Language of document : ECLI:EU:T:2023:253

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

17 ta’ Mejju 2023 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-elettriku Ġermaniż – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Assenza ta’ locus standi – Assenza ta’ parteċipazzjoni attiva – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑321/20,

enercity AG, stabbilita f’Hannover (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn C. Schalast u H. Löschan, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u I. Zaloguin, bħala aġenti, assistiti minn F. Haus u F. Schmidt, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

IrRepubblika Federali talĠermanja, irrappreżentata minn J. Möller u S. Costanzo, bħala aġenti,

minn

E.ON SE, stabbilita f’Essen (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn C. Grave, C. Barth u D.-J. dos Santos Goncalves, avukati,

u minn

RWE AG, stabbilita f’Essen, irrappreżentata minn U. Scholz, J. Siegmund u J. Ziebarth, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, enercity AG, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 1711 final tas‑26 ta’ Frar 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (ĠU 2020, C 111, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Impriżi inkwistjoni

2        RWE AG hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Ġermaniż li, meta saret in-notifika tal-konċentrazzjoni proposta, kienet attiva tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija, inkluż fl-oqsma tal-produzzjoni, tal-provvista bl-ingrossa, tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-kummerċ bl-imnut tal-enerġija, kif ukoll tas-servizzi tal-enerġija pprovduti lill-konsumaturi (bħall-qari tal-arloġġ, il-mobbiltà elettrika, eċċ.). RWE u s-sussidjarji tagħha, inkluża innogy SE, joperaw f’diversi Stati Ewropej, jiġifieri fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fir-Renju Unit.

3        E.ON SE hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Ġermaniż li, meta saret in-notifika tal-konċentrazzjoni proposta, kienet topera tul il-katina kollha tal-provvista tal-elettriku, fir-rigward tal-produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa, id-distribuzzjoni jew il-kummerċ bl-imnut tal-elettriku. E.ON tippossjedi u topera assi ta’ produzzjoni tal-elettriku f’diversi Stati Ewropej fosthom il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Renju Unit.

4        Ir-rikorrenti hija awtorità muniċipali Ġermaniża li tipproduċi u tipprovdi l-enerġija fil-Ġermanja.

 Ilkuntest talkonċentrazzjoni

5        Il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ hija parti minn skambju kumpless ta’ elementi ta’ assi bejn RWE u E.ON, imħabbar fil‑11 u fit‑12 ta’ Marzu 2018 miż-żewġ impriżi kkonċernati. B’hekk, permezz tal-ewwel operazzjoni, jiġifieri l-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, RWE xtaqet takkwista l-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON. It-tieni operazzjoni kienet tikkonsisti fl-akkwist minn E.ON tal-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy, li hija kkontrollata minn RWE. Fir-rigward tat-tielet operazzjoni, hija kienet tipprevedi l-akkwist minn RWE ta’ 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON.

6        Fl‑24 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha hija indikatilha li xtaqet tipparteċipa fil-proċedura relatati mal-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni u, konsegwentement, li tirċievi d-dokumenti relatati.

7        Fit‑3 ta’ Ottubru 2018, saret laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

8        It-tieni konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Jannar 2019. Fid-dawl ta’ din it-tieni operazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 6530 final, tas‑17 ta’ Settembru 2019, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.8870 – E.ON/Innogy) (ĠU 2020, C 379, p. 16, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni M.8870”).

9        It-tielet konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja), li awtorizzaha permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2019 (Każ B8‑28/19).

 Ilproċedura amministrattiva

10      Fit‑22 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) li permezz tagħha RWE xtaqet takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON.

11      Fil‑31 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea n-notifika minn qabel ta’ dik il-konċentrazzjoni (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (ĠU 2019 C 38, p. 22, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni M.8871”), f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

12      Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni M.8871, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni tas-suq u għalhekk bagħtet kwestjonarju lil ċerti impriżi.

13      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti talbet lill-uffiċjal tas-seduta jagħtiha l-istatus ta’ terz interessat sabiex tinstema’ fil-kuntest tal-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8871. Dan laqa’ din it-talba permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Frar 2019.

 IdDeċiżjoni kkontestata

14      Fis‑26 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata. Il-konċentrazzjoni M.8871 ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fil-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u fl-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, E.ON u RWE, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, sitt motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal smigħ, it-tielet wieħed ibbażat fuq diviżjoni żbaljata tal-analiżi tal-operazzjoni globali, ir-raba’ wieħed ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, il-ħames wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ diliġenza, u s-sitt wieħed ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

18      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, sostnuta minn RWE, tinvoka l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti.

