Language of document : ECLI:EU:T:2023:606

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

4 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Miżuri ta’ salvagwardja – Suq tal-prodotti tal-azzar – Importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-azzar – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1029– Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà – Estensjoni ta’ miżura ta’ salvagwardja – Neċessità – Theddida ta’ dannu serju – Miżuri ta’ aġġustament – Interess tal-Unjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑598/21,

European Association of NonIntegrated Metal Importers & distributors (Euranimi), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Campa, D. Rovetta, P. Gjørtler u V. Villante, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, M. Jaeger (Relatur) u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak‑Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Novembru 2021 li tiċħad it-talba mressqa mir-rikorrenti li tingħata deċiżjoni permezz ta’ proċedura mħaffa,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, European Association of Non-Integrated Metal Importers distributors (Euranimi), titlob l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 biex jestendi l-miżura ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU 2021, L 225 I, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija assoċjazzjoni ta’ impriżi tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta l-interessi ta’ importaturi, ta’ distributuri, ta’ negozjanti u ta’ proċessuri tal-azzar mhux integrat, l-azzar li ma jissaddadx (stainless steel) u l-prodotti tal-metall.

3        Fit‑23 ta’ Marzu 2018, l-Istati Uniti tal-Amerika introduċew dazji fuq l-importazzjoni taħt l-Artikolu 232 tat-Trade Expansion Act (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tal-Kummerċ).

4        Fid-dawl tal-istatistika miġbura wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni ta’ salvagwardja sabiex teżamina s-sitwazzjoni ta’ diversi kategoriji ta’ prodotti tal-azzar.

5        Sa fejn l-analiżi tagħha tad-data wasslitha sabiex tikkonkludi, b’mod provviżorju, li l-industrija tal-azzar tal-Unjoni kienet mhedda b’dannu serju fir-rigward ta’ 23 mit-28‑il kategorija ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1013 tas‑17 ta’ Lulju 2018 li jimponi miżuri proviżorji ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU 2018, L 181, p. 39).

6        Wara li qieset li l-industrija tal-azzar tal-Unjoni kienet mhedda b’dannu serju fir-rigward ta’ 26 kategorija ta’ prodotti tal-azzar, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 tal‑31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU 2019, L 31, p. 27). Dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni implimenta miżura definittiva ta’ salvagwardja għal perijodu ta’ tliet snin, bil-possibbiltà li tiġġedded sa tmien snin, fil-forma ta’ kwoti tariffarji speċifiċi skont il-kategorija li l-limitu kwantitattiv tagħhom kien iffissat għall-volum medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perijodu mill‑2015 sas‑2017, miżjud b’5 % sabiex jiġi ggarantit li l-flussi kummerċjali tradizzjonali jinżammu u li l-industrija utilizzatriċi u importatriċi eżistenti fl-Unjoni tirċievi biżżejjed appoġġ. Ir-rata tad-dazju lil hinn mill-kwota (over‑quota tariff), iffissata għal 25 % fl-istadju tal-miżura provviżorja, ġiet ikkonfermata meta ttieħdet il-miżura definittiva.

7        Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-kuntest tal-miżura provviżorja ta’ salvagwardja, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/159 stabbilixxa kwoti speċifiċi għal kull pajjiż għall-pajjiżi li għandhom interess sinjifikattiv bħala fornituri (jiġifieri l-pajjiżi b’sehem ta’ iktar minn 5 % tal-importazzjonijiet fir-rigward tal-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni). Ġiet stabbilita wkoll kwota tariffarja “residwali” jew “globali” għall-pajjiżi l-oħra li jesportaw lejn it-territorju tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset ukoll li, fejn pajjiż fornitur ikun uża l-kwota tariffarja speċifika tiegħu, huwa għandu jiġi awtorizzat ikollu aċċess għall-kwota tariffarja residwali sabiex jiżgura ż-żamma tal-flussi kummerċjali tradizzjonali, iżda wkoll sabiex jiġi evitat li, jekk ikun il-każ, partijiet mill-kwota tariffarja residwali jibqgħu mhux użati.

8        Mit‑2 ta’ Frar 2019, id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/159, sat‑30 ta’ Ġunju 2021, il-miżura ta’ salvagwardja ġiet riveduta b’mod regolari u lliberalizzata b’mod gradwali, f’intervalli regolari, sabiex jiżdiedu ftit ftit il-livelli kwantitattivi sabiex l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tadatta ruħha.

9        Meta saru r-reviżjonijiet matul ix-xhur ta’ Settembru 2019 u Ġunju 2020, il-Kummissjoni għamlet bidliet fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-kwoti tariffarji sabiex, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni d-data kummerċjali l-iktar reċenti.

10      Fil‑15 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata minn tnax‑il Stat Membru tal-Unjoni li kienet tistedinha teżamina, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU 2015, L 83, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku dwar is-salvagwardji”), jekk il-miżura ta’ salvagwardja fis-seħħ kinitx teħtieġ li tiġi estiża.

11      Fis‑26 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni ppubblikat notifika ta’ bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha stiednet lill-partijiet interessati jipparteċipaw f’investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja billi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u provi insostenn.

12      Fl‑24 ta’ Ġunju 2021, peress li qieset, minn naħa, li, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, it-tneħħija tal-miżura ta’ salvagwardja setgħet tipprovoka mewġa f’daqqa ta’ importazzjonijiet li kienet tgħarraq serjament is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni, li kienet għadha waħda fraġli, u, min-naħa l-oħra, li l-utenti, fir-rigward tal-kategoriji kollha ta’ prodotti, kellhom il-possibbiltà li jġibu l-azzar mingħajr dazju minn numru ta’ sorsi, billi madwar 11‑il miljun tunnellata ta’ kwoti tariffarji eżentati mid-dazju baqgħu ma ntużawx, jiġifieri 36 % tat-total tal-kwoti tariffarji disponibbli, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat li jestendi l-miżura ta’ salvagwardja għal perijodu ta’ tliet snin sat‑30 ta’ Ġunju 2024.

