Language of document : ECLI:EU:T:2022:541

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

14 ta’ Settembru 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Apparati portabbli intelliġenti – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Kunċetti ta’ pjattaforma u ta’ suq b’diversi naħat (‘ekosistema’) – Sistema operattiva (Google Android) – Ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software (Play Store) – Applikazzjonijiet ta’ tiftix u browser (Google Search u Chrome) – Ftehimiet mal-manifatturi ta’ tagħmir u l-operaturi ta’ networks mobbli – Ksur uniku u kontinwu – Kunċetti ta’ pjan ġenerali u ta’ aġir implimentat fil-kuntest tal-istess ksur (gruppi ta’ prodotti, ħlasijiet ta’ esklużività u obbligi antiframmentazzjoni) – Effetti ta’ esklużjoni – Drittijiet tad-difiża – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑604/18,

Google LLC, stabbilita f’Mountain View, California (l-Istati Uniti),

Alphabet, Inc., stabbilita f’Mountain View,

irrappreżentati minn N. Levy, J. Schindler, A. Lamadrid de Pablo, J. Killick, A. Komninos, G. Forwood, avukati, P. Stuart, D. Gregory, H. Mostyn, barristers, u M. Pickford, KC,

rikorrenti,

sostnuti minn

Application Developers Alliance, stabbilita f’Washington, D.C. (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Parr, S. Vaz, solicitors, u R. Baena Zapatero, avukata,

minn

Computer & Communications Industry Association, stabbilita f’Washington, D.C., irrappreżentata minn E. Batchelor, T. Selwyn Sharpe, solicitors, u G. de Vasconcelos Lopes, avukata,

minn

Gigaset Communications GmbH, stabbilita f’Bocholt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat,

minn

HMD global Oy, stabbilita f’Ħelsinki (il-Finlandja), irrappreżentata minn M. Glader u M. Johansson, avukati,

u minn

Opera Norway AS, li kienet Opera Software AS, stabbilita f’Oslo (in-Norveġja), irrappreżentata minn M. Glader u M. Johansson, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, A. Dawes, C. Urraca Caviedes u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, li kienet Bundesverband Deutscher Zeitungsverleger eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u P. Westerhoff, avukat,

minn

L-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Fratini, avukata,

minn

FairSearch AISBL, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn T. Vinje, D. Paemen u K. Missenden, avukati,

minn

Qwant, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u P. Westerhoff, avukat,

minn

Seznam.cz, a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn M. Felgr, T. Vinje, D. Paemen, J. Dobrý, u P. Chytil, avukati,

u minn

Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u minn P. Westerhoff, avukat,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen (Relatur), J. Schwarcz, C. Iliopoulos u R. Norkus, imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, kap ta’ unità,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta li saret mis‑27 ta’ Settembru sal‑1 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, Google LLC (li kienet Google Inc.) u Alphabet, Inc., li tagħha Google LLC hija s-sussidjarja (iktar ’il quddiem, flimkien, “Google” jew ir-“rikorrenti”), jitolbu, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4761 final tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar dwar proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40099 – Google Android) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom fl-imsemmija deċiżjoni.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Google hija kumpannija tas-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni speċjalizzata fil-prodotti u fis-servizzi marbuta mal-internet attiva fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

A.      Ilkuntest talkawża

3        Fl‑2005, sabiex jitqiesu l-ħolqien u l-iżvilupp tal-internet mobbli u tal-bidla probabbli fl-imġiba tal-utenti li dan kien ser iwassal għaliha fir-rigward tat-tfittxijiet ġenerali li jsiru online, Google akkwistat il-kumpannija li oriġinarjament kienet żviluppat is-sistema operattiva Android (iktar ’il quddiem “OS”) għall-apparati portabbli intelliġenti. F’Lulju 2018, skont il-Kummissjoni, madwar 80 % tal-apparati portabbli intelliġenti użati fl-Ewropa u fid-dinja kienu jaħdmu bl-Android.

4        Meta Google tiżviluppa verżjoni ġdida ta’ Android, hija tippubblika l-kodiċi tas-sors online. Dan jippermetti lil partijiet terzi jniżżlu u jemendaw dan il-kodiċi biex joħolqu “forks” ta’ Android (fork hija software ġdid maħluq mill-kodiċi tas-sors ta’ software eżistenti). Il-kodiċi tas-sors ta’ Android maħruġ taħt liċenzja ta’ sors miftuħ (“Android Open Source Project Licence”, iktar ’il quddiem il-“liċenzja AOSP”) jinkludi l-elementi bażiċi ta’ OS, iżda mhux l-applikazzjonijiet u s-servizzi ta’ Android li Google hija l-proprjetarja tagħhom. Il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem l-“OEMs”) li jixtiequ jiksbu l-applikazzjonijiet u s-servizzi ta’ Google għalhekk għalhekk jikkonkludu kuntratti ma’ Google. Tali kuntratti jiġu konklużi wkoll minn Google mal-operaturi tan-networks mobbli (iktar ’il quddiem l-“ONM”) li jkunu jixtiequ jinstallaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi proprjetarji ta’ Google fuq l-apparati mibjugħa lill-utenti finali.

5        Uħud minn dawn il-kuntratti huma s-suġġett ta’ din il-kawża.

B.      Ilproċedura quddiem ilKummissjoni

6        Fil‑25 ta’ Marzu 2013, FairSearch AISBL, assoċjazzjoni ta’ kumpanniji attivi fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ressqet ilment lill-Kummissjoni dwar ċerti prattiki kummerċjali ta’ Google fil-qasam tal-internet mobbli. Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Google, lill-klijenti tagħha, lill-kompetituri tagħha u lil entitajiet oħra attivi f’dan l-ambjent. Entitajiet oħra wkoll ilmentaw lill-Kummissjoni dwar l-aġir ta’ Google fil-qasam tal-internet mobbli.

7        Fil‑15 ta’ April 2015, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra Google fir-rigward ta’ Android.

8        Fl‑20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Google. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata wkoll lis‑17-il lanjant u parti terza kkonċernati.

9        Bejn Ottubru 2016 u Ottubru 2017, il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet minn 11-il lanjant u parti terza kkonċernati. F’Diċembru 2016, Google ressqet il-verżjoni finali tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem ir-“risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). Dakinhar, Google ma talbitx li ssir seduta.

10      Bejn Awwissu 2017 u Mejju 2018, il-Kummissjoni tat lil Google diversi provi li jsostnu l-konklużjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn il-provi ġew ikkomunikati b’mod partikolari permezz tal-ewwel ittra tal-fatti, fil‑31 ta’ Awwissu 2017, u t-tieni ittra tal-fatti, fil‑11 ta’ April 2018. Google ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn l-ittri, rispettivament, fit‑23 ta’ Ottubru 2017 u fis‑7 ta’ Mejju 2018.

11      Barra minn hekk, f’Settembru 2017, Google talbet li tikseb id-dokumenti rilevanti kollha dwar il-laqgħat li l-Kummissjoni seta’ kellha mat-terzi. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fi Frar 2018.

12      Google kellha aċċess għall-fajl fl‑2016 wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fl‑2017 wara l-ewwel ittra tal-fatti, u fl‑2018 wara t-tieni ittra tal-fatti.

13      Fis‑7 ta’ Mejju 2018, Google talbet li ssir seduta. Din it-talba ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni fit‑18 ta’ Mejju 2018.

14      Fil‑21 ta’ Ġunju 2018, fuq talba ta’ Google, il-Kummissjoni bagħtitilha żewġ ittri ta’ partijiet terzi kkonċernati. Google ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn id-dokumenti fis‑27 ta’ Ġunju 2018.

C.      Iddeċiżjoni kkontestata

15      Fit‑18 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fiha, il-Kummissjoni imponiet multa fuq Google LLC u, parzjalment, fuq Alphabet Inc., minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi imponew restrizzjonijiet kuntrattwali antikompetittivi fuq l-OEMs u fuq l-ONMs sabiex tipproteġi u tikkonsolida l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali, fiż-ŻEE, tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

16      Fid-deċiżjoni kkontestata huma identifikati tliet settijiet ta’ restrizzjonijiet kuntrattwali:

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet ta’ distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet mobbli (iktar ’il quddiem il-“FDAM”) li permezz tagħhom Google imponiet fuq l-OEMs l-obbligu li jippreinstallaw l-applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali (Google Search) u l-browser (Chrome) tagħha, sabiex dawn ikunu jistgħu jingħataw liċenzja għall-użu tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ Google (Play Store);

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet antiframmentazzjoni (iktar ’il quddiem il-“FAF”) li skonthom l-OEMs li xtaqu jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ Google ma setgħux ibigħu apparati li jħaddmu verżjonijiet ta’ Android li ma kinux approvati minn Google;

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul (iktar ’il quddiem il-“FTD”) li skonthom Google kienet tagħti lill-OEMs u lill-ONMs perċentwali mid-dħul mir-reklamar tagħha sakemm dawn il-fabbrikanti jew operaturi jkunu aċċettaw li ma jippreinstallawx servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq kwalunkwe apparat li jagħmel parti minn portfolio ddefinit maqbul reċiprokament (iktar ’il quddiem il-“FTD abbażi ta’ portfolio”).

17      Fir-rigward tat-tul tar-restrizzjonijiet kuntrattwali (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“restrizzjonijiet kontenzjużi”), dawk marbuta mal-FDAM damu, għas-sett ta’ Google Search u Play Store, mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata u, għas-sett ta’ Chrome, Google Search u Play Store, mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata; dawk marbuta mal-FAF damu mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata, u dawk marbuta mal-FTD damu mill‑1 ta’ Jannar 2011 sal‑31 ta’ Marzu 2014, id-data li fiha ntemm l-aħħar FTD abbażi ta’ portfolio.

18      Skont il-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet kontenzjużi kellhom l-għan li jipproteġu u jsaħħu l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fil-qasam tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u, għaldaqstant, id-dħul ta’ din il-kumpannija minn reklami marbuta ma’ dan it-tiftix. L-għan komuni u l-interdipendenza tar-restrizzjonijiet kontenzjużi wasslu lill-Kummissjoni biex tikklassifikahom bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

19      Sabiex tissanzjona dawn il-prattiki li qieset bħala abbużivi, il-Kummissjoni imponiet fuq Google multa ta’ EUR 4 342 865 000. Sabiex tiddetermina dan l-ammont, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ rilevanti fi ħdan iż-ŻEE, fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu, li għamlet Google matul l-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (l‑2017) u applikat koeffiċjent ta’ gravità (11 %). Il-Kummissjoni mbagħad immultiplikat l-ammont miksub bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (madwar 7.52) u żiedet miegħu ammont addizzjonali (ekwivalenti għal 11 % tal-valur tal-bejgħ tal-2017) sabiex tiskoraġġixxi lil kumpanniji simili milli jwettqu prattiki identiċi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma kienx hemm lok li jitqies li kien hemm ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti jew li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kapaċità finanzjarja sinjifikattiva ta’ Google sabiex iżżid jew tbaxxi l-ammont tal-multa.

20      Il-Kummissjoni eżiġiet ukoll li Google ttemm dawn il-prattiki fi żmien 90 jum min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2018, Google ppreżentat dan ir-rikors.

22      Fuq talba tal-Kummissjoni, it-terminu għall-preżentata tar-risposta ġie estiż diversi drabi. Fl-aħħar lok, ġie stabbilit għall‑15 ta’ Marzu 2019, id-data li fiha ġiet ippreżentata dik ir-risposta.

23      Fuq talba ta’ Google, it-terminu għall-preżentata tar-replika ġie estiż diversi drabi. Fl-aħħar lok, ġie stabbilit għall‑1 ta’ Lulju 2019, id-data li fiha ġiet ippreżentata r-replika.

24      Fuq talba tal-Kummissjoni, it-terminu għall-preżentata tal-kontroreplika ġie estiż diversi drabi. Fl-aħħar lok, ġie stabbilit għad‑29 ta’ Novembru 2019, id-data li fiha ġiet ippreżentata dik il-kontroreplika.

A.      Talbiet għal intervent

25      Tressqu ħdax-il talba għal intervent fit-terminu previst fl-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla, tat‑23 ta’ Settembru 2019:

–        Application Developers Alliance (iktar ’il quddiem “ADA”); Computer & Communications Industry Association (iktar ’il quddiem “CCIA”); Gigaset Communications GmbH (iktar ’il quddiem “Gigaset”); HMD global Oy (iktar ’il quddiem “HMD”) u Opera Norway AS, li kienet Opera Software AS (iktar ’il quddiem “Opera”) tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Google;

–        L-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC), Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV (iktar ’il quddiem “VDZ”), BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV (iktar ’il quddiem “BDZV”), Seznam.cz, a.s. (iktar ’il quddiem “Seznam”), FairSearch u Qwant tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

27      Sabiex l-intervenjenti jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom fuq in-noti kollha tal-partijiet prinċipali, it-terminu għall-preżentata tan-noti ta’ intervent ġie stabbilit mill-preżentata tal-verżjoni komuni mhux kunfidenzjali tal-kontroreplika.

28      Fuq talba ta’ ċerti intervenjenti, it-terminu għall-preżentata tan-noti ta’ intervent ġie estiż diversi drabi. Fl-aħħar lok, ġie stabbilit għat‑30 ta’ Ġunju 2020, id-data li fiha ġew ippreżentati dawn in-noti kollha.

29      Fit‑12 ta’ Ottubru 2020, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent.

B.      Żvolġiment talproċedura, talbiet prinċipali għal trattament kunfidenzjali u tħejjija talkawża

30      Fuq talba tal-partijiet prinċipali, it-terminu għat-tressiq tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali tar-rikors, tar-risposta, tar-replika u tal-kontroreplika ġie estiż diversi drabi. Għar-rikors u għar-risposta, fl-aħħar lok ġie stabbilit għat‑13 ta’ Settembru 2019, id-data li fiha l-partijiet prinċipali ppreżentaw verżjoni komuni mhux kunfidenzjali ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti. Għar-replika u għall-kontroreplika, fl-aħħar lok ġie stabbilit għall‑11 ta’ Diċembru 2019 u għall‑1 ta’ Mejju 2020, rispettivament, id-dati li fihom il-partijiet prinċipali ppreżentaw verżjoni komuni ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti.

31      Fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, l-uniċi oġġezzjonijiet għat-talbiet għal trattament kunfidenzjali tqajmu minn FairSearch fl‑20 ta’ Marzu 2020 fir-rigward tal-kunfidenzjalità invokata minn Google f’dak li jikkonċerna tliet annessi tal-kontroreplika.

32      Fis‑7 ta’ April 2020, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lil Google tippreċiża l-portata tal-kunfidenzjalità invokata fir-rigward tat-tliet annessi identifikati minn FairSearch. Google wieġbet fit‑23 ta’ April 2020 u pproduċiet verżjonijiet ġodda ta’ dawk l-annessi.

33      Fis‑6 ta’ Mejju 2020, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali staqsiet lil FairSearch jekk, fid-dawl tal-verżjonijiet il-ġodda tat-tliet annessi tal-kontroreplika kkomunikati minn Google, hija kinitx ser tibqa’ toġġezzjona fir-rigward tal-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti. FairSearch wieġbet fl‑1 ta’ Ġunju 2020 fejn indikat li hija ma kinitx ser tibqa’ toġġezzjona.

34      Fuq talba tal-partijiet prinċipali, it-terminu għat-tressiq tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent ġie estiż diversi drabi. Fl-aħħar lok, ġie stabbilit għall‑11 ta’ Diċembru 2020, id-data li fiha ġew ippreżentati verżjonijiet komuni mhux kunfidenzjali ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

35      Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali dwar in-noti ta’ intervent, l-uniċi oġġezzjonijiet magħmula dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġew ippreżentati mill-BEUC fit‑8 ta’ Jannar 2021 fir-rigward tal-kunfidenzjalità invokata minn Google dwar anness tar-rikors u ċerti siltiet mill-osservazzjonijiet ta’ Google fuq in-nota ta’ intervent tal-BEUC.

36      Fil‑21 ta’ Jannar 2021, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lil Google tippreċiża l-portata tal-kunfidenzjalità invokata fir-rigward ta’ dan l-anness tar-rikors u ta’ dawn is-siltiet tal-osservazzjonijiet tagħha. Google wieġbet fis‑27 ta’ Jannar 2021 u pproduċiet verżjonijiet ġodda tal-anness tar-rikors identifikat mill-BEUC, kif ukoll l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-BEUC.

37      Fit‑18 ta’ Frar 2021, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-BEUC jekk, fid-dawl tal-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali tal-anness li huwa kien identifika, kif ukoll tal-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet ta’ Google dwar in-nota ta’ intervent tiegħu, huwa kienx ser jibqa’ joġġezzjona. Il-BEUC wieġeb fil‑5 ta’ Marzu 2021 fejn indika li ma kienx ser jibqa’ joġġezzjona.

38      L-isforzi konġunti tal-partijiet kollha matul il-proċedura ppermettew, minkejja l-interessi spiss diverġenti inkwistjoni, li jissolvew kemm jista’ jkun id-diffikultajiet marbuta man-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni, id-data u d-dokumenti invokati fil-kuntest ta’ din il-kawża, u li jkun jista’ jsir l-eżami tal-kawża fuq il-bażi ta’ verżjoni komuni mhux kunfidenzjali. Ċerta data kunfidenzjali magħrufa mill-partijiet prinċipali ġiet sostitwita sussegwentement mill-firxiet użati fil-verżjoni għall-pubbliku tad-deċiżjoni kkontestata disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

39      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

40      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fid‑19 ta’ Marzu 2021 flimkien mal-komunikazzjoni tal-aħħar osservazzjonijiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

41      Fis‑6 ta’ April 2021, Google talbet li ssir seduta għas-sottomissjonijiet orali.

42      Fuq proposta tas-Sitt Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija l-kawża quddiem is-Sitt Awla Estiża.

43      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

44      Fil‑25 ta’ Ġunju 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet iwieġbu għall-ewwel sensiela ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet dwar il-mertu tal-kawża u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar dawn it-tweġibiet.

45      Fil‑5 ta’ Lulju 2021, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-programm previst għad-diversi ġranet tas-seduta. Dan il-programm ġie adattat fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati f’dan ir-rigward.

46      Ir-rapport tas-seduta ġie kkomunikat lill-partijiet u, fis‑7 ta’ Settembru u fl‑24 ta’ Settembru 2021, Google u l-Kummissjoni, rispettivament, ippreżentaw osservazzjonijiet dwar dan id-dokument. Il-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

47      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet prinċipali u tal-intervenjenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li saret fuq ħamest ijiem, mis‑27 ta’ Settembru sal‑1 ta’ Ottubru 2021.

C.      Ittalbiet talpartijiet

48      Google, sostnuta minn ADA, CCIA, Gigaset, HMD u Opera, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-BEUC, lil VDZ, lilBDZV, lil Seznam, lil FairSearch u lil Qwant għall-ispejjeż marbuta mal-interventi tagħhom.

49      Min-naħa tagħhom, ADA, CCIA, Gigaset, HMD u Opera jitolbu wkoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom.

50      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BEUC, VDZ, BDZV, Seznam, FairSearch u Qwant, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Google għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lil ADA, CCIA, Gigaset, HMD u Opera għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom.

51      Il-BEUC, VDZ, BDZV, Seznam, FairSearch u Qwant jitolbu wkoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lil Google għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom.

III. Iddritt

52      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu sitt motivi:

–        l-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-definizzjoni tas-suq u fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti;

–        it-tieni motiv huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM;

–        it-tielet motiv huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika inkluża fil-FTD abbażi ta’ portfolio;

–        ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-issuġġettar tal-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u Google Search għall-osservanza ta’ obbligi ta’ antiframmentazzjoni (iktar ’il quddiem l-“OAF”) inklużi fil-FAF;

–        il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża;

–        is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

53      Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet, għandhom isiru xi osservazzjonijiet fuq il-kuntest kummerċjali tal-aġir issanzjonat, il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata u l-produzzjoni tal-prova kif ukoll l-ammissibbiltà tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.

1.      Fuq ilkuntest kummerċjali talaġir issanzjonat

54      Id-dizzjunarju online Merriam-Webster jiddefinixxi l-verb “to google” bħala l-azzjoni li tikkonsisti “fl-użu tal-magna tat-tiftix ta’ Google sabiex tinkiseb informazzjoni dwar xi ħadd jew xi ħaġa fuq il-World Wide Web”. Huwa rari ħafna li kumpannija jkollha reputazzjoni tant kbira li isimha jsir verb u dan il-fatt biss juri l-importanza li kisbet Google fil-ħajja ta’ kuljum.

a)      Mudell kummerċjali ċċentrat fuq ittiftix permezz ta’ Google Search

55      Il-biċċa l-kbira tad-dħul ta’ Google jiġi mill-prodott ewlieni tagħha: il-magna tat-tiftix Google Search. Fuq l-apparati portabbli intelliġenti, l-utenti jistgħu jaċċedu l-magna tat-tiftix Google Search permezz tal-applikazzjoni Google Search jew permezz ta’ punti ta’ dħul oħra, bħall-widget tat-tiftix (“search widget”), jew bar tal-indirizz fil-browser. Din il-magna tat-tiftix tipprovdi servizzi ġenerali ta’ tiftix (“general search services”) u tippermetti lill-utenti jfittxu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom fuq l-internet kollu (premessi 94 sa 101 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Il-mudell kummerċjali ta’ Google huwa bbażat fuq l-interazzjoni bejn, minn naħa, prodotti u servizzi marbuta mal-internet li spiss huma offruti mingħajr ħlas lill-utenti u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ reklamar online, li minnhom hija tikseb il-parti l-kbira tad-dħul tagħha. Għalhekk, l-OS Android, il-ħanut tal-applikazzjonijiet ta’ software Play Store, l-applikazzjoni Google Search, il-browser Chrome, is-servizz tal-posta elettronika Gmail, is-servizz tal-ħżin u l-modifika tal-kontenut Google Drive, is-servizz tal-ġeolokalizzazzjoni Google Maps, u s-servizz ta’ xandir ta’ kontenut YouTube huma offruti mingħajr ħlas. Servizzi oħra huma offruti bi ħlas, bħal Google Play Music and Movie, u wħud minnhom joffru verżjoni primjum bi ħlas, bħal YouTube u Google Drive (premessa 107 u nota f’qiegħ il-paġna Nru 65 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl‑2016, pereżempju, ir-reklamar online kien jammonta għal 88.7 % tad-dħul totali ta’ Google, li 80 % minnu kien iġġenerat mis-siti ta’ Google, b’mod partikolari l-paġna ewlenija ta’ Google Search (premessi 105 sa 107 u n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      B’differenza mill-mudell kummerċjali adottat, pereżempju, mill-kumpannija Apple, li huwa bbażat fuq l-integrazzjoni vertikali u l-bejgħ ta’ apparati portabbli intelliġenti ta’ kwalità għolja, il-mudell kummerċjali ta’ Google huwa bbażat fuq kollox fuq iż-żieda fl-ammont ta’ utenti tas-servizzi ta’ tiftix online tagħha sabiex tkun tista’ tbigħ is-servizzi tagħha ta’ reklamar online (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Meta l-utenti jinteraġixxu mal-prodotti u s-servizzi tagħha, Google tiġbor data dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħhom u l-użu tal-apparat tagħhom. Id-data miksuba tinkludi b’mod partikolari l-informazzjoni ta’ kuntatt (l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon); id-data ta’ indentifikazzjoni tal-kont (l-isem tal-utent u l-password); informazzjoni demografika (il-ġeneru u d-data tat-twelid); id-dettalji tal-karta jew tal-kont tal-bank użat(a); informazzjoni dwar il-kontenut muri lill-utent (reklamar, il-paġni li jżur, eċċ.); data ta’ interazzjoni, bħall-“klikks”; il-post; data dwar l-apparat u l-operatur użati. Din id-data tippermetti lil Google ttejjeb il-kapaċità tagħha li tippreżenta tweġibiet għat-tiftix u reklami rilevanti (premessi 109 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Prattiki adottati fittranżizzjoni lejn linternet mobbli

59      Il-mudell kummerċjali ta’ Google inizjalment ġie żviluppat fl-ambjent tal-kompjuters personali (PC), li għalihom il-browser kien il-punt prinċipali ta’ dħul fuq l-internet. F’nofs is-snin 2000, Google qieset li l-iżvilupp tal-internet mobbli kien ser jirrappreżenta bidla fundamentali fl-imġiba tal-utenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-opportunitajiet offruti mill-ġeolokalizzazzjoni.

60      Din l-espansjoni prevedibbli ħeġġet lil Google biex tistabbilixxi strateġija li tantiċipa l-effetti ta’ din il-bidla u tiżgura li l-utenti jagħmlu t-tiftix tagħhom fuq l-apparati portabbli permezz ta’ Google Search (premessi 112 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-istrateġija kellha diversi aspetti.