19      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8871 kienet biss sempliċi. F’dan ir-rigward, hija ssostni li t-tħassib espress mir-rikorrenti kien relatat kważi esklużivament mal-konċentrazzjoni M.8870.

20      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi, mill-fatt li l-Kummissjoni ltaqgħet magħha waqt il-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru 2018, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet suffiċjenti, peress li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ kompetituri oħra, f’kuntest simili. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti fformulat biss ftit riżervi, li ma ġewx imtennija sussegwentement, u ma weġbitx għall-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni.

21      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ inċidenza individwali tar-rikorrenti li tirriżulta mill-pożizzjoni kompetittiva tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti hija kompetittriċi ta’ RWE u ta’ E.ON, iżda li din hija sempliċement kwalità oġġettiva, li ma tikkaratterizzax lir-rikorrenti fir-rigward ta’ kwalunkwe kompetitur ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika u li ma tistax, minħabba f’hekk, tkun il-bażi għall-inċidenza individwali tagħha. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-assenza ta’ ċirkustanzi tali li jindividwalizzawha fil-kwalità tagħha ta’ klijent ta’ RWE meta mqabbla mal-klijenti l-oħra ta’ RWE.

22      Ir-rikorrenti tqis li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

23      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li hija pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8871 u li hija influwenzat l-iżvolġiment tal-proċedura kif ukoll it-teħid tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-investigazzjoni tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni, hija ssostni li ma rċevithiex.

24      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata sa fejn is-sussidjarji tagħha u hija stess huma fost l-ikbar impriżi reġjonali tal-provvista u s-servizzi tal-enerġija fil-Ġermanja, sa fejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni huma l-kompetituri diretti tagħhom u sa fejn il-konċentrazzjoni M.8871 tirriskja li tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni tar-rikorrenti.

25      F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra biss jekk tkun tikkonċernaha direttament u individwalment.

26      B’hekk, sabiex jiġi stabbilit il-locus standi tar-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk hija hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

27      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn hija ppermettiet ir-realizzazzjoni immedjata tal-konċentrazzjoni M.8871, id-Deċiżjoni kkontestata kienet tali li twassal għal modifika immedjata tas-sitwazzjoni tas-swieq ikkonċernati. Sa fejn ir-rieda tal-partijiet għall-konċentrazzjoni M.8871 li jirrealizzawha ma kinitx suġġetta għall-garanzija, l-operaturi ekonomiċi li jintervjenu fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati setgħu, fid-data tad-Deċiżjoni kkontestata, jiksbu modifika immedjata jew ta’ malajr tal-istat tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata.

28      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inċidenza individwali tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, persuni oħra barra d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kull persuna oħra u minħabba dan tindividwalizzhom bl-istess mod bħal fil-każ tal-persuna li lilha d-deċiżjoni hija indirizzata (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fil-każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, u f’dak li jikkonċerna impriża terza, huwa abbażi, minn naħa, tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, tal-inċidenza tal-pożizzjoni tagħha fuq is-suq li għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex individwalment ikkonċernata. Għalkemm sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura ċertament waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet li l-eżami attent tagħhom jirrikjedi kuntatt regolari ma’ numru ta’ impriżi, jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-parteċipazzjoni attiva fil-proċedura amministrattiva tikkostitwixxi element regolarment meħud inkunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-kompetizzjoni, inkluż fil-qasam iktar speċifiku tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita, flimkien ma’ ċirkustanzi speċifiċi oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, għandu jiġi nnutat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti pparteċipat fil-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, hija n-natura “attiva” ta’ din il-parteċipazzjoni li hija kkontestata. Għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata l-kwalità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M. 8871.

31      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fl‑24 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti bagħtet talba lill-Kummissjoni sabiex tinstema’ kemm fil-kuntest tal-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8871 kif ukoll f’dik dwar il-konċentrazzjoni M.8870, kif jirriżulta mit-taqsima intitolata, bil-Ġermaniż, “Aktenzeichen” (numru tal-fajl) tal-ittra tagħha li fiha hemm imniżżla r-referenzi “M8870 u M8871”. F’din l-ittra, ir-rikorrenti spjegat, b’mod ġenerali, sabiex tiġġustifika t-talba tagħha, in-natura tal-interessi tagħha u l-preġudizzju li hija tista’ ssofri minħabba l-awtorizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ konċentrazzjonijiet.