 Ittalbiet talpartijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

15      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, billi tqis li r-rikorrenti la għandha interess ġuridiku u lanqas locus standi. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, issostni li hija għandha interess ġuridiku u locus standi fir-rigward tar-Regolament ikkontestat.

 Fuq linteress ġuridiku

16      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li, fl-istadju tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-prova ta’ interess ġuridiku.

17      Qabel kollox, ir-Regolament ikkontestat ma jipprekludix l-importazzjonijiet tal-kategoriji ta’ prodotti tal-azzar ikkonċernati lejn l-Unjoni, peress li d-dazju ta’ salvagwardja japplika biss fil-każ ta’ dannu serju minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet lil hinn mill-flussi kummerċjali tradizzjonali. B’hekk, fir-rigward tal-obbligu li jitħallas id-dazju lil hinn mill-kwota ta’ 25 %, l-interess tar-rikorrenti huwa wieħed ipotetiku.

18      Sussegwentement, fil-mument li ġie ppreżentat ir-rikors, il-kwota tariffarja fir-rigward tal-kategoriji ta’ prodotti importati mill-kumpanniji rrappreżentati mir-rikorrenti ma kinitx intużat. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tista’ b’ebda mod tibbenefika mill-annullament tar-Regolament ikkontestat, peress li dan ir-regolament għadu ma pproduċiex effetti legali fil-konfront tagħha jew fil-konfront tal-membri tagħha. B’hekk, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti la huwa reali u lanqas attwali.

19      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-membri tar-rikorrenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kwoti tariffarji fl-ippjanar kummerċjali tagħhom ma jfissirx li s-sitwazzjoni legali tagħhom ġiet mibdula mir-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, l-ipoteżi li l-kwoti tariffarji jipproduċu effetti diġà ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Novolipetsk Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑790/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:706). Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li l-fatt li l-importazzjonijiet jibqgħu kostanti filwaqt li l-livell tal-kwoti tariffarji mhux użati jiżdied juri li l-miżura ta’ salvagwardja ma tipproduċix l-effetti negattivi fuq il-flussi kummerċjali li tallega r-rikorrenti.

20      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-importazzjonijiet huma suġġetti għal kwoti tariffarji ma jgħabbi lill-importaturi b’ebda piż. Għalhekk, ir-rikorrenti b’ebda mod ma tibbenefika mill-annullament tar-Regolament ikkontestat f’dan ir-rigward.

21      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tenfasizza li, sa fejn hija twettaq reviżjonijiet f’intervalli regolari matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja, il-fatt li r-Regolament ikkontestat jista’, f’xi ħin, ikollu effetti legali fuq il-prodotti importati mill-membri tar-rikorrenti ma huwiex wieħed ċert.

22      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tindika li l-fatt li r-rikorrenti u l-membri tagħha ikollhom interess ġuridiku jekk u meta japplika d-dazju lil hinn mill-kwota ta’ 25 % ma jfissirx li ma jeżistix rimedju effettiv. Fil-fatt, fil-fehma tal-Kummissjoni, f’din is-sitwazzjoni, il-possibbiltà li jiġi kkontestat il-ġbir ta’ dan id-dazju mill-awtoritajiet doganali nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali tkun miftuħa għalihom, u dawn il-qrati tal-aħħar jkunu mbagħad jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni tal-validità tar-Regolament ikkontestat, skont l-Artikolu 267 TFUE.

23      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja. Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali, li l-azzjoni hija, għalhekk, adattata sabiex, permezz tal-eżitu tagħha, tkun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun bdietha u li din tal-aħħar turi interess reali u attwali fl-annullament tal-imsemmi att (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li s-sistema legali applikabbli għall-attività ta’ importazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodotti inkwistjoni hija inqas favorevoli minn dik li kienet tapplika qabel ittieħdu l-miżuri ta’ salvagwardja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 33).

26      Għalhekk, l-annullament tar-Regolament ikkontestat permezz ta’ deċiżjoni favorevoli għar-rikorrenti jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u jkun adatt sabiex, permezz tal-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti li, għaldaqstant, għandha interess ġuridiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 34).

27      F’dan ir-rigward, il-premessi 85 u 86 tar-Regolament ikkontestat jipprevedu proċess ta’ reviżjoni u ta’ liberalizzazzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja (ara, f’dan il-kuntest, il-punt 8 iktar ’il fuq). L-għan ta’ dan il-proċess huwa, b’mod partikolari, li jippermetti l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ importazzjoni iktar miftuħa li tkun ta’ benefiċċju għall-importaturi. Il-liberalizzazzjoni gradwali tal-kwoti tariffarji tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-importaturi. L-annullament tar-Regolament ikkontestat ikun, għalhekk, jista’ jiġi kkumparat mal-liberalizzazzjoni totali tal-imsemmija kwoti. Konsegwentement, ma jistax jinċaħad li jeżisti interess għar-rikorrenti li tara li l-imsemmi regolament jiġi annullat, sabiex teżerċita l-attività tagħha fil-kuntest ta’ sistema legali mingħajr restrizzjonijiet ta’ limiti kwantitattivi.

