SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Jannar 2023 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Artikolu 2(2)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Provvista ta’ kors ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan – Konċessjoni ta’ servizz pubbliku – Artikolu 15 – Rekwiżiti – Tqassim tat-territorju rilevanti f’ħames lottijiet – Limitu kwantitattiv u territorjali ta’ aċċess għall-attività kkonċernata – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Ġustifikazzjoni – Sigurtà fit-toroq – Proporzjonalità – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali”
Fil-Kawża C‑292/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura
Administración General del Estado,
Confederación Nacional de Autoescuelas (CNAE),
UTE CNAE-ITT-FORMASTER-ECT
vs
Asociación para la Defensa de los Intereses Comunes de las Autoescuelas (Audica),
Ministerio Fiscal,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Ġunju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Confederación Nacional de Autoescuelas (CNAE) u UTE CNAE-ITT-FORMASTER-ECT, minn A. Jiménez-Blanco Carrillo de Albornoz u J. Machado Cólogan, abogados, kif ukoll minn A. R. de Palma Villalón, procurador,
– għall-Asociación para la Defensa de los Intereses Comunes de las Autoescuelas (AUDICA), minn J. Cremades García, S. Rodríguez Bajón u A. Ruiz Ojeda, abogados,
– għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde u S. Jiménez García, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u M. J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, É. Gippini Fournier, M. Mataija u P. Němečková, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Ġenerali”), il-Confederación Nacional de Autoescuelas (CNAE) u l-Unjoni Temporanja ta’ Impriżi (UTE) ifformata minn CNAE-ITT-FORMASTER-ECT (iktar ’il quddiem, flimkien, iċ-“CNAE”), u l-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja) u l-Asociación para la Defensa de los Intereses Comunes de las Autoescuelas (Audica), rigward is-sistema legali applikabbli għall-provvista ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti tal-liċenzja tas-sewqan.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
Id-Direttiva 2006/123
3 Il-premessi 33, 40 u 70 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu:
“(33) Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu […]. Dak il-kunċett ikopri wkoll servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal […] is-servizzi ta’ periti; kummerċ ta’ tqassim; l-organizzazzjoni ta’ fieri tal-kummerċ; kiri ta’ karozzi; aġenziji ta’ l-ivvjaġġar. […] Dawk l-attivitajiet jistgħu jinvolvu servizzi li jitolbu l-prossimità tal-fornitur u r-riċevitur, servizzi li jitolbu safar mir-riċevitur jew mill-fornitur u servizzi li jistgħu jiġu pprovduti mill-bogħod, inkluż permezz ta’ l-internet.
[…]
(40) Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku’ li għalihom qiegħda ssir referenza f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ġie żviluppat mill-Qorti […] fil-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ l-Artikoli 43 u 49 [TFUE] u jista’ jkompli jevolvi. Il-kunċett kif rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jkopri ta’ l-anqas dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] sigurtà fit-toroq […]
[…]
(70) Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 [KE], is-servizzi jistgħu jitqiesu lu huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-ħidma għandha titwettaq permezz ta’ att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu għandha tkun iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-kompitu speċjali.”
4 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.
2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:
a) servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;
[…]
d) is-servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Trattat [KE];
[…]”
5 Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1) ‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa [bħala persuna li taħdem għal rasha], normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 [KE];
[…]
5) ‘stabbiliment’ tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 43 [KE], mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta‘ servizzi qiegħed tassew iseħħ;
[…]
8) ‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku’ tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti […], inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] sigurtà pubblika […];
[…]”
6 Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 huwa intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”. L-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-direttiva jifformaw parti mit-Taqsima 1, intitolata “Awtorizzazzjonijiet”, ta’ dan il-kapitolu.
7 L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
a) l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;
b) il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;
ċ) l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.
[…]
3. Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettamentminn strumenti Komunitarji oħrajn.”
8 L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tagħha, intitolata “ħtiġijiet ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni”. Dan l-artikolu jikkonċerna r-rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati mill-Istati Membri u jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.
2. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:
a) restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali, b’mod partikolari f’forma ta’ limiti ffissati skond il-popolazzjoni, jew ta’ distanza ġeografika minima bejn il-fornituri;
[…]
3. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
a) non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;
b) bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;
ċ) proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.
