b’mod ieħor, l-effett li jwaqqgħu l-prezzijiet b’mod sinjifikattiv jew li jipprekludu b’mod sinjifikattiv żidiet fil-prezzijiet li, kieku kien mod ieħor, kienu jseħħu.

57      Mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku mfakkra fil-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq, jirriżulta li huma ma jipprevedu ebda metodu partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 175).

58      Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku jeskludi l-użu ta’ prezz ta’ esportazzjoni kkostruwit, konformement mal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament.

59      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 55 iktar ’il fuq, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali dannu tippreżupponi, fi kwalunkwe każ, eżami oġġettiv u xieraq tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet (ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata), u dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv waħdieni, flimkien mal-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

60      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-prezz iffatturat mill-importaturi tagħha relatati max-xerrejja indipendenti tagħhom fl-Unjoni huwa affidabbli u li l-kostruzzjoni ta’ prezz ta’ esportazzjoni ma hijiex neċessarja, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, bħala prinċipju, “il-prezz tal-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li jkun pagabbli għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż tal-esportazzjoni lill-Unjoni”. Huwa biss “[f’]każijiet fejn ma hemm ebda prezz tal-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz tal-esportazzjoni mhuwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni jew arranġament kumpensatorju bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza” li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament jippermetti li l-prezz ta’ esportazzjoni jiġi kkostruwit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati nbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti.

61      Għalhekk, mill-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-istituzzjonijiet jistgħu jqisu li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli f’żewġ każijiet, jiġifieri meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur jew terz jew minħabba arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew terz. Barra minn dawn il-każijiet, meta jkun hemm prezz ta’ esportazzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tibbaża ruħha fuq dan il-prezz għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, EU:T:2002:280, punt 49, u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑190/08, EU:T:2011:618, punt 26).

62      Ma huwiex ikkontestat li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti esportat lejn l-Unjoni biss permezz tal-importatur relatat tagħha, jiġifieri HAG, li għandha wkoll ishma fir-rikorrenti.

63      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni din ir-relazzjoni għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ prezz għall-esportazzjoni. Kif il-Kummissjoni indikat ġustament, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, il-prezz tal-esportazzjoni ddikjarat fid-dwana minn din tal-aħħar ma huwiex affidabbli preċiżament minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni intra‑grupp.

64      Minn dan jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilfatt li lmetodu applikat millKummissjoni għallkalkolu talmarġni ta’ twaqqigħ talprezzijiet u talprezzijiet indikattivi jikser lArtikolu 3(2), (3) u (5) sa (8) tarRegolament bażiku, peress li lKummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni lprezzijiet innegozjati maxxerrejja indipendenti u ma pparagunatx ilprezzijiet flistess stadju kummerċjali

65      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-prezz tal-produtturi‑esportaturi użat għall-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, li huwa wkoll użat sabiex jiġi kkalkolat il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi u, konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, għandu jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet realment iffatturati mill-produttur‑esportatur fis-suq tal-Unjoni f’kompetizzjoni mal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għas-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704, punti 62 u 63), u tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 187). Il-prezz ta’ esportazzjoni kkostruwit f’dan il-każ jirrappreżenta biss frazzjoni tal-prezz realment iffatturat minn HAG, minn HEF u minn HIB lix-xerrejja indipendenti tagħhom.

66      Skont ir-rikorrenti, sabiex tikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-prezzijiet reali tal-UAN mibjugħa minn HAG, minn HEF u minn HIB lix-xerrejja indipendenti tagħhom fl-Unjoni mal-prezz tal-bejgħ u l-prezz fil-mira applikati mill-produtturi tal-Unjoni għax-xerrejja indipendenti tagħhom fl-Unjoni. Dawn huma l-prezzijiet li x-xerrejja indipendenti fl-Unjoni jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedu jekk jixtrux l-UAN mingħand HAG, mingħand HEF u mingħand HIB jew mingħand produtturi tal-Unjoni u n-negozjanti relatati magħhom. Huwa biss f’dan l-istadju li tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni bejn l-UAN prodotti mir-rikorrenti u dawk prodotti minn produtturi tal-Unjoni, peress li l-ewwel xerrej indipendenti ma jkollux għarfien tal-istruttura organizzattiva interna tal-grupp tal-bejjiegħ u ma jistax jagħmel stima tal-prezz fi stadju preċedenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tispeċifika li l-“punt ta’ kompetizzjoni” rilevanti għall-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi għandu jkun il-prezz iffatturat lill-klijenti indipendenti fil-portijiet ta’ Ghent u ta’ Rouen.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu applikat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi jikser l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (8) tar-Regolament bażiku. Fil-fehma tagħha, billi pparagunat prezz bejnha u HAG, ikkostruwit b’mod artifiċjali, mal-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi tal-Unjoni fir-rigward tal-ewwel xerrejja indipendenti tagħhom, il-Kummissjoni ma pparagunatx il-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali. Il-Kummissjoni kellha pjuttost tqabbel il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat iffatturati minn HAG, minn HEF u minn HIB lix-xerrejja indipendenti tagħhom fl-Unjoni mal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat iffatturati mill-produtturi tal-Unjoni u mill-impriżi tagħhom marbuta max-xerrejja indipendenti tagħhom fl-Unjoni.