28      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), dan l-interess kien reali u attwali fil-jum tal-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, mill-premessa 1 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-mekkaniżmu stabbilit ta’ salvagwardja jinkludi żewġ stadji, l-ewwel wieħed li jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ kwoti tariffarji, it-tieni wieħed fl-applikazzjoni ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fejn ikunu nqabżu l-limiti kwantitattivi stabbiliti ta’ dawn il-kwoti tariffarji. Jekk, mid-definizzjoni tiegħu stess, it-tieni stadju jseħħ biss wara l-ewwel wieħed, dan tal-aħħar jeżisti fid-data ta’ applikazzjoni tar-regolament li jipprevedih, jiġifieri, f’dan il-każ, l‑1 ta’ Lulju 2021. Issa, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha fl‑20 ta’ Settembru 2021.

29      Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-interess ġuridiku ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika u ma jistax jirriżulta minn sempliċi ipoteżijiet (ara d-digriet tat‑28 ta’ Settembru 2021, Airoldi Metalli vs Il‑Kummissjoni, T‑611/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:641, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-interess tar-rikorrenti, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punti 17 u 21 iktar ’il fuq), huwa, f’dan il-każ, wieħed ċert, sa fejn, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, is-sistema ta’ kwoti tidħol fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat in-nuqqas ta’ rilevanza tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ reviżjonijiet perjodiċi (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), sa fejn, bejn kull reviżjoni, is-sitwazzjoni ma tqajjem ebda inċertezza fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ kwoti u, konsegwentement, fir-rigward tal-effetti legali marbuta mas-sistema ta’ kwoti.

30      Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tqis li l-interess ġuridiku jista’ jeżisti biss fil-jum li fih jiġi impost id-dazju addizzjonali minħabba li jinqabżu l-limiti, tidher li tirriżulta minn konfużjoni taż-żewġ stadji msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq. L-interess tar-rikorrenti ma huwiex limitat għall-kontestazzjoni tal-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali, iżda jkopri wkoll il-kontestazzjoni tas-sistema ta’ kwoti li, permezz tal-eżistenza tagħha stess, tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha. L-annullament tar-Regolament ikkontestat iwassal, għalhekk, għall-kontra ta’ din il-bidla sa fejn din tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali preċedenti tal-membri tar-rikorrenti, li kienet iktar favorevoli minn dik li dawn ikunu suġġetti għal sistema ta’ kwoti, u b’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), ikun ta’ benefiċċju għalihom.

31      F’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat, kif tagħmel il-Kummissjoni (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), minn naħa, il-fatt li l-kwoti tariffarji allegatament iżommu l-livelli storiċi ta’ importazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-Regolament ikkontestat ma jipprekludix l-importazzjonijiet, iktar u iktar fejn ma ikunux ġew użati l-kwoti tariffarji, huwa irrilevanti. Mingħajr ma jiġu eżaminati d-diffikultajiet imressqa mir-rikorrenti, fin-noti tagħha u waqt is-seduta, sabiex tispjega r-raġunijiet għaliex ma ġewx użati l-kwoti tariffarji, għandu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx konsegwenzi legali, iżda konsegwenzi fattwali intiżi li jseħħu ’l quddiem, jekk ikun il-każ.

32      Barra minn hekk, il-fatt li l-eżistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti dwar il-kontestazzjoni tal-iskema ta’ kwoti tkun suġġetta għall-impożizzjoni ta’ dazju addizzjonali jista’ jkollu bħala konsegwenza li r-rikorrenti tiġi obbligata timporta volumi li jaqbżu l-limiti kwantitattivi sabiex tkun tista’ tikkontesta l-imsemmija skema u tinjora s-sitwazzjoni sfavorevoli li toħloq l-applikazzjoni ta’ tali skema fiha nnifisha fir-rigward ta’ importatur.

33      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat in-nuqqas ta’ rilevanza tal-argument tal-Kummissjoni, imfakkar fil-punt 19 iktar ’il fuq u mtenni waqt is-seduta, li jfittex jasserixxi li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Novolipetsk Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑790/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:706), ċaħdet l-ipoteżi li l-kwoti tariffarji kienu jipproduċu effetti.

34      L-ewwel, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Novolipetsk Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑790/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:706), ma ddeċidietx dwar l-ammissibbiltà tar-rikors li hija kienet adita bih. Il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni huma, għalhekk, irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

35      It-tieni, il-Qorti Ġenerali, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Novolipetsk Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑790/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:706), irrilevat li r-rikorrenti ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ effetti qabel l-applikazzjoni tad-dazju lil hinn mill-kwota. Issa, din il-konklużjoni tirriżulta minn eżami tal-effetti tal-kwoti tariffarji intiż sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, il-livell ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa element essenzjali, li, għall-kuntrarju, ma għandux x’jaqsam mal-eżami li din il-qorti għandha tagħmel sabiex tivverifika l-eżistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent.

36      It-tielet, fil-kuntest ta’ din il-verifika, l-effetti inkwistjoni għandhom ikunu ta’ natura ġuridika, kif enfasizzat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq. Issa, l-eżami tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Novolipetsk Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑790/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:706), jirrigwarda l-provi miġjuba sabiex tintwera l-eżistenza ta’ effetti li jissodisfaw il-livell meħtieġ ta’ intensità qabel jintużaw il-kwoti tariffarji. B’hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq statistika ta’ fluss u d-dikjarazzjoni ta’ importatur intiża sabiex turi l-eżistenza ta’ effetti kummerċjali ta’ intensità suffiċjenti, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża.

37      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq illocus standi

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn persuna fiżika jew ġuridika titqies li għandha locus standi sabiex tippreżenta rikors kontra att li ma jkunx indirizzat lilha. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat kemm‑il darba dan l-att ikun jikkonċernaha b’mod dirett u individwali. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni kemm‑il darba dan ikun jikkonċernaha b’mod dirett (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il‑Kummissjoni, C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fid-dawl tal-atti tal-proċess, għandu, qabel kollox, jiġi eżaminat it-tieni każ imsemmi.