61      Minn naħa, fl‑2005, Google xtrat l-iżviluppatur inizjali tal-OS Android sabiex tieħu f’idejha l-iżvilupp u l-manutenzjoni tiegħu (premessi 120 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata). L-OS Android huwa offrut mingħajr ħlas lill-OEMs, lill-ONMs u lill-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet ta’ software permezz ta’ liċenzja ta’ sors miftuħ, il-liċenzja AOSP (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). L-OS Android huwa wkoll parti minn “ekosistema”, li tinkorpora elementi oħra bħas-servizzi kollha ta’ Google Mobile (is-sett ta’ GMS jew Google Mobile Services, iktar ’il quddiem is-“sett ta’ GMS”) (ara l-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata) li jinkludi b’mod partikolari l-ħanut tal-applikazzjonijiet tas-software Play Store, l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome. L-ewwel verżjonijiet kummerċjali ta’ apparati li jaħdmu bl-Android ġew ikkummerċjalizzati fl‑2008-2009.

62      Min-naħa l-oħra, mill‑2007, Google kkonkludiet ftehim ma’ Apple bl-għan li Google Search tiġi ssettjata bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit fuq l-apparati portabbli intelliġenti kollha varati minn Apple minn meta ħareġ l-iPhone. Dan il-ftehim wassal biex Google Search, fl‑2010, kienet responsabbli għal iktar minn nofs it-traffiku tal-internet fuq l-iPhone u kważi terz tat-traffiku kollu tal-internet mobbli (premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Barra minn hekk, Google hija wkoll attiva fil-produzzjoni ta’ apparati ta’ Google stess li jaħdmu bl-Android bil-linji proprji tagħha Nexus u Pixel (premessi 152 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)      Ksur uniku li jinvolvi diversi aspetti

64      F’din il-kawża, il-Kummissjoni qieset li ċerti aspetti tal-istrateġija implimentata minn Google sabiex tadatta l-mudell kummerċjali tagħha għat-tranżizzjoni lejn l-internet mobbli kienu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti.

65      Dan kien il-każ fir-rigward tar-restrizzjonijiet kontenzjużi imposti minn Google fuq l-OEMs u fuq l-ONMs sabiex tiżgura li t-traffiku fuq l-apparati ta’ Google Android jiġi mgħoddi mill-magna tat-tiftix Google Search. F’għajnejn il-Kummissjoni, dawn il-prattiki kellhom l-effett li ċaħħdu lill-kompetituri ta’ Google – bħal Qwant jew Seznam – mill-possibbiltà li jikkompetu fuq il-merti tagħhom u ċaħħdu lill-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea mill-vantaġġi ta’ kompetizzjoni effettiva, bħall-possibbiltà li tintuża magna tat-tiftix li tipprijoritizza l-protezzjoni tal-privatezza, li hija adattata għal partikolaritajiet lingwistiċi jew li tipprijoritizza l-kontenut b’valur miżjud, b’mod partikolari fil-qasam tal-informazzjoni.

66      Kif intqal iktar ’il fuq, skont il-punti 11 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjonijiet kontenzjużi kienu tlieta:

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-FDAM li permezz tagħhom Google imponiet fuq l-OEMs l-obbligu li jippreinstallaw l-applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali (Google Search) u l-browser (Chrome) tagħha, sabiex dawn ikunu jistgħu jingħataw liċenzja għall-użu tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software online tagħha (Play Store);

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-FAF li skonthom l-OEMs li xtaqu jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ Google ma setgħux ibigħu apparati li jħaddmu verżjonijiet ta’ Android li ma kinux approvati minn Google;

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-FTD abbażi ta’ portfolio li skonthom Google kienet tagħti lill-OEMs u lill-ONMs perċentwali mid-dħul mir-reklamar tagħha sakemm dawn il-fabbrikanti u dawn l-operaturi jkunu aċċettaw li ma jippreinstallawx servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq kwalunkwe apparat li jifforma parti minn portfolio ddefinit maqbul reċiprokament.

67      F’għajnejn il-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet kontenzjużi kienu jagħmlu parti minn strateġija globali ta’ Google intiża sabiex tikkonsolida l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tat-tiftix ġenerali fuq l-internet fil-mument li l-importanza tal-internet mobbli kienet qiegħda tiżdied b’mod sinjifikattiv (ara l-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      L-għan ta’ din l-istrateġija kien li jiġu ppreżervati ċ-ċansijiet ta’ Google li l-konsumaturi jużaw il-magna tat-tiftix tagħha meta jwettqu t-tiftix ġenerali tagħhom fuq l-internet, li ggarantixxa li din mhux biss tikseb id-dħul mir-reklamar korrispondenti, iżda wkoll li takkwista l-informazzjoni neċessarja biex ittejjeb is-servizzi tagħha. Għalkemm il-mezzi użati kienu bosta u kienu jinteraġġixxu flimkien, l-għan fl-aħħar mill-aħħar globalment baqa’ l-istess:

–        il-FDAM kellhom l-għan li jippermettu lil Google tiżgura li l-apparati ta’ Google Android ikkummerċjalizzati jkollhom l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome, iż-żewġ punti prinċipali ta’ dħul sabiex issir tiftixa ġenerali; b’hekk, il-preinstallazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet kellha l-effett li tippermetti lil Google tibbenefika mill-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut magħha, vantaġġ li kellu effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni billi naqqas b’mod partikolari l-possibbiltajiet ta’ għażla offruti lill-konsumaturi;

–        il-FAF kellhom l-għan li jippermettu lil Google tevita li jitfaċċaw soluzzjonijiet li jistgħu jisfruttaw l-OS Android għad-detriment tagħha; b’hekk, il-kumpannija Amazon ma rnexxilhiex tuża l-Android sabiex tiżviluppa s-soluzzjonijiet proprji tagħha f’termini ta’ applikazzjonijiet u ta’ servizzi korrispondenti;

–        il-FTD abbażi ta’ portfolio, li għandu jingħad li ma kinux ikopru l-apparati kollha ta’ Google Android u li kienu implimentati biss għal perijodu ta’ żmien qasir, kellhom l-għan li jippermettu lil Google tikseb dak li ma kienx formalment previst mill-ftehimiet l-oħra, jiġifieri l-esklużività; fil-fatt, skont dawn il-ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul, l-OEMs u l-ONMs sinjifikattivi ntrabtu li jippreinstallaw biss il-magna tat-tiftix Google Search.

69      Għandu jiġi enfasizzat ukoll punt importanti fir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 738 u 739 u fil-punt 14.2.

70      Fil-prattika, il-Kummissjoni identifikat tliet tipi ta’ restrizzjonijiet kontenzjużi fil-FDAM, fil-FAF u fil-FTD abbażi ta’ portfolio u qieset li dawn kienu jagħtu lok għal “erba’ każijiet ta’ ksur separati” tal-Artikolu 102 TFUE.

71      Madankollu, il-Kummissjoni qieset ukoll li dawn ir-restrizzjonijiet, u l-ksur li jirriżulta minnhom, kellhom għan identiku u kienu komplimentari u interdipendenti. Għalhek flimkien kienu jikkostitwixxu “ksur uniku u kontinwu” li għalih ġiet imposta multa waħda biss.

72      Dan il-ksur għalhekk kellu diversi aspetti, li kull wieħed minnhom evolva maż-żmien skont il-parametri tiegħu stess filwaqt li kollha baqgħu konnessi flimkien bl-għan komuni li jiġi ggarantit li Google jkollha l-aħjar aċċess possibbli għat-tiftix ġenerali mwettaq mill-konsumaturi fuq apparati portabbli intelliġenti. Kien hemm ukoll “effett kumulattiv” mhux negliġibbli marbut mal-kombinazzjoni tad-diversi aspetti ta’ dan il-ksur. B’mod partikolari, l-effetti tar-restrizzjonijiet kontenzjużi ma baqgħux l-istess mill-mument meta l-garanzija ta’ preżenza offruta mill-FDAM, għalkemm mhux esklużiva, ġiet imsaħħa mill-esklużività mogħtija mill-FTD.

2.      Fuq ilmodalitajiet talistħarriġ ġudizzjarju

73      Għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jiġi ssupplimentat, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tar-rikorrenti, mill-eżerċizzju tal-Qorti Ġenerali ta’ kompetenza assoluta fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

a)      Stħarriġ fiddettall talelementi rilevanti kollha

74      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi rrilevat li l-portata tiegħu testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrent u fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha ppreżentati minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata timponi multa u pagamenti ta’ penalità għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati mill-Kummissjoni, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu l-ksur u jekk din tippermettix li tiġi ssostanzjata l-interpretazzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fil-fatt, b’differenza pereżempju minn analiżi prospettiva meħtieġa għall-eżami ta’ konċentrazzjoni proposta, li teħtieġ li jiġu mbassra l-avvenimenti li ser iseħħu fil-futur, skont jekk humiex iżjed jew inqas probabbli, jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni li tipprojbixxi jew tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-konċentrazzjoni proposta, normalment il-Kummissjoni tkun responsabbli li, meta tissanzjona abbuż minn pożizzjoni dominanti, teżamina l-avvenimenti tal-passat, li fir-rigward tagħhom ġeneralment ikun hemm diversi elementi li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi u jevalwa l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 42).

77      F’tali sitwazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-abbuż, iżda wkoll it-tul tiegħu. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni għandha tipprova l-ksur li hija kkonstatat u tipproduċi provi li juru, skont il-liġi, l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu l-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, T‑422/10, EU:T:2015:512, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-kumpannija destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-Qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni skont il-liġi jekk ikun għad għandha xi dubji fuq dan il-punt, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ annullament jew ta’ tibdil ta’ deċiżjoni li timponi multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, T‑422/10, EU:T:2015:512, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      B’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati għajr mill-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-Qorti jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-kumpannija kkonċernata tressaq argument li jixħet dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermetti għalhekk li titqies spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur. F’dan il-każ, fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax titqies li tat prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 16, u tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punti 126 u 127).

80      Fil-fatt, fil-preżenza ta’ dubju dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanza li tikkostitwixxi ksur, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-kumpanniji li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni soda li l-allegat ksur seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, T‑422/10, EU:T:2015:512, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Madankollu, għalkemm huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex neċessarju li kull prova prodotta mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-Kummissjoni, meqjusa kollha kemm hi, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

b)      Ġurisdizzjoni sħiħa firrigward talmulta

82      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) f’konformità mal-Artikolu 261 TFUE, din tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      B’mod partikolari, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dak li jikkonċerna l-multa, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-kuntest, ġie deċiż b’mod partikolari li l-gravità tal-ksur għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali u li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħalma huma, b’mod partikolari, l-aġir tal-kumpannija kkonċernata, ir-rwol tagħha fl-istabbiliment tal-prattiki abbużivi, il-vantaġġ li hija setgħet tikseb minn dawn il-prattiki jew l-intensità tal-aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 196 u 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Dan l-eżerċizzju ma jirrikjedix li l-Qorti Ġenerali tapplika l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punti 52 sa 55).

86      Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Unjoni tista’ tibdel l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, sabiex tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta. Din il-kompetenza hija eżerċitata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, u l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni jimplika t-trasferiment definittiv lill-Qorti tas-setgħa li timponi sanzjonijiet (ara d-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni, C‑523/15 P, EU:C:2016:541, punti 32 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

3.      Fuq ilproduzzjoni talprova u ddiversi oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ppreżentati f’dan irrigward

87      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, kemm il-Kummissjoni kif ukoll Google jikkontestaw ir-rilevanza, u l-ammissibbiltà, ta’ ċerti argumenti u provi relatati ppreżentati minnhom jew mill-intervenjenti.

88      Dan huwa l-każ fir-rigward, pereżempju, ta’ ċerti dikjarazzjonijiet magħmula minn direttur jew minn impjegat ta’ Google jew minn parti kkonċernata; ċerti dikjarazzjonijiet jew rapporti ppreżentati fuq talba ta’ parti minn parti terza fuq il-bażi li din hija espert u dokumenti ppreżentati biex tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanza li tista’ titqies li kienet magħrufa u li hija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u hija kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-kunċett ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” identifikat fil-psikoloġija sabiex jintwera li kien hemm aġir mhux razzjonali li jispjega l-averżjoni għall-bidla. L-istess jgħodd għal dokumenti mfassla fuq il-bażi ta’ data interna tal-kumpannija stess u ppreżentati biex isostnu jew jiċħdu allegazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata jew f’dan ir-rikors.

89      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE jitwettaq fid-dawl tal-elementi kollha prodotti mir-rikorrenti, kemm jekk dawn ikunu preċedenti jew sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, u kemm jekk dawn ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn tal-aħħar ikunu rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Bl-istess mod, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa, fid-data li fiha tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta multa xierqa fuq ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2014, Esso et vs Il-Kummissjoni, T‑540/08, EU:T:2014:630, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li hija tqis rilevanti, kemm jekk ikunu qabel jew wara d-deċiżjoni inkwistjoni (digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni, C‑523/15 P, EU:C:2016:541, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, minn dawn il-prinċipji jirriżulta li, għalkemm huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-argumenti u l-provi relatati li ġew ippreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiemha ma jistgħux jiġu miċħuda fuq il-bażi li ma kinux ġew ippreżentati qabel lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

92      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi li minnhom jirriżulta, minn naħa, li, meta prova tkun inkisbet b’mod regolari, l-ammissibbiltà tagħha ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-uniku kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata s-saħħa probatorja tal-provi prodotti regolarment jirrigwarda l-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      B’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, f’din il-kawża jirriżulta li ma hemmx raġuni biex il-Qorti Ġenerali tassumi li l-provi differenti prodotti mill-partijiet ma nkisbux b’mod regolari jew li ma humiex kredibbli biżżejjed sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha.

94      F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-saħħa probatorja tad-diversi provi li kontrihom tqajmu oġġezzjonijiet, jista’ jiġi rrilevat dan li ġej.

95      Qabel kollox, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn direttur jew minn impjegat ta’ Google jew minn parti kkonċernata, għandu jiġi indikat li, għalkemm ma jistax jitqies li dawn ma għandhom l-ebda saħħa probatorja, xorta jibqa’ l-fatt li tali dikjarazzjonijiet huma intiżi jew biex iżidu jew biex itaffu r-responsabbiltà tal-kumpannija kkonċernata mill-proċedura għad-difiża jew għall-akkuża tagħha skont l-interessi proprji tal-parti li tagħmel id-dikjarazzjoni. Għalhekk, għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom saħħa probatorja, din trid titqies fil-kuntest ta’ dik tad-dokumenti differenti, bħal posta elettronika jew dokumenti interni oħra, li jikkonċernaw direttament il-perijodu u l-fatti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255, punt 379).

96      Bl-istess mod, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet jew tar-rapporti ppreżentati fuq talba ta’ parti sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tagħha minn parti terza fuq il-bażi li din hija espert, għandu jiġi rrilevat li s-saħħa probatorja ta’ tali dokumenti għandha tiġi evalwata minn diversi aspetti. Minn naħa, l-awtur tagħhom għandu jiżgura li jesponi l-kwalifiki u l-esperjenzi tiegħu u li jispjega kif dawn huma rilevanti sabiex jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni eżaminata. Min-naħa l-oħra, il-kontenut ta’ din l-opinjoni għandu jesponi r-raġunijiet għalfejn għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, kemm fir-rigward tal-affidabbiltà tal-metodoloġija użata kif ukoll tar-rilevanza tat-tweġiba mogħtija għal dik il-mistoqsija għall-finijiet ta’ din il-kawża. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali eżaminat dawn id-dokumenti f’din il-kawża.

97      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ dokumenti prodotti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ċirkustanza li tista’ titqies li kienet magħrufa u li hija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn għandhom jitqiesu bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Hickies vs EUIPO (Forma ta’ lazz ta’ żarbun), T‑573/18, EU:T:2020:32, punt 18). Fil-fatt, tali dokumenti huma limitati essenzjalment għal li juru l-eżistenza ta’ kunsens fir-rigward tat-tifsira komunement mogħtija lill-kunċett ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” invokat minn ċerti kumpanniji u riprodott mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

98      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-proposti ta’ provi fil-prinċipju jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti, il-partijiet prinċipali jibqgħu jistgħu jippreżentaw tali provi fir-replika u fil-kontroreplika insostenn tal-argumenti tagħhom jew anki, eċċezzjonalment, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom ikun iġġustifikat. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kontrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti wara argument jew prova kontrarja fir-risposta ma humiex koperti mir-regola ta’ dekadenza prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tikkonċerna proposti ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) ta’ dawk ir-regoli, li jipprevedi b’mod espliċitu li l-provi kontrarji u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti jibqgħu rriżervati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 71 u 72, u tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, EU:T:2006:374, punt 189).

99      F’dan il-każ, mill-eżami tad-diversi oġġezzjonijiet imqajma mill-partijiet kontra r-rilevanza, jew anki l-ammissibbiltà, ta’ ċerti argumenti u ta’ provi relatati ppreżentati mill-partijiet prinċipali jew mill-intervenjenti jirriżulta li dawn jistgħu jiġu miċħuda kollha minħabba li dawn l-argumenti u elementi huma marbuta mal-eżerċizzju tal-prinċipju ta’ kontradittorju, peress li l-partijiet ikkonċernati ppreżentawhom sabiex iwieġbu għal argument jew għal prova kontrarja li kienet għadha kemm ġiet ikkomunikata lill-Qorti Ġenerali.

100    Minn din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali tqis li la l-provi li ġew ippreżentati, għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors u lanqas l-invokazzjoni ta’ elementi ta’ fatt jew il-produzzjoni ta’ provi intiżi sabiex jikkonfutaw l-argumenti mressqa minn parti oħra matul il-kawża, fejn meħtieġ fid-dawl tad-data interna, jew sabiex jikkonfermaw fatt magħruf ma jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli u li r-rilevanza tagħhom tista’ tiġi evalwata sussegwentement fil-kuntest tal-eżami tad-diversi motivi ppreżentati kontra d-deċiżjoni kkontestata.

101    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi motivi ppreżentati minn Google insostenn tar-rikors kif ukoll il-provi kollha prodotti mill-partijiet.

B.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq levalwazzjoni żbaljata taddefinizzjoni tassuq rilevanti u fuq leżistenza ta’ pożizzjoni dominanti

102    Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors, maqsum fi tliet partijiet, Google takkuża lill-Kummissjoni li wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-swieq rilevanti u fl-evalwazzjoni sussegwenti tal-pożizzjoni dominanti tagħha fi wħud minn dawn is-swieq.

1.      Sfond

103    Preliminarjament, sabiex jiġi kkunsidrat il-kunċett ta’ kompetizzjoni bejn “ekosistemi” enfasizzat minn Google f’dan il-motiv, għandu jitfakkar, qabel kollox, x’inhi l-kwistjoni prinċipali fid-determinazzjoni tas-suq rilevanti fir-rigward tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, u li jiġu eżaminati, sussegwentement, il-partikolaritajiet ta’ din il-kawża.

a)      Kunċetti ta’ suq rilevanti, ta’ pożizzjoni dominanti u ta’ restrizzjonijiet kompetittivi, b’mod partikolari filpreżenza ta’ “ekosistema”

104    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, id-determinazzjoni tas-suq rilevanti għandha l-għan li tiddefinixxi l-limiti li fihom għandha tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija kkonċernata tistax taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Id-determinazzjoni tas-suq rilevanti għalhekk tikkostitwixxi, bħala prinċipju, prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-eżistenza possibbli ta’ pożizzjoni dominanti tal-kumpannija kkonċernata. Dan l-eżerċizzju jinvolvi d-definizzjoni, fl-ewwel lok, tal-prodotti jew tas-servizzi li jiffurmaw parti mis-suq rilevanti (iktar ’il quddiem is-“suq tal-prodotti”) imbagħad, fit-tieni lok, tad-dimensjoni ġeografika ta’ dan is-suq (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 127 u 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fir-rigward tas-suq tal-prodotti, il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li jista’ jkun hemm kompetizzjoni effettiva bejn il-prodotti jew is-servizzi li jifformaw parti minnu, li tippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà jew ta’ sostitwibbiltà bejn dawn il-prodotti u servizzi. L-interkambjabbiltà jew is-sostitwibbiltà ma tiġix evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tal-provvista u tad-domanda f’dak is-suq (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Fid-dimensjoni ġeografika tiegħu, is-suq rilevanti jikkorrispondi għat-territorju li fih il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma simili u huma omoġenji biżżejjed sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni fl-intier tiegħu u jippermetti li jiġi evalwat l-effett tas-saħħa ekonomika tal-kumpannija kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punti 11, 44, 52 u 53).

108    B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-pożizzjoni dominanti msemmija fl-Artikolu 102 TFUE tikkonċerna għalhekk pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ kumpannija li tagħtiha s-setgħa li tipprevjeni l-kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod sinjifikattivament indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, mill-konsumaturi tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 65).

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tas-suq rilevanti u tal-pożizzjoni dominanti f’dan is-suq tal-kumpannija kkonċernata hija intiża mhux biss sabiex tiddefinixxi r-realtà u l-portata tar-restrizzjonijiet kompetittivi interni speċifiċi għal dan is-suq, iżda wkoll sabiex jiġi vverifikat li ma jeżistux restrizzjonijiet kompetittivi esterni minn prodotti, servizzi jew territorji oħra minbarra dawk li jifformaw parti mis-suq rilevanti eżaminat.

110    B’mod ġenerali, huwa importanti, fil-fatt, li l-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi l-limiti li fihom jikkompetu l-kumpanniji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kumpannija kkonċernata tistax, b’mod sinjifikattiv, taġixxi indipendentement mir-restrizzjonijiet li timponi kompetizzjoni effettiva.

111    Issa, kif diġà ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-interkambjabbiltà u s-sostitwibbiltà ta’ prodotti jew ta’ servizzi huma naturalment ta’ natura dinamika, sa fejn offerta ġdida tista’ tbiddel id-disinn tal-prodotti jew tas-servizzi kkunsidrati bħala interkambjabbli ma’ prodott jew ma’ servizz diġà preżenti fis-suq jew bħala sostitwibbli għal dan il-prodott jew servizz u, b’dan il-mod, tiġġustifika definizzjoni ġdida tal-parametri tas-suq rilevanti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 130).

112    Tali evalwazzjoni tippreżupponi madankollu li jeżisti livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn il-prodotti jew is-servizzi li jifformaw parti mis-suq rilevanti u dawk maħsuba sabiex jissodisfaw id-domanda f’dak is-suq. Dan ikun il-każ jekk il-fornitur tal-offerta alternattiva jkun f’pożizzjoni li jirrispondi fi żmien qasir għad-domanda b’saħħa suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi kontrapiż serju għas-setgħa tal-kumpannija kkonċernata fis-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 132 u 133).

113    Għalkemm f’ċerti ċirkustanzi jista’ għalhekk ikun opportun li tiġi eżaminata r-restrizzjoni esterna li tista’ tirrappreżenta offerta alternattiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi partikolari ta’ ċerti sitwazzjonijiet, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn diversi swieq ikunu interkonnessi.

114    Fil-fatt, għalkemm il-prinċipji esposti iktar ’il fuq jibqgħu validi sabiex jiġi ddefinit qafas ta’ analiżi ċar u trasparenti tal-kunċetti ta’ suq rilevanti u ta’ pożizzjoni dominanti, l-implimentazzjoni tagħhom kultant teħtieġ eżami iktar dettaljat, li jmur lil hinn minn sempliċement din is-segmentazzjoni fi swieq, sabiex jiġu evalwati aħjar ir-restrizzjonijiet kompetittivi prevalenti f’dawn is-swieq u l-pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika tal-kumpannija kkonċernata.

115    Dan huwa partikolarment il-każ għas-swieq li jaqgħu, bħal f’dan il-każ, taħt l-ekonomija diġitali, fejn il-parametri tradizzjonali bħall-prezz tal-prodotti jew tas-servizzi jew is-sehem mis-suq tal-kumpannija kkonċernata jista’ jkollhom inqas importanza milli fis-swieq tradizzjonali, meta mqabbla ma’ varjabbli oħra bħall-innovazzjoni, l-aċċess għad-data, l-aspetti multidimensjonali, l-aġir tal-utenti jew l-effetti ta’ network.

116    B’hekk, fil-preżenza ta’ “ekosistema” diġitali, li tiġbor flimkien u toħloq interazzjonijiet bejniethom fuq pjattaforma diversi kategoriji ta’ fornituri, klijenti u konsumaturi, il-prodotti jew is-servizzi li jifformaw parti mis-swieq rilevanti li jifformaw din l-ekosistema jistgħu jikkoinċidu jew ikunu interkonnessi minħabba l-komplimentarjetà orizzontali jew vertikali tagħhom. Meħuda flimkien, dawn is-swieq rilevanti jista’ jkollhom ukoll dimensjoni globali fid-dawl tas-sistema li tiġbor flimkien il-komponenti u r-restrizzjonijiet kompetittivi possibbli fi ħdan dik is-sistema jew minn sistemi oħra.

117    L-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika tal-kumpannija kkonċernata tista’ għalhekk teħtieġ eżami fuq diversi livelli jew f’diversi direzzjonijiet sabiex jiġu ddeterminati l-eżistenza u l-portata tad-diversi restrizzjonijiet kompetittivi li jistgħu jiġu eżerċitati fuq din l-kumpannija.