[…]”
Id-Direttiva 2014/23/UE
9 Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), tistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, ir-regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni minn awtoritajiet kontraenti u minn entitajiet kontraenti, meta l-valur stmat tagħhom ma huwiex inqas mil-limiti previsti fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.
10 Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
‘konċessjonijiet’ tfisser konċessjonijiet ta’ xogħlijiet jew servizzi, kif definit fil-punti (a) u (b):
[…]
b) ‘konċessjoni ta’ servizzi’ tfisser kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi li mhumiex twettiq ta’ xogħlijiet kif imsemmi fil-punt (a) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l- konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.
[…]”
11 L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jistabbilixxi l-limiti u l-metodi ta’ kalkolu tal-valur stmat tal-konċessjonijiet. Konformement mal-paragrafu 1 tagħha, din tapplika għall-konċessjonijiet li l-valur tagħhom huwa ugwali jew iktar minn EUR 5 186 000.
12 Konformement mal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2014/23, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mit‑18 ta’ April 2016.
13 Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din ma għandhiex tapplika għall-għoti ta’ konċessjonijiet offruti jew mogħtija qabel is‑17 ta’ April 2014.
Id-dritt Spanjol
14 Id-Direttiva 2006/123 kienet ġiet trasposta fid-dritt Spanjol mil-Ley 17/2009 sobre el libre acceso a las actividades de servicios y su ejercicio (il-Liġi 17/2009 dwar l-Aċċess Liberu għall-Attivitajiet ta’ Servizzi u l-Eżerċizzju Tagħhom), tat‑23 ta’ Novembru 2009 (BOE Nru 283, tal‑24 ta’ Novembru 2009, p. 99570). L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jippreċiża li s-“servizz” jikkostitwixxi “kull attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, normalment magħmula għal remunerazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 50 [KE]”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-aċċess għal attività ta’ servizz jista’ jiġi suġġett għal awtorizzazzjoni meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: dawk ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità.
15 Skont il-Ley 17/2005, por la que se regula el permiso y la licencia de conducción por puntos y se modifica el texto articulado de la ley sobre tráfico, circulación de vehículos a motor y seguridad vial (il-Liġi 17/2005 li Tirregola l-Liċenzja tas-Sewqan u l-Liċenzja tas-Sewqan bil-Punti u li Temenda l-Liġi dwar it-Traffiku, it-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur u s-Sigurtà fit-Toroq), tad‑19 ta’ Lulju 2005 (BOE Nru 172, tal‑20 ta’ Lulju 2005, p. 25781), l-għoti ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzji tas-sewqan għandu jsir permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku.
16 L-Orden INT/2596/2005 por la que se regulan los cursos de sensibilización y reeducación vial para los titulares de un permiso o licencia de conducción (id-Digriet INT/2596/2005 dwar il-Korsijiet għal Sensibilizzazzjoni u Taħriġ mill-Ġdid dwar is-Sigurtá fit-Toroq għad-Detenturi tal-Liċenzji tas-Sewqan), tat‑28 ta’ Lulju 2005 (BOE Nru 190, tal‑10 ta’ Awwissu 2005, p. 28083), jimplimenta l-liġi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Konformement mal-paragrafu 12 tiegħu, il-kontroll u l-ispezzjoni ta’ dawn il-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għandhom jitwettqu konformement mar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fil-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku kkonċernat. Madankollu, dan il-paragrafu 12 jippreċiża li d-Dirección General de Tráfico (id-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku, Spanja), direttament jew permezz tas-servizzi tiegħu, jista’ jeżamina l-korsijiet ta’ rkupru parzjali ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan u dawk ta’ rkupru tal-liċenzja tas-sewqan jew tal-liċenzja tas-sewwieq, kif ukoll jispezzjona ċ-ċentri li joffru dawn il-korsijiet.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
17 Id-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku ppubblika sejħa għal offerti, intitolata “Konċessjoni għall-ġestjoni ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti tal-liċenzja tas-sewqan: ħames lottijiet”. Din is-sejħa għal offerti kienet tikkonċerna l-korsijiet li sewwieqa kellhom isegwu sabiex jirkupraw il-punti tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom mitlufa minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku.
