Language of document : ECLI:EU:T:2023:716

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

15 ta’ Novembru 2023 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward ta’ azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Kunċett ta’ ‘negozjant ewlieni’ – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għal smigħ – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ intrapriża – Proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawża T‑193/22,

OT, irrappreżentat minn J.-P. Hordies u C. Sand, avocats,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux, A. Boggio-Tomasaz u M.-C. Cadilhac, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IrRenju talBelġju, irrappreżentat minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża),

komposta minn D. Spielmann (Relatur), President, R. Mastroianni, M. Brkan, I. Gâlea u T. Tóth, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat id-digriet tat‑30 ta’ Mejju 2022, OT vs Il‑Kunsill (T‑193/22 R, mhux ippubblikat, EU:T:2022:307),

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ April 2022,

–        id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2022 li tilqa’ t-talba għall-anonimat tar-rikorrent u li tiċħad it-talba tiegħu għal proċedura mħaffa,

–        id-deċiżjoni tal‑25 ta’ Awwissu 2022 li tippermetti lir-Renju tal-Belġju jintervjeni insostenn tal-Kunsill,

–        in-nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑11 ta’ Novembru 2022,

–        id-dokumenti tar-rikorrent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2022 u inklużi fil-proċess,

–        id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2023 li ma jiġux inklużi fil-proċess dokumenti ġodda prodotti mir-rikorrent fl‑24 ta’ Jannar 2023,

wara s‑seduta tas‑26 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, OT, jitlob l-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87I, p. 44, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 66) (hawn taħt, meħuda flimkien, l-“atti inizjali”), u, min-naħa l-oħra, wara adattament tar-rikors, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) (hawn taħt, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti (hawn taħt, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernawh.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa.

3        Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

4        Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tar-“Repubblika Popolari ta’ Donetsk” u r-“Repubblika Popolari ta’ Luhansk” awtoproklamati, u ordna l-iskjerament tal-forzi armati Russi f’dawn iż-żoni.

5        Fit‑22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) ippubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea li tikkundanna dawn l-azzjonijiet, peress li kienu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt internazzjonali. Huwa ħabbar li l-Unjoni se tirreaġixxi għal dan l-aħħar ksur mill-Federazzjoni Russa billi tadotta b’mod urġenti miżuri restrittivi addizzjonali.

6        Fit‑23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta l-ewwel sensiela ta’ miżuri restrittivi. Dawn kienu jikkonċernaw, l-ewwel, restrizzjonijiet applikabbli għar-relazzjonijiet ekonomiċi mar-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern ta’ Donetsk u ta’ Lougansk, it-tieni, restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital, partikolarment il-projbizzjoni ta’ finanzjament tal-Federazzjoni Russa, tal-gvern tagħha u tal-bank ċentrali tagħha, u, it-tielet, iż-żieda ta’ membri tal-gvern, tal-banek, tan-negozjanti, ta’ ġenerali kif ukoll tat-336 membru tal-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (id-Duma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa) fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi suġġetti għal miżuri restrittivi.

7        Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina u l-forzi armati Russi attakkaw lill-Ukraina.

8        Fl-istess jum, ir-Rappreżentant Għoli ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bl-iktar mod qawwi possibbli l-“invażjoni mhux ipprovokata” tal-Ukraina mill-forzi armati Russi u indika li r-rispons tal-Unjoni jinkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali.

9        Fil-laqgħa straordinarja tiegħu tal-istess jum, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-intervent militari Russu fl-Ukraina filwaqt li qabel fil-prinċipju għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi u sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli.

10      Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta t-tieni sensiela ta’ miżuri restrittivi. Fl-istess data, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1), u min-naħa l-oħra, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal‑25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1), b’mod partikolari bil-għan li jiġu emendati l-kriterji li permezz tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi jistgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

11      L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, jipprevedi dan li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

d)      persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

[…]

g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

12      Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/145.

13      L-Artikolu 1(1)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata jippreskrivi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterji sostanzjalment identiċi għal dawk elenkati fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) ta’ din l-istess deċiżjoni.

14      Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendat bir-Regolament 2022/330, jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(a) sa (g) ta’ dan ir-regolament kif emendat jirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 2(1)(a) sa (g) tal-imsemmija deċiżjoni.

15      F’dan il-kuntest, permezz tal-atti inizjali, il-Kunsill żied isem ir-rikorrent fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi li kienu jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”).

16      Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi kontenzjużi huma s-segwenti:

“[Ir-rikorrent] huwa azzjonist kbir fil-konglomerat Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja. Huwa meqjus li huwa wieħed mill-iktar persuni ewlenin fir-Russja. Huwa għandu rabtiet stabbiliti sew mal-president Russu. It-tifla l-kbira ta’ Vladimir Putin, Maria, mexxiet proġett tal-karità, Alfa-Endo, li kien iffinanzjat minn Alfa Bank. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group lejn l-awtoritajiet Russi billi pprovda għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group.

Għalhekk huwa pprovda sostenn materjali jew finanzjarju attiv lil dawk responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-annessjoni tal-Krimea jew tad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, u jibbenefika mill-imsemmija responsabbli Russi. Huwa wkoll negozjant ewlieni Russu involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.”

17      Fis‑16 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, (ĠU 2022, C 121I, p. 1). Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li l-persuni kkonċernati jistgħu jressqu talba quddiem il-Kunsill għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi annessi mal-imsemmija atti, billi jehmżu magħha dokumenti ta’ sostenn.

18      Permezz ta’ ittri tal‑5 u tat‑8 ta’ April 2022, ir-rikorrent talab lill-Kunsill il-komunikazzjoni tal-fajl li fuqu kienet ibbażata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

19      Fit‑13 ta’ April 2022, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent il-fajl WK 3073/2022 kollu (iktar ’il quddiem il-“fajl tal-provi”), li fuqu huwa kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu.

20      Fl‑14 ta’ April, fit‑30 ta’ Mejju, fis‑7 ta’ Ġunju, fil‑5 ta’ Lulju u fit‑18 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill, fejn talabu b’mod partikolari li jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li ismu jiġi inkluż fil-listi kontenzjużi u li jinstema’.

21      Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma. Minn dawn l-atti jirriżulta li l-miżuri restrittivi individwali applikabbli għar-rikorrent kienu estiżi sal‑15 ta’ Marzu 2023 għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fl-atti inizjali (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

22      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill indika b’mod partikolari lir-rikorrent li l-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittri tiegħu tal‑14 ta’ April, tat‑30 ta’ Mejju, tas‑7 ta’ Ġunju, tal‑5 ta’ Lulju u tat‑18 ta’ Awwissu 2022 ma kinux jikkontestaw l-evalwazzjoni tiegħu dwar in-neċessità li jinżammu l-miżuri restrittivi inkwistjoni. Il-Kunsill indika wkoll li, fid-dawl tax-xebh tal-argumenti, huwa għamel riferiment għall-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kuntest tal-proċeduri għall-miżuri provviżorji u f’din il-kawża. Minn dan huwa kkonkluda li isem ir-rikorrent kellu jinżamm fil-listi kontenzjużi.

23      Fil‑15 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, C 353I, p. 1).

24      Fl‑1 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid.

 Ittalbiet talpartijiet

25      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi għal annullament;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

27      Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors għal annullament.

 Fiddritt

28      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem, permezz tal-eċċezzjoni, l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(d) u (g) tar-Regolament 2022/330. Barra minn hekk, huwa jinvoka motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl‑20 ta’ Novembru 1989, u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni. Fil-kuntest tan-nota ta’ adattament, huwa jinvoka wkoll motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

29      Waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li kien qiegħed jirrinunzja li jinvoka l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll l-argumenti dwar il-ħajja privata u tal-familja, fatt li ġie nnotat.