118    Bħala konklużjoni, dak li huwa importanti għalhekk fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa li jiġi vverifikat, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet u tar-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata, jekk l-eżerċizzju minn Google tas-setgħa mogħtija lilha mill-Kummissjoni fis-swieq rilevanti kienx jippermettilha li effettivament taġixxi b’mod sinjifikattivament indipendenti mill-fatturi differenti li jistgħu jirrestrinġu l-aġir tagħha.

119    Fil-fatt, skont Google, kif essenzjalment sostniet matul il-proċedura amministrattiva u kif issostni mill-ġdid f’dan il-motiv, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet tagħha li jgħidu li, minħabba r-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-ekosistema ta’ Apple, Google ma kellhiex is-setgħa li tipprevjeni l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti marbuta mal-ekosistema ta’ Android.

b)      Swieq distinti, iżda interkonnessi

120    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Kummissjoni identifikat erba’ tipi ta’ swieq rilevanti (premessi 217 u 402 tad-deċiżjoni kkontestata): l-ewwel nett, is-suq globali (minbarra ċ-Ċina) għall-OS taħt liċenzja, fis-sens tal-liċenzji ta’ sistemi operattivi ta’ apparati portabbli intelliġenti (ara l-punt 3 iktar ’il fuq; iktar ’il quddiem is-“suq tal-OS taħt liċenzja”); it-tieni, is-suq globali (minbarra ċ-Ċina) għall-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android; it-tielet, id-diversi swieq nazzjonali, ġewwa ż-ŻEE, għall-provvista ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix; u r-raba’, is-suq globali għall-browsers tal-internet mhux speċifiċi għal OS iddisinjati għall-użu fuq apparati portabbli (iktar ’il quddiem il-“browsers tal-internet mobbli”).

121    Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat li Google kellha pożizzjoni dominanti fl-ewwel tliet swieq (premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri li Google kienet, sa ċertu punt sinjifikattiv, kapaċi taġixxi f’dawn is-swieq indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi.

122    Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari l-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple fuq Google, deskritta bħala “restrizzjoni indiretta” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li kienet eżerċitata fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet (premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata), u meqjusa bħala “insuffiċjenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] biex tpoġġi f’dubju l-pożizzjonijiet dominanti ta’ Google fis-swieq rilevanti (premessi 243, 322, 479 sa 559 u 652 sa 672 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont id-deċiżjoni kkontestata, Apple u l-ekosistema iOS ma kinux f’pożizzjoni li jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq Google u l-ekosistema Android.

123    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għal raġunijiet ta’ opportunità u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward, li Google tindika fir-rikors li tagħżel li ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata tad-dominanza tagħha fid-diversi swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

124    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe argument invokat f’dan ir-rigward minbarra bħala osservazzjoni inċidentali magħmula sussegwentement minn Google dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni eżaminati mill-Kummissjoni fir-rigward tas-suq tas-servizzi ġenerali tat-tiftix fir-Repubblika Ċeka, fejn ma huwiex ikkontestat li s-sehem mis-suq ta’ Google huwa iżgħar minn dak fil-pajjiżi l-oħra taż-ŻEE, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tas-swieq nazzjonali fil-premessi 674 sa 727 tad-deċiżjoni kkontestata.

125    Għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandu għalhekk jitqies li l-Kummissjoni debitament stabbilixxiet fid-deċiżjoni kkontestata li Google, peress li setgħet taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha, kellha pożizzjoni dominanti fid-diversi swieq nazzjonali ġewwa ż-ŻEE tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix (ara l-premessi 674 sa 675 tad-deċiżjoni kkontestata u r-raġunament li jsostni dik il-konklużjoni).

126    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm is-swieq rilevanti huma ppreżentati b’mod distint fid-deċiżjoni kkontestata, dawn madankollu ma jistgħux jiġu sseparati artifiċjalment sa fejn dawn kollha kellhom aspetti komplimentarji debitament invokati mill-Kummissjoni.

127    Dan kien japplika għas-suq tal-OS taħt liċenzja u għas-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android. Fil-fatt, l-applikazzjonijiet aċċessibbli minn ħanut tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android kienu ta’ interess biss għaliex kienu joperaw fuq l-OS taħt liċenzja Android. Min-naħa l-oħra, OS taħt liċenzja kien jiddependi, f’termini taż-żieda tal-attraenza tiegħu, fuq in-numru, il-varjetà u l-kwalità tal-applikazzjonijiet li jistgħu jaħdmu fuq dak l-OS (premessi 84 sa 88 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Bl-istess mod, is-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ma setgħux jiġu sseparati mis-swieq tal-OS taħt liċenzja, tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android kif ukoll tal-browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS. Meħuda flimkien, il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-tliet tipi ta’ swieq rilevanti kienu jikkostitwixxu punt ta’ dħul għal servizzi ġenerali ta’ tiftix (ara, pereżempju, il-premessa 1341 tad-deċiżjoni kkontestata).

129    Huwa f’dan il-kuntest fattwali ta’ swieq rilevanti distinti iżda interkonnessi u l-implimentazzjoni ta’ strateġija globali intiża essenzjalment, skont il-Kummissjoni, sabiex tiggarantixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar l-ewwel motiv.

2.      Fuq lewwel parti dwar iddominanza talOS taħt liċenzja għal apparati portabbli intelliġenti

130    Sabiex tiddefinixxi s-suq tal-OS taħt liċenzja, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm lok li jiġu esklużi minn dan is-suq is-sistemi operattivi għall-kompjuters, is-sistemi operattivi għall-apparati portabbli b’funzjonalitajiet limitati u l-OS mingħajr liċenzja, fis-sens ta’ sistemi operattivi għal apparati portabbli intelliġenti li ma humiex offruti taħt liċenzja, fosthom l-iOS ta’ Apple. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat li dan is-suq kien jinkludi l-OS taħt liċenzja kollha u ma jagħmilx distinzjoni bejn l-OS għall-ismartphones jew għat-tablets (premessi 218 sa 267 tad-deċiżjoni kkontestata).

131    Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li Google kellha, bl-apparati ta’ Google Android tagħha, pożizzjoni dominanti fis-suq tal-OS taħt liċenzja. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sehem mis-suq ta’ Google u kif dan evolva matul iż-żmien, fuq l-eżami tal-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni, fuq in-nuqqas ta’ qawwa kumpensatorja tax-xerrej kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni kompetittiva insuffiċjenti mill-OS mingħajr liċenzja, b’mod partikolari l-iOS ta’ Apple (premessi 440 sa 589 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, Google ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq billi naqset milli tqis b’mod korrett, minn naħa, il-kompetizzjoni ta’ OS mingħajr liċenzja, b’mod partikolari l-iOS ta’ Apple, u, min-naħa l-oħra, dik mil-liċenzja AOSP.

a)      Fuq lammissibbiltà talewwel parti

133    Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti, sa fejn hija intiża sabiex tikkontesta d-definizzjoni tas-suq ta’ OS taħt liċenzja, għandha titqies bħala inammissibbli. Fil-fatt, Google tikkontesta biss il-konstatazzjoni tal-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq.

134    F’dan ir-rigward, għalkemm Google tikkonċentra l-argumenti tagħha fuq il-bażi tal-allegata pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-OS taħt liċenzja u f’dan is-sens tifformula t-titolu tal-ewwel parti kif xieraq, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-argumenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ddefinixxiet dan is-suq mill-perspettiva tal-OEMs u mhux tal-utenti jew tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, li jieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple.

135    Dan l-argument jinftiehem fid-dawl tar-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex ma tinkludix l-OS mingħajr liċenzja fis-suq rilevanti, li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-kompetizzjoni minn Apple kienet indiretta u insuffiċjenti u li s-soluzzjonijiet identifikati fis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254), invokata minn Google, ma kinux applikabbli (ara l-punt 7.3.5 dwar id-definizzjoni tas-suq u l-premessi 241 sa 245 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fl-istadju tad-definizzjoni tas-suq tal-OS taħt liċenzja, il-Kummissjoni stess irreferiet għar-raġunament żviluppat sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni dominanti ta’ Google f’dan is-suq, li jqis ukoll ir-restrizzjoni kompetittiva li tista’ tiġi eżerċitata minn Apple, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti jew tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet (ara l-premessi 243 u 267 tad-deċiżjoni kkontestata li jirreferu għall-punt 9.3.4 dwar l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti).

136    Għalhekk, sa fejn Google tikkontesta kemm ir-raġunament żviluppat sabiex jiġi ddefinit is-suq tal-OS taħt liċenzja kif ukoll dak maħsub sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq, ma hemmx lok li l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tiġi limitata għat-tieni parti tar-raġunament ikkontestat.

137    Għaldaqstant, għandu jitqies bħala ammissibbli l-argument ta’ Google li jikkontesta d-definizzjoni tas-suq tal-OS taħt liċenzja skont l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

b)      Fuq ilfondatezza talewwel parti

138    Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, Google tressaq żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-OS mingħajr liċenzja, b’mod partikolari l-iOS ta’ Apple, u, it-tieni wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata min-natura miftuħa tal-liċenzja AOSP.

1)      Fuq irrestrizzjoni kompetittiva talOS mingħajr liċenzja

139    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li l-OS mingħajr liċenzja ma kinux parti mill-istess suq bħall-OS taħt liċenzja (ara l-premessi 238 sa 267 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja ma kinitx affettwata mir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata fuq dan is-suq mill-OS mingħajr liċenzja ta’ Apple u ta’ BlackBerry (ara l-premessi 479 sa 589 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, għalkemm wieħed jifhem b’mod distint id-definizzjoni tas-suq rilevanti u l-pożizzjoni okkupata minn Google fl-imsemmi suq, il-kwistjonijiet imqajma f’dawn iż-żewġ stadji tad-deċiżjoni kkontestata huma relatati b’mod sinjifikattiv.

140    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ddefinit is-suq tal-OS taħt liċenzja, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, mhux ikkontestat minn Google, li l-OEMs ma kellhomx aċċess għall-OS mingħajr liċenzja, b’mod partikolari għall-iOS ta’ Apple (premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, ir-rwol li seta’ kellhom l-OS mingħajr liċenzja ma setax jiġi eżaminat, kif barra minn hekk sostniet Google, għajr fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet (premessa 241, punt 2, u premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni madankollu tqis li din il-kompetizzjoni indiretta ma kinitx biżżejjed biex tikkontrobilanċja s-setgħa ta’ Google fis-suq (premessa 243 b’referenza għall-punt 9.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Sabiex waslet għal tali konklużjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari l-ipoteżi ta’ tnaqqis żgħir iżda sinjifikattiv u mhux temporanju fil-kwalità (Small but Significant and Non Transitory Decrease in Quality, iktar ’il quddiem it-“tnaqqis fil-kwalità” jew it-“test SSNDQ”) ta’ Android. Permezz ta’ dan it-test, hija eżaminat ir-reazzjoni tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet għal tnaqqis fil-kwalità ta’ Android. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni vverifikat jekk Google setgħetx iżżomm lura milli tiżviluppa u tiffinanzja l-Android mingħajr ma l-utenti tagħha u l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet jirrikorru għal offerta alternattiva.

142    Fir-rigward tal-ewwel parti, Google tikkritika lill-Kummissjoni talli injorat il-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet kemm fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-OS taħt liċenzja kif ukoll fl-istadju tal-evalwazzjoni tas-setgħa tagħha f’dan is-suq. L-ewwel nett, il-Kummissjoni warrbet b’mod żbaljat provi tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple. It-tieni, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254), li kienu jipprevedu l-kompetizzjoni minn kumpanniji integrati vertikalment. It-tielet, bit-test SSNDQ, li jibqa’ strument impreċiż, il-Kummissjoni ssottovalutat l-impatt tat-tnaqqis tal-kwalità ta’ Android billi evalwat b’mod żbaljat is-sensittività tal-utenti għall-kwalità tal-OS, l-importanza tal-politika tal-ipprezzar ta’ Apple, l-ispejjeż ta’ qlib għal OS oħra, il-lealtà tal-utenti għall-OS tagħhom u l-imġiba tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet.

i)      Fuq ilprovi ta’ restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple

–       Largumenti talpartijiet

143    Google, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tallega li l-Kummissjoni warrbet b’mod żbaljat diversi provi tar-restrizzjoni kompetittiva ta’ Apple. Dan japplika, l-ewwel nett, għal investimenti sinjifikattivi magħmula minn Google fl-iżvilupp tal-OS Android; it-tieni, għar-regolarità tal-innovazzjonijiet fir-rigward ta’ din l-OS u l-iOS ta’ Apple, u t-tielet, għad-dokumenti msemmija fil-premessi 250 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru l-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple.

144    Il-Kummissjoni tenfasizza mill-bidu li ħadet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq li r-restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-OS mingħajr liċenzja ta’ Apple u ta’ BlackBerry ma kinux suffiċjenti. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-investimenti mwettqa minn Google sabiex tiżviluppa l-Android huma mmotivati mill-interess finanzjarju tagħha; it-tieni, it-tiġrija għall-innovazzjoni allegata minn Google ma hijiex murija, peress li, b’mod partikolari, l-utenti jagħżlu mhux OS, iżda pjuttost apparat, u, it-tielet, id-dokumenti ċċitati minn Google huma ftit u ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti min-naħa ta’ Apple.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

145    Sabiex tallega li l-evalwazzjoni tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple fis-suq tal-OS taħt liċenzja u fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Google f’dan is-suq hija żbaljata, Google tibbaża ruħha fuq elementi differenti li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–        id-dikjarazzjonijiet ta’ wieħed mill-eżekuttivi tagħha, li jsostni li Google investiet fl-Android bħala reazzjoni għar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple;

–        ċerti risposti għat-talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni, li huma mehmuża fl-anness tar-rikors, li jistabbilixxu relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Apple u Google;

–        żewġ dokumenti interni ta’ Google, jiġifieri posta elettronika tas‑16 ta’ Mejju 2012 kif ukoll preżentazzjoni interna ta’ Ottubru 2011, imsemmija fil-punt 252 tad-deċiżjoni kkontestata, u li minnhom jirriżulta li Google qiegħda ssofri attakki mill-kompetituri tagħha, fosthom Apple, u li l-għan ta’ Google huwa li tikkompeti ma’ din l-kumpannija li hija integrata vertikalment.

146    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li Google ma tikkontestax il-fatt li ma teżistix restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple fir-rigward tal-OEMs, kif enfasizzat mill-Kummissjoni (ara l-premessi 239, 249 u 252 tad-deċiżjoni kkontestata). Google tillimita ruħha għal li tinvoka l-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple fir-rigward tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, li ġiet eżaminata mill-Kummissjoni, li kkonstatat li din ir-restrizzjoni kompetittiva mhux biss kienet indiretta iżda wkoll insuffiċjenti (ara l-premessi 242, 243 u r-referenza għall-punt 9.3.4, u l-premessi 249 u 267 tad-deċiżjoni kkontestata).

147    Issa, għandu jiġi kkonstatat li mid-diversi provi invokati minn Google ma jirriżultax li Apple teżerċita restrizzjoni kompetittiva li tista’ tipprekludiha milli taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet ta’ direttur ta’ Google u t-tweġibiet tad-diversi kumpanniji għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni ma jagħmluhiex possibbli li jiġi stabbilit li l-kompetizzjoni indiretta minn Apple, fir-rigward tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, kienet b’saħħitha biżżejjed biex tikkontrobilanċja s-setgħa ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja. Dawn id-dokumenti jindikaw biss li Google u kumpanniji oħra jaraw lil Apple bħala kompetitriċi. Ma tantx huma konklużivi fir-rigward ta’ jekk Google hijiex ristretta b’mod sinjifikattiv mill-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple fis-suq inkwistjoni hawnhekk. L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward taż-żewġ dokumenti interni ta’ Google msemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata, li sempliċement jikkonfermaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Google u Apple mingħajr madankollu ma jippermettu li tiġi evalwata l-importanza tagħha jew jekk hijiex ta’ natura li tistabbilixxi n-natura sinjifikattiva tagħha fir-rigward tas-setgħa ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja.

148    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-allegazzjonijiet magħmula minn Google li l-ammont tal-investimenti tagħha fl-Android kif ukoll il-paralleliżmu tal-innovazzjonijiet tal-Android u tal-iOS jixhdu l-vivaċità tal-kompetizzjoni ma’ Apple, dawn ma humiex biżżejjed sabiex ipoġġu indiskussjoni r-raġunament espost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

149    Minn naħa, fil-fatt, l-investimenti ta’ Google għall-finijiet tal-iżvilupp ta’ Android ma jistgħux, waħedhom, jiġu spjegati mill-importanza tal-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple fuq Google fil-livell tal-utenti ta’ apparati portabbli intelliġenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet għal dawn l-apparati. Kif tesponi ġustament il-Kummissjoni, dawn l-investimenti huma spjegati essenzjalment mill-fatt li l-Android kienet tikkostitwixxi element essenzjali tal-istrateġija ta’ Google sabiex tirreaġixxi għall-isfida tat-tranżizzjoni lejn l-internet mobbli, billi din l-OS tippermetti l-inklużjoni fuq l-apparati portabbli intelliġenti tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ta’ Google.

150    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni diġà wieġbet għall-argument ibbażat fuq il-paralleliżmu tal-innovazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata billi osservat, b’mod partikolari, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward f’dan ir-rikors, li dan il-paralleliżmu ma kienx regolari daqskemm tallega Google, billi wħud mill-aġġornamenti tal-iOS ta’ Apple msemmija li saru qabel l‑2011 kienu biss aġġornamenti intermedjarji intiżi għall-manutenzjoni tal-OS u mhux aġġornamenti reali, u sa fejn it-tnaqqis fir-ritmu tal-aġġornamenti tal-Android mill‑2011, u għalhekk l-allinjament ma’ dawk tal-iOS, jista’ jiġi spjegat mill-kisba, minn dik id-data, ta’ setgħa sinjifikattiva fis-suq li tippermettilha tħalli għal żmien itwal il-verżjonijiet tal-Android mingħajr ma tinvesti daqstant biex taġġornahom bħal fil-passat (ara l-premessi 258 sa 262 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li rrelativizzat l-allegata tiġrija għall-innovazzjoni bejn l-Android u l-iOS fuq il-perijodu 2008-2011, sa fejn, f’dan il-perijodu, ġew żviluppati biss tliet verżjonijiet suċċessivi ta’ iOS, meta mqabbla ma’ sebgħa għal Android. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ġustament qieset li t-tnaqqis fil-frekwenza tal-aġġornamenti ta’ Android mill-2011 kien pjuttost jikkostitwixxi element ta’ natura li jsostni l-eżistenza ta’ setgħa fis-suq ta’ Google milli element ta’ natura li jirrifletti r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple, li f’kull każ ma kinitx suffiċjenti.

152    Għaldaqstant, sa fejn relazzjoni ta’ kawża u effett bejn aġġornament tal-iOS u aġġornament tal-Android tista’ tiġi invokata sa ċertu punt, l-elementi invokati f’dan ir-rigward ma jippermettux li jiġi stabbilit li din kienet tant sinjifikattiva li ppermettiet lil Apple tirrestrinġi lil Google b’tali mod li din tal-aħħar ma setgħetx taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha.

153    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-kritika magħmula kontra r-rifjut mill-Kummissjoni, fil-premessa 251 tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ dokumenti minn qabel l‑2011 minħabba li Google kien għadu ma kellhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tal-OS taħt liċenzja, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni kompetittiva qabel u wara l‑2011 inbidlet minħabba l-iżvilupp tal-pożizzjoni ta’ Google f’dak is-suq. L-importanza tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple ma tistax għalhekk tiġi analizzata abbażi ta’ data relatata ma’ perijodu li fih Google ma kellhiex pożizzjoni dominanti u għalhekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma kinitx ser tinbidel li kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn, għalkemm juru restrizzjoni kompetittiva min-naħa ta’ Apple, huma madankollu ma jippermettux li tiġi evalwata l-importanza tagħha u ma humiex ta’ natura li jistabbilixxi n-natura sinjifikattiva tagħha fir-rigward tas-setgħa ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja.

154    Konsegwentement, l-argumenti kollha ta’ Google dwar l-evalwazzjoni ta’ ċerti provi dwar ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-iOS ta’ Apple fis-suq tal-OS taħt liċenzja għandhom jiġu miċħuda.

ii)    Fuq ilkunsiderazzjoni tassentenza tat22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T310/01, EU:T:2002:254), u lkonsistenza malprassi deċiżjonali preċedenti

–       Largumenti talpartijiet

155    Google ssostni li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple, il-Kummissjoni wettqet żball identiku għal dak issanzjonat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254). F’din l-aħħar kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kumpannija mhux integrata f’suq downstream, il-kompetizzjoni eżerċitata, f’dan l-istess suq, minn kumpanniji integrati kellha tittieħed inkunsiderazzjoni. Google tallega wkoll li l-Kummissjoni ppreġudikat il-koerenza tal-prassi deċiżjonali tagħha.

156    Il-Kummissjoni tosserva li l-kuntest fattwali ta’ din il-kawża huwa differenti minn dak tas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254), fin-nuqqas b’mod partikolari ta’ kompetizzjoni bejn Apple u Google fil-livell tal-OEMs. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li Google tibbaża ruħha fuqhom ma jsemmu l-ebda inkonsistenza mal-prassi tal-Kummissjoni.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

157    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254), għandu jitfakkar li din is-sentenza tagħlaq rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni li tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern l-amalgamazzjoni ta’ żewġ kumpanniji, Schneider Electric SA u Legrand SA. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett is-setgħa tas-suq tal-kumpanniji integrati u, b’dan il-mod, issopravalutat is-setgħa fis-suq tal-kumpanniji mhux integrati, b’mod partikolari dik tal-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni bejn Schneider u Legrand.

158    B’mod iktar preċiż, mill-punt 282 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254) jirriżulta li l-produtturi mhux integrati ta’ komponenti ta’ bords tad-distribuzzjoni elettrika, bħal Schneider u Legrand, kienu suġġetti għal żewġ livelli ta’ kompetizzjoni mill-produtturi integrati. Din il-kompetizzjoni mmanifestat ruħha direttament fil-parteċipazzjoni tal-produtturi integrati u tal-assemblaturi min-networks tagħhom f’sejħiet għall-offerti li fihom ipparteċipaw ukoll il-produtturi mhux integrati, f’assoċjazzjoni fuq bażi ad hoc ma’ assemblaturi oħra. Immanifestat ruħha wkoll b’mod indirett billi l-produtturi integrati kienu jbigħu l-komponenti tagħhom lil assemblaturi li kienu rebħu sejħa għall-offerti, iżda li ma kinux parti min-networks tagħhom. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-manifatturi mhux integrati ffaċċjaw kompetizzjoni mill-produtturi integrati.

159    Issa, il-kuntest fattwali ta’ din il-kawża huwa differenti minn dak tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254). L-ewwel nett, is-suq downstream ma kienx ikkaratterizzat minn proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti li fihom kienu ser jitfgħu direttament l-offerti tagħhom Apple u Google. Il-kompetizzjoni fis-suq downstream tal-utenti kienet bejn Apple u OEMs oħra, li ma kinux jassemblaw l-apparati portabbli tagħhom biss minn komponenti mibjugħa minn Google. L-OS kien biss element wieħed fost ħafna. Anki jekk jitqies li, bl-inklużjoni tal-Android, l-OEMs assoċjaw ruħhom ma’ Google u kkompetew ma’ Apple, bħala kumpannija integrata, il-kompetizzjoni fil-livell tal-utenti madankollu tiġi ssimplifikata għall-OS biss.

160    It-tieni nett, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-punt 245 tad-deċiżjoni kkontestata, Apple, bħala kumpannija integrata, ma kinitx toffri l-iOS lill-OEMs. Għaldaqstant ma setax ikun hemm kompetizzjoni bejn Apple u Google f’dan il-livell. Il-każ kien ikun differenti kieku, minbarra li tbigħ apparati li jaħdmu bl-iOS, Apple kienet toffri li l-OS tagħha taħt liċenzja. Filwaqt li, fis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254), il-kumpanniji integrati u mhux integrati kkompetew biex joffru l-komponenti tagħhom lill-assemblaturi, dan ma kienx il-każ fil-kawża preżenti.

161    Għaldaqstant, fil-livell tal-OEMs, iOS u Android ma kinux sostitwibbli, fatt li ġġustifika li suq ma jiġix iddefinit bħala li jinkludi l-OS kollha. Għalkemm Google ċertament taffaċċja kompetizzjoni minn Apple fil-livell tal-utenti jew tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, sa fejn l-OS seta’ jkun wieħed mill-parametri li dawn iqisu qabel ma jixtru apparat portabbli jew jiżviluppaw applikazzjoni għal dan l-OS, dan kien biss parametru wieħed fost oħrajn. Is-sostitwibbiltà għalhekk dehret limitata f’dan il-livell, u dan seta’ jiġġustifika, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-punt 243 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iOS u l-Android ma jiġux inklużi fl-istess suq.