18 Il-kuntratt li kien is-suġġett tal-imsemmija sejħa għal offerti kien stabbilit bħala kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku. Għal dan il-għan, it-territorju nazzjonali kollu, bl-eċċezzjoni tal-Cataluña u tal-País Vasco, kien maqsum f’ħames żoni, li kull waħda minnhom kienet tikkorrispondi għal wieħed mill-ħames lottijiet tal-istess sejħa għal offerti. Fi tmiem il-proċedura, l-offerent rebbieħ ta’ kull wieħed mil-lottijiet kien l-unika entità awtorizzata li tipprovdi l-imsemmija korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq fiż-żona ġeografika korrispondenti.
19 L-Audica kkontestat is-sejħa għal offerti kkonċernata quddiem it-Tribunal Administrativo Central de Recursos Contractuales (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tal-Appelli Kuntrattwali, Spanja), minħabba li l-għoti tal-istess korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq permezz ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku kien imur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
20 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2015, it-Tribunal Administrativo Central de Recursos Contractuales (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tal-Appelli Kuntrattwali) ċaħdet ir-rikors ta’ Audica. Din tal-aħħar, sussegwentement, ippreżentat rikors amministrattiv kontenzjuż kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sala de lo Contencioso-Administrativo de la Audiencia Nacional (l-Awla tal-Qorti Amministrattiva tal-Qorti Nazzjonali, Spanja).
21 Fil-proċedura, l-Amministrazzjoni Ġenerali u ċ-CNAE ppreżentaw ruħhom bħala konvenuti, filwaqt li ġie ppreċiżat li ċ-CNAE kienet ipparteċipat fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti kkonċernata u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur intervjena insostenn ta’ Audica.
22 Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors amministrattiv kontenzjuż u annullat id-deċiżjoni tal-organe administratif central de recours contractuels (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tal-Appelli Kuntrattwali), tat‑23 ta’ Jannar 2015, kif ukoll is-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-imsemmija qorti, minkejja li l-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti tal-liċenzja tas-sewqan jikkostitwixxu servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 14 TFUE, l-obbligu li tingħata konċessjoni ta’ servizz pubbliku huwa sproporzjonat u ma jistax jiġi ġġustifikat. Hemm, b’mod partikolari, mezzi oħra li permezz tagħhom ikun possibbli li jintlaħaq l-istess riżultat, mingħajr ma tiġi kkontestata l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi li jistgħu jeżerċitaw l-attività kkonċernata.
23 L-Amministrazzjoni Ġenerali u ċ-CNAE appellaw fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju.
24 Il-qorti tar-rinviju taqsam id-dubji espressi quddiemha mill-Uffiċċju tal-Prosekutur dwar il-kompatibbiltà, b’mod partikolari mad-Direttiva 2006/123, tal-għoti ta’ kors ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti tal-liċenzja tas-sewqan permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku. Madankollu, din il-qorti tqis li l-argument tal-Amministrazzjoni Ġenerali, li jgħid li ma huwiex possibbli li jitqabbel, b’mod utli, it-taħriġ inizjali propost minn skejjel tas-sewqan u dawn il-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq, ma huwiex irrilevanti. Teżisti differenza kwalitattiva bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ korsijiet. Kuntrarjament għall-imsemmi kors ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq, it-taħriġ inizjali ma huwiex indirizzat lil persuni li jkunu kisru r-regoli tat-traffiku fit-toroq. Il-kisba tal-liċenzja tas-sewqan teħtieġ, barra minn hekk, li wieħed jgħaddi b’suċċess minn eżami li ma huwiex ġestit mill-iskejjel tas-sewqan infushom.
25 Din il-qorti tippreċiża li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola attwali, l-iskejjel tas-sewqan huma suġġetti għal sempliċi awtorizzazzjoni amministrattiva. Madankollu dan l-issuġġettar tal-iskejjel tas-sewqan għall-kontroll tal-amministrazzjoni ma jillimitax l-aċċess għall-attività kkonċernata, u lanqas in-numru ta’ skejjel tas-sewqan. B’hekk, jekk l-analoġija bejn it-taħriġ inizjali u l-istess korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq kienet aċċettata, allura jkun għalhekk jista’ jiġi mistoqsi għal liema raġuni l-leġiżlatur Spanjol ma ssottomettiex l-offerta tagħhom għal sempliċi sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, minflok ma jikklassifikaha bħala servizz pubbliku li għandu jiġi pprovdut permezz ta’ konċessjoni.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Ir-regola nazzjonali li l-għoti tal-korsijiet għal sensibilizzazzjoni u edukazzjoni mill-ġdid dwar it-traffiku għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzji għandu jsir permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku hija kompatibbli mad-Direttiva [2006/123] – jew, skont il-każ, ma’ regoli jew prinċipji oħrajn tad-dritt tal-Unjoni?”