 Fuq lillegalità, imqajma permezz taleċċezzjoni, tal-Artikolu 1(d) u (g) tarRegolament 2022/330, li twassal għal ksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fittrattament, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba

30      Ir-rikorrent isostni, prinċipalment, li l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ test illegali, minħabba li r-Regolament Nru 269/2014 kif emendat jippermetti lill-Kunsill jinkludi fil-listi kontenzjużi l-ismijiet ta’ persuni ta’ nazzjonalità Russa li ma għandhom ebda rabta mar-reġim suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, bl-iskuża li dawn huma, permezz tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, sors ta’ dħul għall-Gvern Russu. Huwa jinvoka ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba. L-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ test illegali għandha għalhekk tiġi annullata. Fir-replika, huwa jsostni li l-Kunsill eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod selettiv u għaldaqstant diskriminatorju, skont in-nazzjonalità jew is-setturi ekonomiċi kkonċernati. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, il-Kunsill kellu jkun f’pożizzjoni li jiġġustifika kif il-ħolqien tal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 1(d) u (g) tar-Regolament 2022/330 kellu l-effett li jirrimedja l-ineffettività tal-miżuri adottati sa mill‑2014 u li juri n-natura neċessarja, xierqa u mhux sostitwibbli tagħhom. Fin-nota ta’ adattament, huwa jenfasizza t-tħassir tar-rabta bejn is-sitwazzjoni fl-Ukraina u r-rwol tal-persuni fiżiċi ssanzjonati fil-kriterji stabbiliti mill‑2022 kif ukoll il-ħtieġa ta’ stħarriġ ġudizzjarju ikbar li jirriżulta minn dan.

31      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

32      Skont l-Artikolu 277 TFEU, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li ddaħħal inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

33      L-Artikolu 277 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija għaldaqstant tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom. L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu japplika, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li hija s-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza kostanti, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-Trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa speċifikament trattat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Jibqa’ l-fatt li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-regoli ta’ portata ġenerali li jiddefinixxu dawn il-kriterji u dawn il-modalitajiet, bħad-dispożizzjonijiet tal-atti kkontestati li jipprevedu l-kriterji kontenzjużi msemmija f’dan il-motiv, huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, li huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball ta’ liġi kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punti 44 u 45, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 149 (mhux ippubblikata)).

36      F’dan il-każ, mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3(1)(d) u (g) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat jirriżulta li huma ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi “[tal-]persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw b’mod attiv, materjalment jew finanzjarjament, jew li jibbenefikaw minn dawk ir-Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna” (Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat) (iktar ’il quddiem il-“kriterju (d)”) u “[tan-]negozjanti jew [tal-]persuni ġuridiċi, [tal-]entitajiet jew korpi ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna” (Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat) (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g)”).

37      Ir-rikorrent isostni li l-kriterji (d) u (g) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il- “kriterji kkontestati”), applikati f’dan il-każ, jiksru l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba.

38      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 135).

39      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji kkontestati ma jirrigwardawx biss lil ċittadini Russi jew lil ċerti setturi ekonomiċi, iżda lil kull persuna li tagħti sostenn materjali jew finanzjarju lil dawk responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u lil kull persuna fiżika ewlenija fis-sens tal-kriterji applikabbli. Kif jindika l-Kunsill, iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni jistgħu wkoll ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

40      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-Kunsill naqas milli jadotta miżuri restrittivi fir-rigward ta’ ċerti persuni jew ta’ ċerti entitajiet li jissodisfaw il-kriterji kontenzjużi, eżerċita s-setgħa tiegħu b’mod diskriminatorju u naqas milli jeżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha relatati ma’ dawn il-persuni jew ma’ dawn l-entitajiet, tali argumenti jaqgħu taħt l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti fir-rigward tal-legalità tal-kriterju inkwistjoni.

41      B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

42      Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (ara, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il‑Kunsill, C‑585/13 P, EU:C:2015:145, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li l-kriterji kkontestati ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, għar-raġuni, essenzjalment, li huma ddefiniti f’termini wisq ġenerali.

44      Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fir-rigward tal-kriterju (d), mit-test stess tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat jirriżulta mingħajr ambigwità li l-imsemmi kriterju jirrigwarda b’mod immirat u selettiv il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li, anki jekk ma għandhom, bħala tali, l-ebda rabta mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, jagħtu sostenn materjali jew finanzjarju lil dawk responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-imsemmija destabbilizzazzjoni, jew jibbenefikaw minn l-imsemmija responsabbli Russi. Il-kriterju (d) huwa għalhekk kompost minn żewġ elementi, jiġifieri s-sostenn materjali jew finanzjarju lil dawk responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina u l-fatt li jinkiseb vantaġġ minn dawn ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, fejn dawn iż-żewġ elementi ma humiex kumulattivi. Barra minn hekk, dan il-kriterju ma jirrikjedix li l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jiksbu vantaġġ personali mill-annessjoni tal-Krimea jew mid-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Huwa biżżejjed li huma jiksbu vantaġġ minn wieħed mir-“responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet” responsabbli minn dawn il-ġrajjiet, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn il-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw il-persuni indikati u l-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 87).

45      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kriterju (g), il-formulazzjoni tiegħu tirreferi b’mod suffiċjentement ċar u preċiż b’mod partikolari għan-negozjanti ewlenin li għandhom attività f’setturi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu. Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan il-kriterju, għandu jiġi kkunsidrat li l-persuni kkonċernati għandhom jitqiesu bħala ewlenin minħabba l-importanza tagħhom fis-settur li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom u tal-importanza li dan is-settur għandu għall-ekonomija Russa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157).

46      Barra minn hekk, il-kriterju (g) jaqa’ f’kuntest legali ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri n-neċessità, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż. Minn din il-perspettiva, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma konformi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 21(2)(c) TUE tal-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco (l-Istati Uniti) fis‑26 ta’ Ġunju 1945 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 115 u 123; tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 59, u tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 163).

47      Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kunsill mill-kriterji kkontestati hija bbilanċjata minn obbligu ta’ motivazzjoni u minn drittijiet proċedurali msaħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li l-kriterji kkontestati jissodisfaw il-livell ta’ prevedibbiltà meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.

49      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterju (g), kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, teżisti rabta loġika bejn, minn naħa, il-fatt li n-negozjanti ewlenin li joperaw fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern jiġu mmirati, fid-dawl tal-importanza li dawn is-setturi għandhom għall-ekonomija Russa, u, min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi mfittxija f’dan il-każ, li huwa li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent dwar it-tħassir tar-rabta bejn is-sitwazzjoni fl-Ukraina u r-rwol tal-persuni fiżiċi suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

51      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

52      Fit-tielet lok, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jimplika l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il‑Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 58, u tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Arbuzov vs Il‑Kunsill, T‑258/17, EU:T:2018:331, punt 61), ma huwiex sostnut mod ieħor u għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

53      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent, fir-replika, jikkritika lill-Kunsill li ma kienx f’pożizzjoni li jiġġustifika kif il-kategoriji ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(d) u (g) tar-Regolament 2022/330 għandhom l-effett li jirrimedjaw l-ineffettività tal-miżuri adottati sa mill‑2014 u li juru n-natura neċessarja, xierqa u mhux sostitwibbli tagħhom.

54      Madankollu, kif jenfasizza l-Kunsill, mingħajr ma dan ġie invalidat mir-rikorrent waqt is-seduta, dan huwa argument li ma tqajjimx fir-rikors. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprojbixxi l-preżentata, fil-mori tal-kawża, ta’ motivi ġodda li ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

55      Barra minn hekk, il-legalità tal-miżuri restrittivi ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-effetti immedjati tagħhom, iżda teħtieġ biss li dawn ma jkunux manifestament inadegwati fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 97). Għaldaqstant, il-Kunsill bl-ebda mod ma kien obbligat juri li l-kriterji kkontestati kienu ta’ natura li jirrimedjaw l-allegata ineffettività tal-miżuri adottati sa mill-2014.

56      Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent li jikkontesta n-natura neċessarja u xierqa tal-kriterji kontenzjużi, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi jwettqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52).

57      Barra minn hekk, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fihom huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi u hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77).

58      F’dan il-każ, il-kriterji kontenzjużi, kif interpretati fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u storiku li fih ġew adottati, ma jidhrux bħala manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi, imfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq, tal-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi kif ukoll tas-sigurtà u tal-istabbiltà Ewropea u dinjija.

59      Fl-aħħar, l-ilmenti tar-rikorrent li huwa jenfasizza li ismu huwa inkluż fil-listi kontenzjużi biss minħabba l-kwalità tiegħu ta’ azzjonist ta’ Alfa Bank u l-klassifikazzjoni ta’ Alfa Bank bħala kontribwent kbir tar-Russja, fatt li huwa jikkontesta, jaqgħu taħt l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tiegħu u, għaldaqstant, taħt l-eżami tal-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni.