162    F’kull każ, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni injorat fid-deċiżjoni kkontestata l-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet, billi l-Kummissjoni qieset dan sabiex tikkonkludi li din kienet kemm indiretta kif ukoll insuffiċjenti.

163    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta ma applikatx, f’dan il-każ, is-soluzzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, EU:T:2002:254).

164    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-koerenza tad-deċiżjoni kkontestata mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li deċiżjonijiet f’kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni, sa fejn iċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi ma humiex l-istess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Roca Sanitario vs Il-Kummissjoni, T‑408/10, EU:T:2013:440, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża, mingħajr ma tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw operaturi ekonomiċi oħra, swieq ta’ prodotti u ta’ servizzi oħra jew swieq ġeografiċi oħra f’mumenti differenti (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ppreġudikat il-koerenza tal-prassi deċiżjonali tagħha fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża.

166    Fi kwalunkwe każ, l-ewwel nett, jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 2405 finali tal‑4 ta’ April 2012 li tiddikjara operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6439 – AGRANA/RWA/JV) li l-kumpanniji integrati kienu, f’dik il-kawża, tqiesu li kienu qegħdin jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva peress li setgħu jiddevjaw u jbigħu parti mill-produzzjoni tagħhom tal-meraq ikkonċentrat lil partijiet terzi. Issa, f’dan il-każ, Apple bl-ebda mod ma offriet l-OS tagħha lil partijiet terzi. Barra minn hekk, għalkemm mill-premessa 115 tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ restrizzjoni kompetittiva indiretta min-naħa tal-kumpanniji integrati fuq il-proċessuri tal-meraq ikkonċentrat, ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda differenza minn din il-kawża. Il-Kummissjoni fil-fatt eżaminat ir-restrizzjoni kompetittiva indiretta eżerċitata minn Apple iżda, fl-aħħar mill-aħħar, ma qisithiex rilevanti għall-evalwazzjonijiet tagħha minħabba l-insuffiċjenza tagħha.

167    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-approċċ meħud fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 8546 finali tat‑12 ta’ Novembru 2014 li tiddikjara operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.7342 – Alcoa/Firth Rixson); u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 2676 finali tat‑13 ta’ Lulju 2005 li tiddikjara operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.3653 – Siemens/VA Tech), dan huwa simili għal dak segwit f’din il-kawża; għalhekk l-ebda inkonsistenza ma tista’ tiġi kkonstatata. Fil-fatt, f’dawk id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni eżaminat l-importanza tar-restrizzjoni kompetittiva li x’aktarx tiġi eżerċitata fuq is-suq rilevanti minn kumpanniji vertikalment integrati.

168    Fit-tielet lok, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1068 finali tat‑13 ta’ Frar 2012 li tiddikjara operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6381 – Google/Motorola Mobility), il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkonstatat li l-OS mobbli taħt liċenzja u mingħajr liċenzja jappartjenu għall-istess suq. Mill-premessa 30 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ppreferiet tħalli din il-kwistjoni miftuħa sa fejn l-amalgamazzjoni bejn Google u Motorola Mobility ma kinitx tqajjem diffikultajiet f’dan ir-rigward.

169    Fir-raba’ lok, l-istess japplika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10033 finali, tas‑16 ta’ Diċembru 2009, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.530 – Microsoft (tying [Bejgħ li jorbot])). Għalkemm, fid-dawl tal-premessa 17 ta’ dik id-deċiżjoni, jista’ jkun hemm dubju dwar id-definizzjoni ta’ suq li jinkludi s-sistemi operattivi għall-kompjuters kemm taħt liċenzja kif ukoll mingħajr liċenzja, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni ma tat lok għall-ebda diskussjoni. Fil-fatt, mill-premessa 30 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li Microsoft bl-ebda mod ma kkontestat li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għall-kompjuters.

170    Fil-ħames lok, l-eżami tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8873 finali tal‑4 ta’ Diċembru 2013 li tiddikjara operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.7047 – Microsoft/Nokia) jagħti l-istess għarfien. Fil-fatt, mill-premessa 102 ta’ dik id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma ddeċidiet dwar l-eżistenza jew le ta’ suq ta’ OS taħt liċenzja u mingħajr liċenzja.

171    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ppreġudikat il-koerenza tal-prassi deċiżjonali tagħha, u għalhekk l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn Google għandhom jiġu miċħuda.

iii) Fuq ittest SSNDQ

–       Largumenti talpartijiet

172    Għal Google, il-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha meta kkunsidrat il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-kwalità ta’ Android sa fejn hija ddikjarat, b’mod parallel, li Google kellha kull interess li tiżgura l-ikbar distribuzzjoni possibbli tal-apparati ta’ Android. Google tenfasizza wkoll, bħall-partijiet intervenjenti insostenn tagħha, li t-test tat-tnaqqis fil-kwalità użat f’dan ir-rigward huwa impreċiż u li hija ma tafx x’inhuma l-modalitajiet konkreti tal-implimentazzjoni tiegħu.

173    Skont il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ma hemm l-ebda inkoerenza li tista’ tiġi rrilevata bejn il-konstatazzjoni li tgħid li l-istrateġija kummerċjali ta’ Google kienet li żżid id-distribuzzjoni tal-apparati ta’ Android u dik li tgħid li Google kienet f’pożizzjoni li tista’ tieħu vantaġġ minn tnaqqis fil-kwalità ta’ Android. Madankollu, din l-ipoteżi ma timplikax li huwa fl-interess ta’ Google li tnaqqas il-kwalità ta’ Android. It-tieni, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma tistax tkun obbligata tiddefinixxi standard fiss ta’ tnaqqis fil-kwalità sabiex jiġi implimentat it-test SSNDQ, sakemm ma trendihx inutli fil-prattika.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

174    Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprevediet il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-kwalità ta’ Android sabiex tevalwa l-pożizzjoni ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja. Il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li l-utenti u l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet ta’ OS taħt liċenzja ma kinux suffiċjentement sensittivi għal tnaqqis fil-kwalità ta’ Android (premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija għamlet referenza wkoll għal din l-evalwazzjoni sabiex tiddefinixxi l-portata tas-suq tal-OS taħt liċenzja (ara l-premessi 243 u 267 tad-deċiżjoni kkontestata).

175    Għalhekk, essenzjalment, minħabba restrizzjoni indiretta u insuffiċjenti fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li l-OS mingħajr liċenzja ma jappartjenux għall-istess suq bħall-OS taħt liċenzja u l-kumpanniji li joperaw dawk tal-ewwel, b’mod partikolari Apple, ma jikkontrobilanċjawx is-setgħa fis-suq ta’ Google.

176    Issa, qabel kollox, sabiex tiddefinixxi suq rilevanti u tevalwa, f’dan tal-aħħar, is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ kumpannija kkonċernata, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ indizji, mingħajr ma tkun obbligata ssegwi ordni ġerarkika riġida tas-sorsi differenti ta’ informazzjoni jew ta’ tipi differenti ta’ provi għad-dispożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il-Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punti 80 sa 82).

177    Fil-preżenza ta’ prodott li ma kienx probabbli li jagħti lok għat-test klassiku ta’ monopolju ipotetiku intiż sabiex tiġi vverifikata r-reazzjoni tas-suq għal żieda żgħira iżda sinjifikattiva u mhux temporanja fil-prezz ta’ oġġett (Small but Significant and Non Transitory Increase in Price), it-test SSNDQ, li jipprevedi t-tnaqqis fil-kwalità tal-prodott inkwistjoni, kien tabilħaqq jikkostitwixxi indizju rilevanti għad-definizzjoni tas-suq rilevanti. Il-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji tista’ ċertament timmanifesta ruħha f’termini ta’ prezzijiet, iżda wkoll f’termini tal-kwalità u tal-innovazzjoni.

178    Din l-ipoteżi setgħet tintuża wkoll, fil-punti 9.3.4.1 sa 9.3.4.3 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi vverifikat jekk Google, f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-OS taħt liċenzja, kinitx ristretta mill-kompetizzjoni minn Apple, li tinsab barra minn dan is-suq. Il-konstatazzjoni, fl-istadju tad-definizzjoni ta’ suq, ta’ sostitwibbiltà dgħajfa fid-domanda indiretta fil-preżenza ta’ tnaqqis fil-kwalità ta’ prodott tibqa’ wkoll rilevanti, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti, għall-evalwazzjoni tar-restrizzjoni li toriġina minn kumpannija li tikkummerċjalizza prodott differenti, li ma jaqax fis-suq hekk iddefinit.

179    Sussegwentement, il-formulazzjoni ta’ din l-ipoteżi bl-ebda mod ma timplika, kif tallega b’mod żbaljat Google, li l-Kummissjoni ddikjarat li kien fl-interess ta’ Google li tnaqqas il-kwalità ta’ Android. Għall-kuntrarju, l-eżami ta’ tnaqqis fil-kwalità ta’ Android kien sempliċement intiż biex jivverifika jekk Google kinitx qiegħda taffaċċja, fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple kif kien allegat minn Google matul il-proċedura amministrattiva.

180    Fl-aħħar nett, id-definizzjoni ta’ standard kwantitattiv preċiż tat-tnaqqis fil-kwalità tal-prodott ikkonċernat ma tistax tkun prerekwiżit għall-implimentazzjoni tat-test SSNDQ. L-ipoteżi ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità ta’ Android ma kinitx teħtieġ, bħalma hu l-każ għat-test klassiku ta’ monopolju ipotetiku, li għalih żieda żgħira iżda sinjifikattiva u mhux temporanja fil-prezz tista’ tiġi kkwantifikata iktar faċilment, l-iffissar minn qabel ta’ standard ta’ tnaqqis preċiż.  Huwa importanti biss li t-tnaqqis fil-kwalità jibqa’ żgħir, għalkemm ikun sinjifikattiv u mhux temporanju.

181    Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament it-tnaqqis fil-kwalità ta’ Android permezz tat-test SSNDQ.

iv)    Fuq illealtà talutenti għallOS tagħhom

–       Largumenti talpartijiet

182    Għal Google, il-lealtà tal-utenti ma kinitx parametru rilevanti. Għalkemm, fl‑2015, iktar minn erba’ minn kull ħames utenti li xtraw apparat li jaħdem bl-Android xtraw apparat ieħor li jaħdem bl-Android, dan kien biss minħabba l-isforzi ta’ Google sabiex iżżomm il-kwalità tal-OS. Il-lealtà hija għalhekk funzjoni tal-kwalità tal-Android, kif muri minn diversi provi indebitament miċħuda mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad b’mod żbaljat l-użu tal-mudell ekonomiku ta’ Klemperer, li juri li Google taffaċċja kompetizzjoni minn Apple fl-attrazzjoni ta’ persuni li jixtru apparat għall-ewwel darba, u li din il-kompetizzjoni taffettwa l-aġir tal-utenti kollha tal-Android.

183    Skont il-Kummissjoni, il-lealtà tal-utenti kienet parametru rilevanti sabiex tiġi eskluża l-ipoteżi ta’ qlib sostanzjali min-naħa tal-utenti għal OS oħra f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità tal-Android. Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll ir-rilevanza, f’dan il-każ, tar-riżultati miksuba bl-użu tal-mudell ekonomiku ta’ Klemperer.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

184    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-lealtà tal-utenti lejn Android ma kinitx attribwibbli, skont il-Kummissjoni, biss għall-kwalità tal-OS. Kif indikat il-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-OEMs, iċċitati fil-premessi 524 u 534 tad-deċiżjoni kkontestata, il-livell għoli ta’ lealtà tal-utenti lejn Android jista’ wkoll jiġi spjegat mid-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-utenti biex jittrasferixxu d-data personali jew mill-ħtieġa li jixtru l-applikazzjonijiet mill-ġdid. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat b’mod partikolari minn wieħed minn dawn l-OEMs, l-utenti jidraw kif jaħdem l-apparat intelliġenti tagħhom u ma jkunux iridu jitgħallmu jużaw sistema ġdida mill-bidu (ara l-premessa 534(3), tad-deċiżjoni kkontestata). Il-lealtà tal-utenti ma tistax tiġi spjegata biss mill-kwalità ta’ OS sa fejn, kif esponiet il-Kummissjoni fil-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi utenti jużaw verżjoni ta’ Android li ma hijiex aġġornata.

185    It-tieni, id-dikjarazzjoni ta’ direttur ta’ Google, mehmuża fl-anness tar-rikors, ma tpoġġix f’dubju l-importanza tal-parametru tal-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom. Dik id-dikjarazzjoni tirreferi b’mod partikolari għall-isforzi ta’ Google biex twieġeb għad-domandi tal-utenti u tal-iżviluppaturi ta’ prodotti tal-Android u t-tekniki differenti użati mill-kumpannija biex tevalwa r-riskju li l-utenti jaqilbu għal Apple. Id-dikjarazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward jibqgħu ġeneriċi u ma humiex sostnuti, f’ħafna każijiet u essenzjalment, minn elementi konkreti jew minn ċifri li jippermettu li titkejjel il-portata tagħhom. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-isforzi ta’ Google sabiex twieġeb għad-domandi tal-utenti, għandu jiġi rrilevat li s-sodisfazzjon tal-utenti ma jistax jiġi spjegat mis-sempliċi riskju li l-utenti jaqilbu għal OS ieħor, iżda pjuttost iwieġeb b’mod ġenerali għall-istrateġija ta’ kull kumpannija li tixtieq tkun innovattiva u tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti tagħha. L-iżgurar tas-sodisfazzjon tal-utenti kien jippermetti wkoll li tissaħħaħ il-lealtà tagħhom lejn l-Android.

186    It-tielet, l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ċertament li sabu qlib lejn OS oħra, iżda sa punt limitat. Ċertament, Google tosserva li l-fatt li 82 % tal-utenti ta’ apparati li jaħdmu bl-Android fl‑2015 baqgħu leali lejn l-Android meta ġew biex jixtru apparat ġdid ma jippermettix li jiġi konkluż b’ċertezza li, fl-ipoteżi ta’ tnaqqis fil-kwalità tal-Android, dan il-perċentwali kien ser jibqa’ daqstant għoli. Min-naħa l-oħra, dan il-fatt serva biex jindika li, għall-inqas, il-livell għoli ta’ lealtà tal-utenti lejn l-Android għamilha improbabbli, mal-ewwel daqqa t’għajn, li l-utenti jaqilbu għal OS oħra. Bl-istess mod, mingħajr ma saret oġġezzjoni fuq dan il-punt minn Google, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 537 tad-deċiżjoni kkontestata li, fil-perijodu bejn l‑2013 u l‑2015, 16 % biss tal-utenti tal-apparati portabbli ta’ Apple kienu jużaw apparati li jaħdmu bl-Android qabel. Fi kliem ieħor, parti żgħira biss mill-utenti, u mhux parti sostanzjali minnhom, x’aktarx li kienet ser taqleb għal Apple. Id-dikjarazzjonijiet tal-OEMs, li jinsabu fil-premessa 543 tad-Deċiżjoni, kienu fuq l-istess linja. Filwaqt li dawn tal-aħħar irrikonoxxew il-possibbiltà li l-utenti jaqilbu għal Apple, dan kien biss f’każijiet eċċezzjonali, ikkaratterizzati minn bidliet sinjifikattivi.

187    Barra minn hekk, għalkemm, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 538 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi utenti qalbu għal Apple fl-aħħar tal‑2015, dan kien minħabba l-ħruġ ta’ apparat portabbli intelliġenti ġdid li kellu karatteristiċi ġodda. Fi kliem ieħor, il-bidla ma tistax tiġi spjegata minn kompetizzjoni bejn l-OS. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn dokument intern ta’ Google li fuqu din tal-aħħar tibbaża ruħha. Fil-fatt, mid-dokument intitolat “Switcher Insights” (Informazzjoni dwar l-utenti li qalbu) jirriżulta li l-qlib tal-utenti prinċipalment kien ir-riżultat tal-varar ta’ apparati ġodda u mhux ta’ żviluppi fl-OS.

188    Ir-raba’, l-użu tal-mudell ekonomiku ta’ Klemperer, imsemmi fil-premessa 551 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kkontestax il-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom. Dak l-istudju fil-fatt kien ikopri lill-utenti li xtraw apparat għall-ewwel darba u ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li l-utenti ma juru l-ebda lealtà lejn l-OS tagħhom ladarba jkunu għamlu l-għażla tagħhom.

189    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tibbaża ruħha fuq il-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom sabiex tevalwa l-portata tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple.

v)      Fuq issensittività talutenti għallkwalità talOS

–       Largumenti talpartijiet

190    Google tallega, bħall-partijiet intervenjenti insostenn tagħha, li l-utenti kienu sensittivi għal kull tnaqqis, żgħir kemm hu żgħir, fil-kwalità tal-Android. Il-kwalità hija l-fattur determinanti, u ma hijiex ekwivalenti jew anċillari għal fatturi oħra, bħall-prezz jew l-estetika tal-prodott ikkonċernat, fl-għażla tal-konsumaturi. L-attenzjoni sinjifikattiva li l-midja tagħti lill-varar ta’ verżjonijiet ġodda tal-OS u diversi stħarriġiet juru dan l-istat ta’ fatt.

191    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti insostenn tagħha, tippreċiża li hija ma qisitx li l-utenti ma kinux sensittivi għall-varjazzjonijiet kollha fil-kwalità tal-OS mobbli, iżda li ma tantx kien probabbli li jibdlu d-drawwiet tax-xiri tagħhom u jaqilbu għal prodott differenti b’reazzjoni għal tnaqqis żgħir fil-kwalità tal-Android. L-utenti jqisu sett ta’ fatturi u mhux biss l-OS. L-elementi differenti invokati minn Google ma jippermettux li tiġi sostnuta l-fehma opposta.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

192    Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma qieset li l-utenti ma jagħtu l-ebda importanza lill-OS tal-apparati portabbli intelliġenti.

193    B’hekk, f’konformità mal-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-OS kien fattur importanti fl-għażla ta’ apparat portabbli intelliġenti. Madankollu, il-Kummissjoni insistiet ukoll fuq il-fatt li dan ma kienx l-uniku fattur meqjus mill-utenti (ara l-premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dan li l-Kummissjoni kkonstatat, fl-imsemmija premessa, li, fil-preżenza ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità ta’ Android, kien “improbabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li utent jibdel id-drawwiet ta’ xiri tiegħu u jaqleb minn apparat li jaħdem b’OS taħt liċenzja għal apparat li jaħdem b’OS mingħajr liċenzja.

194    Lil hinn minn din il-konstatazzjoni unika, Google tikkontesta tnejn mill-motivi li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, mingħajr ma tpoġġi indiskussjoni l-fatt li utent jiddeċiedi skont diversi fatturi, Google tosserva li l-ammissjoni tal-eżistenza ta’ diversi fatturi ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li tnaqqis fil-kwalità tal-OS twassal lill-utenti sabiex jaqilbu għal apparati li jaħdmu b’OS oħra. Ir-riżultati ta’ diversi stħarriġiet juru fil-fatt li l-kwalità tal-OS hija fattur predominanti fl-għażla tal-utenti. It-tieni, Google tosserva li, għall-kuntrarju ta’ dak li jintqal fil-premessi 488 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-utenti ma jaqilbux immedjatament meta jkun hemm dewmien fl-aċċess għall-aġġornamenti tal-Android bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi sostnut li l-utenti ma jirreaġġixxux għal tnaqqis fil-kwalità tal-Android. L-aċċess għall-aġġornamenti tal-Android jeħtieġ ċertu ammont ta’ żmien.

195    Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-istħarriġiet invokati minn Google ma jippermettux li jiġu sostnuti b’mod utli t-talbiet tagħha. L-ewwel wieħed, id-dokument intitolat “Switcher Insights”, imfassal minn Google u msemmi fil-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata, jindika li l-qlib jikkoinċidi mal-varar ta’ apparati ġodda, u mhux mal-iżviluppi fl-OS. Minn dan jirriżulta li l-utenti jagħtu importanza lil sett ta’ fatturi relatati mal-apparat, u mhux lill-OS biss. Dik l-interpretazzjoni saħansitra iktar plawżibbli fid-dawl tal-fatt li l-istħarriġ wera rati differenti ta’ qlib skont l-OEM.

196    It-tieni, l-istħarriġ Kantar, imsemmi fil-premessa 494 tad-deċiżjoni kkontestata, jindika li 24 % tal-utenti ta’ apparati ta’ kwalità baxxa li jaħdmu bl-Android fis-sena kienu qiegħdin jaqilbu għal OS ieħor, meta mqabbla ma’ 14 % tal-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja. Dan l-istħarriġ ċertament wera li ċerti utenti ta’ apparati tal-Google Android fir-Renju Unit kienu qalbu għal apparati li jaħdmu b’OS mobbli differenti. Madankollu, dan il-qlib ma kienx spjegat prinċipalment mill-kwalità tal-OS, iżda minn karatteristiċi oħra, bħad-ditta jew il-mudell, l-ispiża, il-faċilità tal-użu, in-network jew l-operatur. Dan kien partikolarment il-każ peress li minn dak l-istħarriġ jirriżulta li parti żgħira ħafna tal-utenti indikaw li kienu qalbu għal apparat ta’ Apple minħabba l-kwalità u d-ditta tal-OS, fatt li ma kienx ikkontestat minn Google. Fi kliem ieħor, filwaqt li l-kwalità tal-OS tista’ tkun fattur importanti, ma kinitx il-fattur determinanti fix-xiri ta’ apparat ġdid.

197    It-tielet, l-istħarriġ Yandex, imsemmi fil-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata, jindika li l-biċċa l-kbira tal-utenti ta’ apparati Android kienu leali għall-imsemmi OS minħabba, essenzjalment, il-kwalità tiegħu. Dan l-istħarriġ ma jistax madankollu jsostni t-talbiet ta’ Google. Fil-fatt, filwaqt li 44 % tal-utenti kienu esprimew il-lealtà tagħhom lejn l-Android minħabba l-interess tagħhom fl-OS u mhux fl-apparat jew il-prezz tiegħu, id-dokument inkwistjoni poġġa f’kuntest it-tifsira ta’ din id-data. Dan id-dokument indika huwa stess li ma jistax jiġi eskluż li fost dawn l-utenti kienu ser iqisu fatturi oħra, b’mod partikolari l-lealtà għad-ditta jew l-ispejjeż li jirriżultaw mill-qlib għal pjattaforma oħra. Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-istħarriġ indika wkoll li tnaqqis żgħir fil-kwalità ta’ Android ma kienx determinanti fl-għażla tal-apparat fl-istadju tad-distribuzzjoni tiegħu.

198    Min-naħa l-oħra, fil-premessi 488 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li diversi utenti ta’ OS taħt liċenzja jużaw apparat li jaħdem b’verżjoni qadima tal-Android. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata minn Google. B’hekk, f’Mejju 2017, 7.1 % biss tal-utenti kellhom apparat li jaħdem b’verżjoni aġġornata ta’ Android, għalkemm dik il-verżjoni kienet ilha disponibbli minn Ottubru 2016. Bl-istess mod, mill-premessi 489 u 490 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-bejgħ ta’ apparati tal-Google Android ma kienx korrelatat ma’ aġġornamenti ta’ dan l-OS. Minn dan isegwi li l-utenti kienu sensittivi fir-rigward tal-varjazzjonijiet fil-kwalità tal-Android, fis-sens li dehru li kienu kuntenti b’verżjonijiet eqdem ta’ dak l-OS.

199    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli qieset li, fil-preżenza ta’ fatturi multipli li jiddeterminaw l-għażla ta’ utent, ma tantx kien probabbli li tnaqqis fil-kwalità tal-Android twassal biex l-utenti jaqilbu minn apparat li jaħdem b’OS taħt liċenzja għal apparat li jaħdem b’OS mingħajr liċenzja.

vi)    Fuq lispejjeż talqlib lejn OS oħra

–       Largumenti talpartijiet

200    Għal Google, l-obbligu li jinxtraw mill-ġdid l-applikazzjonijiet sabiex dawn jaħdmu fuq l-iOS ma kienx ostakolu biex l-utenti jaqilbu għal dan l-OS. L-applikazzjonijiet bi ħlas huma biss parti żgħira ħafna mill-applikazzjonijiet li jitniżżlu u wħud minnhom jippermettu wkoll il-portabbiltà tal-abbonamenti. Bl-istess mod, Apple tagħmel l-almu tagħha biex l-utenti jkunu jistgħu jaqilbu faċilment l-OS billi toffri għodda għat-tmexxija tal-applikazzjonijiet minn Android lejn iOS.

201    Skont il-Kummissjoni, hemm diversi fatturi oħra li jħeġġu lill-utenti biex ma jaqilbux lejn OS oħra, bħal-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom, il-karatteristiċi tal-apparat u l-obbligu li jerġgħu jixtru l-applikazzjonijiet.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

202    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li Google ma tikkontestax l-ostakoli kollha għall-qlib identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata. Google tiffoka biss fuq il-ħtieġa, invokata mill-Kummissjoni, li wieħed iniżżel u jixtri applikazzjonijiet ġodda, filwaqt li l-Kummissjoni ssostni wkoll il-konstatazzjoni li l-qlib lejn l-iOS ikun ta’ spiża kbira bl-obbligu li l-utenti jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ interfaċċja ġdida u bl-obbligu li jittrasferixxu kwantità kbira ta’ data.