Fuq id-domanda preliminari
27 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti ta’ korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jsir permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku.
28 Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-provvista ta’ kors ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/123.
29 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li d-Direttiva 2006/123 tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li għandhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru. Il-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, tikkostitwixxi “servizz” kull attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, normalment magħmula għal remunerazzjoni.
30 F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-provvista ta’ korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan permezz ta’ konċessjoni taqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “servizz”, peress li kuntratt ta’ konċessjoni jippermetti lill-konċessjonarju li jipprovdi l-korsijiet ikkonċernati bi ħlas. Din l-attività hija relatata, barra minn hekk, ma’ stabbiliment fiss li minnu l-provvista ta’ servizzi hija realment żgurata.
31 F’dan ir-rigward, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment” mogħti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 u kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija attività taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, dwar il-libertà ta’ stabbiliment.
32 Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha s-servizzi fil-qasam tat-trasport, filwaqt li huwa ppreċiżat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija rregolata speċifikament mit-Titolu VI tat-Trattat FUE.
33 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport” ikopri, mhux biss, kull att fiżiku taċ-ċaqliq tal-persuni jew tal-oġġetti minn post għal ieħor permezz ta’ vettura, inġenju tal-ajru jew tal-ilma, iżda wkoll, kull servizz intrinsikament marbut ma’ tali att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 41, u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 46).
34 F’dan il-kuntest, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa għalhekk neċessarju li tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, is-servizzi intrinsikament marbuta mal-att fiżiku li persuni jew oġġetti jiġu ttrasferiti minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport u, min-naħa l-oħra, is-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li l-iskop ewlieni tagħhom ma huwiex iċ-ċaqliq ta’ persuni jew ta’ oġġetti.
35 Sabiex tkun tista’ ssir din id-distinzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan prinċipali tas-servizz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 51).
36 Huwa għalhekk li, konformement mal-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123, jaqgħu b’mod partikolari taħt din id-direttiva s-servizzi ta’ kiri ta’ vetturi, l-aġenziji tal-ivjaġġar u s-servizzi lill-konsumaturi fil-qasam tat-turiżmu, inklużi ż-żjarat iggwidati.
37 Barra minn hekk, mill-punt 2.1.2 tal-manwal dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-“Servizzi” jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 ma għandhiex b’mod partikolari tkopri s-servizzi ta’ skola tas-sewqan.
38 Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħas-servizzi ta’ skola tas-sewqan imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-għan prinċipali tal-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan huwa li l-benefiċjarju jiġi mħarreġ b’sewqan prudenti u responsabbli, u mhux li jiġi ttrasportat.
39 Ċertament, hekk kif enfasizza b’mod partikolari l-Gvern Olandiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 l-attivitajiet taċ-ċentri ta’ kontroll tekniku (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 54).
40 Dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu għaldaqstant kundizzjoni preliminari u indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali li hija t-trasport. Madankollu, b’differenza minn dawn, li huma eżerċitati direttament fuq vettura bħala mezz ta’ trasport, ir-regoli legali li jirregolaw il-ksib jew il-konservazzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li bihom persuna tista’ ssuq ċertu tip ta’ mezz ta’ trasport u huma għalhekk, inkwantu tali, marbuta mal-persuna, iktar milli mal-vettura nnifisha.
41 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-provvista ta’ kors ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan ma tistax taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.
42 Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2014/23, li l-applikabbiltà tiegħu kienet is-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, għandux effett fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.
43 Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2006/123, l-Artikoli 9 sa 13 tagħha ma għandhomx japplikaw għall-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma rregolati direttament jew indirettament minn strumenti oħrajn tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2014/23.
44 Issa, l-applikabbiltà ta’ din l-aħħar direttiva tippreżupponi li jkunu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet kumulattivi.
45 Fir-rigward, qabelxejn, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/23, is-servizz ikkonċernat għandu, konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, ikollu l-forma ta’ konċessjoni, fejn il-“konċessjoni ta’ servizzi” hija ddefinita, fil-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tagħha, bħala “kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi […] lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas”.