32      Sussegwentement, fit‑3 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti pparteċipat f’laqgħa individwali mal-Kummissjoni li kienet tirrigwarda l-konċentrazzjonijiet M.8870 u M.8871. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, mill‑20 paġna tal-preżentazzjoni tar-rikorrenti, li ġiet ippreparata għal din il-laqgħa, waħda biss kienet tirrigwarda l-konċentrazzjoni M.8871 u li, barra minn hekk, din il-paġna kienet tikkonċerna biss il-vantaġġ kompetittiv miksub minn RWE fl-għoti ta’ sussidji għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta’ assi ġodda ta’ produzzjoni minn enerġiji rinnovabbli. Il-bqija ta’ din il-preżentazzjoni kienet iddedikata għall-konċentrazzjoni M.8870. Il-minuti tal-imsemmija laqgħa juru wkoll li d-diskussjonijiet li saru matul il-laqgħa kienu essenzjalment jirrigwardaw il-konċentrazzjoni M.8870, peress li, mit‑42 punt ikkunsidrat, tlieta biss kienu ddedikati għal RWE.

33      Barra minn hekk, wara din il-laqgħa u wara tfakkira mill-Kummissjoni fl‑4 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti wieġbet, permezz ta’ posta elettronika fl‑14 ta’ Diċembru 2018, għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni magħmula permezz ta’ posta elettronika fil‑31 ta’ Ottubru 2018. Dawn il-mistoqsijiet kienu intiżi sabiex jippreċiżaw lill-Kummissjoni dwar l-osservazzjoni magħmula mir-rikorrenti dwar il-vantaġġ kompetittiv ta’ E.ON u ta’ innogy fl-iżvilupp ta’ servizzi ġodda, bħas-soluzzjonijiet ta’ “smart home” (dar intelliġenti), minħabba l-bażi kbira tagħhom ta’ klijenti, li hija problema relatata mal-konċentrazzjoni M.8870.

34      Fl-aħħar nett, permezz ta’ posta elettronika tat‑28 ta’ Jannar 2019 indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta, ir-rikorrenti talbet li tinstema’ bħala terz interessat fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M. 8871. Fis‑7 ta’ Frar 2019, l-uffiċjal tas-seduta wieġeb lir-rikorrenti u indika li huwa jqis li hija kellha l-istatus ta’ terz interessat f’dawn il-proċeduri.

35      Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-konċentrazzjoni M.8871 per se, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti huma miġbura fil-qosor f’paġna waħda tal-preżentazzjoni li l-kontenut tagħha ġie riprodott, b’mod eżawrjenti, fit-tliet punti relatati mal-konċentrazzjoni M.8871 tal-minuti tal-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru 2018. Fir-rigward tal-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal‑24 ta’ Lulju 2018, dawn huma ta’ natura ġenerali u huma intiżi prinċipalment sabiex juru l-interess tar-rikorrenti fil-proċedura sabiex tkun tista’, sussegwentement, titħalla tesponi lill-Kummissjoni b’mod iktar sħiħ u preċiż il-fehma tagħha, b’tali mod li dawn ma humiex iddeterminati.

36      Issa, parteċipazzjoni daqshekk minima ma tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala attiva. F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li t-tħassib espress mir-rikorrenti fir-rigward tal-vantaġġ kompetittiv miksub minn RWE bis-saħħa tal-konċentrazzjoni M.8871, sabiex twieġeb għal sejħiet għall-offerti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u ġie analizzat minnha, kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 tad-Deċiżjoni kkontestata.

37      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tħassib espress mir-rikorrenti ġie eżaminat fit-Taqsima 5.1.7 tad-Deċiżjoni kkontestata, intitolata “Tħassib addizzjonali mqajjem minn partijiet terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li ssegwi t-Taqsima 5.1.6 tad-Deċiżjoni kkontestata, intitolata “Konklużjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni M.8871 mas-suq intern. B’hekk, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fit-Taqsima 5.1.7 hija ppreżentata għal finijiet ta’ kompletezza. In-natura kompleta ta’ dan l-eżami hija kkonfermata mill-kjarifika tal-Kummissjoni fil-punt 67 tad-Deċiżjoni kkontestata fejn hija indikat li dan kellu l-għan li jindirizza t-tħassib dwar l-effetti potenzjali tal-konċentrazzjoni M.8871 fuq swieq oħra minbarra s-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja, li huwa s-suq meqjus rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni fuq is-suq intern, kif jirriżulta mill-punt 13 tad-Deċiżjoni kkontestata.

38      Minn dan jirriżulta li l-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti dwar il-konċentrazzjoni M.8871, minkejja li huma ta’ ċertu interess u ġew indirizzati mill-Kummissjoni, ma kinux determinanti għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni fuq is-suq rilevanti.