68      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li l-metodu applikat mill-Kummissjoni jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, għaliex jittratta bl-istess mod is-sitwazzjoni li fiha produtturi‑esportaturi ħolqu entitajiet ta’ bejgħ marbuta fl-Unjoni u dak li fih huma jbiegħu direttament il-merkanzija tagħhom lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni.

69      Barra minn hekk, l-iżball imwettaq fil-kalkolu tal-prezz tal-produttur‑esportatur użat sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet jivvizzja neċessarjament ukoll bi żball id-determinazzjoni tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi, peress li l-istess prezz tal-produttur‑esportatur intuża fiż-żewġ kalkoli. Bl-istess mod, fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-iżball dwar id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet jinvalida wkoll il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet u s-soppressjoni tal-prezzijiet, u dawn l-iżbalji jikkompromettu min-naħa tagħhom il-konklużjonijiet kollha tal-Kummissjoni dwar id-dannu u r-rabta kawżali.

70      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

71      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati, minn naħa, l-ilmenti kollha bbażati fuq ksur tal-ġurisprudenza kif ukoll tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (8) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

72      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 176 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet:

“Il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni jitwettaq, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet u jintuża, b’mod iktar wiesa’, bil-għan li jiġi evalwat dan id-dannu u li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, jiġifieri l-livell ta’ eliminazzjoni tal-imsemmi dannu. L-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 3(2), jeżiġi li jitwettaq paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-imsemmija industrija meta dawn jinbiegħu fit-territorju tal-Unjoni. Sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa ta’ dan il-paragun, il-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali. Fil-fatt, paragun imwettaq bejn prezzijiet miksuba fi stadji kummerċjali differenti, jiġifieri mingħajr ma jiġu inklużi l-ispejjeż kollha marbuta mal-istadju kummerċjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ser jagħti neċessarjament lok għal riżultati artifiċjali li ma jippermettux li ssir evalwazzjoni korretta tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Tali paragun ekwu jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tad-dannu lil din l-industrija”.

73      Fil-punti 188 u 189 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), il-Qorti Ġenerali żiedet:

“188.       [M]ill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ magħmul mill-entitajiet ta’ bejgħ relatati mal-produttur prinċipali tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni filwaqt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw sabiex tiddetermina l-prezz tal-prodott ikkonċernat prodott minn din tal-aħħar, ma jistax jitqies li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz sar billi ġew ipparagunati prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali.

189      Issa, kif jirriżulta mill-punt 176 iktar ’il fuq, il-paragun ta’ prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kif imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat għandu jitqies li jmur kontra l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.”

74      F’dan il-każ, minn qari flimkien tal-premessi 112 u 114 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li, fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz magħmul fl-istadju provviżorju u użat, prinċipalment, għall-finijiet tal-kalkolu definittiv, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-produtturi‑esportaturi, naqqset il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom fl-Unjoni bl-ammont tal-ispejjeż BAĠ u tal-profitt tal-kumpanniji ta’ kummerċ relatati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni, iżda ma wettqet ebda tnaqqis ta’ dan it-tip għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni permezz ta’ negozjanti relatati, li rrappreżentaw 40 % tal-bejgħ tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni użati għall-paragun.

