Language of document : ECLI:EU:T:2024:216

Kawża T411/22

Dexia

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal10 ta’ April 2024

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022 – Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Żball ta’ liġi – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Limitu annwali tal-ammont kumulattiv tal-kontribuzzjonijiet individwali lis-SRF stabbilit għal 12.5 % tal-livell fil-mira finali – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikazzjoni matul il-perijodu inizjali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, subparagrafu 1 u 4 tal-Artikolu 70(2))

(ara l-punti 30, 38)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Limitu annwali tal-ammont kumulattiv tal-kontribuzzjonijiet individwali lis-SRF stabbilit għal 12.5 % tal-livell fil-mira finali – Portata – Nuqqas ta’ qbiż ta’ dan il-limitu mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 69(1), subparagrafu 1 u 4 tal-Artikolu 70(2))

(ara l-punti 41, 45 sa 48)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali, adita b’rikors għal annullament, li hija laqgħet, annullat id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRB”) dwar l-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment, għall‑2022, lill-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) (1). Għall-ewwel darba, hija tat deċiżjoni dwar ir-regola prevista fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 (2), li l-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma kellhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali tas-SRF (iktar ’il quddiem il-“limitu massimu ta’ 12.5 %”).

Dexia, ir-rikorrenti, kienet istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Franza. Fil‑11 ta’ April 2022, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2022 lis-SRF tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment, fosthom ir-rikorrenti. Din tal-aħħar talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċernaha.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddisponi li, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kellhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li kien jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet ikkonċernati”). Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul l-imsemmi perijodu, il-kontribuzzjonijiet ex ante kellhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun maż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi seta’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, konformement mal-ewwel u mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kellu jikkalkola kull sena l-kontribuzzjonijiet individwali sabiex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha ma kinux jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali tas-SRF.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, il-Qorti Ġenerali fakkret li dan kien japplika matul il-perijodu inizjali. Fil-fatt, kif irriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, kull sena s-SRB kellu josserva r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, mingħajr ma jillimita bl-ebda mod l-applikazzjoni tiegħu ratione temporis għall-perijodu wara l-perijodu inizjali (3). Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament ma kienet tindika li r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % ma kienx japplika matul il-perijodu inizjali jew li s-SRB seta’ jidderoga minnu matul dan il-perijodu. Din l-interpretazzjoni kienet ikkonfermata mill-oriġini ta’ dan l-istess regolament li minnha kien jirriżulta li, fil-proposta għal regolament tal-Kummissjoni (4), il-perijodu inizjali għall-kostituzzjoni tas-SRF kien mifrux fuq għaxar snin. Sussegwentement, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar it-tqassir ta’ dan il-perijodu għal tmien snin u ddeċidew, fl-istess ħin, li jżidu l-imsemmi limitu għal 12.5 %. Minn dan kien isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa rabta bejn in-numru ta’ snin inklużi fil-perijodu inizjali u l-perċentwali tal-limitu massimu ffissat. Għalhekk, il-limitu ta’ 12.5 % kien japplika fil-perjodu inizjali.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-SRB kien obbligat jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati ma kinux jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali (5). F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni (6) kienet ibbażata fuq approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali, fis-sens li dan tal-aħħar kellu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Kien fid-dawl ta’ dan il-livell fil-mira finali li kien japplika r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %.

Madankollu, sa fejn il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kien sena finanzjarja li kienet ibbażata fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, u sussegwentement ta’ livell fil-mira annwali li kellu jitqassam bejn l-istituzzjonijiet, kien is-SRB, għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni, li kellu jwettaq stima kemm jista’ jkun preċiża tal-livell fil-mira finali fid-dawl tad-data disponibbli fil-mument ta’ din l-istima (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali mbassar”). Għalhekk, kien il-livell fil-mira finali mbassar li kien determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 12.5 %.

Konsegwentement, meta s-SRB ikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante matul perijodu ta’ kontribuzzjoni partikolari, huwa kellu jiżgura li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha ma kienx jaqbeż 12.5 % tal-livell fil-mira finali mbassar.

Il-Qorti Ġenerali qieset li din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mill-argument tas-SRB li r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % kellu jew jiġi miċħud, jew jiġi interpretat b’mod flessibbli. Fil-fatt, hija kkonstatat, minn naħa, li s-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti kien jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tagħhom stess (7). Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li kienu jipprevedu b’mod partikolari li l-kontribuzzjonijiet ex ante kellhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun maż-żmien sakemm intlaħaq il-livell fil-mira finali (8) ma kinux jippermettu li l-limitu massimu ta’ 12.5 % jiġi interpretat fis-sens li ma kienx vinkolanti jew li kien purament indikattiv.

Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk is-SRB osservax, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata kien jirriżulta qabel kollox li l-livell fil-mira finali mbassar kien stmat għal EUR 79 987 450 580. Għalhekk, is-SRB kien obbligat jiżgura ruħu li l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ex ante ma kienx jaqbeż l-ammont ta’ EUR 9 998 431 322.50. Issa, kif kien jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022 għal EUR 14 253 573 821.46, imnaqqas għal EUR 13 675 366 302.18 wara ċertu tnaqqis.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ffissat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha għal ammont li kien jaqbeż il-limitu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira finali mbassar u li s-SRB kiser l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-iżball ta’ liġi kien, fih innifsu, ta’ natura li jservi ta’ bażi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna lir-rikorrenti.

Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali żammet l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna lir-rikorrenti sakemm is-SRB ħa l-miżuri neċessarji li kienu jirriżultaw minn dan l-annullament, u dan f’terminu raġonevoli li ma setax jaqbeż sitt xhur b’effett mill-jum li fih din is-sentenza saret definittiva.


1      Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


2      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


3      Artikolu 69(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.


4      Proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM(2013) 520 final tal‑10 ta’ Lulju 2013; Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċert ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


5      Kif kien previst mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.


6      Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.


7      L-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.


8      Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014.