46 F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan għandhom jiġu pprovduti skont konċessjoni ta’ servizz pubbliku li tikkonċerna żona ġeografika u li tirrigwarda l-provvista ta’ servizz partikolari f’din iż-żona. Barra minn hekk, tali konċessjoni hija intiża sabiex tittrasferixxi d-dritt li jiġu pprovduti l-korsijiet ikkonċernati mill-awtorità kontraenti lil kull konċessjonarju. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/23.
47 Sussegwentement, fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2014/23, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tagħha jirriżulta li l-konċessjoni kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ offerta jew għandha tkun ingħatat wara s‑17 ta’ April 2014.
48 Issa, għandu jiġi rrilevat li ċ-CNAE u l-Gvern Spanjol isostnu li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ offerta ppreżentata qabel it‑18 ta’ April 2016, peress li din id-data kienet, konformement mal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2014/23, id-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, din l-offerta kienet ġiet ippreżentata f’data li fiha s-sistema legali nazzjonali applikabbli preċedentement kienet għadha fis-seħħ u li fiha din id-direttiva ma kinitx ġiet integrata f’dan id-dritt.
49 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża li fiha offerta kienet ġiet eskluża mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizjoni tad-direttiva rilevanti u qabel ma din kienet ġiet integrata fid-dritt nazzjonali, li jkun kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li tiġi applikata din id-direttiva, peress li d-deċiżjoni li kontra tagħha huwa allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni kienet ittieħdet qabel din id-data (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden, C‑138/08, EU:C:2009:627, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, id-Direttiva 2014/23 tidher li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, sa fejn il-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li kienu s-suġġett ta’ offerta qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u fejn din tal-aħħar ma kinitx għadha ġiet integrata fid-dritt Spanjol.
51 Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, anki jekk jitqies li d-Direttiva 2014/23 tapplika ratione temporis għall-kawża prinċipali, xorta jkun meħtieġ li l-kuntratt ta’ konċessjoni kkonċernat ikollu, konformement mal-Artikolu 8(1) tagħha, valur daqs jew ogħla minn EUR 5 186 000.
52 B’mod definittiv, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta miċ-CNAE, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li huwa inqas minn tali ammont.
53 Għaldaqstant, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li d-Direttiva 2014/23 ma tapplikax għall-fatti tal-kawża prinċipali. Isegwi li l-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 huwa applikabbli anki jekk, bħalma huwa l-każ hawnhekk, din hija sitwazzjoni purament interna, jiġifieri sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma ristretti għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punti 55 u 56).
54 Għaldaqstant, fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-għoti tal-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jitwettaq permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123.
55 Dan l-artikolu, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, jirrigwarda r-rekwiżiti imposti mis-sistema legali ta’ Stat Membru li huma suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk tali leġiżlazzjoni taqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ “rekwiżiti” previsti fl-imsemmi artikolu.
56 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, konformement mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konċessjonarju wieħed biss huwa awtorizzat jipprovdi korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan f’kull waħda mill-ħames żoni ġeografiċi ddefiniti minn qabel fit-territorju nazzjonali kkonċernat kollu, bl-esklużjoni tal-Cataluña u tal-País Vasco. Ladarba l-kuntratt ikkonċernat jingħata, il-konċessjonarju jeżerċita kontroll esklużiv fiż-żona li għaliha huwa detentur ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku, peress li ebda fornitur ieħor ma jista’ jipprovdi tali servizzi f’din iż-żona.
57 Issa, mill-Artikolu 15(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-limiti kwantitattivi jew territorjali għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz jikkostitwixxu rekwiżiti fis-sens ta’ din id-direttiva meta dawn jimponu, b’mod partikolari, limiti fir-rigward tan-numru ta’ operaturi awtorizzati li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru partikolari jew limitazzjoni intiża għall-osservanza ta’ distanza ġeografika minima bejn fornituri.
58 Fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, imsemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li din tikkostitwixxi kemm limitu kwantitattiv kif ukoll limitu territorjali, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva 2006/123.
59 Tali limitazzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija awtorizzata biss jekk din tkun kompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva. Din għandha tkun nondiskriminatorja, bżonn u proporzjonata.