60      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

61      Ir-rikorrent isostni, l-ewwel, li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma kinitx tippermettilu jiddetermina bi preċiżjoni liema “tranżazzjonijiet kontenzjużi” kienu inkwistjoni u jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu. It-tieni, il-motivazzjoni ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-Kunsill eżamina bir-reqqa l-motivi tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u fir-realtà hija purament formali. Huwa jżid, fir-replika, li l-motivazzjoni tal-atti ma hijiex sostnuta u li hija ineżatta. Fin-nota ta’ adattament, ir-rikorrent isostni li l-atti li jżommu ismu fil-listi kontenzjużi ma jippermettux li jiġu identifikati r-raġunijiet għal tali żamma f’Settembru 2022, filwaqt li s-sitwazzjoni kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tar-Regolament inizjali tal‑2014. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda bilanċ tal-impatt tal-miżuri jew evalwazzjoni aġġornata. Bl-istess mod, l-ittra tal‑15 ta’ Settembru 2022 li permezz tagħha l-Kunsill ċaħad it-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid ma tinkludi ebda motivazzjoni li tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għaż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

62      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

63      Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49).

64      Il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ dan l-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. B’mod partikolari ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u lanqas li tissodisfa b’mod iddettaljat il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-parti kkonċernata meta din tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni tal-att innifsu, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Bħala konsegwenza, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53; ara, wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK, C‑46/19 P EU:C:2021:316, punt 48 u ġurisprudenza ċċitata).

65      Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu ta’ żmien li fihom għandu jseħħ (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċarat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, il-miżuri kontenzjużi ġew adottati abbażi tal-atti kkontestati li, kemm għall-atti inizjali kif ukoll għall-atti ta’ żamma, jippreċiżaw il-kuntest, fil-qafas tal-premessi rispettivi tagħhom, u l-bażijiet legali li fuqhom ġew adottati.

68      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kif imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lir-rikorrent jifhem ir-raġunijiet li għalihom ismu ġie inkluż, u sussegwentement miżmum, fil-listi kontenzjużi.

69      F’dan ir-rigward, l-argument li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma kinitx tippermettilu jiddetermina bi preċiżjoni liema “tranżazzjonijiet kontenzjużi” kienu jirrigwardah ma jinvalidax din il-konstatazzjoni, peress li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti qabel l-adozzjoni ta’ att ta’ żamma ta’ ismu fil-lista kontenzjuża. Bl-istess mod, fid-dawl tal-motivazzjoni użata, l-argument li hija purament formali għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-motivazzjoni tinkludi biżżejjed elementi fattwali u preċiżjonijiet sabiex tippermetti lir-rikorrent jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

70      L-argumenti tar-rikorrent li l-motivazzjoni tal-Kunsill hija ineżatta jew mhux sostnuta jaqgħu taħt il-legalità fil-mertu u ma humiex rilevanti fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-istess japplika għall-argument li ebda bilanċ tal-impatt tal-miżuri jew ebda evalwazzjoni aġġornata ma kienet twettqet.

71      Fl-aħħar, ir-rikorrent isostni, fin-nota ta’ adattament, li l-atti ta’ żamma ma jippermettux li jiġu identifikati r-raġunijiet għal tali żamma.

72      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 20 u 22 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, wara eżami tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent, ikkunsidra li, minħabba x-xebh tal-argumenti, l-osservazzjonijiet preċedenti tiegħu fil-kuntest ta’ din il-kawża kienu applikabbli.

73      Dan ifisser b’mod ċar biżżejjed li r-raġunijiet għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi huma l-istess bħal dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tiegħu, mingħajr ma, sitt xhur wara, tkun meħtieġa motivazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, lanqas ma huwa meħtieġ li l-motivazzjoni tal-atti ta’ żamma twieġeb b’mod iddettaljat għall-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata waqt il-konsultazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tal-istess att.

74      Ulterjorment, l-argument li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/1529 jirreferi għar-Regolament Nru 269/2014, filwaqt li, skont ir-rikorrent, is-sitwazzjoni kienet inbidlet, huwa marbut mal-fondatezza tal-motivi u ma huwiex effettiv fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-premessi tad-Deċiżjoni 2022/1530 huma bbażati fuq it-tkomplija tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukraina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/1529 sempliċement adatta l-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 sabiex jagħmlu konformi mal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145, wara l-emenda ta’ din tal-aħħar bid-Deċiżjoni 2022/1530.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-atti kkontestati jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jikkostitwixxu, skont l-awtur tagħhom, il-bażi tagħhom.

76      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilmotiv ibbażat fuq ksur taddrittijiet taddifiża u taddritt għal smigħ

77      Ir-rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, minħabba li ma rċeviex fil-ħin ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. Huwa jsostni li l-Kunsill ma nnotifikahx individwalment bl-atti kkontestati, iżda ppubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, filwaqt li l-indirizz tiegħu kien magħruf mill-awtoritajiet Franċiżi. Huwa jenfasizza li t-talba tiegħu għal smigħ magħmula mingħajr l-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Ġunju 2022 baqgħet mingħajr risposta. Huwa jżid, fin-nota ta’ adattament, li l-Kunsill kellu jgħarrfu bir-raġunijiet għaż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ dokument ġdid fil-kontroreplika tikser id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

78      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

79      Għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu, madankollu, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnu, sa fejn din il-limitazzjoni kkonċernata tkun prevista mill-liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet iddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża setgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet jew għal derogi, u dan partikolarment fil-qasam tal-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organisation of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għandu jitfakkar ukoll li l-qorti tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ isem din il-persuna fl-imsemmija listi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2015, Al-Chihabi vs Il‑Kunsill, T‑593/11, EU:T:2015:249, punt 40).

84      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandu jiġi evalwat dan il-motiv.

 Dwar latti inizjali

85      L-ewwel, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kellu jikkomunikalu l-atti inizjali permezz ta’ notifika diretta.

86      F’dan il-każ, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienet is-suġġett ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tas‑16 ta’ Marzu 2022 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata, minn naħa, u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat, min-naħa l-oħra, jipprevedu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u l-espożizzjoni tal-motivi lill-persuna li hija s-suġġett tal-miżuri restrittivi “sew direttament, jekk l-indirizz hu magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, billi l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet”.

88      Sussegwentement, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, jekk komunikazzjoni individwali ta’ dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet hija, fil-prinċipju, meħtieġa, u jekk is-sempliċi pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ma tkunx biżżejjed, madankollu għandha tkun il-Qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi, f’kull każ, jekk il-fatt li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma nġabux għall-konoxxenza tar-rikorrent individwalment kellhiex bħala konsegwenza li ċċaħħad lir-rikorrent mill-possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jevalwa l-fondatezza tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi adottati fir-rigward tiegħu (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il‑Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 48, u tat‑22 ta’ Settembru 2021, Al-Imam vs Il‑Kunsill, T‑203/20, EU:T:2021:605, punt 102; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 56).

89      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill jista’ jitqies li ma kienx impossibbli għalih li jikkomunika individwalment ma’ persuna fiżika jew ġuridika jew ma’ entità, att li jinvolvi miżuri restrittivi li jikkonċernawha kemm meta l-indirizz ta’ din il-persuna jew entità ma jkunx pubbliku u ma ngħatatx lilu, kif ukoll meta l-komunikazzjoni mibgħuta fl-indirizz li l-Kunsill kellu ma waslitx, minkejja l-isforzi li wettaq, bid-diliġenza kollha rikjesta, sabiex iwettaq tali komunikazzjoni (sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 61, u tat‑22 ta Settembru 2021, Al-Imam vs Il‑Kunsill, T‑203/20, EU:T:2021:605, punt 103).

90      F’dan il-każ, il-Kunsill isostni li huwa ma kellux l-indirizz tar-rikorrent.

91      Issa, ir-rikorrent ma pproduċiex indizji intiżi sabiex juru li l-Kunsill kellu l-indirizz tiegħu, kemm jekk kien personali jew professjonali, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, jew għaliex l-imsemmi indirizz kien ingħatalu, jew għaliex kien pubbliku. F’dan ir-rigward, il-fatt invokat mir-rikorrent li l-awtoritajiet Franċiżi kellhom l-indirizz tiegħu għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet Franċiżi seta’ jkollhom l-indirizz tiegħu ma tinvalidax il-konstatazzjoni li, fid-data tal-imsemmija atti, il-Kunsill ma kellux dan.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument li l-Kunsill kellu jikkomunika lir-rikorrent l-atti inizjali permezz ta’ notifika diretta għandu jiġi miċħud.

