Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-47/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) u taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa 1 , fir-rigward tat-tipi ta’ habitat 6510 (mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa) u 6520 (mergħat ta’ ħuxlief tal-muntanji) protetti min-network Natura 2000 sa fejn hija

ġeneralment u strutturalment naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat id-deterjorament tat-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fis-siti identifikati għal dan il-għan, u

ġeneralment u strutturalment naqset milli tibgħat data aġġornata lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fis-siti identifikati għal dan il-għan;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset sistematikament milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE li tipproteġi siti ta’ Natura 2000 kontra d-deterjorament tal-habitats naturali inklużi fihom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żewġ tipi ta’ habitats importanti ta’ interess Komunitarju, jiġifieri mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa (TH 6510) u mergħat ta’ ħuxlief fuq il-muntanji (TH 6520).

Il-ksur sistematiku tal-projbizzjoni ta’ deterjorament jirriżulta, l-ewwel, minn data trażmessa mill-Ġermanja nnifisha, li turi li bejn l-2006 u l-2020, f’iktar minn kwart tas-siti ta’ Natura 2000 identifikati mill-Ġermanja għall-protezzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ habitat, madwar nofs iż-żona ta’ dawn il-habitats kienet intilfet.

It-tieni, l-awtoritajiet Ġermaniżi naqsu sistematikament milli jwettqu sorveljanza regolari tal-istat ta’ konservazzjoni taż-żewġ tipi ta’ habitats ġewwa ż-żoni ta’ konservazzjoni identifikati għal dan il-għan.

It-tielet, l-awtoritajiet Ġermaniżi naqsu sistematikament milli jirregolaw il-fatturi prinċipali ta’ pressjoni għaż-żewġ tipi ta’ habitats, jiġifieri l-ħsad bikri u l-fertilizzazzjoni eċċessiva, permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni legalment vinkolanti.

Barra minn hekk, il-Ġermanja naqset sistematikament milli twettaq l-obbligu tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43 li tittrażmetti regolarment data aġġornata għaż-żewġ tipi ta’ habitats.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102