75      Kif jirriżulta mill-punt 176 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), il-paragun tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni fl-istess stadju kummerċjali jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz imwettaq mill-Kummissjoni għandu jitqies li jmur kontra l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

76      Minn dan isegwi li l-metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, applikat mill-Kummissjoni fl-istadju provviżorju u użat, prinċipalment, għall-finijiet tal-kalkolu definittiv, huwa żbaljat. Fir-rigward tar-rikorrenti, dawn il-kalkoli kienu wrew twaqqigħ tal-prezz ta’ 5 %.

77      Dan jidher li huwa kkonfermat mill-premessa 113 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li tgħid kif ġej:

“Fir-rigward [tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234)], il-Qorti Ġenerali sabet żball billi l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż tal-bejgħ tal-importaturi relatati ta’ Jindal fl-Unjoni mill-bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti, filwaqt li l-ispejjeż tal-bejgħ tal-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-industrija tal-Unjoni ma tnaqqsux mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għall-ewwel klijent indipendenti. Għalhekk, il-Qorti qieset li ż-żewġ prezzijiet ma tqabblux simmetrikament fl-istess livell ta’ kummerċ.”

78      Madankollu, wara li osservat, fil-premessi 112 u 113 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li ċerti partijiet kienu jikkontestaw il-metodu applikat fir-rigward tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 114 ta’ dan ir-regolament, li hija kellha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni din is-sentenza, billi tikkompleta l-kalkoli tagħha relatati mat-twaqqigħ tal-prezz permezz ta’ żewġ kalkoli, l-ewwel wieħed ippreżentat fl-aħħar sentenza ta’ din l-aħħar premessa u t-tieni wieħed, imwettaq sussidjarjament, huwa ppreżentat fil-premessa 115.

79      Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-metodu użat mill-Kummissjoni fil-premessi 112 sa 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat sabiex jiġi evalwat id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u l-applikazzjoni tiegħu humiex ivvizzjati bi żball.

80      L-ewwel, fir-rigward tal-ewwel kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali, kif jirriżulta mill-premessa 114 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li, fid-dawl tan-natura minoritarja tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni permezz ta’ partijiet relatati kif ukoll tal-ammont baxx tal-ispejjeż BAĠ u tal-profitt ta’ dawn il-partijiet relatati, it-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet akkumulati ma kellux jiġi kkontestat, anki jekk il-kalkoli kellhom jiġu aġġustati għal dawn l-elementi. Min-naħa l-oħra, hija qieset li, anki jekk jitnaqqsu l-ispejjeż BAĠ u l-profitti tal-entitajiet ta’ bejgħ relatati mal-produtturi tal-Unjoni, it-twaqqigħ tal-prezz baqa’ jeżisti għall-produtturi‑esportaturi kollha (b’eċċezzjoni waħda) u, fi kwalunkwe każ, għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati.

81      Fir-rigward tar-rikorrenti, mill-konklużjonijiet definittivi li l-Kummissjoni kkomunikatilha matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li dan l-ewwel kalkolu addizzjonali wera twaqqigħ tal-prezz ta’ 2.6 %.

82      Minn dan jirriżulta li, permezz ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni kkonstatat u mmotivat l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ikkalkolat b’osservanza tar-rekwiżit ta’ paragun oġġettiv u xieraq, peress li, billi naqqset l-ispejjeż BAĠ u l-profitt mill-prezzijiet ta’ bejgħ ipprattikati minn entitajiet relatati mal-produtturi tal-Unjoni, hija naqqset il-prezzijiet użati għall-produtturi tal-Unjoni fl-istess stadju kummerċjali bħal dawk tal-produtturi‑esportaturi, u b’hekk eskludiet kull ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

83      Issa, il-kalkolu inkwistjoni ġie kkontestat mir-rikorrenti biss fl-istadju tar-replika. Barra minn hekk, hija sempliċement sostniet li l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien ġie pparagunat ma’ prezz ikkostruwit artifiċjalment u teoretiku bejnha u HAG, minħabba li dan tal-aħħar ma kienx jinkludi l-istess komponenti tal-prezz. F’dan ir-rigward, hija tindika li, “fil-kuntest tal-bejgħ lill-istess klijenti bħal dawk tal-industrija tal-Unjoni, HAG, HEF u HIF jirreġistraw spejjeż BAĠ u profitti” u li “fil-fatt, huma dawn l-entitajiet, u mhux [ir-rikorrenti], li biegħu l-UAN lill-istess klijenti bħal dawk tal-industrija tal-Unjoni”.