93      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tal-atti inizjali, għalkemm tinċidi fuq il-mument li fih beda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors, ma tiġġustifikax waħedha, l-annullament tal-atti inkwistjoni. Issa, ir-rikorrent ma jressaq ebda argument li jista’ juri li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ kommunikazzjoni individwali ta’ dawn l-atti rriżultat fi ksur tad-drittijiet tiegħu li jiġġustifika l-annullament tagħhom sa fejn jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, VTB Bank vs Il‑Kunsill, T‑734/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:542, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      It-tieni, ir-rikorrent isostni li huwa ma rċeviex fil-ħin ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

95      Madankollu, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, wara l-avviż ippubblikat fis‑16 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent talab lill-Kunsill, permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ April 2022, jikkomunikalu d-dokumenti li jissostanzjaw l-imsemmija inklużjoni, ħaġa li l-Kunsill għamel permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2022. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ April 2022, l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ġew indirizzati lill-Kunsill.

96      Għaldaqstant, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għandha tiġi kkunsidrata f’dan il-każ bħala li saret fi żmien xieraq, sa fejn din ippermettiet lir-rikorrent li jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu fir-rigward tar-raġunijiet meqjusa fir-rigward tiegħu.

97      It-tielet, għandu jitfakkar li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-persuni kkonċernati d-dritt għal smigħ, peress li l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub hija suffiċjenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’ s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 93; tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 105, u tal‑10 ta’ Novembru 2021, Alkattan vs Il‑Kunsill, T‑218/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:765, punt 64).

98      F’dan il-każ, wara li rċieva, fit‑13 ta’ April 2022, il-fajl kollu tal-provi, ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill fl‑14 ta’ April, fit‑30 ta’ Mejju, fis‑7 ta’ Ġunju, fil‑5 ta’ Lulju u fit‑18 ta’ Awwissu 2022. Huwa seta’ wkoll jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll talba għal miżuri provviżorji, b’mod issostanzjat.

99      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrent mill-Kunsill ma ppreġudikax id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

 Dwar latti ta’ żamma

100    Ir-rikorrent isostni, fin-nota ta’ adattament, li l-Kunsill kellu jgħarraf lilu, qabel iż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, bir-raġunijiet għall-imsemmija żamma.

101    Għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi li permezz tagħha l-isem ta’ persuna jew ta’ entità li jkun diġà jinsab fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati jinżamm f’din il-lista, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi inkriminanti kif ukoll mill-opportunità għal smigħ mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Boshab vs Il‑Kunsill, T‑107/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:583, punt 78; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).

102    Id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tal-atti li jżommu l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fuq lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi huwa meħtieġ meta l-Kunsill ikun żamm, fid-deċiżjoni li żżomm l-inklużjoni ta’ ismu f’din il-lista, provi ġodda kontra din il-persuna, jiġifieri provi li ma tteħdux inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni tal-isem tiegħu f’din l-istess lista (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Madankollu, meta ż-żamma ta’ isem il-persuna jew l-entità kkonċernata f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi tkun ibbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda fil-konfront tagħha, il-Kunsill ma huwiex obbligat, sabiex jirrispetta d-dritt għal smigħ tagħha, li jikkomunikalha mill-ġdid il-provi inkriminanti (sentenzi tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punti 32 u 33, u tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑479/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:383, punt 85).

104    Issa, f’dan il-każ, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid minħabba li l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ma kinux jikkontestaw l-evalwazzjoni tiegħu li kienu jeżistu raġunijiet suffiċjenti għaż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. Barra minn hekk, fid-dawl tax-xebh tal-argumenti, il-Kunsill irrefera għall-osservazzjonijiet tiegħu fil-kawżi għal miżuri provviżorji li jikkonċernaw lir-rikorrent (Kawżi T‑193/22 R u C‑526/22 P (R)) u għar-risposta f’din il-kawża.

105    B’dan il-mod, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi għall-istess raġunijiet bħal dawk li kienu ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti inizjali, mingħajr ma ġew ikkunsidrati provi ġodda fil-konfront tiegħu.

106    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma kienx obbligat, sabiex jirrispetta d-dritt għal smigħ tiegħu, li jikkomunikalu mill-ġdid il-provi użati kontra tiegħu.

107    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, kif isostni l-Kunsill, l-artiklu tal-ġurnal Le Monde diplomatique ta’ Settembru 2019 dwar il-korruzzjoni fir-Russja ġie prodott fil-kontroreplika b’risposta għal argument tar-replika u mhux bħala motivazzjoni a posteriori. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dan ir-rigward.

108    Għal din ir-raġuni, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilmotiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni infondata

109    Mill-motivazzjoni tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi jirriżulta li huwa suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni skont il-kriterji kkontestati.

110    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent, l-ewwel, jikkontesta l-valur probatorju tal-provi prodotti insostenn tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u, it-tieni, iqajjem in-natura manifestament żbaljata tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati.

111    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa rilevanti li tibda bl-eżami ta’ dawn iż-żewġ partijiet fid-dawl tal-kriterju (g).

 Fuq lewwel parti, ibbażata fuq lassenza ta’ valur probatorju talprovi prodotti insostenn tal-kriterju (g)

112    Ir-rikorrent jikkontesta l-valur probatorju tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl tal-provi tal-Kunsill. Huwa jsostni li l-artikli tal-istampa prodotti mill-Kunsill ma għandhomx data jew għandhom iktar minn 17-il sena jew li l-awtur tagħhom ma huwiex magħruf. Huwa jikkontesta l-kredibbiltà tagħhom u jenfasizza li l-ebda verifika tal-plawżibbiltà tagħhom ma saret permezz ta’ sovrappożizzjonijiet ma’ sorsi oħra minn awtoritajiet uffiċjali.

113    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

114    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-qorti tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex kredibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tħejjija tiegħu kif ukoll dawk tad-destinatarju tiegħu, u jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 95 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, artikli tal-istampa, rapporti tas-servizzi sigrieti jew sorsi oħra ta’ informazzjoni simili (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2018, Kim et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑533/15 u T‑264/16, EU:T:2018:138, punt 107, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 59).

116    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt li fiha huma involuti l-Federazzjoni Russa u l-Ukraina tirrendi fil-prattika partikolarment diffiċli l-aċċess għal ċerti sorsi, l-indikazzjoni espressa tas-sors primarju ta’ ċerta informazzjoni kif ukoll l-eventwali ġbir ta’ testimonjanzi minn persuni li jaċċettaw li jiġu identifikati. Id-diffikultajiet ta’ investigazzjoni li jsegwu jistgħu għalhekk jikkontribwixxu sabiex jipprekludu l-produzzjoni ta’ provi preċiżi u ta’ informazzjoni oġġettiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 46, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, Al Zoubi vs Il‑Kunsill, T‑257/19, EU:T:2021:819, punt 73).

117    F’dan il-każ, sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi fid-dawl tal-kriterju (g), il-Kunsill ibbaża ruħu fuq artiklu mfassal fis‑6 ta’ April 2018 fuq sit ta’ aħbarijiet Amerikan, id-Daily Beast, redatt minn storiku tal-Istati Uniti (prova Nru 1). L-argument tar-rikorrent li dawn il-kroniċi kienu intiżi sabiex jużaw kamp ġdid ta’ blogs satiriċi u popolari lejliet l-elezzjoni fl-Istati Uniti ma jistax ineħħi kull valur probatorju minn dan id-dokument.

118    L-artiklu estratt mis-sit internet “astral.ru” (prova Nru 2), għalkemm mhux datat, fih sottotitolu li juri li jikkonċerna l-ikbar kontribwenti tar-Russja fl‑2020. Barra minn hekk, anki jekk, kif jindika r-rikorrent, dan huwa s-sit kummerċjali ta’ fornitur Russu ta’ servizzi diġitali, huwa jirreferi għal digriet tas-Servizz Federali tat-Taxxi Russu u jindika l-kriterji li permezz tagħhom organizzazzjoni hija kkunsidrata fost l-ikbar kontribwenti. Huwa żied lista tal-ikbar kontribwenti Russi fl‑2020. Minn dan isegwi li l-valur probatorju ta’ dan l-artiklu, li jiċċita s-sorsi tiegħu u l-elementi verifikabbli li fuqhom huwa bbażat, ma jistax jiġi skartat.