40      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi ta’ importaturi, ta’ distributuri, ta’ negozjanti u ta’ proċessuri f’dak li jirrigwarda l-azzar mhux integrat, l-azzar li ma jissaddadx u l-prodotti tal-metall, tista’ tippreżenta rikors għal annullament biss jekk hija tkun tista’ tinvoka l-interess tagħha stess jew, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud minnhom ikollhom locus standi individwali (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 87).

41      F’dan il-każ, skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk, minn naħa, l-att ikkontestat ikun att regolatorju li jikkonċerna b’mod dirett lill-membri tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, dan l-att ma jkunx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, il-locus standi ta’ dawn il-membri tkun ġiet ipprovata.

42      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma tistax tippreżenta rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn, minn naħa, hija ma wrietx li l-membri tagħha kienu kkonċernati b’mod dirett mill-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, hija ma stabbilixxietx l-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront tal-membri tagħha.

–       Fuq innatura regolatorja talatt ikkontestat

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ att regolatorju, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jinftiehem li jirreferi, bħala prinċipju, għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 23 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-distinzjoni bejn att leġiżlattiv u att mhux leġiżlattiv hija bbażata, skont it-Trattat FUE, fuq il-kriterju tal-proċedura, leġiżlattiva jew le, li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 58, u d-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 65).

44      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, ir-Regolament ikkontestat, sa fejn jestendi miżura ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar, għandu portata ġenerali. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ma huwiex att leġiżlattiv, peress li ma ġiex adottat skont proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali.

45      Għalhekk, ir-Regolament ikkontestat huwa att regolatorju fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–       Fuq linċidenza diretta

46      Il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata b’mod dirett mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, taffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji fdati sabiex jimplimentawha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet dwar l-inċidenza diretta. Fil-fatt, hija tqis li l-effetti legali tar-Regolament ikkontestat ma jistgħux jimmaterjalizzaw ex officio minn dan ir-regolament biss, sa fejn, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, il-membri tar-rikorrenti setgħu jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom bl-istess mod bħal qabel ma ġie adottat l-imsemmi regolament.

48      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li kull importatur tal-Unjoni jkun affettwat biss ladarba l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu ħadu pożizzjoni dwar l-ammont tad-dazju ta’ salvagwardja billi jimplimentaw ir-Regolament ikkontestat fil-forma ta’ notifika tad-dejn doganali jew ta’ dikjarazzjoni simili.

49      Fir-rigward tal-ewwel kriterju mfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ikkontestat jiddetermina l-kuntest ġuridiku u l-kundizzjonijiet li fihom il-membri tar-rikorrenti jistgħu jimportaw lejn l-Unjoni, f’termini kemm ta’ volum, kif ukoll ta’ prezz, il-prodotti tagħhom suġġetti għal sistema ta’ kwoti u mhux iktar suġġetti għal moviment liberu fl-Unjoni, li la jeħtieġ allokazzjoni ta’ kwantitajiet u lanqas awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. F’tali sistema ta’ kwoti, il-possibbiltà għall-membri tar-rikorrenti li jużaw l-kwota b’dazju żero tiddependi mill-allokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwantitajiet ta’ tali kwota fir-rigward tal-prodotti tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 44). Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-Regolament ikkontestat jaffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti.

50      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, kemm‑il darba kellha tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġri li titnaqqas l-importanza tas-separazzjoni taż-żewġ stadji tal-mekkaniżmu ta’ salvagwardja (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), kif ukoll tad-differenza sostanzjali bejn l-effetti ta’ natura ġuridika u l-effetti ta’ natura kummerċjali (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

51      Fir-rigward tat-tieni kriterju mfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq, it-test ġuridiku rilevanti huwa dak li d-destinatarji tal-att inkwistjoni, fdati bl-implimentazzjoni tiegħu, ma titħallilhom ebda setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il‑Kummissjoni, T‑507/13 P, EU:T:2015:23, punt 40).

52      Issa, f’dan il-każ, ir-Regolament ikkontestat ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 59, u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1076, punt 28), kemm fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-mekkaniżmu ta’ salvagwardja, peress li s-sistema ta’ kwota tidħol fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), kif ukoll fil-kuntest tat-tieni stadju ta’ dan il-mekkaniżmu, peress li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati japplikaw dazju lil hinn mill-kwota ta’ 25 % ladarba l-kwoti tariffarji jkunu ntużaw (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 46).

53      Konsegwentement, il-membri tar-rikorrenti huma affettwati b’mod dirett mir-Regolament ikkontestat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq.

–       Fuq lassenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni

54      Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-effetti tal-politika kummerċjali komuni jimmaterjalizzaw permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li l-Istati Membri japplikaw għas-sitwazzjoni individwali tal-importatur. Fil-fatt, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma l-uniċi li jimmaterjalizzaw l-effetti ta’ regolament.

55      Għalhekk, l-imsemmi importatur jista’ jikkontesta dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kkonċernati u dawn tal-aħħar ikunu jistgħu mbagħad jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari dwar il-validità tar-regolament li fuqu huma bbażati l-imsemmija miżuri, skont l-Artikolu 267 TFUE.

56      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li l-limitazzjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti, li jirriżultaw mill-komplementarjetà tar-rimedji legali, huma bbażati fuq it-Trattat FUE u għalhekk ma jistgħux jiġu injorati.