203    Issa, l-argumenti mressqa minn Google ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet kollha li jinsabu fil-premessi 522 sa 532 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, anki jekk l-utenti ma tantx jonfqu fuq l-applikazzjonijiet meta mqabbla mal-ispiża ta’ apparat portabbli, għandu jiġi rrilevat li xorta waħda jkun hemm spiża addizzjonali għall-utenti li jkunu jixtiequ jaqilbu għal OS oħra. Google ma tikkontestax dan. Din l-ispiża addizzjonali, żgħira kemm hi żgħira, ma tistax tiġi evitata u fil-fatt tikkostitwixxi ostakolu għall-qlib tal-utenti.

204    Min-naħa l-oħra, il-fatt, imsemmi fil-premessa 525 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li Apple fittxet li tiffaċilita l-qlib ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-qlib kien effettiv. Għall-kuntrarju, kif tesponi l-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni minn Apple sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-Android lejn l-iOS turi li tabilħaqq il-qlib kien sors ta’ tħassib. Il-Kummissjoni tinnota ġustament, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt minn Google, li l-qlib iġiegħel lill-utenti jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ interfaċċja ġdida, li neċessarjament jagħmel il-qlib iktar kumpless u inċert.

205    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta qieset li l-qlib lejn OS mobbli ieħor seta’ jwassal għal spiża addizzjonali, li tikkostitwixxi ostakolu ulterjuri għal-qlib tal-utenti lejn Apple.

vii) Fuq leffett talpolitika talipprezzar ta’ Apple

–       Largumenti talpartijiet

206    Skont Google u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħha, il-politika tal-ipprezzar segwita minn Apple ma kinitx ostakolu għall-qlib tal-utenti, irrispettivament minn jekk dawn jużawx apparat ta’ kwalità għolja jew ta’ kwalità baxxa.

207    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni toġġezzjona, kif jagħmlu wkoll l-intervenjenti insostenn tagħha, li l-politika tal-ipprezzar ta’ Apple ma setgħetx tiġi injorata u li din kienet tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għall-qlib tal-utenti, kemm għall-apparat ta’ kwalità għolja kif ukoll għall-apparat ta’ kwalità baxxa.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

208    F’dan il-każ, l-argumenti mressqa minn Google huma l-istess bħal dawk miċħuda mill-Kummissjoni fil-premessi 512 sa 521 tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-utenti ta’ apparati ta’ kwalità baxxa, il-politika tal-ipprezzar ta’ Apple tidher li hija ostakolu evidenti. Il-Kummissjoni osservat, ġustament, fil-premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata li iktar minn 50 % tal-apparati li jaħdmu bl-Android kienu jinbiegħu bi prezz iktar baxx minn dak tal-apparati ta’ Apple. Barra minn hekk, fil-punti 503 u 504 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li, fil-perijodu 2009-2014, l-apparati ta’ Apple kienu jiswew, bħala medja, kważi darbtejn iktar mill-apparati ta’ Android. Għaldaqstant, kull qlib lejn apparati ta’ Apple kien akkumpanjat minn spiża ikbar għall-utenti ta’ apparati ta’ kwalità baxxa.

209    L-argument ibbażat fuq il-prezz tal-mudell iPhone SE ma jistax jintlaqa’ f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, għalkemm il-mudell iPhone SE kien l-apparat l-iktar irħis mibjugħ minn Apple, bi prezz ta’ madwar USD 400 (madwar EUR 290 fl‑2014), xorta jibqa’ l-fatt, skont it-tabella riprodotta fil-premessa 503 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan il-prezz xorta kien ogħla mill-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-apparati li jaħdmu bl-Android. It-tieni, il-prezz iktar baxx tal-imsemmi iPhone fuq pjattaforma tal-bejgħ online, invokat minn Google, bl-ebda mod ma kien jikkorrispondi għall-prezz mitlub minn Apple. Dan il-prezz kien dak mitlub minn bejjiegħ mill-ġdid terz, f’mument partikolari, u għalhekk ma jistax jiġi ġeneralizzat. It-tielet, fid-dawl tal-premessa 518 tad-deċiżjoni kkontestata, il-mudell iPhone SE ħareġ għall-bejgħ f’Marzu 2016, jiġifieri fit-tmiem tal-perijodu tal-ksur, fatt li ma huwiex ikkontestat minn Google.

210    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta qieset li l-politika tariffarja ta’ Apple kienet ostakolu għall-qlib tal-utenti ta’ apparati li jaħdmu bl-Android ta’ kwalità baxxa.

211    Madankollu, ma tistax tinsilet l-istess konklużjoni għall-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja, jiġifieri apparati mibjugħa f’firxa ta’ prezzijiet ekwivalenti għall-apparati ta’ Apple.

212    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 513, li l-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja kienu improbabbli li jaqilbu fid-dawl tad-drawwiet tax-xiri tagħhom, tal-ispejjeż addizzjonali li jinvolvi tali qlib, u tal-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom. Hija ppreċiżat ukoll, fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni tali qlib, l-impatt finanzjarju fuq Google huwa limitat. Fil-fatt, Google kompliet tirċievi parti sinjifikattiva mid-dħul, permezz tal-użu tal-magna tat-tiftix tagħha Google Search fuq l-iOS, bis-saħħa tal-ftehim konkluż ma’ Apple. F’dan ir-rigward, Google tallega, għall-kuntrarju, li hija tikseb parti kbira mid-dħul tagħha mill-użu ta’ apparati tal-Google Android li jinsabu f’firxa ta’ prezzijiet ekwivalenti għall-apparati ta’ Apple. Għaldaqstant, anki jekk jaqilbu biss parti żgħira minnhom, dan ikun ta’ dannu għaliha.

213    Issa, għalkemm il-politika tal-ipprezzar ta’ Apple dehret li hija ostakolu għall-qlib tal-utenti ta’ apparati ta’ kwalità baxxa, dan ma japplikax għall-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni tidher li tirrikonoxxi dan b’mod impliċitu, sa fejn, fil-premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tafferma li l-utenti ta’ tali apparati ma kinux ser jaqilbu għall-apparati ta’ Apple, hija tinvoka motivi differenti. Il-Kummissjoni b’hekk bl-ebda mod ma targumenta dwar il-politika tal-ipprezzar ta’ Apple, li fiha nnifisha ma hijiex ostakolu għall-qlib tal-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità tal-Android.

214    Il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-impatt ta’ tali qlib fir-rigward tal-apparat ta’ livell għoli huwa finanzjarjament limitat, għaliex l-utenti jkomplu jagħmlu tiftix fuq Google Search fuq l-apparati tal-iOS u Google kienet ser iżżomm id-dħul iġġenerat minn dak it-tiftix, ma għandux effett reali fuq il-kwistjoni dwar jekk il-politika tal-ipprezzar ta’ Apple kinitx f’pożizzjoni li tikkontrobilanċja l-pożizzjoni ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja. Fil-fatt, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 540(1) tad-deċiżjoni kkontestata billi tinvoka eżempju, il-politika tal-ipprezzar ta’ Apple ma tistax tkun ostakolu biex l-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja tal-ekosistema Android jaqilbu għall-ekosistema iOS.

215    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-politika tal-ipprezzar ta’ Apple kienet tikkostitwixxi ostakolu għall-qlib għall-parti l-kbira tal-utenti ta’ apparati li jaħdmu bl-Android. Madankollu, ma jistax jingħad l-istess għall-utenti ta’ apparati ta’ kwalità għolja. Dan l-iżball, madankollu, huwa mingħajr konsegwenza peress li, għal dawn l-aħħar utenti, il-qlib tagħhom jiddependi fuq fatturi oħra, kif jirriżulta mill-premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata jew mill-premessa 540(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata. Dan japplika b’mod partikolari għal-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom, inkluż, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-OEMs li l-Kummissjoni rriproduċiet fil-premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-utenti jidraw il-mod kif jaħdem l-OS tagħhom (ara l-punti 184 sa 189 iktar ’il fuq).

viii) Fuq limġiba taliżviluppaturi talapplikazzjonijiet

–       Largumenti talpartijiet

216    Google tinsisti fuq l-importanza li tiġi sostnuta mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet. Hija ssostni li kellha żżomm livell għoli ta’ kwalità għall-Android biex tiggarantixxi lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet l-ikbar numru ta’ utenti. Kwalunkwe tnaqqis fil-kwalità tal-Android iwassal lill-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet biex jaqilbu għal pjattaformi oħra, b’mod partikolari dik ta’ Apple, jew biex inaqqsu l-investimenti tagħhom fl-Android. Tnaqqis fl-investiment tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet iwassal għal effett negattiv li jkompli jikber u dan iwassal biex l-utenti jaqilbu.

217    Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ qlib tal-utenti f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità tal-Android jimplika korrelattivament in-nuqqas ta’ qlib tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet. Id-dijagramma li tinsab fil-premessa 610 tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti barra minn hekk li jintwera l-fatt li l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, mill‑2010 ’l hawn, fil-parti l-kbira qalbu mill-iOS lejn Android.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

218    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni esponiet, ġustament, ir-raġunijiet għalfejn żviluppatur tal-applikazzjonijiet għandu jkompli jopera fuq l-Android f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità tal-OS. Fil-fatt, l-Android kienet l-iktar pjattaforma użata, u għalhekk l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet kellhom kull interess li jimmiraw lejn il-maġġoranza tal-utenti (ara l-premessa 553 tad-deċiżjoni kkontestata).

219    Sa fejn kien improbabbli li l-utenti jaqilbu għal OS mobbli oħra f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità ta’ Android, l-istess japplika għall-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, li raġonevolment ma jistgħux jabbandunaw il-maġġoranza tal-klijenti tagħhom.

220    Bl-istess mod, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, il-fatt li l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet kienu joperaw għal diversi OS isaħħaħ il-konstatazzjoni li tgħid li tnaqqis fil-kwalità tal-Android ma kienx ser iwaqqaf l-iżvilupp ta’ applikazzjoni għall-Android.

221    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet ma kinux ser jaqilbu minn Android f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità tal-imsemmija OS.

222    Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-intensità relattiva tal-kompetizzjoni minn Apple kienet tiġġustifika li s-suq rilevanti ma jiġix estiż għall-OS mobbli kollha u li tiġi eskluża kull restrizzjoni kompetittiva minn OS mingħajr liċenzja tas-setgħa kbira ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja. Kemm fir-rigward tal-lealtà tal-utenti lejn l-OS tagħhom, tal-effett tal-politika tal-ipprezzar ta’ Apple, b’mod partikolari għall-utenti li għandhom apparat ta’ kwalità baxxa, u l-ispejjeż involuti fil-qlib lejn OS oħra, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dawn l-ostakoli multipli, meħuda flimkien, jippermettu li jiġi rrelativizzat l-impatt tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple fuq is-setgħa fis-suq ta’ Google.

2)      Fuq irrestrizzjoni kompetittiva talliċenzja AOSP

i)      Largumenti talpartijiet

223    Google tqis li hija suġġetta għal restrizzjoni kompetittiva mil-liċenzja AOSP, li tippermetti lill-iżvilupp ta’ sostituti perfetti għall-Android. Għalhekk, kwalunkwe tnaqqis żgħir fil-kwalità ta’ Android iwassal lill-OEMs biex jipprijoritizzaw verżjonijiet mhux degradati ta’ Android b’aċċess liberu. Google targumenta li l-Kummissjoni qiegħda tinjora s-soluzzjoni adottata fid-deċiżjoni tagħha C(2010) 142 finali tal‑21 ta’ Jannar 2010 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.5529, Oracle/Sun Microsystems) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Sun Microsystems”), li fiha sabet li n-natura libera tas-software wasslet għal pressjoni kompetittiva. Barra minn hekk, l-istabbiltà tal-ishma mis-suq ta’ Google sa mill‑2011, li hija spjegata mill-isforzi tagħha li żżomm il-kwalità tal-Android, ma għandhiex effett fuq ir-reazzjoni tal-OEMs f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità tagħha. Google tikkontesta wkoll ir-rilevanza tar-riferimenti magħmula fid-deċiżjoni kkontestata għat-trade mark Android, li hija tagħha, għall-interfaċċji ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjonijiet proprjetarji tagħha (iktar ’il quddiem l-“API proprjetarji”), għall-kontroll tagħha tal-Android permezz ta’ testijiet ta’ kompatibbiltà, jew għall-fatt li l-maġġoranza tal-OEMs ikkonkludew FAF u FDAM magħha.

224    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Hija tinnota b’mod partikolari li Google tikkontrolla l-aċċess għall-kodiċi tas-sors tal-Android (premessi 128 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq preżentazzjoni interna ta’ eżekuttiv ta’ Google. Din il-preżentazzjoni tiċċara l-politika segwita minn Google, b’mod partikolari l-ħtieġa li żżomm il-kontroll ta’ Android bl-iżvilupp tal-Play Store u tal-applikazzjonijiet ta’ Google tagħha li jagħmluha impossibbli, fl-aħħar mill-aħħar, li tinħoloq verżjoni alternattiva kredibbli ta’ Android. Barra minn hekk, id-deċiżjoni Sun Microsystems ma hija ta’ ebda għajnuna, għaliex, f’din il-kawża, l-OEMs li jixtiequ jużaw it-trade mark Android, li jkollhom aċċess għall-Play Store u li jużaw l-applikazzjonijiet ta’ Google għandhom jikkonkludu ftehimiet ma’ din tal-aħħar.

225    BDZV essenzjalment taqbel mal-Kummissjoni. Android huwa l-“proġett miftuħ l-iktar magħluq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. BDZV tinvoka l-fatt li Google tiżgura l-iżvilupp tal-kodiċi tas-sors tal-Android hija stess, li hija tikkontrolla l-liċenzja AOSP kif ukoll it-trade mark Android; li hija tikkontrolla l-implimentazzjoni tal-Android permezz ta’ testijiet ta’ kompatibbiltà; li għandha interess kummerċjali li jispjega l-ħtieġa tagħha li żżomm il-kontroll fuq l-Android u li n-natura miftuħa ta’ Android hija diskutibbli fid-dawl tar-restrizzjoni progressiva tal-kodiċi tas-sors.

ii)    Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

226    Għandu jiġi kkonstatat li Google tissopravaluta r-restrizzjoni kompetittiva dovuta għal-liċenzja AOSP. Ċertament, il-motiv li jinsab fil-premessa 568 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-ishma mis-suq ta’ Google mill‑2011 ’l hawn ma waqfux jiżdiedu u laħqu livell għoli ħafna, ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti biex jeskludi kull restrizzjoni kompetittiva dovuta għal-liċenzja AOSP. Il-fatt li l-ebda fork ta’ Android mhux kompatibbli ma ħarġet fis-suq lanqas ma jippermetti li tiġi eskluża l-possibbiltà li kumpannija tiżviluppa, mill-kodiċi tas-sors, alternattiva kredibbli għall-Android. Xorta jibqa’ l-fatt li, flimkien mar-raġunijiet l-oħra li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fil-premessi 567 sa 583 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjoni dovuta għal-liċenzja AOSP setgħet tiġi rrelativizzata ħafna.

227    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-ostakoli għad-dħul għal kumpannija li tixtieq tiżviluppa OS mill-kodiċi tas-sors ta’ Android kienu kbar, u dan minkejja, jew saħansitra minħabba, li l-Android huwa mingħajr ħlas. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt minn Google, kwalunkwe kumpannija li tixtieq tiżviluppa OS alternattiva mill-kodiċi tas-sors tal-Android trid iġġarrab spejjeż kbar, li probabbilment iwasslu biex inizjalment tiġi offruta verżjoni alternattiva bi ħlas. L-eżempji mogħtija tal-OS ta’ Amazon jew tat-tentattiv ta’ Seznam li tiżviluppa OS tagħha stess huma partikolarment probatorji. Fi kliem ieħor, Google ma tistax tallega li, f’każ ta’ tnaqqis żgħir fil-kwalità ta’ Android, l-OEMs kienu f’pożizzjoni li jduru malajr lejn il-kodiċi tas-sors sabiex jagħmlu tajjeb għal tali tnaqqis.

228    Dan huwa speċjalment il-każ fid-dawl tal-FAF, li waqqfu li jitfaċċaw alternattivi għal Android, kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessi 572, 575 u 576 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ħafna OEMs kienu marbuta minn tali ftehimiet, li ma kinux jippermettulhom ibigħu apparati portabbli li jaħdmu b’verżjonijiet ta’ Android mhux approvati minn Google. Għall-firmatarji tal-FAF, jiġifieri fir-realtà madwar mitt OEM fosthom l-ikbar 30 (ara l-punt 849 iktar ’il quddiem), li jaqilbu għal verżjoni alternattiva mhux approvata minn Google kienet timplika ksur totali minn ma’ Google.

229    It-tieni, anki kieku l-OEMs irnexxielhom jiżviluppaw verżjoni alternattiva ta’ Android mill-kodiċi tas-sors ta’ Android, tali verżjoni kienet tirriskja li ma tkunx, inizjalment, kompetitriċi kredibbli. Sabiex tiżviluppa din il-verżjoni, kumpannija jkollha tkun f’pożizzjoni li toffri diversi applikazzjonijiet u li tagħti aċċess għal interfaċċji ta’ programmazzjoni tal-applikazzjonijiet suffiċjentement funzjonali, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 576 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, Google ma tikkontestax id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 576 u 577 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom l-applikazzjonijiet proprji u l-API proprjetarji ta’ Google, b’mod partikolari minħabba s-setgħa tagħha fis-suq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, kienu kummerċjalment importanti għall-manifatturi. Ir-replikazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet u l-interfaċċji ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjonijiet korrispondenti għalhekk kienu jitolbu l-ħin u investiment sinjifikattiv. Fi kliem ieħor, il-feġġ ta’ verżjoni alternattiva kredibbli kien improbabbli ħafna.

230    Google tallega f’dan ir-rigward li verżjoni alternattiva ta’ Android setgħet tibbenefika mill-API proprjetarji tagħha. Madankollu, anki jekk jitqies li tali possibbiltà hija stabbilita, Google ma tikkontradixxix l-evalwazzjoni, li tinsab fil-premessa 576 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-aċċess għall-applikazzjonijiet u għall-API proprjetarji tagħha kien suġġett għall-konklużjoni tal-FAF, biex b’hekk Google tkun tista’ tissorvelja l-verżjonijiet alternattivi tal-Android.

231    It-tielet, id-deċiżjoni Sun Microsystems ma tikkontestax l-analiżi preċedenti. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi ta’ dik il-kawża u tal-kawża preżenti huma differenti. Ċertament, fil-premessa 749 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn software żviluppat mill-kodiċi tas-sors ta’ software ta’ Sun Microsystems, Inc. sabiex teżamina s-setgħa fis-suq tal-entità li kienet ser tirriżulta mill-amalgamazzjoni. Bl-istess mod, fil-premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata, li tibbaża ruħha fuqha Google, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-detentur ta’ software ta’ sors miftuħ huwa ristrett mill-iżviluppaturi indipendenti li jistgħu jipproponu titjib jew korrezzjonijiet għall-imsemmi software. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’din il-kawża, in-natura miftuħa ta’ Android ma hijiex paragunabbli ma’ dik tas-software inkwistjoni fid-deċiżjoni Sun Microsystems. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-verżjoni miftuħa ta’ Android disponibbli ma hijiex neċessarjament l-aħħar verżjoni ta’ Android offruta minn Google. Bl-istess mod, li jiġi propost titjib fl-Android mill-kodiċi tas-sors huwa diffiċli fil-prattika, ħlief bi rbit iktar mill-qrib ma’ Google sabiex jinkiseb, b’mod partikolari, aċċess għall-applikazzjonijiet kif ukoll għall-API proprjetarji tagħha. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li n-natura miftuħa ta’ Android ma tikkostitwixxix restrizzjoni kompetittiva paragunabbli għal dik li kienet ikkaratterizzata fid-deċiżjoni Sun Microsystems.

232    Fl-aħħar nett, ma huwiex meħtieġ li jiġi indirizzat l-argument ta’ Google ppreżentat fir-replika li jgħid li l-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnifisha għaliex, minn naħa, hija tiddikjara li “varjant ta’ Android jeħtieġ li jkollu aċċess għat-trade marks ta’ Android u għall-applikazzjonijiet tal-Play Store u Google Search biex ikun theddida kredibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa meqjus, fuq il-bażi tal-abbuż fis-suq globali, minbarra ċ-Ċina, tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android, minn naħa, u fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, min-naħa l-oħra, fejn l-għoti tal-liċenzja għall-użu tal-Play Store u ta’ Google Search sar kondizzjonali fuq l-aċċettazzjoni tal-OAF (iktar ’il quddiem “it-tieni abbuż”), li l-“forks inkompatibbli”, li ma għandhomx tali aċċess, “jikkostitwixxu theddida kompetittiva kredibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-premessa 1036(1) tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, kif ġie espost mill-Kummissjoni, sabiex tiġi evalwata r-restrizzjoni kompetittiva li tista’ tiġi eżerċitata mil-liċenzja AOSP, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li sabiex ikunu jistgħu jbigħu l-apparati tagħhom li jaħdmu b’fork kompatibbli u jimplimentaw l-API proprjetarji ta’ Google, l-OEMs ikollhom jikkonkludu FAF u FDAM. Għalhekk, sa fejn dawn l-OEMs huma marbuta minn FAF, li t-tul tagħhom ġeneralment huwa ta’ ħames snin (il-premessi 168, 169 u 1078 tad-deċiżjoni kkontestata), huma ma jistgħux jiddependu liberament fuq il-kodiċi tas-sors tal-Android biex joħolqu l-forks. Għaldaqstant, ma jkunx possibbli għalihom li jvaraw malajr u fi kwalunkwe mument apparat li jaħdem b’tali fork.

233    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li n-natura miftuħa tal-liċenzja AOSP ma kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti sabiex tikkontrobilanċja l-pożizzjoni dominanti okkupata minn Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja.

234    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.      Fuq ittieni parti dwar iddominanza talħwienet talapplikazzjonijiet tassoftware ta’ Android

235    Minbarra s-suq tal-OS taħt liċenzja, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll is-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android. Sabiex tiddefinixxi dan is-suq, il-Kummissjoni, fil-premessi 268 sa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, inkludiet il-ħwienet kollha tal-applikazzjonijiet tas-software intiżi għall-apparati tal-Google Android kif ukoll il-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software intiżi għal apparati oħra li jaħdmu bl-Android. Madankollu, l-ewwel nett, il-Kummissjoni eskludiet l-appartenenza ta’ sett ta’ applikazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jitniżżlu direttament mill-internet, mill-istess suq bħal ħanut tal-applikazzjonijiet tas-software. It-tieni, il-Kummissjoni eskludiet il-ħwienet ta’ OS mobbli oħra taħt liċenzja kif ukoll dawk ta’ OS mobbli mingħajr liċenzja.

236    Fis-suq tal-ħwienet għall-Android, il-Kummissjoni, sussegwentement, ikkunsidrat li Google kellha pożizzjoni dominanti bil-Play Store. Kif jirriżulta mill-premessi 590 sa 673 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ishma mis-suq ta’ Google, fuq l-għadd u l-popolarità tal-applikazzjonijiet li jistgħu jitniżżlu kif ukoll fuq l-aċċessibbiltà għall-aġġornamenti, l-obbligu li jintuża l-Play Store sabiex wieħed jibbenefika mis-servizzi ta’ Google Play, l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul, in-nuqqas ta’ qawwa kumpensatorja tax-xerrej tal-OEMs kif ukoll l-eżistenza ta’ restrizzjoni kompetittiva insuffiċjenti mill-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software għall-OS mobbli mingħajr liċenzja.

237    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, Google tiffoka l-argumenti tagħha fuq l-eżami, mill-Kummissjoni, fil-punt 9.4.7 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-intensità tar-restrizzjoni kompetittiva tal-ħwienet ta’ OS mobbli mingħajr liċenzja.

a)      Largumenti talpartijiet

238    Google tenfasizza, qabel kollox, li Android u l-Play Store kienu interdipendenti. Dawn kellhom ikunu simultanjament kompetittivi: id-dominanza ta’ waħda ma tistax tiġi sseparata minn dik tal-oħra. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan fil-premessi 299, 305 u 594 tad-deċiżjoni kkontestata. HMD, ADA u CCIA jikkonfermaw din l-interpretazzjoni u jenfasizzaw li, billi tiġi injorata l-kompetizzjoni bejn is-“sistemi” ta’ Android u ta’ Apple u ma tiġix evalwata l-kompetizzjoni fil-livell globali, id-deċiżjoni kkontestata titbiegħed mir-realtà tal-fatti.