119    L-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “banki.ru” fit‑30 ta’ Awwissu 2018 (prova Nru 3) jirreferi għall-klassifikazzjoni tar-rivista Forbes li tikkonċerna r-Russi l-iktar ewlenin. Anki jekk dan huwa sors sekondarju, huwa jiċċita s-sors tiegħu bħala l-klassifikazzjoni ta’ influwenza ta’ Forbes 2018 u għalhekk il-valur probatorju tagħha ma jistax jiġi kkontestat.

120    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, fid-dawl tal-kuntest li jikkaratterizza s-sitwazzjoni tar-Russja u fin-nuqqas ta’ setgħat investigattivi tal-Kunsill f’pajjiżi terzi (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 115 u 116 iktar ’il fuq), il-valur probatorju tad-dokumenti tal-fajl tal-provi ma jistax jiġi eskluż.

 Fuq ittieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni “manifestament” żbaljata talfatti firrigward talkriterju (g)

121    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv għandu jitqies li huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li l-Kunsill għandu ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jiddetermina każ b’każ jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 70 u ġurisprudenza ċċitata).

122    Sussegwentment, għandu jitfakkar li, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement soda. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jew, minn tal-inqas, wieħed minnhom li jitqies li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

123    Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, u tat‑3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 57).

124    L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura restrittiva u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li, f’dan il-każ, kienet teżisti bażi fattwali solida biżżejjed li tista’ tiġġustifika, minn naħa, l-inklużjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi.

126    Qabel kollox, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti supplimentari prodotti mir-rikorrent.

–       Fuq lammissibbiltà taddokumenti supplimentari prodotti mirrikorrent

127    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, eċċezzjonalment, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

128    F’dan il-każ, ir-rikorrent ipproduċa ħames dokumenti supplimentari fid‑19 ta’ Diċembru 2022, u ġġustifikaw it-tardività tagħhom billi indika li kien qiegħed ikompli bl-istruttorja ta’ kuljum tal-fajl tiegħu u kien qiegħed jirrispondi għall-argumenti tal-Kunsill.

129    Il-Kunsill isostni li dawn il-provi huma tardivi u għalhekk inammissibbli kif ukoll, fi kwalunkwe każ, mhux rilevanti.

130    L-ewwel dokument supplimentari huwa dikjarazzjoni datata 9 ta’ Diċembru 2022 mill-awdituri ta’ ABH Holdings SA u t-tieni dokument supplimentari huwa dikjarazzjoni datata 16 ta’ Diċembru 2022, maħruġ mill-uffiċċju tal-avukati tal-imsemmija kumpannija. Dawn id-dokumenti jsemmu b’mod partikolari l-kwalità ta’ azzjonist minoritarju tar-rikorrent, ftehim dwar it-trasferiment tal-ishma tiegħu f’ABH Holdings lejliet l-adozzjoni tal-atti kkontestati ta’ Marzu 2022 u l-istruttura azzjonarja ta’ din il-kumpannija. Dawn il-provi għalhekk iwasslu informazzjoni li r-rikorrent kellu neċessarjament għarfien tagħha fi stadju preċedenti. Issa, ir-rikorrent ma indikax li ma kienx f’pożizzjoni li jikseb il-produzzjoni tagħha fi stadju preċedenti tal-proċedura u għal liema raġuni huwa ma kienx f’pożizzjoni li jikseb il-produzzjoni tagħha. Il-fatt li huwa indika li kien qiegħed ikompli bl-istruttorja ta’ kuljum tal-fajl tiegħu ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika l-produzzjoni tardiva tagħhom fis-sens tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

131    It-tielet dokument supplimentari jinkludi xhieda tat‑28 ta’ Marzu 2022, filwaqt li r-raba’ u l-ħames dokument supplimentari jinkludu xhieda tal‑1 ta’ April 2022. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti setgħu jiġu prodotti fl-anness tar-replika, tad‑19 ta’ Awwissu 2022, u anki fl-anness tar-rikors, tal‑15 ta’ April 2022.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrent ma ġġustifikax, fis-sens tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni tardiva ta’ dawn il-provi supplimentari. Għaldaqstant, dawn l-elementi huma inammissibbli u mhux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżami ta’ dan il-motiv.

–       Fuq linklużjoni inizjali

133    Ir-rikorrent isostni li huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-kriterju (g), li jirrigwarda, fil-fehma tiegħu, ċirku ristrett ta’ negozjanti ewlenin li huma l-favoriti tal-President Putin u li jipprovdu sostenn lir-reġim Russu, li ma huwiex il-każ tiegħu. Ebda wieħed mid-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-provi ma jippermetti li jiġi konkluż li huwa negozjant ewlieni. Huwa jikkontesta wkoll il-kunċett ta’ “persuna ewlenija” adottat mill-Kunsill, li ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-importanza tal-persuna mingħajr ma jkun hemm lok li wieħed jitħasseb dwar ir-rabtiet mill-qrib tagħha mar-reġim politiku kkonċernat. Huwa jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-edizzjoni Russa ta’ Forbes billi jenfasizza li ċerti negozjanti huma msemmija fiha mingħajr madankollu ma ġew issanzjonati. Huwa jżid li ma jissodisfax id-definizzjoni ta’ oligarka fid-dritt Ukrain.

134    Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-konfużjoni li saret bejnu u l-entità Alfa Bank meta huwa qatt ma kellu rwol eżekuttiv f’din l-entità, li tagħha huwa kien azzjonist minoritarju ta’ 16.3 %, mingħajr lanqas minoranza li timblokka, u li huwa rriżenja minnha waqt l-adozzjoni tal-atti inizjali. Alfa Bank kien jeżerċita attività regolari fir-Russja mingħajr madankollu ma jappoġġja l-attivitajiet tar-reġim. Huwa jenfasizza li l-kunċett ta’ “influwenza” ma huwiex limitat għas-sempliċi żamma ta’ sehem f’kumpannija tal-pajjiż ikkonċernat mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni eżekuttiva jew is-sehem maġġoritarju. Issa, huwa ma kienx jeżerċita kontroll u ma kienx benefiċjarju effettiv fl-ebda entità tal-Alfa Group.

135    (Kunfidenzjali) (1).

136    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

137    Għandu jitfakkar li isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi kontenzjużi abbażi tal-kriterju (g), minħabba li “huwa azzjonist kbir fil-konglomerat Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja [u li h]uwa meqjus li huwa wieħed mill-iktar persuni ewlenin fir-Russja”.

138    Għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju (g) juża l-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” flimkien mal-eżerċizzju ta’ “[attività li tfisser li dawn in-negozjanti huma] involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern [Russu]”, mingħajr kundizzjoni oħra li tikkonċerna rabta, diretta jew indiretta, mal-imsemmi gvern. L-għan imfittex minn dan il-kriterju huwa fil-fatt li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż.

139    F’dan ir-rigward, kif tfakkar qabel (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), teżisti rabta loġika bejn il-fatt li jiġu mmirati n-negozjanti ewlenin li għandhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern Russu, minn naħa, u l-għan tal-miżuri restrittivi f’dan il-każ, li huwa li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa kif ukoll li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157).

140    Madankollu, xejn fil-premessi jew fid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/145 u tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendati ma jippermetti li jiġi konkluż li huwa l-Kunsill li għandu juri l-eżistenza ta’ rabta stretta jew ta’ interdipendenza bejn, minn naħa, il-persuna li isimha huwa inkluż fil-listi kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, il-Gvern Russu jew l-azzjonijiet tiegħu li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

141    Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, mill-ġurisprudenza dwar il-kriterju tan-“negozjant ewlieni” applikat fil-kuntest tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana ma jistax jiġi dedott li l-kunċett ta’ “negozjant ewlieni”, użat fil-kuntest tal-kriterju applikat f’dan il-każ, jimplika l-obbligu għall-Kunsill li juri l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib jew ta’ interdipendenza mal-Gvern Russu.