57      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ikkontestat jestendi l-miżura ta’ salvagwardja li tikkonsisti, minn naħa, fl-iffissar ta’ kwoti tariffarji applikabbli għal ċerti prodotti tal-azzar u, min-naħa l-oħra, fl-applikazzjoni ta’ dazju lil hinn mill-kwota ta’ 25 % għall-importazzjonijiet kollha li jsiru lil hinn mil-limiti kwantitattivi ta’ dawn il-kwoti. B’hekk, minn din is-sistema jirriżultaw l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni marbuta ma’ livell volumetriku tal-importazzjonijiet u, għall-importaturi li jixtiequ jimportaw lil hinn minn dan il-livell, l-applikazzjoni ta’ żieda tariffarja.

58      F’dan ir-rigward, anki jekk wieħed jassumi li l-miżuri applikati f’dan il-każ għas-sitwazzjoni individwali ta’ importatur huma miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li att regolatorju tal-Unjoni jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, b’mod li ċerti effetti legali tal-imsemmi regolament jimmaterjalizzaw biss permezz ta’ dawn il-miżuri, ma jeskludix li dan ir-regolament ikollu, fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, effetti legali oħra, li ma jkunux jiddependu mit-teħid ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 45).

59      F’dan il-każ, l-introduzzjoni tas-sistema ta’ kwoti, li hija effett tar-Regolament ikkontestat bl-istess mod bħalma hi l-applikazzjoni tad-dazju lil hinn mill-kwoti, isseħħ fl-istess waqt tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament. Għalhekk, sa mill-mument li jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat, importatur ikollu jaġixxi f’kuntest ġuridiku ġdid, li huwa differenti mill-kuntest ġuridiku preċedenti. Issa, il-produzzjoni tal-effetti legali tas-sistema ta’ kwoti, kif identifikati fil-punt 49 iktar ’il fuq, ma tiddependi minn ebda miżura ta’ implimentazzjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-miżuri li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tqis li l-kriterju dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ma huwiex issodisfatt ma jikkonċernawx l-imsemmija effetti legali (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

60      Dan ifisser li, qabel tintuża l-kwota tariffarja, mhux neċessarjament ikunu jeżistu miżuri ta’ implimentazzjoni li l-membri tar-rikorrenti, li s-sitwazzjoni legali tagħhom hija affettwata mill-introduzzjoni tas-sistema ta’ kwoti, jistgħu jikkontestaw quddiem il-qrati nazzjonali.

61      Konsegwentement, l-importaturi, bħall-membri tar-rikorrenti, isibu ruħhom f’sitwazzjoni li tikkorrispondi għall-każ previst fl-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk jistgħu jippreżentaw rikors kontra r-Regolament ikkontestat.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva, għandha locus standi, abbażi tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tar-Regolament ikkontestat.

63      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq ilmertu

64      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

65      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, ma humiex issodisfatti.

66      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija estensjoni ma hijiex fl-interess tal-Unjoni.

67      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ ħarsien tal-kummerċ, igawdu minn diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma jkollhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat sabiex jivverifika jekk ikunux ġew osservati r-regoli tal-proċedura, jekk il-fatti li abbażi tagħhom saret l-għażla kkontestata ġewx mistqarra b’mod preċiż, jekk sarx żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew jekk kienx hemm abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport, C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punti 74 u 75).

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur millKummissjoni talArtikolu 19 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

68      Essenzjalment, l-ewwel motiv tar-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet.

69      Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tqis li d-data li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat ma tippermettix li jiġi konkluż li l-estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja kienet neċessarja sabiex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

70      Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li kienu jeżistu provi li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tagħmel xi aġġustamenti, kif jeżiġi l-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

71      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-ewwel motiv.

–       Fuq lewwel parti talewwel motiv, dwar inneċessità talestensjoni talmiżura ta’ salvagwardja sabiex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju

72      Bis-saħħa tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi estiża kemm‑il darba jiġi stabbilit li tali estensjoni hija neċessarja sabiex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju.

73      L-ewwel, ir-rikorrenti tqis li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tas-suq, matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja, jiġifieri s-snin 2018 sa 2020 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”), li jikkontradixxu l-konklużjoni li l-estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja kienet neċessarja sabiex tirrimedja dannu serju, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tan-neċessità tal-estensjoni, fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

74      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi relatati mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u mal-partijiet tas-suq miżmuma minn din l-industrija fl-Unjoni.

75      Qabelxejn, għandha tiġi kkwalifikata r-rilevanza li tagħti r-rikorrenti lil kull wieħed minn dawn il-fatturi.

76      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħu stabbli. Madankollu, mill-analiżi li tinsab fil-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat, li torbot l-iżvilupp tal-volum ta’ produzzjoni ma’ dak tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u dak tal-użu ta’ dawn il-kapaċitajiet, jirriżulta b’mod espliċitu li l-użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni naqas bi 13‑il punt perċentwali.

77      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tindika li l-parti tas-suq tal-industrija tal-Unjoni żdiedu minn sena għal sena. Din it-tendenza pożittiva tirriżulta wkoll mill-analiżi addizzjonali skont il-familja jew il-kategorija tal-prodott li għamlet il-Kummissjoni. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat, din iż-żieda kienet marbuta ma’ tnaqqis fil-konsum matul il-perijodu kkonċernat kollu. Għalhekk, is-sinjifikat taż-żieda fil-partijiet tas-suq fil-kuntest ta’ analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni għandu jitqies fil-perspettiva tiegħu, peress li, fil-prattika, din iż-żieda ma tirriflettix titjib fil-profittabbiltà. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din is-sitwazzjoni hija speċifikament imsemmija fil-premessa 15 tar-Regolament ikkontestat, li tippreċiża li l-industrija tal-Unjoni għamlet telf bejn l‑2018 u l‑2019 u li l-profittabbiltà kompliet tonqos bejn l‑2019 u l‑2020.