239    Sussegwentement, Google targumenta li, billi sseparat il-Play Store minn Android, il-Kummissjoni, sussegwentement, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni eżerċitata minn Apple. Issa, din tal-aħħar hija l-kawża għall-iżvilupp tal-Play Store sabiex l-imsemmi ħanut iżomm livell għoli ta’ kwalità. Is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, EU:T:2018:922) tikkonferma li tali mudell ta’ innovazzjoni jimplika l-eżistenza ta’ kompetizzjoni. Kieku Google kellha, kif tallega l-Kummissjoni, pożizzjoni dominanti, Google kienet tonqos milli tagħmel innovazzjonijiet u kien ikun jista’ jiġi osservat tnaqqis fil-kwalità tal-Play Store. Bl-istess mod, l-affermazzjoni fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-iżvilupp tal-Play Store ma huwiex spjegat minn fenomenu tal-innovazzjoni iżda pjuttost mill-implimentazzjoni tax-xejriet teknoloġiċi jew minn allinjament ta’ wieħed għall-karatteristiċi tal-ieħor ma hijiex ipprovata u hija żbaljata. Anki jekk titqies li hija fondata, tali konstatazzjoni tikkorrobora l-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn Google u Apple.

240    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni fil-premessi 290 u 668 tad-deċiżjoni kkontestata, Google tenfasizza, bħal ADA, li ma tistax iżżid b’mod li jkun ta’ profitt l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet. Bl-istess mod kif hija ma tistax tnaqqas il-kwalità ta’ Android, hija ma tista’ tikseb l-ebda benefiċċju minn żieda fl-ispejjeż li timponi mingħajr ma żżid il-kompetizzjoni minn Apple. Il-prova ta’ dan hija t-tnaqqis bi 15 % offrut minn Google, matul il-perijodu tal-allegata dominanza, tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet sabiex tirrifletti t-tnaqqis deċiż minn Apple.

241    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tagħha jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti mressqa minn Google. Minn naħa, l-argumenti ta’ Google huma żbaljati sa fejn dawn jevitaw b’mod partikolari l-fatt li l-utenti ma jistgħux jużaw ħwienet tal-applikazzjonijiet għal OS oħra, kif jirriżulta mill-premessa 299(2), tad-deċiżjoni kkontestata, u li l-Play Store jiddomina s-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android.

242    Min-naħa l-oħra, l-ebda prova ma tippermetti li jiġi stabbilit li l-iżvilupp tal-Play Store ġie stimulat mill-iżviluppi tal-App Store ta’ Apple. Fi kwalunkwe każ, provi oħra ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu li tiġi stabbilita l-pożizzjoni dominanti tal-Play Store fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android. Bl-istess mod, il-provi ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jispjegaw kif Google tista’ żżid il-prezzijiet għall-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet mingħajr ma dan iwassal għal riperkussjonijiet jibqgħu validi. Fid-dawl b’mod partikolari taż-żieda fis-sehem tal-apparati tal-Google Android fil-bejgħ globali tal-apparati portabbli intelliġenti, minn 48 % fl‑2011 għal 81 % fl‑2016, l-iżviluppaturi ma humiex ser ikunu jridu jirrinunzjaw l-aċċess għal bażi ta’ utenti daqstant wiesgħa u li qiegħed jikber. L-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet mhux ser jieqfu jiddistribwixxu l-applikazzjonijiet permezz tal-Play Store f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

243    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li Google tikkontesta biss numru limitat ta’ motivi tad-deċiżjoni kkontestata. L-oġġezzjonijiet ma jirrigwardawx l-elementi kollha li wasslu lill-Kummissjoni biex tqis li Google kienet tokkupa, permezz tal-Play Store, pożizzjoni dominanti fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android. Google tiffoka esklużivament fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Apple.

244    F’dan il-kuntest, Google tirreferi għall-premessi 299 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata dwar id-definizzjoni tas-suq u l-esklużjoni ta’ kwalunkwe sistema bejn Android u l-Play Store. Skont Google, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-eżistenza ta’ tali sistema, li hija f’kompetizzjoni mas-sistema ta’ Apple, jiġifieri dik bejn l-iOS u l-App Store.

245    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 299 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat l-eżistenza ta’ sistema bejn Android u l-Play Store, mhux sabiex tiċħad l-ipoteżi ta’ kompetizzjoni minn Apple, iżda sabiex tirrelativizza l-kompetizzjoni li ġejja minn ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software iddedikati għal OS oħra taħt liċenzja u minn ħwienet tal-applikazzjonijiet oħra ddedikati għall-Android. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma indirizzatx formalment, fil-premessa 299 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn is-sistema ta’ Android u s-sistema ta’ Apple.

246    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tar-restrizzjoni kompetittiva mill-App Store, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ sistema bejn Android u l-Play Store tieħu xeħta differenti. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-Android, l-iOS kellha biss ħanut wieħed tal-applikazzjonijiet tas-software u ma tistax, għal din ir-raġuni biss, tiġi sseparata minnu. F’dan is-sens, il-Play Store u l-App Store kienu t-tnejn li huma f’kompetizzjoni permezz tas-sistema li jappartjenu għaliha dawn il-ħwienet, Android u iOS rispettivament.

247    Fil-konfront tas-sistema ta’ Apple, u sabiex tiġi evalwata r-restrizzjoni kompetittiva mill-App Store, il-Play Store wkoll ma jistax jiġi sseparat mill-Android. Dan jgħodd iktar u iktar peress li Google tissuġġetta l-aċċess għall-Play Store għall-konklużjoni ta’ FAF, li jippermetti li l-Play Store jiġi assoċjat biss mal-verżjonijiet tal-Android li jissodisfaw it-test tal-kompatibbiltà ta’ Google.

248    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni, fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, tar-restrizzjoni kompetittiva mill-App Store fuq il-Play Store twassal biex tittieħed inkunsiderazzjoni r-restrizzjoni kompetittiva tal-iOS fuq l-Android, fatt li Google, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, irrikonoxxiet b’mod espliċitu.

249    Ir-restrizzjoni kompetittiva mill-App Store fuq il-Play Store kienet fil-fatt ibbażata fuq dik tal-iOS fuq l-Android. Minbarra l-fatt li l-OS hija prerekwiżit għat-tħaddim ta’ apparat portabbli, il-funzjonament tajjeb u l-varjetà ta’ applikazzjonijiet disponibbli jiddependu wkoll fuq il-kwalità tagħha.

250    Din ir-realtà, li twassal biex tiġi evalwata l-kompetizzjoni bejn is-sistemi, hija kkonfermata mill-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 656, li l-App Store ma kienx jeżerċita restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq il-Play Store billi għamlet riferiment b’mod partikolari għall-punt 9.3.4, li fi tmiemu l-Kummissjoni qieset li l-iOS ma kinitx teżerċita, mill-perspettiva tal-utenti, restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-Android.

251    Bl-istess mod, mill-perspettiva tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq motivi essenzjalment identiċi fil-premessi 552 sa 555 u 668 sa 670 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex qieset rispettivament li l-iOS kienet teżerċita restrizzjoni kompetittiva insuffiċjenti fuq l-Android u li l-App Store kien jeżerċita restrizzjoni tal-istess intensità fuq il-Play Store. Din il-koinċidenza tal-motivi hija enfasizzata iktar mill-premessi 553 u 668 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tnejn li huma jirreferu għall-premessa 290 dwar in-nuqqas ta’ appartenenza tal-App Store għall-istess suq bħall-Play Store.

252    Għalhekk, il-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel motiv tiddependi fuq il-fondatezza tal-ewwel parti, li permezz tagħha Google takkuża lill-Kummissjoni li injorat ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-iOS fuq l-Android fil-livell tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet. Fil-fatt, jirriżulta li huwa loġikament impossibbli li restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-App Store fuq il-Play Store tkun differenti fl-intensità minn dik eżerċitata mill-iOS fuq l-Android. Fiż-żewġ każijiet, id-data meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-intensità tar-restrizzjoni kompetittiva hija identika.

253    Issa, sa fejn l-argumenti mqajma minn Google insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ġew miċħuda bħala infondati, u b’hekk jikkonfermaw il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni suffiċjenti eżerċitata mill-iOS fuq l-Android, l-argumenti mressqa minn Google insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv konsegwentement ma jistgħux jintlaqgħu.

254    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

4.      Fuq ittielet parti dwar ilkontradizzjoni bejn iddominanza tasservizzi ta’ tiftix ipprovduti lillutenti u tteorija talabbuż, li tikkonċerna lliċenzji talapplikazzjoni tattiftix mogħtija lillOEMs

a)      Largumenti talpartijiet

255    Insostenn ta’ din il-parti, Google ssostni li l-evalwazzjoni dwar id-dominanza eżerċitata fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ma taqbilx mat-teorija tal-abbuż adottata mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza fil-premessa 674 tad-deċiżjoni kkontestata li Google hija dominanti fis-servizzi ġenerali ta’ tiftix ipprovduti lill-utenti, iżda l-aġir ikkontestat fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna biss il-liċenzji tal-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix mogħtija lill-OEMs, mhux lill-utenti.

256    Id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li Google tiddomina s-“suq” tal-għoti lill-OEMs ta’ liċenzji għal applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix, li, fil-prattika, ma huwiex il-każ. L-OEMs ma humiex meħtieġa jpoġġu l-applikazzjoni Google Search fuq l-apparat tagħhom, peress li dan is-servizz ta’ tiftix huwa aċċessibbli faċilment u mingħajr ħlas fuq l-internet. Bl-istess mod, utent li jixtri apparat mingħajr l-applikazzjoni Google Search jista’ faċilment jaċċessaha. OEM jista’ wkoll joħloq u jinstalla ikona li tieħu lill-utent fil-paġna ewlenija ta’ Google fi browser. Fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ dominanza għall-għoti ta’ liċenzji tal-applikazzjonijiet ta’ tiftix lill-OEMs, il-fatt li l-għoti tal-liċenzja tal-applikazzjoni Google Search huwa suġġett għall-aċċettazzjoni mill-OEMs tal-OAF u għall-preinstallazzjoni tal-Chrome skont il-FDAM ma jistax jitqies bħala abbużiv. Dan jgħodd ukoll għat-tqassim minn Google ta’ ċertu dħul mir-reklamar bħala korrispettiv għall-preinstallazzjoni esklużiva mill-OEMs u mill-ONMs ikkonċernati ta’ Google Search.

257    Il-Kummissjoni ssostni b’mod ġenerali li l-konklużjonijiet dwar id-dominanza eżerċitata minn Google fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix jaqblu mal-abbużi kkonstatati. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi sostnut li, bl-iskuża li huma l-utenti li jwettqu t-tiftix ġenerali, ma jista’ jseħħ l-ebda abbuż fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix minħabba l-aġir ta’ Google fil-konfront tal-OEMs. Il-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq il-forma tal-abbuż, iżda fuq ix-xebh bejn il-fatti, sa fejn l-aġir ta’ Google seħħ fil-livell tal-OEMs, iżda fir-rigward ta’ prodott użat mill-konsumaturi.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

258    L-oġġezzjoni bbażata fuq kontradizzjoni bejn l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata u l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ma tistax tintlaqa’ b’mod utli.

259    Fl-ewwel lok, fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata ġew identifikati fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google kemm fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kif ukoll fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dawn l-abbużi kienu bbażati b’mod żbaljat fuq il-pożizzjoni dominanti li kellha Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, għandu jiġi kkonstatat li dawn kienu bbażati wkoll fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android, li ma ġietx ikkontestata mill-argumenti ppreżentati minn Google fit-tieni parti tal-ewwel motiv.

260    Fit-tieni lok, indipendentement mill-konstatazzjoni li tgħid li l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jirriżultaw ukoll mill-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-prattiki inkwistjoni kienu marbuta mill-qrib mal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Peress li Google Search huwa prodott li l-utenti ta’ apparati tal-Google Android jistennew li jkollhom, Google tibbenefika mis-setgħa tagħha fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix sabiex tipprovdi din l-applikazzjoni lill-firmatarji tal-FDAM.

261    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata, li ċertament immanifestaw ruħhom fir-relazzjonijiet bejn Google u l-firmatarji tal-FDAM, kienu fir-realtà mmirati lejn l-utenti u s-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, li għalihom Google kellha pożizzjoni dominanti. Il-fatt li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkonċernaw il-provvista ta’ Google Search lill-firmatarji tal-FDAM ma jpoġġix indiskussjoni din il-konstatazzjoni. Google Search kienet tikkostitwixxi punt ta’ dħul importanti għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ta’ Google, peress li l-firmatarji tal-FDAM jaġixxu, f’dan il-kuntest, bħala intermedjarji bejn Google u l-utenti tagħha.

262    Fi kliem ieħor, il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kienet tikkostitwixxi kemm il-punt tat-tluq kif ukoll il-punt tal-wasla tal-prattiki eżaminati fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l-premessa 1341 tad-deċiżjoni kkontestata), li fir-realtà kienu intiżi, skont il-Kummissjoni, sabiex jippreżervaw u jżidu s-setgħa ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kif ukoll sabiex jipprevjenu li jitfaċċa xi kompetitur f’dan is-suq.

263    Għaldaqstant, ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda kontradizzjoni bejn l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata u l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

264    Tali intepretazzjoni tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-allegata inkoerenza bejn l-abbuż identifikat, fil-premessa 1192 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio u l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

265    Filwaqt li l-abbużi identifikati fil-premessi 877 u 1016 tad-deċiżjoni kkontestata huma meqjusa mill-Kummissjoni bħala gruppi ta’ prodotti jew ta’ obbligi, l-abbuż identifikat fil-premessa 1192 tad-deċiżjoni kkontestata, kien intiż, permezz ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, għat-tqassim tad-dħul mir-reklamar ta’ Google bis-saħħa tal-attività tagħha fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Għalhekk, il-FTD abbażi ta’ portfolio neċessarjament kienu jiddependu fuq is-setgħa ta’ Google f’dawn is-swieq. Barra minn hekk, għalkemm il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jirrigwardaw ir-relazzjonijiet ta’ Google mal-firmatarji ta’ dawn il-kuntratti, li skonthom ma baqgħux jistgħu jippreinstallaw applikazzjoni li tikkompeti ma’ Google Search, għandu jiġi rrilevat mill-ġdid li dawn il-firmatarji, billi aċċettaw tali obbligu, kienu ppermettew lil Google ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix għall-utenti.

266    Għaldaqstant, ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda kontradizzjoni bejn l-abbuż identifikat mill-Kummissjoni fil-premessa 1192 tad-deċiżjoni kkontestata u l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

267    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata, kif għandu jiġi miċħud ukoll, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu.

5.      Fuq irrilevanza relattiva talkompetizzjoni bejn lekosistemi għallħtiġijiet ta’ din ilkawża

268    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni partijiet tal-imsemmi motiv, jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-pressjoni kompetittiva indiretta eżerċitata minn Apple fuq Google baqgħet insuffiċjenti.

269    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm insostenn tal-ewwel u tat-tieni partijiet tal-ewwel motiv, Google tikkontesta, b’mod iżolat, id-definizzjoni kif ukoll il-pożizzjoni sussegwenti tagħha fis-swieq tal-OS taħt liċenzja u tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android, l-argumenti tagħha jinvokaw ukoll in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà tal-kompetizzjoni bejn l-ekosistemi.

270    Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-iOS, bħall-App Store ta’ Apple, seta’ jeżerċita ċertu livell ta’ restrizzjoni fuq Google (premessi 242, 243 u 322 tad-deċiżjoni kkontestata). L-“ekosistema” ta’ Google, ikkaratterizzata mir-relazzjoni bejn l-OS Android u l-Play Store, għalhekk ġiet f’kompetizzjoni mal-“ekosistema” ta’ Apple, ikkaratterizzata mir-relazzjoni bejn l-iOS u l-App Store.

271    F’dan il-kuntest, skont Google, ir-restrizzjonijiet eżerċitati minn Apple permezz tal-iOS u tal-App Store, li ma humiex is-suġġett ta’ liċenzji, ma ppermettewlhiex taġixxi b’mod sinjifikattivament indipendenti minn dan il-kompetitur, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet dominanti li l-Kummissjoni attribwitilha fis-swieq globali minbarra ċ-Ċina tal-OS taħt liċenzja u tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android.

272    Issa, f’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Apple ma tistax a priori tinfluwenza l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 118 sa 199 u 515 tad-deċiżjoni kkontestata, Apple kienet tibbenefika, matul il-perijodu tal-ksur, minn ftehim ta’ tqassim tad-dħul suġġett għall-kundizzjoni li Google Search tiġi prestabbilita fil-browser tal-internet mobbli tagħha, Safari. Għalhekk, minħabba dan il-ftehim, Apple ma kellha l-ebda inċentiv li tintervjeni f’dawn is-swieq sabiex tikkompeti ma’ Google Search peress li l-użu ta’ din il-magna tat-tiftix mill-utenti tal-apparati li jaħdmu bl-iOS kien sors ta’ dħul sinjifikattiv għaliha.

273    Għalkemm dan il-ftehim ċertament ma kienx is-suġġett tal-proċedura, xorta seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif għamlet il-Kummissjoni, bħala element fattwali li jippermetti li tiġi evalwata aħjar is-sitwazzjoni tas-saħħa ekonomika ta’ Google u l-kapaċità tagħha li taġixxi, b’mod sinjifikattivament indipendenti, mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha.

C.      Fuq ittieni motiv, dwar lewwel abbuż, ibbażat fuq levalwazzjoni żbaljata tannatura abbużiva talkundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni talFDAM

274    Permezz tat-tieni motiv tar-rikors, maqsum f’żewġ partijiet, Google ssostni li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat dwar in-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, li jissuġġettaw il-kisba tal-liċenzja għall-Play Store għall-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search, u l-kisba tal-liċenzja għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-preinstallazzjoni tal-browser Chrome (iktar ’il quddiem l-“ewwel abbużi”).

1.      Sfond

275    Preliminarjament, sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti tal-partijiet, għandhom jiġu esposti, l-ewwel, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi konkluż li l-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti, it-tieni, id-diversi elementi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkaratterizza l-effetti ta’ esklużjoni prodotti minn dawn il-prattiki u, it-tielet, ir-relazzjonijiet bejn dawk il-prattiki.

a)      Ilkunċetti ta’ prattika abbużiva, ta’ effetti ta’ esklużjoni u ta’ rbit, b’mod partikolari firrigward tassentenza tas17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T201/04, EU:T:2007:289)

276    Ma huwiex illegali fih innifsu li kumpannija tokkupa pożizzjoni dominanti u li tikkompeti fuq il-merti tagħha. Huwa biss f’ċerti ċirkustanzi, dawk fejn, pereżempju, l-aġir tagħha jipproduċi effetti ta’ esklużjoni li ma jaqgħux taħt tali kompetizzjoni, li dan l-aġir jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

277    Fil-fatt, l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu l-għan li jimpedixxi lil impriża milli tikseb, fuq mertu tagħha stess, pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża biex tiżgura li kompetituri inqas effiċjenti mill-impriża li jkollha pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

278    Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha, il-kompetizzjoni fuq il-merti tista’ twassal għall-għajbien mis-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effiċjenti u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

279    Madankollu, kumpannija li jkollha pożizzjoni dominanti għandha responsabbiltà li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni fuq il-merti fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

280    Din hija ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża li jkollha pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni fuq il-kompetituri tagħha li huma meqjusa li huma effiċjenti daqsha, u milli ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi oħra għajr dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni fuq il-merti. Għaldaqstant, minn din il-perspettiva, bħalma hu l-każ għal kull kompetizzjoni fuq il-prezz, mhux il-kompetizzjoni kollha fuq parametri oħra tista’ titqies bħala leġittima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

281    L-effetti ta’ esklużjoni jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet fejn l-aċċess effettiv tal-kompetituri reali jew potenzjali għas-swieq jew għall-komponenti tiegħu jiġi ostakolat jew eliminat bħala riżultat tal-aġir tal-kumpannija dominanti, u b’hekk jippermettu lil din tal-aħħar tinfluwenza b’mod negattiv, favur tagħha u għad-detriment tal-konsumaturi, id-diversi parametri tal-kompetizzjoni, bħall-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni, il-varjetà jew il-kwalità tal-oġġetti jew tas-servizzi.

282    Il-fatt li l-aġir ta’ kumpannija dominanti jipproduċi effetti ta’ esklużjoni fuq swieq oħra għajr is-suq iddominat ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

283    F’dan il-każ, il-prattiki inkwistjoni bbażati fuq l-ewwel abbuż huma każijiet ta’ rbit. Din hija prattika komuni fil-kummerċ li ġeneralment hija intiża biex toffri lill-klijenti prodotti aħjar jew offerti orħos. Prattika ta’ rbit tinvolvi kumpannija dominanti li tissuġġetta l-bejgħ ta’ prodott partikolari (il-prodott li jorbot) għall-akkwist ta’ prodott ieħor (il-prodott marbut). Din tista’ tipproduċi effetti ta’ esklużjoni fis-suq marbut, fis-suq li jorbot jew fit-tnejn li huma. Fil-fatt, kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti f’suq ta’ prodotti jew iktar minn wieħed (is-suq tal-prodott li jorbot) tista’ tippreġudika lill-konsumaturi permezz ta’ din il-prattika, sa fejn hija timblokka s-suq ta’ prodotti oħra li huma s-suġġett ta’ rbit (is-suq tal-prodott marbut) u, indirettament, is-suq li jorbot.

284    F’dan ir-rigward, sabiex tiġi evalwata n-natura abbużiva ta’ tali prattiki, diġà ġie kkonstatat fil-ġurisprudenza li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-elementi li ġejjin (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 869):

–        l-ewwel, il-prodott li jorbot u l-prodott marbut huma żewġ prodotti distinti;

–        it-tieni, il-kumpannija kkonċernata għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott li jorbot;

–        it-tielet, l-imsemmija kumpannija ma tagħtix lill-konsumaturi l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut;

–        ir-raba’, il-prassi inkwistjoni “tillimita l-kompetizzjoni”;

–        il-ħames, din il-prattika ma hijiex oġġettivament iġġustifikata.

285    Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raba’ kundizzjoni msemmija fil-punt 284 iktar ’il fuq marbuta mar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, minn naħa, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 867 tas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), fil-kontenut tal-ġurisprudenza preċedenti li skontha, “bħala prinċipju, aġir jiġi kkunsidrat bħala abbużiv biss jekk ikun ta’ natura li jista’ jillimita l-kompetizzjoni”.

286    Madankollu, fil-punt 868 tas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, min-naħa l-oħra, li, fid-deċiżjoni kkontestata fl-imsemmija kawża “il-Kummissjoni [kienet i]kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, hija ma setgħetx sempliċement tikkunsidra – kif normalment [kienet] tagħmel fil-każijiet ta’ rbit abbużiv – li l-irbit ta’ prodott partikolari u ta’ prodott dominanti [kellu], fih innifsu, effett ta’ esklużjoni fis-suq” u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, “[g]ħalhekk, [il-Kummissjoni kellha teżamina] f’iktar dettall l-effetti konkreti li l-irbit in kwistjoni kien diġà kellu fis-suq [inkwistjoni] kif ukoll il-mod kif dan is-suq kien mistenni jevolvi” (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 1035).

287    Sabiex tispjega għalfejn il-Kummissjoni kienet eżaminat l-effetti konkreti tal-irbit fuq is-suq inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni kienet qieset dan li ġej fid-deċiżjoni kkontestata fl-imsemmija kawża (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 977):

“Hemm […] xi ċirkustanzi, fir-rigward ta’ l-irbit tal-player [Windows Media Player], li jiġġustifikaw eżami iktar bir-reqqa ta’ l-effetti li din il-prassi għandha fuq il-kompetizzjoni. Filwaqt li, fil-każijiet klassiċi ta’ rbit, il-Kummissjoni u l-qrati [tal-Unjoni] kkunsidraw li l-irbit ta’ prodott distint mal-prodott dominanti kien jindika l-effett ta’ esklużjoni li din il-prassi kellha fuq il-kompetituri, [għandu jiġi osservat li,] f’dan il-każ, l-utenti jistgħu jakkwistaw – u sa ċertu punt hekk jagħmlu – media players kompetituri [tal-Windows Media Player] permezz ta’ l-internet, xi kultant bla ħlas. Jeżistu għaldaqstant raġunijiet tajba għalxiex ma għandux jiġi preżunt, mingħajr analiżi addizzjonali, li l-irbit tal-Windows Media Player jikkostitwixxi aġir li jista’, min-natura tiegħu, jillimita l-kompetizzjoni.”

288    Konsegwentement, fil-punt 869 tas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, (T‑201/04, EU:T:2007:289), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kwistjoni tal-irbit inkwistjoni kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata fl-imsemmija kawża (riprodotta fil-punti 842 u 843 tal-imsemmija sentenza), fosthom dik dwar il-fatt li l-prassi inkwistjoni “[t]illimita l-kompetizzjoni”.

289    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, (T‑201/04, EU:T:2007:289) sabiex tesponi l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu kkaratterizzati l-ewwel abbużi (premessi 741 u 742 tad-deċiżjoni kkontestata).

290    B’mod partikolari, fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni msemmija fil-punt 284 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, wara li indikat fid-deċiżjoni kkontestata li, skont il-ġurisprudenza preċedenti fis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), ma kienx meħtieġ li jintwerew effetti antikompetittivi f’“każijiet klassiċi” ta’ rbit, hija indikat, essenzjalment, li r-raba’ kundizzjoni biex jiġi kkonstatat l-irbit kienet, fil-prinċipju, issodisfatta jekk il-prassi inkwistjoni “[kienet t]ista’ [jew kapaċi], min-natura [tagħha], [t]illimita l-kompetizzjoni” (ara l-premessa 749 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 813 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 867)).