39      Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti pparteċipat b’mod attiv fil-fażi amministrattiva relatata mal-konċentrazzjoni M. 8871.

40      Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

41      L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċevietx l-investigazzjoni tas-suq mibgħuta mill-Kummissjoni.

42      F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet, fid‑29 ta’ Marzu 2022, lill-Kummissjoni tipproduċi provi li hija kienet fil-fatt bagħtet l-investigazzjoni tas-suq lir-rikorrenti, kif sostniet fil-punt 10 tal-kontroreplika. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fit-terminu mogħti. Barra minn hekk, minn jeddha, fid‑19 ta’ April 2022 ir-rikorrenti ppreżentat, fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, ittra li tinkludi osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni. Il-President tar-Raba’ Awla Estiża ddeċieda, fit‑3 ta’ Mejju 2022, li jinkludi din l-ittra fil-proċess. Fl-aħħar nett, il-partijiet ġew mistoqsija dwar dan mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta.

43      Il-provi prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għat-talba tal-Qorti Ġenerali huma ta’ tliet tipi. L-ewwel, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-lista tal-impriżi li lilhom intbagħtet l-investigazzjoni, li fiha jidher isem ir-rikorrenti. It-tieni, il-Kummissjoni tipproduċi estratt mill-applikazzjoni tal-kompjuter li użat sabiex tibgħat l-investigazzjoni li minnu jirriżulta li l-investigazzjoni tas-suq intbagħtet lir-rikorrenti fit‑23 ta’ Jannar 2019 fl‑16:35, bit-data ta’ skadenza sa meta għandha tingħata tweġiba tkun it‑30 ta’ Jannar 2019. Huwa indikat ukoll li ntbagħtet tfakkira fis‑27 ta’ Jannar 2019. It-tielet, il-Kummissjoni tipprovdi żewġ estratti mill-bażijiet tad-data tagħha dwar it-trażmissjoni tal-posta elettronika u tal-faks li juru li ntbagħtu posta elettronika u faks lir-rikorrenti. Id-dati u l-ħinijiet meta ntbagħtu dawn jikkorrispondu għal dawk indikati fl-estratt tal-applikazzjoni tal-kompjuter.

44      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni fil-fatt bagħtet l-investigazzjoni tas-suq lir-rikorrenti.

45      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, kemm fl-ittra tagħha tad‑19 ta’ April 2022 kif ukoll waqt is-seduta, li l-investigazzjoni tas-suq intbagħtet lill-uffiċjal tal-istampa tagħha. Issa, minn naħa, dan tal-aħħar isostni li ma rċevihiex u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tindika li ma kienx il-persuna xierqa li kellu jiġi kkuntattjat. Fuq dan l-aħħar punt, ir-rikorrenti tosserva, fl-ittra tagħha tad‑19 ta’ April 2022, li l-investigazzjoni tas-suq dwar il-konċentrazzjoni M.8870 ma ntbagħtitx lill-uffiċjal tal-istampa, iżda lid-direttur kummerċjali kompetenti.

46      Għandu jiġi rrilevat li, peress li ma jistax jiġi rikjest mir-rikorrenti li tipproduċi provi ta’ fatt negattiv, jiġifieri li ma rċevietx l-investigazzjoni tas-suq, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi provi li hija kienet fil-fatt bagħtet l-imsemmija investigazzjoni. Kif jirriżulta mill-punt 44 iktar ’il fuq, dan sar. F’tali ċirkustanzi, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali provi li jikkontestaw l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, ħaġa li hija ma għamlitx.

47      Fir-rigward tal-fatt li l-investigazzjoni tas-suq intbagħtet lid-destinatarju żbaljat, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx li l-persuna inkwistjoni kienet effettivament l-uffiċjal tal-istampa tagħha meta ntbagħtet l-imsemmija investigazzjoni.

48      Issa, jista’ jkun raġonevolment mistenni minn tali persuna li tirċievi mhux biss posta elettronika, iżda wkoll faks mingħand istituzzjoni tal-Unjoni Ewropa, li hija tinforma mill-iktar fis possibbli lill-imsemmija istituzzjoni bl-iżball fid-destinatarju. Barra minn hekk, peress li kellha fil-pussess tagħha tali dokumenti, kien ukoll possibbli għaliha li tavviċina lis-servizz legali jew kummerċjali tal-impriża tagħha sabiex tinformah bil-wasla ta’ dawn id-dokumenti.

