Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2008 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-360/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Ir-Renju ta' Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

ma tapplikax il-linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu applikati għall-ispejjeż kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni finali tad-29 ta' Novembru 2007, COCOF 07/0037/03-ES,

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta' Ġunju 2008, C (2008) 3247, safejn hija tnaqqas l-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni lill-grupp ta' proġetti Nru 2001.ES.16.C.P.E.036 (tindif ta' baċir idrografiku fit-Tramuntana - Galicia-2001) u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din il-kawża tirrigwarda grupp ta' proġetti ta' titjib ta' pompi tal-petrol eżistenti jew li għadhom kemm inbnew, l-espansjoni, il-manutenzjoni u t-titjib tas-sistema ta' drenaġġ u ta' tindif, li jinsabu f'diversi punti ta' Galicia. Il-kofinanzjament Komunitarju inizjalment mogħti mill-Kummissjoni kien ta' 80 % tal-infiq pubbliku sussidjabbli.

F'ittra mill-Kummissjoni lir-rikorrent f'Ġunju 2007, ġew proposti korrezzjonijiet skont l-irregolaritajiet misjuba f'verifika ta' kontijiet preċedenti. Fil-konklużjonijiet ta' din l-ittra hemm riferiment għaż-żewġ irregolaritajiet li mmotivaw id-deċiżjoni kkontestata u l-proposti korrispondenti tagħha għal korrezzjonijiet finanzjarji: l-użu żbaljat tal-proċedura ta' urġenza fir-rigward ta' kuntratt u l-użu żbaljat tal-esperjenza bħala kriterju ta għoti ta' diversi kuntratti. Il-proposti ta' korrezzjoni finanzjarja kienu rispettivament ta' EUR 697,901 u EUR 354,591.

Il-motivi u l-allegazzjonijiet prinċipali huma dawk invokati fil-Kawża T-359/08, Spanja vs Il-Kummissjoni.

____________