78      Sussegwentement, għandu jitqies fil-perspettiva tiegħu l-metodu li fuqu hija bbażata l-analiżi proposta mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn il-fatturi.

79      Minn naħa, l-approċċ tar-rikorrenti ma huwa mqiegħed f’ebda kuntest. Fil-fatt, huwa importanti li ma jiġix injorat il-fatt li, sabiex jiġi ddeterminat is-sinjifikat ta’ żvilupp, pożittiv jew negattiv, ta’ fattur, dan għandu jitqiegħed fil-kuntest xieraq. B’hekk, iż-żieda fil-partijiet tas-suq tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatt li l-livell tal-partijiet tas-suq inkwistjoni fl‑2019 u fl‑2020 kien qrib dak tal‑2017, meta l-industrija tal-Unjoni rat żieda fl-importazzjonijiet. Għalhekk, miż-żieda fil-partijiet tas-suq tal-industrija tal-Unjoni ma jistax jiġi dedott li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma baqgħetx iktar fraġli jew vulnerabbli. Barra minn hekk, peress li l-miżura ta’ salvagwardja hija bbażata fuq iż-żamma tal-flussi kummerċjali tradizzjonali fil-qasam ta’ volum ta’ importazzjonijiet abbażi tal-perijodu mill‑2015 sal‑2017, żieda fil-partijiet tas-suq tal-Unjoni f’dawn il-livelli ma turix l-assenza ta’ dannu.

80      Mill-banda l-oħra, għandu jitfakkar li l-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-azzar li l-Kummissjoni għandha tagħmel teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, peress li ebda wieħed minnhom, meqjus għalih, ma huwa determinanti. B’hekk, l-identifikazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni potenzjali li l-Kummissjoni setgħet wettqet fl-analiżi tagħha għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-metodu li hija tkun segwiet. Issa, mill-konstatazzjonijiet li jinsabu b’mod espliċitu fil-punt 3.1 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta b’mod partikolari li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri n-natura fraġli u vulnerabbli tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, hija bbażata fuq diversi indikaturi oħra ta’ dannu li, kważi kollha kemm huma, kellhom tendenzi negattivi kbar. B’hekk, l-indikaturi tal-produzzjoni, il-bejgħ, il-profitti mill-kapital u l-impjieg lkoll urew tnaqqis f’kuntest fejn il-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq intern kienu naqsu wkoll, u dan wassal għal tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

81      Fid-dawl tal-premess, għandha tiġi kkonstatata n-natura frammentarja u iżolata tal-evalwazzjonijiet tar-rikorrenti.

82      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fl-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kif jirriżulta mid-data li tinsab fir-Regolament ikkontestat.

83      Madankollu, sabiex dan l-ilment jiġi miċħud, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-evalwazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex f’lokhom, sa fejn dawn ma humiex imqiegħda f’kuntest. Fil-fatt, minn naħa, il-livell volumetriku li ntlaħaq mill-importazzjonijiet fl‑2020 jikkorrispondi għal dak tal‑2015, li diġà ġie meqjus bħala dannuż, u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet f’termini ta’ partijiet tas-suq iwassal għal livell ekwivalenti għal dak osservat fl‑2017, kif indikat b’mod espliċitu fil-premessa 25 tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti b’ebda mod ma tikkontradixxi b’mod dirett il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-approċċ ikkuntestwalizzat deskritt iktar ’il fuq, l-importazzjonijiet fis-suq tal-azzar tal-Unjoni pjuttost żdiedu f’termini relattivi meta mqabbla mal-perijodu ta’ qabel ġiet imposta l-miżura ta’ salvagwardja.

84      Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-allegat tnaqqis fl-importazzjonijiet.

85      It-tieni, ir-rikorrenti tallega li, abbażi ta’ eżami pożittiv u oġġettiv tad-data msemmija fil-punti 74 u 82 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja kienet neċessarja sabiex tipprevjeni dannu serju mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

86      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet eżami prospettiv, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tagħmel żewġ ilmenti.

87      Minn naħa, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-profitti tal-atturi prinċipali tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, sa fejn dan l-ilment huwa bbażat fuq elementi li n-natura temporali tagħhom tmur lil hinn mill-perijodu kkunsidrat mill-Kummissjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

88      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Madankollu, mill-premessi 39 u 43 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-eżami prospettiv imwettaq mill-Kummissjoni ħa inkunsiderazzjoni l-istat tal-produzzjoni żejda u tal-kapaċità żejda fuq livell dinji. B’hekk, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

89      Mill-premess jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni la injorat ċerta informazzjoni u lanqas is-sinjifikat tagħha. Issa, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża l-kontestazzjoni tagħha fuq l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ data, għandu jiġi konkluż, skont il-prinċipji mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi li wasslitha sabiex tqis li l-estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja kienet neċessarja sabiex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju.

90      Fl-aħħar nett, it-tielet, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma wettqitx analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni xierqa fir-rigward taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tas-suq matul is-sena 2020 ikkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li din il-kwistjoni hija indirizzata biss b’mod inċidentali fir-Regolament ikkontestat.