142    Tali interpretazzjoni tmur kontra mhux biss il-formulazzjoni tal-kriterju (g), iżda wkoll l-għan imfittex.

143    Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-kriterju (g), kif tfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-persuni kkonċernati għandhom jitqiesu bħala ewlenin minħabba l-importanza tagħhom fis-settur li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom u tal-importanza li dan is-settur għandu għall-ekonomija Russa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin”, għandu għalhekk jinftiehem bħala li jirrigwarda l-importanza ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istatus professjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-propjetà kapitalistika tagħhom jew tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom huma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet.

144    Min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ma huwiex li jiġu ssanzjonati ċerti persuni jew ċerti entitajiet minħabba r-rabtiet tagħhom mas-sitwazzjoni fl-Ukraina jew minħabba r-rabtiet tagħhom mal-Gvern Russu, iżda, kif tfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq, li jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Federazzjoni Russa, sabiex tiżdied il-pressjoni fuqha kif ukoll l-ispiża tal-azzjonijiet tagħha intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tintemm, kemm jista’ jkun malajr, l-aggressjoni mġarrba minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 160).

145    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-kriterju (g) ma jimplikax, għall-Kunsill, li juri l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib jew ta’ relazzjoni ta’ interdipendenza mal-Gvern Russu. Lanqas ma jiddependi fuq imputabbiltà lir-rikorrent tad-deċiżjoni ta’ tkomplija tal-aggressjoni militari tal-Ukraina jew fuq rabta diretta jew indiretta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, kif sostnut fin-nota ta’ adattament.

146    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk il-Kunsill ivvizzjax id-deċiżjoni tiegħu bi żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li r-rikorrent kien negozjant ewlieni li għandu attività f’settur ekonomiku li kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

147    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwalità ta’ negozjant ewlieni applikat għar-rikorrent, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-prova Nru 1, huwa l-kofundatur ta’ Alfa Group, li huwa grupp industrijali u finanzjarju privat kbir tar-Russja li, kif ammetta r-rikorrent waqt is-seduta, għandu interessi f’diversi setturi, bħaż-żejt, il-gass, il-kummerċ, l-assigurazzjoni, it-telekomunikazzjonijiet u l-bank kummerċjali u tan-negozju.

148    Mill-prova Nru 3 jirriżulta wkoll li r-rivista Forbes ġabret klassifikazzjoni tan-nisa u tal-irġiel Russi l-iktar ewlenin, inklużi politiċi, membri parlamentari, gvernaturi kif ukoll diretturi tal-ikbar impriżi, u li r-rikorrent huwa ċċitat fil-lista tal-100 persuna Russi l-iktar ewlenin. Kif jindika l-Kunsill, għalkemm jista’ jkun hemm opinjonijiet diverġenti dwar il-parametri użati sabiex titwettaq il-klassifikazzjoni inkwistjoni, din tal-aħħar ma hijiex inqas indikattiva tal-persuni li għandhom pożizzjoni importanti fl-oqsma ekonomiċi, politiċi jew amministrattivi fir-Russja. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat ukoll mill-artiklu ta’ Insider tat‑13 ta’ April 2022, prodott fl-anness tar-rikors, li jirreferi għall-klassifikazzjoni Forbes internazzjonali tal-2022 u jsemmi lir-rikorrent bħala “waħda mill-persuni l-iktar ewlenin fir-Russja”. L-argument tar-rikorrent li ċerti negozjanti huma msemmija fih mingħajr madankollu ma huma kkonċernati mill-miżuri restrittivi għandu jiġi miċħud, peress li prassi eventwalment differenti tal-Kunsill f’dan ir-rigward taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu u ma tistax twassal, għall-persuni u l-entitajiet ikkonċernati, għal aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C-380/09 P, EU:C:2012:137, punt 62).

149    Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent kien wieħed mit-tmien membri tal-bord superviżorju (Supervisory Board) ta’ A 1 Investment Holding SA, struttura ta’ investiment tal-konsorzju Alfa Group, minn Ottubru 2018 sal‑15 ta’ Marzu 2022.

150    Fl-aħħar, mill-atti tal-proċess u mill-preċiżazzjonijiet magħmula mir-rikorrent matul is-seduta jirriżulta li Alfa Group tinkludi struttura bankarja, ABH Holdings, li għandha b’mod partikolari Alfa Bank, u li r-rikorrent kien azzjonist ta’ ABH Holdings fl-ammont ta’ 16.3 %.

151    Minn dan isegwi li, minkejja li, mill-2010, ir-rikorrent ma kienx għadu jokkupa funzjonijiet eżekuttivi f’ABH Holdings jew fis-sussidjarji tiegħu, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kklassifikah bħala “azzjonist kbir fil-konglomerat Alfa Group”, fid-dawl tal-fatt li huwa kellu sehem ta’ 16.3 % ta’ ABH Holdings. Għalkemm huwa minnu li dan huwa sehem minoritarju, dan xorta jibqa’ sinjifikattiv fid-dawl tal-fatt li din il-kumpannija min-naħa tagħha għandha Alfa Bank, li hija l-ikbar bank kummerċjali u tan-negozju privat Russu.

152    Ċertament, mid-dikjarazzjoni tas‑6 ta’ April 2022 tad-direttur ta’ ABH Holdings jirriżulta li r-rikorrent ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’din il-kumpannija fl‑14 ta’ Marzu 2022 u li huwa ma għadx għandu interessi (ownership interest) fiha.

153    Madankollu, minbarra li l-valur probatorju ta’ din id-dikjarazzjoni, li toriġina mid-direttur tal-kumpannija li tagħha r-rikorrent kien azzjonist, għandu jiġi rrelattivizzat skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dikjarazzjoni timplika li r-rikorrent kien azzjonist ta’ ABH Holdings sa lejliet l-adozzjoni tal-atti inizjali. Din l-allegata bidla fis-sitwazzjoni li seħħet lejliet l-adozzjoni tal-atti inizjali, anki jekk tiġi preżunta, ma tistax tippermetti li tiġi eskluża l-kwalità ta’ negozjant ewlieni tar-rikorrent u li jiġi kkonstatat żball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill f’dan ir-rigward.

154    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kriterju (g), il-kunċett ta’ “negozjant ewlieni” jirreferi għal elementi fattwali li jirrigwardaw kemm il-passat kif ukoll it-tul tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi jirreferu għal sitwazzjoni fattwali li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali u li ġiet emendata reċentement ħafna ma jimplikax neċessarjament l-obsolexxenza tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu mill-imsemmija atti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 83).

155    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, il-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-negozjant ewlieni fis-sens tal-kriterju (g).

156    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-settur ekonomiku inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li Alfa Bank, proprjetà ta’ ABH Holdings, huwa bank privat li, kif jindika r-rikorrent, jeżerċita attività regolari fir-Russja, huwa l-ikbar bank kummerċjali u tan-negozju privat Russu u jagħmel parti minn Alfa Group, grupp industrijali u finanzjarju privat kbir tar-Russja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-kriterju (g) jirriżulta li huwa s-settur ekonomiku, u mhux il-persuna fiżika jew ġuridika li isimha huwa inkluż fil-listi kontenzjużi, li għandu jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Russu. Is-settur ekonomiku inkwistjoni huwa, f’dan il-każ, is-settur bankarju, li ma huwiex ikkontestat li huwa sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Russu.

157    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li Alfa Bank huwa wieħed mill-ikbar kontribwenti fir-Russja hija bbażata fuq provi konkordanti prodotti mill-Kunsill. B’mod partikolari, il-prova Nru 1 issemmi lil Alfa Bank bħala wieħed mill-ikbar banek privati fir-Russja u l-prova Nru 2 fiha l-lista tal-ikbar 24 kontribwenti Russi tal-2020, fosthom Alfa Bank.

158    L-argument tar-rikorrent li jikkontesta l-pożizzjoni ta’ Alfa Bank fost l-ikbar 24 kontribwenti fir-Russja għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrent jikkontesta l-klassifikazzjoni msemmija f’dan id-dokument, għar-raġuni li, ħlief fil-każ tal-pubblikazzjoni mill-kumpanniji tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-kwalità ta’ kontributur fiskali ma tistax tiġi vverifikata u pprovata mingħajr ma tkun kisbet, mill-awtorità fiskali tal-pajjiż ikkonċernat, l-informazzjoni eżatta tal-grad kontributorju tal-kontribwent inkwistjoni. Madankollu, għalkemm ir-rikorrent jikkontesta n-natura affidabbli u eżatta tal-imsemmija klassifikazzjoni, huwa ma jikkontestax il-kwalità ta’ kontributur fiskali importanti ta’ din il-kumpannija.

