Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-22 ta’ Frar 2022 – X, Y u s-sitt itfal minuri tagħhom vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-125/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X, Y u s-sitt itfal minuri tagħhom

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija  1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifika”), moqri flimkien mal-Artikoli 2(g) u 4 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk applikant għandux bżonn protezzjoni sussidjarja, l-elementi rilevanti kollha marbuta kemm mas-sitwazzjoni individwali u maċ-ċirkustanzi personali tal-applikant kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, għandhom dejjem jiġu eżaminati u evalwati b’mod integrali u konġunt qabel ma tiġi identifikata l-manifestazzjoni li hemm biża’ dwarha ta’ dannu serju li tista’ tiġi ssostanzjata abbażi ta’ dawn l-elementi?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fin-negattiv, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali u taċ-ċirkustanzi personali tal-applikant fil-kuntest tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fiha, tmur lil hinn mill-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ individwalizzazzjoni kif imsemmija fis-sentenza tal-Qorti EDB, N.A. vs Ir-Renju Unit 1 ? L-imsemmija elementi jistgħu, fil-każ tal-istess applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni fir-rigward kemm tal-Artikolu 15(b) kif ukoll tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika?

L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat il-bżonn għal protezzjoni sussidjarja, l-hekk imsejħa skala mobbli (sliding scale), li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li għandha tiġi applikata fl-evalwazzjoni ta’ allegata biża’ ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, għandha tiġi applikata wkoll sabiex tiġi evalwata allegata biża’ ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika?

L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4 u 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi umanitarji li huma l-konsegwenza (in)diretta ta’ atti jew ommissjonijiet ta’ attur ta’ dannu serju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-bżonn ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ applikant?

____________

1 ĠU 2011, L 337, p. 9.

1 Qorti EDB, 17 ta’ Lulju 2008, Nru 25904/07, N.A. vs Ir-Renju Unit, (ECLI:CE:ECHR:2008:0717JUD002590407).