84      Tali kritika, anki jekk jitqies li hija ammissibbli fl-assenza tal-preżentata tagħha fir-rikors u minkejja n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha, ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 114 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

85      Fil-fatt, anki jekk jitqies li din il-kritika hija intiża li tikkontesta l-istadju kummerċjali li fih il-Kummissjoni wettqet il-paragun tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u tar-rikorrenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ paragun oġġettiv u xieraq ma jippreġudikax l-istadju kummerċjali li fih il-Kummissjoni għandha twettaq il-paragun tal-prezzijiet, iżda jimponi biss li dan il-paragun għandu jsir fl-istess stadju kummerċjali fir-rigward kemm tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni kif ukoll ta’ dawk tal-produtturi‑esportaturi.

86      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, biex induru mill-oġġettività u l-ekwità tal-metodu użat mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tagħha, din timplika l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, li jiġġustifikaw li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li dan il-kalkolu jmur kontra l-punti 62 u 63 tas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704), għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-klijenti kienu jafu l-ispejjeż ta’ trasport mill-port għar-rilaxx mid-dwana sal-fabbriki tagħhom u għalhekk setgħu faċilment jikkalkolaw il-prezz finali mill-prezzijiet CIF fil-port tal-ħruġ mid-dwana. F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, ma ntweriex mir-rikorrenti li l-klijenti li jixtru mingħand entitajiet relatati kienu jafu bir-relazzjoni eżistenti bejn il-produtturi‑esportaturi u l-entitajiet relatati tagħhom.

88      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704), ma kinitx tikkonċerna sitwazzjoni, bħal dik f’dan il-każ, li fiha l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż BAĠ u l-profitt mill-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produtturi‑esportaturi mwettqa permezz ta’ entitajiet relatati.

89      Fl-aħħar nett, fl-istess perspettiva bħal dik adottata f’din il-kawża fil-punt 85 iktar ’il fuq, mis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704), ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali eskludiet, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-prezzijiet CIF mal-iżbark fil-portijiet ta’ żdoganar tal-produtturi‑esportaturi.

90      It-tieni, fir-rigward tat-tieni kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali eżaminat sussidjarjament mill-Kummissjoni, mill-premessa 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li din tal-aħħar eskludiet minn dan il-kalkolu l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni mwettaq permezz ta’ partijiet relatati. Konsegwentement, dan il-kalkolu jirrigwarda madwar 60 % tal-bejgħ tal-partijiet inklużi fil-kampjun tal-Unjoni. Fir-rigward tar-rikorrenti, dan il-kalkolu wera twaqqigħ tal-prezz ta’ 6.3 %.

91      Sa fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-kuntest tal-ewwel kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali, l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz u sa fejn it-tieni kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali, imwettaq sussidjarjament, ma huwiex tali li jqiegħed f’dubju l-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezz, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fl-ewwel kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali, it-tieni kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali lanqas ma jista’ jiġi validament invokat sabiex tiġi kkontestata l-legalità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

92      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-paragun tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni u dawk tal-produtturi‑esportaturi ma sarx fl-istess stadju kummerċjali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma pparagunat, minn naħa, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti indipendenti ma’, min-naħa l-oħra, il-bejgħ tar-rikorrenti lil partijiet relatati, peress li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ imwettaq mill-produtturi‑esportaturi lil klijenti indipendenti, debitament aġġustat għal-livell CIF, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

93      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma wrietx li l-prezz aġġustat tal-produtturi‑esportaturi ma jinkludix l-istess komponenti tal-prezz bħal dawk tal-produtturi tal-Unjoni. Fil-fatt, kif fakkret il-Kummissjoni, l-ispejjeż BAĠ u l-profitti tal-entitajiet ta’ bejgħ relatati ma ttieħdu inkunsiderazzjoni f’ebda parti tal-paragun.