159    Minn dan isegwi li l-Kunsill stabbilixxa permezz ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li Alfa Group, li tinkludi Alfa Bank, tintervjeni f’settur ekonomiku, f’dan il-każ is-settur bankarju, li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

160    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, il-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju (g).

161    L-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent ma jinvalidawx din il-konstatazzjoni.

162    L-ewwel, l-elementi esposti mir-rikorrent dwar il-fatt li Alfa Group, mhux ikkontrollat mill-Istat Russu u billi ma rċieva ebda sostenn, baqa’ barra mill-politika, juża l-“istandards ta’ etika tal-Punent” u jokkupa parti importanti tal-ekonomija Ukraina ma humiex rilevanti fid-dawl tal-kriterju (g). L-istess japplika għad-dikjarazzjoni li Alfa Bank jeżerċita attività regolari fir-Russja mingħajr madankollu ma jappoġġja l-attivitajiet tal-Gvern Russu kontra l-Ukraina. Fil-fatt, il-kriterju (g) isemmi li s-settur għandu jkun sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Russu, mingħajr ma jimponi bħala kundizzjoni l-eżistenza ta’ rabta bejn dan is-sors ta’ dħul u l-azzjonijiet tal-imsemmi gvern fl-Ukraina jew il-prova ta’ intenzjoni li jagħti appoġġ lil dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, kif ammetta r-rikorrent waqt is-seduta, Alfa Bank ilu inkluż fil-listi Ewropej ta’ miżuri restrittivi mill‑25 ta’ Frar 2022 (ara l-Anness V tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/327 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 48, p. 1)).

163    It-tieni, ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi hija żball fir-rigward tal-politika multilaterali tas-sanzjonijiet. Madankollu, l-argumenti tar-rikorrent dwar il-fatt li ismu ma huwiex inkluż fil-listi ta’ sanzjonijiet Ukraini jew tal-Istati Uniti ma jistgħux ikunu determinanti sabiex jiġu interpretati l-kriterji ta’ klassifikazzjoni speċifiċi għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Bl-istess mod, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Pantochim, C‑19/19, EU:C:2020:456, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ oligark fid-dritt Ukrain ma hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kriterju (g), li hija indipendenti mill-implikazzjoni personali tar-rikorrent fil-gwerra jew mill-eżistenza ta’ rabtiet diretti jew mill-qrib jew minn relazzjoni ta’ interdipendenza mar-reġim politiku kkonċernat.

164    (Kunfidenzjali).

165    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill ikkunsidra, fl-atti inizjali, li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kriterju (g).

–       Dwar iżżamma ta’ isem irrikorrent fillisti kontenzjużi

166    Ir-rikorrent isostni, fin-nota ta’ adattament, li huwa ppreżenta lill-Kunsill elementi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, bħall-fatt li huwa biss azzjonist minoritarju, li ma jeżerċita ebda influwenza fuq l-operazzjonijiet jew l-istrateġija tal-bank u li għalhekk ma huwiex negozjant attiv fis-settur ikkonċernat. Huwa jinvoka wkoll l-ineffettività tal-miżuri, in-nuqqas ta’ bilanċ jew ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-uniku kuntest eżistenti f’Settembru 2022 mingħajr rigward għas-sitwazzjoni individwali tiegħu.

167    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

168    Għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi għandhom natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi tiegħu, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 67).

169    Sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem il-persuna kkonċernata fuq din il-lista, sakemm, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ma jkunux inbidlu u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 99). L-imsemmi kuntest jinkludi mhux biss is-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi, iżda wkoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 78; ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Borborudi vs Il‑Kunsill, T‑580/19, EU:T:2021:330, punt 60 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, iż-żamma fil-lista kontenzjuża hija ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma ntlaħqux (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 83 u 84; tas‑27 ta’ April 2022, Boshab vs Il‑Kunsill, T‑103/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:248, punt 121, u tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 56).

170    F’dan il-każ, jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata li din id-deċiżjoni hija suġġetta għal sorveljanza kostanti u hija estiża, jew emendata kif meħtieġ, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux. L-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat jipprevedi r-reviżjoni f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar tal-lista li tinsab fl-Anness tiegħu.

171    Fil-kuntest tal-atti ta’ żamma, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet għall-inklużjoni baqgħu l-istess bħal fl-atti inizjali.

172    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 169 iktar ’il fuq), għandu jiġi vverifikat jekk il-kuntest, l-għanijiet u s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent kinux jippermettu li tinżamm l-inklużjoni ta’ ismu abbażi ta’ raġunijiet li ma nbidlux.

173    Fir-rigward tal-kuntest ġenerali marbut mas-sitwazzjoni tal-Ukraina, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent, il-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina baqgħet.

174    Bl-istess mod, il-miżuri restrittivi għadhom ġustifikati fid-dawl tal-għan imfittex, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż, u jżidu l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

175    Fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li l-ittri tar-rikorrent, b’mod partikolari l-ittra tiegħu tat‑30 ta’ Mejju 2022 u t-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑1 ta’ Novembru 2022, jirreferu għal argumenti diġà invokati fil-kuntest tal-osservazzjonijiet dwar l-atti inizjali. B’mod partikolari, ir-rikorrent jenfasizza (kunfidenzjali) li Alfa Bank biss huwa kontribwent Russu u li huwa biss azzjonist minoritarju ta’ Alfa Bank mingħajr funzjoni ta’ tmexxija.

176    Għaldaqstant, il-provi prodotti mir-rikorrent fid-dokumenti tiegħu mibgħuta lill-Kunsill fid-dawl tal-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi setgħu, ġustament, jiġu kkunsidrati mill-Kunsill bħala li la huma ġodda u lanqas deċiżivi fir-rigward tal-iskambji li saru fil-kuntest ta’ din il-kawża li jikkonċernaw l-atti inizjali.

177    Minn dan isegwi li, fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstata l-assenza ta’ bidla fis-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent u bbaża ruħu fuq l-istess provi sabiex iżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

178    L-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-assenza ta’ kwalunkwe imputabbiltà fil-konfront tiegħu tad-deċiżjoni li titkompla l-invażjoni tal-Ukraina, imqajjem fin-nota ta’ adattament, għandu jiġi miċħud, peress li l-kriterju (g) ma jsemmix tali kundizzjoni.

179    Bl-istess mod, l-argumenti l-oħra tar-rikorrent, dwar l-assenza ta’ bilanċ jew ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri u l-ineffettività tal-miżuri, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, dawn ma humiex ta’ natura li juru żball ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tiegħu fir-rigward tal-kriterju applikabbli.

180    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq it-trasferiment tal-ishma tiegħu f’ABH Holdings, għandu jitfakkar li hemm lok li jitqies li l-imsemmi trasferiment ma ntweriex permezz ta’ elementi suffiċjentement konvinċenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tiegħu, iċ-ċirkustanzi tat-tħejjija tiegħu kif ukoll id-destinatarju tiegħu u għandu jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli.

181    F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni ppreżentata fl-anness tar-replika, tad‑19 ta’ Awwissu 2022, inħarġet mid-direttur ta’ ABH Holdings u tindika li, fl‑14 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’din il-kumpannija lil terz u li huwa ma għadx għandu interessi (ownership interest) fl-imsemmija kumpannija.

182    Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni hija prodotta mingħajr dokument uffiċjali ieħor insostenn tagħha u mingħajr preċiżjoni, b’mod partikolari, fir-rigward taċ-ċessjonarju tal-ishma tar-rikorrent jew fir-rigward tal-modalitajiet tat-trasferiment tal-imsemmija ishma. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-talba għal eżami mill-ġdid indirizzata lill-Kunsill fl‑1 ta’ Novembru 2022, bħal fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent kompla jsemmi l-kwalità tiegħu ta’ “soċju minoritarju” jew ta’ “azzjonist minoritarju ta’ Alfa Bank”.