91      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li minn diversi siltiet tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-pandemija tal-COVID‑19 fil-kuntest tal-analiżi tagħha u li, min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti ma jidentifikax b’mod preċiż l-imsemmija siltiet li, fil-fehma tagħha, juru li dan l-aspett ġie ttrattat b’mod insuffiċjenti, iżda sempliċement iqis l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward bħala waħda inkompleta. Għalhekk, in-natura vaga ta’ dan l-ilment tostakola l-identifikazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

92      Fi kwalunkwe każ, minn naħa, ir-rikorrenti, waqt is-seduta, bi tweġiba għat-talba tal-Qorti Ġenerali sabiex jiġi ppreċiżat il-kontenut ta’ dan l-ilment, baqgħet issostni l-oġġezzjonijiet tagħha dwar in-natura inkompleta tal-analiżi tal-Kummissjoni fid-dawl tad-data disponibbli f’dak iż-żmien. Madankollu, hija naqset milli tippreċiża l-kontenut tal-imsemmija data u rreferiet, b’mod ġenerali, għall-fatt li l-Kummissjoni kellha informazzjoni ddettaljata dwar is-sitwazzjoni grazzi għal investigazzjonijiet li saru fil-kuntest ta’ miżuri oħra ta’ ħarsien tal-kummerċ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti baqgħet ma ddeterminatx b’mod speċifiku n-nuqqasijiet tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ikkontestat f’dan ir-rigward.

93      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha tagħmel f’dan il-każ, skont il-prinċipji mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fattur ta’ inċertezza partikolarment sinjifikattiv marbut ma’ kriżi straordinarja fl-evalwazzjoni tal-analiżi prospettiva mwettqa mill-Kummissjoni. Issa, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq data iktar preċiża, li hija allegatament kellha f’idejha, sabiex twettaq analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni l-livell għoli ferm ta’ inċertezza marbut mal-iżvilupp ta’ kriżi ta’ daqs straordinarju bħall-pandemija tal-COVID‑19.

94      Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti talewwel motiv, dwar ilprova talaġġustamenti

95      Bis-saħħa tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi estiża kemm‑il darba jiġi stabbilit li hemm provi li juru li l-produtturi tal-Unjoni qegħdin jagħmlu aġġustamenti.

96      L-ewwel, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li tali provi kienu jeżistu, sa fejn ir-Regolament ikkontestat ma fihx biżżejjed provi li jippermettu li jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tieħu miżuri xierqa sabiex tadatta ruħha għaż-żieda fl-importazzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li ebda pjan ta’ aġġustament ma ġie pprovdut u ssostni li jidher ċar li l-produtturi tal-Unjoni ma ħadux miżuri xierqa ta’ aġġustament matul l-aħħar sentejn u nofs.

97      Preliminarjament, mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni numru ta’ provi li juru li ttieħdu miżuri ta’ aġġustament mill-industrija tal-Unjoni. Għalkemm huwa indikat fil-premessa 68 tar-Regolament ikkontestat li informazzjoni kunfidenzjali dwar il-miżuri ta’ aġġustament li ttieħdu mill-produtturi tal-Unjoni ġiet trażmessa lill-Kummissjoni, fil-premessi 69 u 70 tal-imsemmi regolament wieħed isib, madankollu, informazzjoni ddettaljata. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti evitat kull analiżi ta’ din l-informazzjoni u sempliċement iddikjarat li r-riferimenti kollha li għamlet il-Kummissjoni għall-attivitajiet ta’ aġġustament ma kienu sostnuti minn ebda prova.

98      Issa, bis-saħħa tal-prinċipji mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq, ftit jimporta li, fl-assenza ta’ kontestazzjoni speċifika tal-provi li fuqhom hija bbażata l-analiżi tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tindika li tipi oħra ta’ informazzjoni kienu rilevanti.

99      It-tieni, fil-fehma tar-rikorrenti, ma nġiebet ebda prova la tan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u lanqas tal-inkapaċità tagħha li tipprovdi l-merkanzija kollha neċessarja għas-suq tal-Unjoni.

100    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ rilevanza, peress li, għalkemm il-miżuri kollha li ttieħdu mill-industrija tal-Unjoni kienu jikkonċernaw azzjonijiet li jfittxu jżidu l-effiċjenza tal-azzjonijiet li jappoġġjaw l-effiċjenza tal-industrija tal-Unjoni u jappoġġjaw kif xieraq il-kompetizzjoni f’xenarju tas-suq ikkaratterizzat minn żieda fl-importazzjonijiet, dawn il-miżuri ma kinux intiżi, għall-kuntrarju, li jagħtu s-setgħa lill-industrija tal-Unjoni tkopri l-bżonnijiet ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni.

101    F’dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-partijiet tas-suq tal-industrija tal-Unjoni u t-tnaqqis fl-importazzjonijiet, imtennija f’dan il-kuntest, għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet imfissra fil-punti 77, 83 u 84 iktar ’il fuq.

102    It-tielet, ir-rikorrenti tqis li l-industrija tal-Unjoni ma għamlet ebda aġġustament, sa fejn hija ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ dannu jew ta’ theddida ta’ dannu, kif juru l-profitti sostanzjali magħmula mill-impriżi produttriċi tal-Unjoni u l-assenza ta’ pressjoni mill-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq, ġie konkluż li l-premessi ta’ dan ir-raġunament ġew miċħuda.

103    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li t-tieni parti tal-ewwel motiv hija infondata.

104    Sa fejn ġie konkluż li ż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv huma infondati, dan għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti mwettqa millKummissjoni flevalwazzjoni talinteress talUnjoni li testendi lmiżura ta’ salvagwardja

105    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ma jeżistux raġunijiet ekonomiċi konvinċenti li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li ma huwiex fl-interess tal-Unjoni li tiġi estiża l-miżura ta’ salvagwardja eżistenti hija waħda żbaljata.