291    F’dan ir-rigward, kif ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, f’din il-kawża jirriżulta li, bl-iskuża tal-applikazzjoni ta’ kriterju fformulat bħala “ta’ natura li jista’ jillimita l-kompetizzjoni” b’riferiment għall-punt 867 tas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), il-Kummissjoni ħadet ħsieb ukoll li tesponi konkretament fid-deċiżjoni kkontestata l-elementi differenti li, fil-fehma tagħha, jippermettu li tiġi stabbilita r-realtà tal-effetti ta’ esklużjoni allegati, skont il-punt 868 tal-imsemmija sentenza.

292    Fil-fatt, kif sostniet Google f’din il-kawża, huwa faċli għall-utenti li jiksbu applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali jew browsers li jikkompetu ma’ dawk li huma s-suġġett tal-irbit. Dan il-fatt huwa rrikonoxxut mill-partijiet kollha, peress li l-kwistjoni ma tirrigwardax il-possibbiltà li l-utenti jniżżlu faċilment tali applikazzjonijiet, iżda l-inċentivi li jista’ jkollhom sabiex jagħmlu dan (ara l-premessa 917 tad-deċiżjoni kkontestata).

293    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie espost mill-Qorti Ġenerali u kkonfermat mill-partijiet matul is-seduta, jirriżulta effettivament mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni pprovat tikkaratterizza restrizzjoni tal-kompetizzjoni mhux biss “potenzjali” jew “eventwali”, iżda wkoll “reali” jew “konkreta” fir-rigward ta’ wħud mill-aspetti tagħha. Skont il-Kummissjoni, mill‑2011 jew minn Awwissu 2012 sa Lulju 2018, il-prattiki inkwistjoni pproduċew l-effetti ta’ esklużjoni mniżżlin fid-deċiżjoni kkontestata, li kienu ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni fuq il-merti.

294    Bħala eżempju, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li dawn il-prattiki kellhom l-effett, fost l-oħrajn, li “jagħmluha iktar diffiċli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għas-servizzi ta’ tiftix kompetituri biex isirulhom mistoqsijiet ta’ tiftix u jiksbu d-dħul u d-data meħtieġa biex ikunu jistgħu jtejbu s-servizzi tagħhom (premessa 859 tad-deċiżjoni kkontestata), li huma “żiedu l-ostakoli għad-dħul” [traduzzjoni mhux uffiċjali] billi pproteġew lil Google mill-kompetizzjoni minn servizzi ta’ tiftix oħra (premessa 861 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “naqqsu l-inċentivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-innovazzjonijiet li xtaqu joffru l-kompetituri li jikkummerċjalizzaw servizz ta’ tiftix speċjalizzat f’lingwa partikolari jew immirat lejn grupp speċifiku ta’ utenti (ara l-premessi 862 u 1213 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn din tal-aħħar issemmi lil Seznam, lil DuckDuckGO, lil Qwant u lil “touch to search” ta’ Kikin).

295    F’dan il-każ, il-Kummissjoni għalhekk ġustament qieset, kif għamlet fid-deċiżjoni li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289) (ara l-punt 286 iktar ’il fuq), li kien hemm bżonn ta’ eżami mill-qrib tal-effetti konkreti jew ta’ analiżi addizzjonali, skont it-terminoloġija użata fil-passat f’dan ir-rigward, qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li l-irbit inkwistjoni kien ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni. Tali eżami jservi l-interess, minn naħa, li jitnaqqas ir-riskju li jiġi ssanzjonat aġir li ma huwiex verament ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni fuq il-merti u, min-naħa l-oħra, li tiġi ppreċiżata aħjar il-gravità tal-aġir inkwistjoni, li tiffaċilita d-determinazzjoni tal-livell xieraq ta’ kwalunkwe sanzjoni.

296    Għalhekk, peress li l-prattiki inkwistjoni seħħew fuq perijodu twil u kellhom, skont id-deċiżjoni kkontestata, effetti konkreti osservabbli fis-swieq rilevanti, l-interess ta’ definizzjoni iktar vaga tal-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni” taħt il-kappa tan-“natura [tiegħu] li jista’ jillimita l-kompetizzjoni” jirriżulta li huwa inqas sinjifikattiv milli jista’ jkun f’ċirkustanzi oħra.

297    Ma hijiex kwistjoni li l-Kummissjoni twettaq analiżi prospettiva li tistrieħ fuq l-effetti li ser jirriżultaw fid-dawl tal-ipoteżijiet li għadhom ma jistgħux jiġu vverifikati fil-prattika, bħalma jista’ jkun il-każ f’ċirkustanzi oħra (ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 145).

298    Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ aġir fuq numru ta’ snin, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni billi tqis li dawn il-prattiki eliminaw jew ostakolaw sorsi ta’ kompetizzjoni li, fin-nuqqas tagħhom, kienu jseħħu jew jiżviluppaw. Għalhekk ma huwiex ikkontestat li l-effetti reali u konkreti tal-prattiki inkwistjoni, effetti li seħħew fil-passat, jistgħu jiġu evalwati kemm fir-rigward tal-kompetizzjoni reali li ffaċċjat il-kumpannija f’pożizzjoni dominanti kif ukoll fir-rigward tal-kompetizzjoni potenzjali li ma setgħetx issir realtà minħabba l-prattiki ta’ esklużjoni.

299    Konsegwentement, id-differenza bejn “restrizzjoni tal-kompetizzjoni” u “natura li jista’ jillimita l-kompetizzjoni” ma għandhiex effett fuq il-prova f’każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkaratterizzat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni b’kunsiderazzjoni tal-effetti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-prattiki inkwistjoni fuq perijodu sinjifikattiv, effetti li jistgħu jiġu osservati u li jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina n-natura u l-portata tal-esklużjoni antikompetittiva li jipproduċu u lill-Qorti Ġenerali li tistħarreġ dawn l-evalwazzjonijiet.

b)      Iddeċiżjoni kkontestata

300    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel abbuż kien ikkostitwit minn żewġ każijiet ta’ rbit preżenti fil-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM li l-OEMs u l-ONMs li xtaqu jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw apparati bis-sett ta’ GMS kellhom jaċċettaw, jiġifieri:

–        fl-ewwel każ ta’ rbit, li rabat l-applikazzjoni Google Search mal-Play Store, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq globali (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 752 u 1009 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fit-tieni każ ta’ rbit, li rabat il-browser Chrome mal-applikazzjoni Google Search u mal-Play Store, Google abbużat mill-pożizzjonijiet dominanti tagħha fis-suq globali (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android u fis-swieq nazzjonali ġewwa ż-ŻEE tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 753 u 1010 tad-deċiżjoni kkontestata).

301    L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel tliet kundizzjonijiet invokati fis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289) fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ikkontestata bħala tali minn Google. L-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv pjuttost jirrigwardaw l-elementi esposti fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-raba’ u l-ħames kriterji tal-imsemmija sentenza, dwar, rispettivament, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi ppreżentati f’dan ir-rigward minn Google.

1)      Fuq lewwel tliet kundizzjonijiet invokati fissentenza tas17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs IlKummissjoni (T201/04, EU:T:2007:289)

302    Fir-rigward tas-sett Google Search-Play Store, il-Kummissjoni tqis, l-ewwel, li dawn huma prodotti distinti (premessi 756 sa 762 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tieni, li Google għandha pożizzjoni dominanti fis-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) għall-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android (premessa 763 tad-deċiżjoni kkontestata); u, it-tielet, li Google Search u l-Play Store ma jistgħux jinkisbu separatament (premessi 764 sa 772 tad-deċiżjoni kkontestata).

303    Fir-rigward tas-sett Chrome-Play Store u Google Search, il-Kummissjoni tikklassifika lil Chrome bħala prodott distint mill-Play Store u mill-applikazzjoni Google Search (premessi 879 sa 885 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li Google tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq globali (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android u fis-swieq nazzjonali ġewwa ż-ŻEE tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix (premessa 886 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-Play Store u l-applikazzjoni Google Search ma jistgħux jinkisbu mingħajr Chrome, filwaqt li tirriproduċi l-argumenti mressqa għall-ewwel sett (premessi 887 sa 895 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Fuq ilkundizzjoni dwar ir“restrizzjoni tal-kompetizzjoni”

i)      Issett Google Search-Play Store

304    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-“restrizzjoni tal-kompetizzjoni” (it-titolu tal-punt 11.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata [traduzzjoni mhux uffiċjali]), il-Kummissjoni tikkonstata li s-sett Google Search-Play Store jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni għar-raġunijiet li ġejjin (premessa 773 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        minn naħa, dan joffri lil Google vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li l-fornituri ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri ma jistgħux jikkompetu miegħu;

–        min-naħa l-oħra, dan jippermetti lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha f’kull suq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, billi żżid l-ostakoli għad-dħul u billi tiskoraġġixxi l-innovazzjoni, ħaġa li normalment tippreġudika, direttament jew indirettament, lill-konsumatur.

305    Fl-ewwel lok, sabiex tikkwalifika l-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv mogħti mis-sett Google Search-Play Store lil Google għad-detriment ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix, il-Kummissjoni tressaq il-ħames argumenti li ġejjin (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        in-numru ta’ tiftixiet ġenerali mwettqa permezz ta’ apparati portabbli intelliġenti żdied b’mod sinjifikattiv matul il-perijodu tal-ksur, u notevolment qabeż, mill‑2015, in-numru ta’ tiftixiet ġenerali mwettqa permezz tal-PCs (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-preinstallazzjoni hija mezz importanti għad-distribuzzjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparati portabbli intelliġenti, peress li tippermetti li jiżdied b’mod sinjifikattiv fuq bażi dejjiema l-użu tas-servizz ipprovdut mill-applikazzjoni; fil-fatt, l-utent huwa iktar probabbli li jirrikorri għal applikazzjoni preinstallata jew prestabbilita milli jniżżel prodott alternattiv (il-“vantaġġ tal-istatus quo”), u s-sett Google Search-Play Store jiggarantixxi lil Google li d-distribuzzjoni tal-applikazzjoni Google Search hija vasta daqs in-numru ta’ apparati tal-Google Android (premessi 778 sa 800 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        huwa impossibbli li titħassar l-applikazzjoni ta’ Google Search mis-sett ta’ GMS (premessi 801 sa 803 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri ma jistgħux jikkompetu mal-vantaġġ kompetittiv mogħti mis-sett Google Search-Play Store, la mit-tniżżil, la bi ftehimiet ma’ żviluppaturi ta’ magni tat-tiftix, u lanqas bi ftehimiet ta’ preinstallazzjoni (premessi 804 sa 834 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-evoluzzjoni tal-ishma mis-suq ta’ Google fir-rigward tal-mistoqsijiet ġenerali ta’ tiftix tikkonferma l-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (premessi 835 sa 851 tad-deċiżjoni kkontestata).

306    Fit-tieni lok, sabiex tistabbilixxi r-realtà u n-natura ta’ preġudizzju tal-effetti ta’ esklużjoni, il-Kummissjoni turi dan li ġej. Sabiex tikkonferma li s-sett Google Search-Play Store “jgħin lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, issaħħaħ l-ostakoli għad-dħul, tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u normalment tippreġudika lill-konsumatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tressaq diversi argumenti:

–        l-aġir ta’ Google “jagħmilha iktar diffiċli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-kompetituri tagħha fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix li jsirulhom mistoqsijiet ta’ tiftix kif ukoll li jiksbu d-dħul u l-informazzjoni relatati sabiex itejbu s-servizzi tagħhom (premessi 859 u 860 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-aġir ta’ Google “iżid” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-ostakoli għad-dħul billi jipproteġi lil Google mill-kompetizzjoni tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix li jistgħu jisfidaw il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali rilevanti; fil-fatt, is-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri jkollhom jonfqu r-riżorsi sabiex jikkompetu mal-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni, li tipproteġi wkoll lil Google mill-kompetizzjoni l-iktar effettiva, marbuta mal-preinstallazzjoni esklużiva (premessa 861 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-aġir ta’ Google “jnaqqas” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-inċentivi tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri sabiex jinvestu u jkunu innovattivi billi jagħmilha iktar diffiċli li jsirulhom mistoqsijiet ta’ tiftix u li jiksbu d-dħul u l-informazzjoni meħtieġa biex itejbu dawn is-servizzi (premessa 862 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        minħabba din l-interferenza mal-proċess kompetittiv normali, l-aġir ta’ Google "huwa [wkoll] kapaċi li jippreġudika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], direttament jew indirettament, lill-konsumaturi li jista’ jkollhom inqas għażla fir-rigward tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix disponibbli (premessa 863 tad-deċiżjoni kkontestata).

307    Bi tweġiba għall-argumenti ta’ Google intiżi biex jimminimizzaw l-impatt tas-sett Google Search-Play Store għar-raġuni li l-apparati li jaħdmu bl-Android kienu jirrappreżentaw biss minn [10‑20 %] sa [20‑30 %] tal-mistoqsijiet kollha fuq Google Search bejn l‑2013 u l‑2015, il-Kummissjoni ssostni li dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw mid-doppju sa ħames darbiet iktar minn dawk għat-tiftixiet imwettqa fuq is-servizzi kompetituri kollha. Fir-rigward tal-argument li jgħid li din il-prattika tikkoinċidi ma’ perijodu ta’ titjib tas-servizz ġenerali ta’ tiftix, dan ma huwiex biżżejjed biex jintwera n-nuqqas ta’ effetti fuq il-kompetizzjoni (premessi 864 sa 866 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li ma huwiex meħtieġ li jintwera li l-kompetizzjoni kienet tkun ikbar fin-nuqqas tas-sett Google Search-Play Store, iżda biss li dan seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni, li fil-fatt kien il-każ (premessi 867 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata).

ii)    Issett Chrome-Play Store u Google Search

308    Bl-istess mod, fir-rigward tar-“restrizzjoni tal-kompetizzjoni” (it-titolu tal-punt 11.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata [traduzzjoni mhux uffiċjali]), il-Kummissjoni tikkonstata li s-sett Chrome-Play Store u Google Search jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni għar-raġunijiet li ġejjin (premessa 896 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        minn naħa, dan joffri lil Google vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li l-browsers tal-internet mobbli l-oħra mhux speċifiċi għal OS ma jistgħux jikkompetu miegħu;

–        min-naħa l-oħra, dan jippermetti lil Google li tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u normalment tippreġudika, direttament jew indirettament, lill-konsumatur.

309    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li l-browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS kompetituri ma jistgħux jikkompetu miegħu, il-Kummissjoni ssostni li:

–        il-preinstallazzjoni hija mezz importanti għad-distribuzzjoni ta’ magni tat-tiftix għal apparati portabbli intelliġenti; dan jirriżulta b’mod partikolari mill-paragun bejn id-dħul iġġenerat fuq Google Android mill-browser preinstallat Chrome u browsers oħra li ma humiex preinstallati jew bejn id-dħul iġġenerat mit-tiftix imwettaq permezz ta’ browser fuq l-OS iOS jew fuq l-OS Android (premessi 900 sa 912 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Google Chrome ma jistax jitħassar mill-apparati ta’ GMS (premessi 913 sa 915 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS kompetituri ma jistgħux jikkompetu mal-vantaġġ mogħti mis-sett Chrome-Play Store u Google Search, la mit-tniżżil u lanqas permezz ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni (premessi 916 sa 946 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-evoluzzjoni tal-ishma mis-suq tikkonferma dawn il-konstatazzjonijiet (premessi 947 sa 963 tad-deċiżjoni kkontestata).

310    Il-Kummissjoni tqis ukoll li ma huwiex possibbli għall-kumpanniji kompetituri li jikkumpensaw il-vantaġġ mogħti mis-sett Chrome-Play Store u Google Search permezz ta’ ftehimiet ta’ installazzjoni mal-OEMs u l-ONMs (premessi 964 sa 982 tad-deċiżjoni kkontestata).

311    Fit-tieni lok, sabiex tistabbilixxi r-realtà u n-natura ta’ preġudizzju tal-effetti ta’ esklużjoni, il-Kummissjoni turi dan li ġej. Sabiex tikkonferma li s-sett Chrome-Play Store u Google Search “jgħin lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha f’kull suq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u normalment tippreġudika, direttament jew indirettament, lill-konsumatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tressaq l-argumenti li ġejjin:

–        l-aġir ta’ Google “jiskoraġġixxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-innovazzjoni għall-browsers tal-internet billi jxekkel l-iżvilupp ta’ browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS li huma innovattivi (premessa 970 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        minħabba din l-interferenza minn Google mal-proċess kompetittiv normali, dan l-aġir “huwa [wkoll] kapaċi li jippreġudika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], direttament jew indirettament, lill-konsumaturi, li jista’ jkollhom inqas għażla fir-rigward tal-browsers tal-internet mobbli (premessa 971 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-aġir ta’ Google “jgħinha tippreżerva u ssaħħaħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u d-dħul tagħha fil-qasam tar-reklamar marbut mat-tiftix; dan l-aġir għalhekk “ixekkel” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lil servizzi oħra ġenerali ta’ tiftix milli jsirulhom mistoqsijiet ta’ tiftix u mill-kisbiet f’termini ta’ dħul u ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex itejbu dawn is-servizzi (premessi 972 sa 977 tad-deċiżjoni kkontestata).

312    Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex affettwati mill-argument li l-aġir ta’ Google jikkoinċidi mat-titjib tal-Chrome, li ppermetta lill-utenti jibdlu s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit, u mill-argument li l-OEMs jibqgħu liberi li jinstallaw browsers oħra (premessa 978 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-diversi argumenti ta’ Google dwar il-ħtieġa li l-prattika tinftiehem fil-kuntest tagħha ma ġewx magħmula (premessi 983 sa 992 tad-deċiżjoni kkontestata).

3)      Fuq ilkundizzjoni dwar innuqqas ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

313    Il-Kummissjoni tiċħad ukoll il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi invokati minn Google. Qabel kollox, Google ma wrietx li l-prattiki tagħha kienu neċessarji għad-dħul mill-investimenti tagħha fl-Android u fl-applikazzjonijiet tagħha li ma jiġġenerawx dħul. Kien hemm soluzzjonijiet oħra, meta jitqies id-dħul ta’ Google. Google lanqas ma wriet li ma kellhiex interess proprju fl-iżvilupp tal-Android sabiex tilqa’ għar-riskji li t-tranżizzjoni għall-apparati portabbli kellha għall-mudell kummerċjali tagħha. Barra minn hekk, Google ma wrietx li l-prattiki tagħha kienu neċessarji sabiex tipprovdi lill-utenti l-esperjenza allegata. Fl-aħħar nett, il-prova dwar il-ħtieġa għal Google li tevita li timponi ħlas fuq l-OEMs għall-aċċess għall-Play Store hija insuffiċjenti, fid-dawl tad-dħul iġġenerat mill-valur tal-Play Store (premessi 993 sa 1008 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)      Komplimentarjetà talewwel abbużi

314    Għalkemm huwa effettivament possibbli li ssir distinzjoni, kif tagħmel il-Kummissjoni, bejn żewġ settijiet ta’ prodotti fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet ikkonċernati, għandu jitqies ukoll il-fatt li dawn is-settijiet huma simili f’żewġ aspetti, li fuqhom il-partijiet ġew mistoqsija waqt is-seduta, u għalhekk jikkomplimentaw lil xulxin sa ċertu punt.

315    Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata n-natura abbużiva tal-prattiki inkwistjoni fl-ewwel abbużi, għandu jiġi rrilevat ukoll li s-sett Chrome-Play Store u Google Search ħa post is-sett Google Search-Play Store sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-FDAM, li inizjalment ma kienx jinkludi l-browser Chrome fost l-applikazzjonijiet inklużi fis-sett ta’ GMS (premessa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata).

316    Bl-istess mod, għandu jiġi indikat li, fiż-żewġ każijiet, l-għan taż-żewġ settijiet identifikati mill-Kummissjoni kien li jippermetti lil Google tilħaq l-utenti, sabiex iwettqu t-tiftix ġenerali tagħhom permezz ta’ Google Search, jew bħala applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix jew bħala magna tat-tiftix tal-browser Chrome.

2.      Fuq lewwel parti, dwar ir“restrizzjoni talkompetizzjoni”

317    Insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv, Google ssostni li l-Kummissjoni naqset milli turi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM kienu jeskludu l-kompetizzjoni.

318    Fid-dawl tal-opportunitajiet offruti lill-kompetituri u lill-utenti, dawn il-kundizzjonijiet kellhom biss impatt limitat fuq il-kompetizzjoni. Il-FDAM jirrikjedi biss li, fuq l-apparati fejn l-OEMs jixtiequ jinstallaw minn qabel is-sett ta’ GMS, l-iskrin ewlieni juri ikoni għall-Play Store, għal folder tal-applikazzjonijiet u għal Google Search. Dan it-tqegħid promozzjonali ma jimpedixxix lill-OEMs milli jippreinstallaw servizzi kompetituri billi jqiegħdu ikoni oħra fuq l-iskrin ewlieni li jidhru daqshom jew iktar. L-OEMs jibqgħu wkoll liberi li jagħżlu dawn is-servizzi kompetituri bħala dawk prestabbiliti, li joffrilhom opportunitajiet promozzjonali ikbar minn dawk mitluba mill-FDAM għall-applikazzjonijiet ta’ Google. Barra minn hekk, il-FDAM ma jimpedixxix lill-utenti milli jniżżlu servizzi ta’ tiftix jew browsers kompetituri u dawn jistgħu wkoll jaċċessaw is-servizzi ta’ tiftix direttament permezz tal-browser. L-unika ħaġa li l-OEMs ma jistgħux jagħmlu skont il-FDAM hija li jippreinstallaw esklużivament servizzi ta’ tiftix u browsers kompetituri. Huma dejjem jibqgħu liberi li jbigħu apparati li jaħdmu bl-Android mingħajr l-ebda applikazzjoni ta’ Google u li jippreinstallaw esklużivament servizzi ta’ tiftix u browsers kompetituri fuq dawn l-apparati.

319    Google tqajjem ħames oġġezzjonijiet insostenn tal-argument tagħha u tikkritika d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din, l-ewwel, ma tistabbilixxix li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni joħolqu “vantaġġ tal-istatus quo”; it-tieni, li tinjora l-fatt li l-FDAM iħalli lill-OEMs liberi li jippreinstallaw lil kompetituri u li jagħżluhom bħala s-servizz prestabbilit; it-tielet, li tinjora wkoll il-fatt li l-kompetituri kellhom mezzi effettivi oħra kif jilħqu lill-utenti; ir-raba’, li ma turix li l-ishma tal-użu tas-servizz ta’ tiftix u tal-browser ta’ Google kienu attribwibbli għall-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni kkontestati; u l-ħames, li ma tqisx b’mod korrett il-kuntest ekonomiku u ġuridiku sħiħ sabiex tasal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni pprovdew opportunitajiet ġodda lill-kompetituri u mhux ċaħħduhom minnhom.

a)      Ilpreinstallazzjoni u l“vantaġġ talistatus quo”

320    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, Google tikkritika r-raġunament espost mill-Kummissjoni sabiex issostni l-eżistenza ta’ vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv mogħti mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM.

1)      Iddeċiżjoni kkontestata

321    Fid-dawl ta’ diversi elementi li jaffermaw l-importanza tal-preinstallazzjoni, jew ta’ tekniki simili, għad-distribuzzjoni tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u tal-browsers fuq l-apparati portabbli intelliġenti, il-Kummissjoni qieset li l-preinstallazzjoni ħolqot “vantaġġ tal-istatus quo” (“status quo bias”, skont l-espressjoni użata minn kumpannija fis-settur), peress li l-utenti għandhom tendenza li jużaw dak li jiġi offrut lilhom, (ara, b’mod partikolari, il-premessi 781 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata), u li għalhekk din tista’ żżid b’mod sinjifikattiv u dejjiemi l-użu tas-servizz fornut (premessi 779 u 900 tad-deċiżjoni kkontestata).

322    Wara li stabbilixxiet dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni qieset li l-kompetituri ta’ Google ma setgħux jikkompetu miegħu, la:

–        permezz ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni mal-OEMs jew mal-ONM (premessi 823 sa 834 u 932 sa 946 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        mit-tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri (premessi 805 sa 816 u 917 sa 931 tad-deċiżjoni kkontestata); u lanqas

–        permezz ta’ ftehimiet mal-iżviluppaturi ta’ browsers kompetituri (premessi 817 sa 822 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Sunt talargumenti talpartijiet

323    Google ssostni li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM ma kinux esklużivi, li ma kinux joħolqu “vantaġġ tal-istatus quo” u li għalhekk ma kinux jeskludu l-kompetizzjoni. Il-konklużjoni kontrarja hija bbażata essenzjalment fuq provi li Google tikkontesta r-rilevanza tagħhom, peress li dawn jikkonċernaw pjuttost l-għażliet prestabbiliti, imsemmija preċedentement fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iktar milli l-preinstallazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar inżammet fid-deċiżjoni kkontestata.

