Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2023 minn St. Jude Medical Coordination Center (SJM Coordination Center) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-tieni Awla Estiża) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-420/16, SJM Coordination Center vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-754/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: St. Jude Medical Coordination Center (SJM Coordination Center) (rappreżentanti: F. Louis u É. Bruc, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appella, tiddeċiedi fuq il-mertu u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); jew,

tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru tal-allegata għajnuna mingħand SJM Coordination Center;

iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħdax-il aggravju.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat li l-ewwel linja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx sens waħedha.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat b’mod manifest l-Artikolu 185(b) tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa fuq id-Dħul (iktar ’il quddiem il-“KTD”) meta ddeċidiet dwar l-ewwel linja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-istandard tal-“applikazzjoni żbaljata manifesta” meta ddeċidiet dwar l-allegata applikazzjoni contra legem tal-Artikolu 185(2)(b) tal-KTD.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat sistema ta’ riferiment li hija żbaljata, ġenerika u wiesgħa ż-żejjed, li ma tirriflettix is-sistema korretta ta’ riferiment inkwistjoni.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-Liġi Belġjana dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u ħolqot eċċezzjoni artifiċjali kontra aġġustamenti unilaterali fi ħdan is-sistema ta’ riferimenti, u għalhekk injorat il-fatt li din kompletament tippermetti aġġustamenti unilaterali tat-taxxa.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat l-allegazzjoni żbaljata li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata dwar derogi mis-sistema ta’ riferiment.

Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-riskju ta’ taxxa doppja bħala ġustifikazzjoni għall-aġġustamenti tat-taxxa.

Is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi dwar il-kunċett ta’ vantaġġ fiskali.

It-tmien aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ impriża meta ddeterminat il-benefiċjarju tal-allegata għajnuna mill-Istat.

Id-disa’ aggravju: il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argumenti fattwali u legali ċentrali ta’ SJM Coordination Center u, b’dan il-mod, kisret id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha u naqset milli tiddeċiedi dwar tilwima mressqa quddiema.

L-għaxar aggravju: kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba ta’ SJM Coordination Center billi (i) ikkonfermat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni Ewropea ssodisfat d-dmir ta’ motivazzjoni tagħha u d-dmir li twettaq eżami diliġenti u imparzjali u (ii) injorat il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet kisret d-dritt għal smiegħ ta’ SJM Coordination Center.

Il-ħdax-il aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet id-dritt tal-benefiċjarju li jikkontesta l-irkupru u naqset milli tirrikonoxxi li l-irkupru kellu attwalment jagħti lok għal taxxa doppja.

____________

1 ĠU 2016, L 260, p. 61