Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fid-19 ta’ Diċembru 2023 – Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite vs “Bulgarian Posts” EAD

(Kawża C-785/23, Bulgarian Posts)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite

Konvenut: “Bulgarian Posts” EAD

Domandi preliminari

Meta d-detentur ta’ liċenzja bħala fornitur ta’ servizz postali universali fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi servizzi fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi individwalment ma’ utenti ta’ servizzi postali li jipprevedu li s-servizz ipprovdut għandu jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jew dawn il-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri: il-ġbir ta’ kunsinni mhux fil-punti ta’ aċċess (il-ġbir u d-distribuzzjoni tal-kunsinni postali fl-indirizz tal-klijent); il-ġbir u d-distribuzzjoni jitwettqu f’mumenti miftiehma bil-quddiem mal-klijenti; il-ġbir u d-distribuzzjoni jitwettqu iktar spiss minn kif previst fin-normi legali dwar il-kwalità tas-servizz postali universali u dwar l-effikaċja tas-servizz, bi ġbir addizzjonali, fuq talba tal-klijent, għall-frekwenza prevista speċifikament fil-kuntratt, lil hinn mill-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċji tal-posta; is-servizz jingħata bi prezz jew jibbenefika minn tnaqqis li jkunu rispettivament iżgħar jew ogħla minn dak jew dawk approvati mill-Komisia za regulirane na saobshteniata (il-Kummissjoni għar-Regolazzjoni tal-Komunikazzjonijiet, il-Bulgarija), li hija l-awtorità regolatorja li tapprova l-prezzijiet tas-servizz postali universali fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu bħala “servizzi postali pubbliċi”, ipprovduti “fl-interess pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 132 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ?

It-tieni inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz 1 jippermetti li jiġi konkluż li tali servizzi pprovduti mid-detentur ta’ liċenzja bħala fornitur ta’ servizz postali universali ma jikkostitwixxux servizz postali universali fis-sens tad-Direttiva meta jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż individwalment, bi prezz inqas minn dak stabbiliti għat-tip ta’ servizz postali universali kkonċernat u mingħajr ma jintwera li l-prezz miftiehem b’dan il-mod ikopri l-ispiża tal-provvista?

Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 meta d-detentur ta’ liċenzja bħala fornitur ta’ servizz postali universali jikkonkludi kuntratti individwali għall-provvista tas-servizz postali universali li jipprevedu kundizzjonijiet dwar il-provvista tas-servizz li jkunu differenti u iktar favorevoli minn dawk imħabbra pubblikament u aċċessibbli għal kulħadd?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda, dan jiġġustifika li l-provvisti ma jiġux ikkunsidrati bħala provvisti ta’ servizzi eżentati fis-sens tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71.