49      Fi kwalunkwe każ, anki kieku r-rikorrenti kellha l-opportunità li timla l-investigazzjoni tas-suq, din iċ-ċirkustanza ma kinitx tkun tali li tippermetti li l-parteċipazzjoni tagħha tiġi kklassifikata bħala attiva.

50      Fil-fatt, is-sempliċi ritorn tal-kwestjonarju mimli ma jistax jitqies bħala suffiċjenti għall-individwalizzazzjoni tal-operatur ikkonċernat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Settembru 2006, Wirtschaftskammer Kärnten and best connect Ampere Strompool vs Il‑Kummissjoni, T‑350/03, mhux ippubblikat, EU:T:2006:257, punti 50 u 51).

51      Ma jistax ikun mod ieħor peress li, kif sostniet ġustament waqt is-seduta il-Kummissjoni, din jista’ jkollha tistaqsi, għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar konċentrazzjoni li tkun ġiet innotifikata lilha, lil numru kbir ta’ operaturi fis-suq ikkonċernat. Dan jirriżulta mis-setgħa ta’ talba għal informazzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 139/2004, li jipprevedi li, sabiex tkun tista’ twettaq id-dmirijiet mogħtija lilha fl-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista lil kull persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens tagħha biex tkun intervistata bil-għan li tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni.

52      It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li hija talbet lill-uffiċjal tas-seduta li tiġi rrikonoxxuta bħala terz interessat. Għalkemm il-proċess ta’ tali talba jista’ jikkostitwixxi indizju tar-rieda espressa mir-rikorrenti li tipparteċipa fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8871, dan ma jistax jiddefinixxi n-natura “attiva” tal-parteċipazzjoni tagħha, li trid tkun riflessa biss fl-azzjonijiet tar-rikorrenti li setgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura inkwistjoni.

53      Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li, għall-kuntrarju ta’ dak li kien ġie ddikjarat fid-deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta tas‑7 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet terminu għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-konċentrazzjoni M. 8871.

54      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jikkontradixxi dak li r-rikorrenti sostniet alternattivament, fil-kuntest tad-diversi kitbiet tagħha, jiġifieri li hija pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva relatata mal-konċentrazzjoni M.8871. Issa, ir-rikorrenti ma tistax issostni l-argument tagħha li hija pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura u, fl-istess ħin, tikkritika, għall-ewwel darba waqt is-seduta, lill-Kummissjoni li ma kinitx stabbilixxiet terminu għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet tagħha sabiex turi l-locus standi tagħha. Fil-fatt, skont il-prinċipju ġurisprudenzjali nemo potest venire contra factum proprium, imsejjaħ ukoll venire contra factum proprium non valet, ħadd ma jista’ jikkontesta dak li huwa jkun irrikonoxxa preċedentement (sentenzi tat‑22 ta’ April 2016, L‑Irlanda u Aughinish Alumina vs Il‑Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II, EU:T:2016:227, punt 192, u tas‑6 ta’ April 2017, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑219/14, EU:T:2017:266, punt 63; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Frar 2014, Marszałkowski vs UASI, C‑177/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:183, punt 73). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

55      It-tielet, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-konċentrazzjoni M.8871 u l-konċentrazzjoni M.8870 jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda u li l-Kummissjoni ttrattat dawn iż-żewġ konċentrazzjonijiet flimkien. Waqt is-seduta, hija ppreċiżat li kien biss meta hija rċeviet l-investigazzjoni tas-suq dwar il-konċentrazzjoni M.8871 li hija ressqet it-talba tagħha li tinstema’ lill-uffiċjal tas-seduta fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva relatata ma’ dik il-konċentrazzjoni.

56      Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, huwa irrilevanti, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li jiġi ddeterminat jekk il-konċentrazzjonijiet M.8870 u M.8871 jikkostitwixxux jew le konċentrazzjoni waħda jew kif ir-rikorrenti kienet fehmet il-mod kif il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tittratta dawn iż-żewġ konċentrazzjonijiet, peress li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar il-konċentrazzjoni M.8871, ħlief f’paġna waħda tal-preżentazzjoni tagħha tat‑3 ta’ Ottubru 2018.

57      Peress li r-rikorrenti ma pparteċipatx b’mod attiv fil-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8871, għandu jiġi kkunsidrat, barra minn hekk, fid-dawl tal-assenza ta’ ċirkustanza partikolari relatata mal-effett tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq.

58      Peress li r-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata, hija ma stabbilixxietx il-locus standi tagħha, u għalhekk ir-rikors tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

59      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, ta’ E.ON u ta’ RWE, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

60      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Enercity AG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Mejju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.