183    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ prova tat-trasferiment tal-ishma, allegat mir-rikorrent, lil terz li ma huwiex marbut miegħu, il-Kunsill ġustament qies li s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent ma kinitx evolviet b’tali mod li l-provi fil-fajl tal-provi fil-kuntest tal-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-listi kontenzjużi kienu saru obsoleti.

184    Għaldaqstant, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina li tibqa’, minħabba l-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma ntlaħqux u tal-assenza ta’ provi probatorji li juru li s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent kienet inbidlet, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta żamm il-miżuri restrittivi inkwistjoni.

185    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jitqies li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, ibbażata fuq l-istatus ta’ negozjant ewlieni li għandu attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, li jikkorrispondi għall-kriterju (g), hija suffiċjentement sostnuta, b’tali mod li, fir-rigward tiegħu, l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, li jirriżultaw mill-atti inizjali u mill-atti ta’ żamma, huma fondati.

186    Issa, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, u fid-dawl tan-natura preventiva ta’ dawn, jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li, mill-inqas, wieħed mir-raġunijiet msemmija huwa suffiċjentement preċiż u konkret, li huwa sostnut u li minnu nnifsu jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni, il-fatt li ma jistax jingħad l-istess dwar oħrajn minn dawn ir-raġunijiet ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.(ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Għaldaqstant, hemm lok, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilmenti l-oħra mqajma mir-rikorrent u intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterju (d), li jiġi miċħud ir-raba’ motiv, f’dak li jirrigwarda kemm l-atti inizjali kif ukoll l-atti ta’ żamma, bħala infondat.

 Fuq ilmotiv ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ksur taddritt għall-proprjetà, tallibertà ta’ intrapriża u taddritt li tiġi eżerċitata professjoni

188    Ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati huma sproporzjonati sa fejn jipprekluduh milli jeżerċita attività professjonali. Il-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom jikkostitwixxu wkoll ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà tiegħu, tal-libertà ta’ intrapriża tiegħu u tad-dritt tiegħu li jeżerċita professjoni, iktar u iktar meta l-provi li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu huma manifestament insuffiċjenti.

189    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

190    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa inkluż fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jippermettu li jinkisbu l-għanijiet leġittimi mfittxija mill-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T-723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 133).

191    Barra minn hekk, id-dritt għall-proprjetà jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huwa stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija Karta, “[i]l-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

192    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi li jinsabu fl-atti kkontestati jinvolvu limitazzjonijiet fl-eżerċizzju mir-rikorrent tad-dritt tiegħu għall-proprjetà u tad-dritt tiegħu għal-libertà ta’ intrapriża.

193    Madankollu, id-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni, sakemm tali restrizzjonijiet effettivament jilħqu l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 80).

194    Sabiex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandu jkun previst mil-liġi, jirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija libertà, isegwi għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, u ma jkunx sproporzjonat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 222 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

196    Fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni u prevedibbiltà suffiċjenti, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent.

197    Fit-tieni lok, l-atti kkontestati japplikaw għal sitt xhur u huma suġġetti għal sorveljanza kostanti, kif previst fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145. Peress li l-imsemmija miżuri huma temporanji u riversibbli, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tal-libertajiet invokati. Barra minn hekk, l-atti kkontestati jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw derogi mill-miżuri restrittivi applikati. B’mod partikolari, fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi, l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat, jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jintlaħqu ċerti bżonnijiet essenzjali jew jiġu sodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati.

198    Fit-tielet lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150). Fil-fatt, huma intiżi li jeżerċitaw pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, fi Frar 2022, il-Kunsill xtaq idgħajjef strateġikament l-ekonomija Russa, minn naħa, billi jipprojbixxi b’mod partikolari l-finanzjament tal-Federazzjoni Russa, tal-Gvern tagħha u tal-bank ċentrali tagħha u, min-naħa l-oħra, bl-applikazzjoni ta’ tali miżuri b’mod partikolari fil-qasam tal-finanzi, tad-difiża, u tal-enerġija. Barra minn hekk, mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 jirriżulta li l-Kunsill qies li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni kellhom jiġu emendati. Għalhekk, jidher li l-Unjoni għandha l-għan li tnaqqas l-introjtu tal-Istat Russu u tqiegħed pressjoni fuq il-Gvern Russu, sabiex tnaqqas il-kapaċità tiegħu li jiffinanzja l-azzjonijiet tal-Istat Russu li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, u biex itemmuhom bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-istabbiltà Ewropea u globali. Issa, dan huwa għan li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, bħaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali.

199    Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura xierqa tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-għanijiet tal-interess ġenerali kif ukoll fundamentali għall-komunità internazzjonali bħal dawk imsemmija fil-punt 198 iktar ’il fuq, dawn ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura neċessarja tagħhom, miżuri oħra inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ma jippermettux b’mod daqstant effettiv li jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq is-sostenn tal-gvern Russu jew fuq in-negozjanti ewlenin, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ulterjorment, kif ġie indikat preċedentement, dawn huma restrizzjonijiet temporanji u riversibbli u li jipprevedu possibbiltajiet ta’ derogi mogħtija mill-Istati Membri.

201    Fir-rigward tad-dannu kkawżat lir-rikorrent, huwa minnu li d-dritt għall-proprjetà tiegħu huwa ristrett mill-atti kkontestati, peress li huwa ma jistax b’mod partikolari jiddisponi mill-fondi li jappartjenu lilu li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jew jittrasferixxi fondi li jappartjenu lilu lejn l-Unjoni, ħlief bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni partikolari.

202    Madankollu, l-inkonvenjenzi kkawżati lir-rikorrent ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għan imfittex mill-atti kkontestati. Fil-fatt, dawn l-atti jipprevedu r-reviżjoni tal-inklużjoni fil-listi kontenzjużi perjodikament sabiex jiġi żgurat li l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jidhru f’dawn il-listi jitħassru. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 197 iktar ’il fuq, l-atti kkontestati jipprevedu l-possibbiltà li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti impenji u li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra jiġu rrilaxxati. F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jevalwaw, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-adegwatezza u l-portata tal-awtorizzazzjonijiet u tad-derogi neċessarji u li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali.

203    Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrent dwar l-insuffiċjenza tal-provi tal-fondatezza tal-miżuri restrittivi inkwistjoni jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tagħhom u mhux taħt il-proporzjonalità tagħhom.

204    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti kkontestati ma kisrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma kisrux b’mod sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt li tiġi eżerċitata professjoni tar-rikorrent.

205    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ilmotiv, imqajjem filkuntest taladattament tarrikors, ibbażat fuq leżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

206    Ir-rikorrent isostni li, billi inkluda ismu fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill iżommu responsabbli, fost l-oħrajn, għas-sitwazzjoni fl-Ukraina, filwaqt li ma hemm ebda rabta diretta jew indiretta bejnu u d-destabbilizzazzjoni ta’ dan il-pajjiż. Billi ħa miżuri restrittivi li l-għan tagħhom ma jistax ikun li tiġi ppreservata l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, peress li dawn huma kompletament maqtugħa minn dawk li huma realment responsabbli għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina u mingħajr ebda rabta diretta jew indiretta ma’ din is-sitwazzjoni, il-Kunsill biddel l-għan imfittex inizjalment, mingħajr ma silet il-konsegwenzi neċessarji għaż-żamma tal-miżuri restrittivi individwali. B’dan il-mod, huwa wettaq użu ħażin ta’ poter, ikkostitwit minn sostituzzjoni ta’ għan mingħajr bilanċ minn qabel li jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent.

207    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, jikkontesta dan l-argument.

208    Skont ġurisprudenza stabbilita, att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ikun ittieħed esklużivament, jew tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom il-poter inkwistjoni ngħata jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-trattati sabiex jiffaċċjaw iċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 135, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il‑Kunsill, C‑731/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:500, punt 63).

209    Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma pprovdiex tali indizji f’dan il-każ. Kif jenfasizza l-Kunsill, l-għan imfittex, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq il-Federazzjoni Russa sabiex tintemm il-gwerra fl-Ukraina, bl-ebda mod ma ġie emendat.

210    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

211    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

212    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      OT għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Spielmann

Mastroianni

Brkan

Gâlea

 

      Tóth

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 15 ta’ Novembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1Informazzjoni kunfidenzjali li tħalliet barra.