Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ġunju 2010 - mPAY24 GmbH vs UASI - ULTRA d.o.o. Proizvodnja elektronskih naprav (MPAY 24)

(Kawża T-275/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: mPAY24 GmbH (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentanti: Dr. H. G. Zeiner u S. Di Natale, lawyers)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: ULTRA d.o.o. Proizvodnja elektronskih naprav (Zagorje ob Savi, is-Slovenja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-22 ta' Marzu 2010, fil-Każ R 1102/2008-1);

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż; u

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż tal-proċedimenti, jekk issir intervenjenti f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità : It-trade mark verbali "MPAY 24" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 35, 36 u 38 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 2601656

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja ċċitata fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità: Ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja : Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità : Il-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità bbażat it-talba tagħha fuq raġunjijiet assoluti għal rifjut, skont l-Artikoli 52(1)(a), 7(1)(b), 7(1)(ċ) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni : Talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell : Appell milqugħ, u, konsegwentement, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija annullata u r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja hija invalida

Motivi invokati : Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 7(1)(b) u 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li d-dispożizzjonijiet ta' dawn l-artikoli japplikaw għat-trade mark Komunitarja kkontestata. B'mod partikolari, l-Ewwel Bord tal-Appell: (i) żbalja meta annulla d-deċiżjoni preċedenti tat-Tieni Bord, tal-Appell tal-21 ta' April 2004, li tirrigwarda l-istess suġġett u li hija bbażat fuq l-istess motivi; u (ii) żbalja meta kkonstata li t-trade mark Komunitarja kkontestata hija deskrittiva għall-prodotti u servizzi inkwistjoni u mhijiex ta' karattru distintiv.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell żbalja meta annulla t-trade mark Komunitarja kkontestata għall-prodotti u servizzi kollha fil-klassijiet 9, 16, 35, 36 u 38 fuq il-bażi biss ta' suppożizzjonijiet dubbjużi u mhux sostnuti.

____________