106    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-dikjarazzjoni fir-Regolament ikkontestat li l-kwoti tariffarji eżentati mid-dazji kienu jikkorrispondu għat-talba. Fil-fatt, ir-rikorrenti tindika li, matul l-irkupru ekonomiku ġenerali li segwa l-pandemija tal-COVID‑19, inħoloq żbilanċ bejn it-talba qawwija għal materja prima u l-provvista baxxa tal-produtturi tal-Unjoni li ma setgħux jipprovdu għaliha, li wassal għal żieda sinjifikattiva fil-prezzijiet fi ħdan l-Unjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tirrileva li, fit-tielet trimestru tas-sena 2021, l-użu tal-kwoti tal-fornituri prinċipali tal-azzar minn pajjiżi terzi għamel diffiċli l-provvista tal-azzar lill-utenti u lill-importaturi.

107    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq approċċ li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmu tal-miżura ta’ salvagwardja, li jwassal lill-importatur sabiex jiddiversifika s-sorsi ta’ provvista tiegħu billi, fejn hemm bżonn, idur lejn produtturi li jinsabu f’pajjiżi terzi li għalihom il-kwota tariffarja ma tkunx intużat. Issa, f’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li kwoti eżentati mid-dazju baqgħu ma ntużawx, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

108    F’dan il-kuntest, għandu jiġi konkluż li ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-analiżi tal-Kummissjoni ma ġie pprovat.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet fir-Regolament ikkontestat li, minn naħa, ma teżistix rabta diretta bejn il-miżura ta’ salvagwardja u ż-żieda fil-prezzijiet tal-azzar u, min-naħa l-oħra, li l-livell ta’ dawn il-prezzijiet ma nżammx wara l-adattament tas-suq għas-sitwazzjoni wara l-pandemija tal-COVID‑19 ma humiex ikkorroborati mid-data li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-Kummissjoni.

110    Madankollu, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li, għalkemm iż-żieda fil-prezzijiet kienet dovuta għall-miżura ta’ salvagwardja, mid-data tal-analiżi jirriżulta li l-industrija tal-azzar tal-Unjoni setgħet tevita kull pressjoni kompetittiva restrittiva. Issa, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal tali konklużjoni meta wieħed iqis in-numru kbir ta’ kwoti eżentati mid-dazju mhux użati minn diversi sorsi prattikament fil-kategoriji kollha ta’ prodotti fl-aħħar perijodu tal-miżura ta’ salvagwardja, li, kif ġie rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, kien il-każ f’din il-kawża.

111    Sussegwentement, l-impatt ta’ fatturi oħra — bħaż-żieda parallela fil-prezzijiet tal-materja prima indikata fil-premessa 100 tar-Regolament ikkontestat — ma jistax jiġi eskluż fid-determinazzjoni tal-kawżi responsabbli għaż-żieda fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni.

112    Fl-aħħar nett, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, peress li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet ġew osservati fis-swieq prinċipali tal-azzar fuq livell dinji, fejn il-miżura ta’ salvagwardja ma kinitx tapplika, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rabta kawżali bejn il-miżura ta’ salvagwardja u ż-żieda fil-prezzijiet ma humiex konvinċenti.

113    Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar iż-żieda fil-prezzijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni li l-miżura ta’ salvagwardja tiġi estiża ma hijiex manifestament żbaljata.

114    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni, fir-Regolament ikkontestat, tikklassifika bħala “tranżitorji” l-problemi ta’ provvista li nħolqu wara l-irkupru ekonomiku ġenerali, sa fejn, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, hija tqis li r-ritorn għall-operat tal-fabbriki li twaqqfu mill-industrija tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi l-introduzzjoni mill-ġdid, f’terminu raġonevolment qasir, tal-kundizzjonijiet normali ta’ provvista tal-azzar li kienu jeżistu qabel il-pandemija tal-COVID‑19.

115    Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda fit-talba wara l-irkupru ekonomiku ġenerali wasslet b’mod partikolari għal nuqqas progressiv tal-materja prima, li affettwa l-attività tal-proċessuri ta’ dawn il-materji. B’hekk, il-kunsinni jiġu regolarment ikkanċellati jew sospiżi. Barra minn hekk, l-ispejjeż tat-trasport marittimu żdiedu b’mod esponenzjali u l-ġestjoni tal-loġistika qiegħda kulma jmur issir iktar diffiċli.

116    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, peress li l-kwoti tariffarji ma kinux intużaw (ara l-punt 107 iktar ’il fuq), il-miżura ta’ salvagwardja ma tistax tkun il-kawża tal-allegata inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tkopri t-talba fis-suq tal-Unjoni.

117    Sussegwentement, peress li r-rikorrenti ma wrietx l-insuffiċjenza tal-provvista fis-suq tal-Unjoni, l-argumenti tagħha bbażati fuq id-dewmien fil-kunsinna u l-ispejjeż ta’ loġistika huma irrilevanti.

118    Fl-aħħar nett, l-informazzjoni li tinsab fil-premessi 110 u 111 tar-Regolament ikkontestat dwar il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiggarantixxi l-introduzzjoni mill-ġdid, f’terminu raġonevoli, tal-kundizzjonijiet ta’ provvista normali, ma tistax tiġi kkontestata minn sempliċi dikjarazzjoni kuntrarja tar-rikorrenti mingħajr ma hija ġġib provi insostenn tagħha.

119    Konsegwentement, ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interess tal-Unjoni li testendi l-miżura ta’ salvagwardja.

120    F’ġieħ il-kompletezza, in-natura ineffettiva tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq data dwar l-iżvilupp ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni tista’ tiġi rrilevata, sa fejn dawn l-argumenti ma jistgħux juru l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interess tal-Unjoni li l-miżura ta’ salvagwardja tiġi estiża, billi din id-data ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-miżura ta’ salvagwardja.

121    Fid-dawl ta’ dak kollu premess, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

122    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

123    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      European Association of Non-Integrated Metal Importers & distributors (Euranimi) hija kkundannata għall-ispejjeż.

Porchia

Jaeger

Nihoul

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Ottubru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.