60 Fir-rigward, l-ewwel, tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ “nondiskriminazzjoni”, stabbilita fl-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamlu l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tapplika mingħajr diskriminazzjoni għall-fornituri kollha li jixtiequ jipprovdu s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
61 F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-punt dwar jekk din il-miżura hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-miżura hija maħsuba sabiex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq billi tiffaċilita l-aċċess għaċ-ċentri ta’ taħriġ għas-sewwieqa li jkunu tilfu punti tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom. Dan jikkonċerna, konformement mal-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha u tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġuni imperattiva ta’ ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
62 It-tielet, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali miżura hijiex proporzjonali mal-għan ta’ interess ġenerali segwit, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi rrilevat li miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment li għandha għan ta’ interess ġenerali tista’ tiġi ammessa biss bil-kundizzjoni li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tiegħu u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 70).
63 Finalment huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li unikament għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, li tiddetermina jekk miżura tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, sabiex tipprovdi risposti utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li tressqu quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lil din il-qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
64 Fir-rigward, minn naħa, tal-kapaċità tal-miżura li tilħaq l-għan intiż li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiggarantixxi li jeżisti tal-inqas operatur inkarigat milli jeżerċita l-attività kkonċernata f’kull waħda mill-ħames żoni li jinsabu fit-territorju rilevanti kollu.
65 Tali miżura tidher li hija ta’ natura li tilħaq l-għan imfittex peress li hija intiża sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tas-sewwieqa għal ċentri ta’ taħriġ fit-territorju rilevanti kollu, inkluż fiż-żoni ġeografikament iżolati jew inqas attraenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punti 51 u 52, kif ukoll tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 70).
66 Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għandu jiġi rrilevat li din il-miżura tikkostitwixxi limitazzjoni sinjifikattiva għal-libertà ta’ stabbiliment, peress li din timponi t-tqassim tat-territorju rilevanti f’ħames żoni kbar li f’kull waħda minnhom fornitur wieħed biss huwa ammess sabiex jipprovdi s-servizz ikkonċernat.
67 Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 84 sa 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li jeżistu miżuri inqas vinkolanti mill-msemmija miżura, li jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex. Barra minn hekk, hekk kif dan ġie espost quddiem il-qorti tar-rinviju, lanqas ma huwa eskluż li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, pjuttost milli bl-użu ta’ servizz pubbliku li għandu jiġi pprovdut permezz ta’ konċessjoni.
68 Fir-raba’ lok, ma jistax jiġi eskluż li l-qorti tar-rinviju tqis, fi tmiem l-eżami tagħha, li l-provvista ta’ korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan tikkostitwixxi missjoni marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Dan huwa l-każ, skont il-premessa 70 tad-Direttiva 2006/123, jekk is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi pprovdut b’applikazzjoni ta’ missjoni partikolari ta’ servizz pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat.
69 F’din l-ipoteżi, dan is-servizz għalhekk jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regola speċifika li tinsab f’din id-dispożizzjoni.
70 Din ir-regola speċifika tipprevedi li r-regoli stipulati fl-Artikolu 15(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/123 ma japplikawx għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata fil-qasam tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali ħlief sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma tipprekludix it-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-missjoni partikolari li ġiet fdata.
71 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix li miżura nazzjonali timponi limitazzjoni territorjali, sa fejn din il-limitazzjoni tkun neċessarja għall-eżerċizzju tal-missjoni partikolari tal-fornituri tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali inkwistjoni f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli u proporzjonata għal dan l-eżerċizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 73).
72 Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex eskluż li jista’ jintwera li tqassim tat-territorju rilevanti f’numru ikbar ta’ żoni ġeografiċi mill-ħamsa adottati jikkontribwixxi sabiex tiġi ffaċilitata l-provvista tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’żoni inqas attraenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tqassim territorjali kif ukoll il-limitu kwantitattiv imposti minn miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li huma neċessarji għat-twettiq tal-missjoni partikolari kkonċernata f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli.
73 Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina u tieħu inkunsiderazzjoni l-portata eżatta tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti, jekk ikun il-każ, fuq il-konċessjonarji tal-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan u li tipprevedi jekk skema inqas vinkolanti tistax tipprekludi l-offerta tas-servizz pubbliku kkonċernat f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli.
74 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti tal-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jsir permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fit-toroq.
Fuq l-ispejjeż
75 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti tal-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jsir permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fit-toroq.
Firem