94      Minn dan isegwi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz, ibbażati fuq iż-żewġ kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz addizzjonali, ma huma vvizzjati minn ebda żball ta’ liġi u lanqas minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

95      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni żvelat ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kien il-kawża ta’ soppressjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessi 117, 125 u 131 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat) u ta’ tnaqqis fil-prezzijiet (premessi 136, 161 u 181 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni). Dawn l-indikaturi, għalkemm sussidjarji fl-analiżi mill-Kummissjoni tad-dannu, u għalhekk tar-rabta kawżali, jikkompletaw l-eżami tagħha tal-effetti fuq il-prezzijiet u jikkorroboraw il-konklużjoni tagħha li l-industrija tal-Unjoni kienet ġarrbet dannu kunsiderevoli fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

96      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma indikatx, fir-rikors, ir-raġunijiet li għalihom il-konstatazzjoni marbuta mat-tnaqqis fil-prezzijiet jew mas-soppressjoni tagħhom tinvolvi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li l-iżball allegatament imwettaq fir-rigward tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz kellu riperkussjonijiet fuq dawn iż-żewġ elementi. Il-kliem “tnaqqis” jew “soppressjoni” ma jissemmewx fir-rikors. Kien biss fl-istadju tar-replika li lment dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis u s-soppressjoni tal-prezzijiet ġie stabbilit mir-rikorrenti (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

97      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment il-ġdid ma huwa bbażat fuq ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dawn l-elementi jirriżultaw b’mod ċar mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, b’tali mod li dan l-ilment seta’ u kellu jiġi ddikjarat fl-istadju tar-rikors.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-proċedura hija pprojbita sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu ħarġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment esposti fir-rikors, rabta suffiċjentement stretta sabiex tkun tista’ titqies li tirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671, punti 23 u 27; tat‑22 ta’ April 2016, L-Italja u Eurallumina vs Il-Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punti 45 u 46, u tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il-Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 46).

99      Minn dan isegwi li dan l-ilment ġdid għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

100    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jingħad li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom l-għan li jikkontestaw l-eżami tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis u s-soppressjoni tal-prezzijiet, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, sa fejn dawn l-argumenti huma marbuta mill-qrib mal-konstatazzjoni ta’ żball fid-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

101    Issa, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet ma kinitx żbaljata, l-argumenti tal-appellanti fuq dan il-punt għandhom jiġu miċħuda.

102    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu provviżorju tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-effetti fuq il-prezzijiet kellhom l-effett li jinnewtralizzaw l-imsemmi żball.

103    Fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi, mill-premessa 189 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li dan il-marġni ġie ffissat bl-użu tal-ispiża tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni. Ebda spiża oħra ma ġiet miżjuda mal-ispejjeż ta’ manifattura sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ kumpanniji ta’ bejgħ relatati, jekk ikun il-każ, tal-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, l-iżball ikkonstatat fil-punti 74 sa 76 iktar ’il fuq ma huwiex preżenti f’dan il-każ u l-allegazzjoni tar-rikorrenti intiża sabiex tikkontesta dan il-kalkolu għandha tiġi miċħuda.

104    Fl-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, sabiex jiġi kkalkolat il-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi‑esportaturi fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż BAĠ u l-profitt mill-prezzijiet ta’ bejgħ ipprattikati minn entitajiet relatati bil-għan li tiżgura paragun oġġettiv u xieraq tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ma’ dawk tal-produtturi‑esportaturi, billi ġġibhom fl-istess stadju kummerċjali fil-kuntest tal-ewwel kalkolu addizzjonali ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, b’mod konformi mal-obbligi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 176).

105    Għaldaqstant, fid-dawl tal-osservanza mill-Kummissjoni tar-rekwiżit ta’ paragun oġġettiv u xieraq fl-istess stadju kummerċjali, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

106    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilfatt li ddazju antidumping jeċċedi llivell adegwat sabiex jitneħħa ddannu kkawżat lillindustrija talUnjoni, bi ksur talArtikolu 9(4) tarRegolament bażiku

107    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-illegalità tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi, l-ammont tad-dazju antidumping, li huwa bbażat fuq il-marġni adegwat sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, ġie ffissat f’livell ogħla mil-livell neċessarju sabiex jitneħħa l-imsemmi dannu, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

108    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

109    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li, sa fejn l-ewwel żewġ partijiet tal-motiv uniku ġew miċħuda bħala infondati, hemm lok, konsegwentement, li tiġi miċħuda wkoll it-tielet parti tal-imsemmi motiv, sa fejn din tal-aħħar hija bbażata fuq premessa żbaljata.

110    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv waħdieni kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tan-nota komplementari, li ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni.

 Fuq lispejjeż

111    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti f’dan is-sens.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Methanol Holdings (Trinidad) Ltd għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, minn Achema AB kif ukoll minn Grupa Azoty S.A. u Grupa Azoty Zakłady Azotowe Puławy S.A.

Van der Woude

Svenningsen

Barents

Pynnä

 

      Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.