Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-540/21)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lindenthal, I. Rubene u A. Tokár, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

tikkonstata li, billi adottat l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, introdotta bil-Liġi Nru 136/2020, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 12(2), tal-Artikolu 12(3)(b) u tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva; u

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett jew it-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. Skont l-Artikolu 12(3) l-organizzatur għandu l-istess dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jekk iċ-ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jipprekluduh milli jeżegwixxi l-kuntratt.

l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 jipprevedi li fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur huwa obbligat li jwettaq rimbors favur il-vjaġġatur mingħajr dewmien eċċessiv u f’kull każ mhux iktar tard minn 14-il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stipulati f’din id-direttiva, inkluż dispożizzjonijiet li jkunu iktar jew inqas stretti li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġaturi.

Billi adottat iz-zákon č. 136/2020 Z. z., ktorým sa dopĺňa zákon č. 170/2018 Z. z. o zájazdoch, spojených službách cestovného ruchu, niektorých podmienkach podnikania v cestovnom ruchu (il-Liġi Nru 136/2020 li tikkompleta l-Liġi Nru 170/2018 dwar il-vjaġġi, il-provvista ta’ servizzi konnessi fil-qasam tat-turiżmu u ċerti kundizzjonijiet tal-attivitajiet ta’ turiżmu), ir-Repubblika Slovakka kisret id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 12(2), tal-Artikolu 12(3)(b) u tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

Fil-fatt, l-Artikolu 33a(7) tal-Liġi Nru 170/2018 jipprevedi li aġenzija tal-ivjaġġar hija obbligata li tiftiehem mal-vjaġġatur dwar vjaġġ ieħor l-iktar tard sal-31 ta’ Awwissu 2021. Skont l-Artikolu 33a(9), jekk l-aġenzija tal-ivjaġġar ma tilħaqx ftehim mal-vjaġġatur dwar vjaġġ ieħor qabel il-31 ta’ Awwissu 2021, l-aġenzija titqies li rtirat mill-kuntratt tal-ivjaġġar u hija obbligata tirrimborsa lill-vjaġġatur il-pagamenti kollha li hija rċeviet abbażi tal-kuntratt tal-ivjaġġar, u dan mingħajr dewmien, iżda l-iktar tard sal-14 ta’ Settembru 2021.

____________

1 Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).