324    F’dan ir-rigward, Google tikkontesta l-elementi li ġejjin:

–        l-ewwel, l-użu tad-dikjarazzjonijiet tagħha u dawk ta’ partijiet terzi (HP, Nokia, Amazon, Mozilla), l-analiżi ta’ Yandex u l-ftehim Microsoft-Verizon;

–        it-tieni, l-istudju ta’ FairSearch, id-data pprovduta minn Microsoft, fid-dawl b’mod partikolari tad-data ta’ Netmarketshare, u l-paragun tad-dħul tagħha mill-apparati li jaħdmu bl-Android u dawk li jaħdmu bl-iOS;

–        it-tielet, il-paragun tad-dħul iġġenerat minn Safari fuq iOS meta mqabbel ma’ dak iġġenerat minn Chrome u l-istħarriġ ta’ Opera.

325    Il-Kummissjoni ssostni li s-sensiela ta’ indizji invokata fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax biss l-għażliet prestabbiliti jew it-tqegħid ipprivileġġjat. Barra minn hekk, il-fatt li dawn it-tekniki joħolqu “vantaġġ tal-istatus quo” ma jibdel xejn mill-fatt li l-preinstallazzjoni wkoll toħloq tali vantaġġ. F’dan il-każ, Google tibbaża ruħha fuq definizzjoni stretta tal-kelma “prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li hija limitata għall-issettjar awtomatiku ta’ servizz f’applikazzjoni partikolari. Issa, bħall-atturi l-oħra tas-settur, Google tuża wkoll dawn it-termini fis-sens usa’ tal-preinstallazzjoni jew tal-“preloading” mill-OEMs u mill-ONMs ta’ applikazzjonijiet fuq l-apparati tagħhom, u għalhekk għall-konfigurazzjoni tal-apparat mill-fabbrika. Meta jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom, l-elementi kkritikati effettivament jirrigwardaw il-“vantaġġ tal-istatus quo” maħluq mill-preinstallazzjoni.

3)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

i)      Osservazzjonijiet preliminari

326    Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti ta’ Google, għandhom jiġu esposti żewġ osservazzjonijiet preliminari dwar, minn naħa, in-nuqqas ta’ interess prattiku tad-distinzjoni proposta bejn “preinstallazzjoni” u “prestabbilit” u, min-naħa l-oħra, l-importanza kwantitattiva tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni.

–       Innuqqas ta’ interess prattiku taddistinzjoni proposta

327    Google essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni li ssemmi fid-deċiżjoni kkontestata “vantaġġ tal-istatus quo” applikabbli għall-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM fid-dawl ta’ provi li pjuttost jirrigwardaw l-għażliet prestabbiliti.

328    B’mod partikolari, Google tikkritika n-nuqqas ta’ distinzjoni jew ta’ kunsiderazzjoni dovuta bejn dak li jaqa’ taħt il-preinstallazzjoni u dak li jaqa’ taħt l-għażliet prestabbiliti.

329    Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-premessa li huwa faċli li ssir tali distinzjoni jew kunsiderazzjoni. Huwa għalhekk possibbli u xieraq li ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-preinstallazzjoni u l-effetti tal-għażliet prestabbiliti fil-ħafna riferimenti magħmula għal dawn il-kunċetti fid-diversi dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

330    Madankollu, mal-ewwel daqqa t’għajn jirriżulta li ma huwiex faċli li ssir tali distinzjoni. B’hekk, minn ċerti dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Google stess kultant tuża l-kelma “prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mhux biex tindika strettament l-għażla ta’ servizz bħala dak prestabbilit f’applikazzjoni partikolari, iżda biex tirreferi b’mod iktar wiesa’ għall-preinstallazzjoni jew għall-“preloading” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-applikazzjonijiet fl-istadju tal-konfigurazzjoni tal-apparati qabel ma dawn jiġu kkummerċjalizzati (ara l-premessa 787(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment għal posta elettronika ta’ uffiċjal ta’ Google). Tali konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ għażliet prestabbiliti u ta’ preinstallazzjoni, li huma wkoll assoċjati mat-tielet teknika użata sabiex l-utenti jiġu mħeġġa jużaw is-servizz inkwistjoni, jiġifieri t-tqegħid privileġġjat, issir ukoll minn operaturi oħra fis-settur (ara, b’mod partikolari, il-premessi 781 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata, li jagħmlu riferiment għad-dikjarazzjonijiet ta’ HP u ta’ Nokia).

331    Barra minn hekk, kif ġie espost waqt is-seduta, ma huwiex ikkontestat li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni tagħtiha vantaġġ fuq l-applikazzjonijiet kompetituri. Huwa ċertament preferibbli li din tkun disponibbli fuq l-apparat mal-ewwel użu pjuttost milli ma tkunx preżenti f’dan il-mument. B’mod ġenerali, Google tirrikonoxxi f’dan ir-rigward li, bħal kull forma ta’ promozzjoni, il-preinstallazzjoni żżid il-probabbiltà li l-utenti jipprovaw l-applikazzjoni preinstallata. Għalhekk, il-preinstallazzjoni għandha tal-inqas valur promozzjonali għal Google kif ukoll għall-atturi l-oħra fis-settur. Din il-perspettiva, esposta fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ siltiet mit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 780 tad-deċiżjoni kkontestata), ġiet aċċettata minn Google fis-seduta.

332    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-opportunitajiet promozzjonali mogħtija mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM kienu jinkludu mhux biss dispożizzjonijiet dwar il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome, iżda wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tqegħid privileġġjat jew l-għażla prestabbilita. Kif irrikonoxxiet Google fis-seduta, kien hemm tabilħaqq element relatat mat-tqegħid fil-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex sempliċement każ ta’ preinstallazzjoni.

333    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata. Skont dan l-approċċ, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-effetti tal-preinstallazzjoni, tal-għażla prestabbilita jew tat-tqegħid privileġġjat, jew ta’ taħlita ta’ dawn it-tekniki (premessi 779, 781 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata), il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM jagħtu vantaġġ kompetittiv (ara l-premessa 785 tad-deċiżjoni kkontestata).

334    Jekk jitqies li dan huwa l-każ, il-provi kkritikati minn Google fir-rigward tal-ewwel parti jistgħu għalhekk tabilħaqq jiġu invokati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tendenza ġenerali li s-sitwazzjoni tiġi ffriżata, irrispettivament minn jekk jikkonċernawx l-għażliet prestabbiliti b’mod strett jew il-preinstallazzjoni jew it-tqegħid privileġġjat. Fil-fatt, skont l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata, dak li jista’ jiġi dedott fil-każ tal-preinstallazzjoni japplika wkoll mutatis mutandis u a fortiori fil-każ tal-għażliet prestabbiliti. Bl-istess mod, għalkemm tissemma biss l-għażla prestabbilita, dan ma jeskludix li jista’ jkun hemm effett paragunabbli fil-każ tal-preinstallazzjoni, speċjalment jekk din tal-aħħar tingħaqad mat-tqegħid privileġġjat jew mal-għażla prestabbilita.

335    Konsegwentement, ma hemmx lok li qabel kollox, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “vantaġġ tal-istatus quo”, issir distinzjoni preċiża, kif tixtieq Google, bejn l-effetti tal-għażliet prestabbiliti u l-effetti tal-preinstallazzjoni, peress li, kif tissuġġerixxi d-deċiżjoni kkontestata, dawn l-effetti huma simili minn każ għal ieħor.

–       Issinjifikat kwantitattiv talkundizzjonijiet talpreinstallazzjoni

336    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome, fil-każ tal-ewwel waħda flimkien ma’ tqegħid privileġġjat u, għal tal-aħħar, flimkien mal-għażla prestabbilita tal-applikazzjoni Google Search, għandha konsegwenzi sinjifikattivi fil-livell kwantitattiv.

337    Fil-fatt, b’riżultat tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM, l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome kienu preinstallati fuq numru kbir ta’ apparati portabbli intelliġenti. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

–        fl‑2016, mill‑260 miljun smartphone mibjugħ fl-Ewropa, 197 miljun, jiġifieri 76 %, kienu apparati tal-Google Android u Google ma tikkontestax id-dikjarazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome kienu preinstallati fuq kważi dawn l-apparati kollha (premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        bl-istess mod, fl‑2016, mill‑1.65 biljun apparat portabbli intelliġenti mibjugħ madwar id-dinja, 1.33 biljun, jew 81 %, kienu apparati tal-Google Android, li minnhom 918-il miljun, jew 56 %, jiġifieri, prattikament l-apparati tal-Google Android kollha mibjugħa barra miċ-Ċina, kellhom l-app Google Search u l-browser Chrome preinstallati (premessi 784 u 901 tad-deċiżjoni kkontestata).

338    Bħala paragun, Bing kienet issettjata bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit biss fuq 21 miljun apparat portabbli intelliġenti mibjugħ madwar id-dinja fl‑2016 u Samsung ippreinstallat il-browser Samsung Internet tagħha, li barra minn hekk kellu Google Search prestabbilita, fuq 336 miljun biss minn dawn l-apparati (premessi 784 u 901 tad-deċiżjoni kkontestata).

339    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Google li jirrigwardaw, l-ewwel, ċerti dikjarazzjonijiet u informazzjoni riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, it-tieni, ċerti paraguni li jsiru fiha u, it-tielet, b’mod iktar speċifiku, ċerti elementi dwar il-Chrome.

ii)    Fuq ċerti dikjarazzjonijiet u informazzjoni riprodotti fiddeċiżjoni kkontestata

340    Fl-ewwel lok, Google ssostni li l-provi ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw l-għażliet prestabbiliti pjuttost milli l-preinstallazzjoni (provi relatati magħha stess, ma’ HP, Nokia, Amazon u Mozilla), ma jagħmlux distinzjoni bejn il-preinstallazzjoni u l-għażliet prestabbiliti (l-analiżi ta’ Yandex), jew juru l-konfużjoni tal-Kummissjoni bejn il-vantaġġi tal-għażliet prestabbiliti u dawk tal-preinstallazzjoni (il-ftehim ta’ preinstallazzjoni bejn Microsoft u Verizon). Issa, servizz issettjat bħala prestabbilit jintuża mingħajr ma l-utent ikollu għalfejn jagħmel għażla, filwaqt li applikazzjoni preinstallata li ma tkunx isssettjata bħala prestabbilita jkollha tintgħażel mill-utent. Għalhekk, il-preinstallazzjoni mhux esklużiva ta’ applikazzjoni li ma tkunx issettjata bħala prestabbilita, kif prevista mill-FDAM, ma tistax titqies li hija simili għall-għażla prestabbilita.

–       Provi li joriġinaw minn Google

341    Fir-rigward tal-argumenti dwar il-provi li joriġinaw minn Google, għandu jiġi rrilevat dan li ġej fir-rigward tal-ewwel sett.

342    L-ewwel nett, f’posta elettronika interna tal‑14 ta’ Novembru 2008, direttur ta’ Google jindika li huwa mħasseb bis-“[servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google], minħabba implikazzjonijiet f’termini ta’ dħul mill-fatt li ma jkunx hemm preloading (l-ipoteżi sottostanti hija li l-preeminenza ta’ [dan is-servizz] twassal għal iktar tiftix, b’mod partikolari permezz tal-vuċi)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jistaqsi dan li ġej (premessa 787(1) tad-deċiżjoni kkontestata):

“Kif tista’ tinstab soluzzjoni għal din il-problema? Nistgħu nitolbu tal-inqas li [dan is-servizz] ikun preloaded fuq l-Android (jew il-pjattaformi kollha) bħala kundizzjoni neċessarja għal kull kuntratt ta’ GMS?” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

343    It-tieni, f’posta elettronika interna datata l‑1 ta’ Novembru 2010, direttur ieħor ta’ Google indika dan li ġej (premessa 787(2) tad-deċiżjoni kkontestata):

“Il-preloading jibqa’ ta’ valur għall-utenti, u għalhekk għall-OEMs, minkejja s-separazzjoni totali [jiġifieri l-fatt li l-applikazzjonijiet ta’ Google mhux biss huma preinstallati, iżda huma wkoll disponibbli biex jitniżżlu mill-Play Store], peress li l-parti l-kbira tal-utenti jużaw biss dak li jiġi pprovdut mal-apparat. In-nies rari jbiddlu dak li hu prestabbilit [fis-sens tal-għażliet prestabbiliti].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

344    It-tielet, f’posta elettronika interna datata s‑26 ta’ April 2011, l-istess direttur ta’ Google jindika dan li ġej (premessa 787(3) tad-deċiżjoni kkontestata):

“Għandna tassew bżonn kundizzjonijiet ta’ esklużività? Il-verżjoni attwali [li ma tapplikax fl-Istati Uniti] ta’ dawn il-kundizzjonijiet prattikament twassal għall-istess riżultat. L-OEM tippreinstalla [settings] prestabbiliti skont il-FDAM + inċentiv għall-operaturi fil-forma ta’ tqassim ta’ dħul b’nonduplikazzjoni + miri ta’ volumi [ftehimiet ta’ tiftix] = ħafna ostakoli għal operatur li jipprova jibdel il-parametri prestabbiliti. Dawn ikollhom bżonn iktar flus għall-magna l-oħra tat-tiftix [u jew] li nipperswadu lill-OEMs li jitolbuna (u jiksbu mingħandna) deroga mill-FDAM tagħhom sabiex ikunu jistgħu jippreinstallaw servizz ta’ tiftix ieħor bil-preinstallazzjoni ta’ GMS ieħor, [jew] ibigħu apparat mingħajr ebda GMS installat [rekwiżiti tal-FDAM]. Fil-prattika, il-ħruġ mingħajr ebda GMS issir biss f’każijiet rarissimi, bħal (qabel) America Movil. Is-swieq żviluppati kollha għandhom utenti li jistennew u jitolbu l-GMS.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

345    Ir-raba’, fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Google tindika, b’riferiment għal rapport tal-Professur Carl Shapiro, tal-Università ta’ California f’Berkeley (l-Istati Uniti), tal‑5 ta’ Novembru 2016, anness magħha, li “l-preloading [ta’ Google Search u ta’ Google Chrome] u t-tqegħid ta’ Search fuq l-iskrin ewlieni huwa mingħajr dubju ta’ valur għal [din l-kumpannija]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 788 tad-deċiżjoni kkontestata).

346    Barra minn hekk, fir-rigward tas-sett Chrome-Play Store u Google Search, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi posta elettronika interna ta’ Google ta’ April 2012, li fiha direttur ta’ din l-kumpannija jenfasizza l-interess ta’ Google li “tagħmel il-Chrome obbligatorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens li dan għandu jkun disponibbli fuq l-apparati mqassma mill-OEMs (premessa 904 tad-deċiżjoni kkontestata).

347    Il-Kummissjoni tressaq dawn id-dokumenti insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li l-preinstallazzjoni hija importanti għal Google. Google ssostni f’dan ir-rigward li, mingħajr ma tiġi kkontestata l-importanza tal-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni bħala tali, dawn id-dokumenti, b’mod partikolari t-tieni u t-tielet wieħed, li huma dokumenti interni relatati mal-perijodu tal-ksur, jikkonċernaw pjuttost l-għażliet prestabbiliti milli l-preinstallazzjoni.

348    Fuq dan il-punt, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li t-terminoloġija użata minn Google tibqa’ impreċiża. Fil-fatt, isir riferiment għal “preloading” jew għal “prestabbilit”. Dawn it-termini jistgħu ċertament jitqiesu a priori bħala riferimenti għal “għażliet prestabbiliti”, iżda, b’rabta mal-kontenut tal-FDAM, li kien jipprevedi biss il-preinstallazzjoni u t-tqegħid privileġġjat, ma hemmx dubju li dawn it-termini ma jipprevedux l-għażliet prestabbiliti fis-sens strett invokat minn Google.

349    Konsegwentement, fid-dawl tal-kuntest kuntrattwali li fihom jaqgħu dawn id-dokumenti, jiġifieri dak tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni ddefiniti mill-FDAM, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Google dwar il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-preinstallazzjoni u l-għażliet prestabbiliti u li jiġu aċċettat li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti jistgħu jiġu invokati wkoll fil-kuntest tal-ieħor.

–       Provi li joriġinaw minn kumpanniji terzi

350    Fir-rigward tal-argumenti dwar il-provi li joriġinaw minn kumpanniji terzi, għandu jiġi rrilevat dan li ġej fir-rigward tas-sett Google Search-Play Store.

351    L-ewwel, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota dikjarazzjoni ta’ HP (premessa 781). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 li ntbagħtet lill-OEMs, HP iddikjarat, bi tweġiba għall-mistoqsija 55 dwar “l-importanza kummerċjali tat-tqegħid privileġġjat u tal-għażliet prestabbiliti għad-distribuzzjoni ta’ servizzi u ta’ applikazzjonijiet mobbli fuq l-apparati portabbli intelliġenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan li ġej:

“[I]t-tqegħid privileġġjat u l-għażliet prestabbiliti jagħtu lill-applikazzjonijiet u lis-servizzi f’dik il-pożizzjoni l-vantaġġ li jkunu l-ewwel ħaġa li jaraw l-utenti meta jibdew jinteraġixxu mal-apparat tagħhom. L-utenti huma iktar probabbli li jipprovaw dawn l-applikazzjonijiet jew servizzi minħabba l-viżibbiltà kbira tagħhom u ladarba jkunu użawhom, ġeneralment ikomplu jagħmlu dan. Dan huwa mezz faċli kif jinkisbu utenti ġodda u biex tiġi żgurata żamma kważi awtomatika għal applikazzjoni jew għal servizz.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

352    Qabel kollox, ċertament kif tirrileva Google, din id-dikjarazzjoni ma tikkonċernax strettament il-preinstallazzjoni. Fil-fatt, il-preinstallazzjoni kienet ikkonċernata minn mistoqsijiet 50 sa 54 tat-taqsima dwar il-“preinstallazzjoni ta’ servizzi mobbli u ta’ applikazzjonijiet” (ara, b’mod partikolari, il-mistoqsija 54: “Il-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni mobbli partikolari tinfluwenza l-mod kif l-utenti jużaw servizzi u applikazzjonijiet mobbli kompetituri?” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Min-naħa tagħha, il-mistoqsija 55 tiftaħ it-taqsima fuq it-“tqegħid privileġġjat u l-għażliet prestabbiliti għas-servizzi mobbli u għall-applikazzjonijiet”.

353    Madankollu, kif juru d-diversi screenshots ta’ apparat tal-Google Android ikkomunikati minn HP fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija 55, it-tqegħid privileġġjat jippermetti lill-utenti ta’ dan l-apparat jaraw is-servizzi ta’ Google b’mod prominenti. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, ma’ dawn l-iscreenshots, HP tindika, sabiex tidentifika l-applikazzjonijiet koperti mit-tqegħid privileġġjat, li dawn huma “preinstallati”.

354    Barra minn hekk, huwa ċar ukoll, kif jirriżulta mill-preċiżjonijiet fuq dan il-punt bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li t-tweġiba ta’ HP għall-mistoqsija 54 ma hijiex ta’ natura li tpoġġi indiskussjoni l-kontenut tat-tweġiba għall-mistoqsijia 55 li ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

355    Sussegwentement, jirriżulta wkoll, fid-dawl tat-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li t-tweġiba għall-mistoqsija 55, dwar l-importanza kummerċjali tat-tqegħid privileġġjat u tal-għażliet prestabbiliti, hija kkorroborata minn tmienja mit‑12-il tweġiba l-oħra mogħtija mill-OEMs li ntbagħtitilhom it-talba għal informazzjoni.

356    Minn dawn ir-risposti jirriżulta li jeżisti ċertu kunsens fost l-OEMs sabiex jitqies li t-tqegħid privileġġjat jew l-għażliet prestabbiliti, jew kombinazzjoni ta’ dawn it-tekniki, jiffaċilitaw l-użu tal-applikazzjonijiet li jibbenefikaw minnhom. Huwa f’dan il-kuntest li d-dikjarazzjoni ta’ HP iċċitata fil-premessa 781 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

357    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontenut tat-tweġibiet l-oħra mogħtija mill-OEMs destinatarji tat-talba għal informazzjoni għall-mistoqsija 54 dwar il-preinstallazzjoni, li l-kontenut tagħha ġie kkomunikat lill-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni, minn dan ma jistax jiġi dedott l-istess kunsens bħal dak li jirriżulta mit-tweġibiet mogħtija fuq it-tqegħid privileġġjat jew l-għażliet prestabbiliti.

358    Fil-fatt, mid-disa’ OEMs li għamlu dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan ir-rigward, ħamsa jsostnu li l-preinstallazzjoni ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-mod kif l-utenti jużaw is-servizzi u l-applikazzjonijiet mobbli. OEM wieħed jillimita ruħu li jwieġeb b’mod negattiv għal din il-mistoqsijia, filwaqt li erbgħa oħra jsemmu l-opportunitajiet offruti mit-tniżżil. Għandu jiġi nnotat, kif issostni Google, li din l-aħħar perspettiva hija wkoll dik ta’ Gigaset u ta’ HMD, żewġ OEMs oħra. Min-naħa tagħhom, l-erba’ OEMs l-oħra li wieġbu l-mistoqsija 54 jirrikonoxxu l-influwenza li x’aktarx tiġi eżerċitata mill-preinstallazzjoni, għalkemm tnejn minnhom irrimarkaw li din l-influwenza tista’ tiġi kkumpensata mill-opportunitajiet offruti mit-tniżżil.

359    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, dan in-nuqqas ta’ kunsens fost l-OEMs dwar ir-rwol tal-preinstallazzjoni fuq l-aġir tal-utenti ma huwiex biżżejjed biex ipoġġi indiskussjoni l-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 781 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, billi tafferma li “r-raġuni għalfejn il-preinstallazzjoni, bħall-għażliet prestabbiliti jew it-tqegħid privileġġjat, tista’ żżid b’mod sinjifikattiv u dejjiemi l-użu ta’ servizz ipprovdut minn applikazzjoni hija marbuta mal-fatt li l-utenti li jsibu applikazzjonijiet preinstallati u viżibbli fuq l-apparati portabbli intelliġenti tagħhom huma probabbli li jibqgħu jużaw dawn l-applikazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ HP, iżda wkoll il-provi l-oħra ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata.

360    Dawn l-elementi li jikkorroboraw tali affermazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni Google Search u, b’analoġija u konsegwentement, il-browser Chrome, joriġinaw kemm minn ċerti OEMs, fosthom Nokia, kif ukoll minn operaturi oħra, fosthom Google, li huma kemm żviluppaturi ta’ applikazzjonijiet jew ta’ sistemi operattivi (Amazon, Yandex), ONM (Hutchison 3G) jew fornituri ta’ servizzi ta’ tiftix (Yahoo, Qwant, Microsoft).

361    Bl-istess mod, l-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 781 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi analizzata fil-kuntest tagħha, jiġifieri kemm fid-dawl tal-fatt li l-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome ma kinitx sempliċi preinstallazzjoni, iżda preinstallazzjoni flimkien ma’ tqegħid privileġġjat jew għażla prestabbilita ta’ magna tat-tiftix, u l-fatt li numru kbir ħafna ta’ apparati tal-Google Android kienu kkonċernati mill-preinstallazzjoni (ara l-punt 337 iktar ’il fuq), u kemm fid-dawl tal-fatt li t-tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri baqa’ baxx fil-prattika (ara l-punti 549 u 550 iktar ’il quddiem).

362    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-intervent tal-BEUC f’din il-kawża, li jista’ jitqies bħala rappreżentattiv tal-perspettiva tal-utenti tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, jippermetti li jiġu ċċarati l-osservazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward minn ADA f’isem l-iżviluppaturi u minn CCIA f’isem l-operaturi tas-settur. L-ispjegazzjonijiet mogħtija fuq dan il-punt mill-BEUC fil-fatt jippermettu li tiġi ssostanzjata u kkorroborata l-idea li, mill-perspettiva tal-utenti, il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome fuq kważi l-apparati kollha tal-Google Android ikkummerċjalizzati fiż-ŻEE għandha t-tendenza li tiffriża s-sitwazzjoni fir-rigward tal-użu tas-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google Search assoċjat.

363    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-oġġezzjonijiet imqajma minn Google f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ HP u l-“vantaġġ tal-istatus quo” li jista’ jkun marbut mal-preinstallazzjoni, bl-istess mod bħal għall-għażliet prestabbiliti jew it-tqegħid privileġġjat, li magħhom tista’ tiġi kkombinata l-preinstallazzjoni, ma humiex ta’ natura li jqajmu dubju dwar jekk Google tistax tibbenefika minn dan. Fil-fatt, għalkemm tali oġġezzjonijiet jidhru a priori li huma rilevanti meta jiġu eżaminati barra mill-kuntest, dan madankollu ma huwiex biżżejjed sabiex titpoġġa indiskussjoni l-imsemmija konklużjoni meta jitqiesu l-kuntest u l-informazzjoni msemmija f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha huwa mogħti iktar ’il fuq.

364    It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota dikjarazzjoni ta’ Nokia (premessa 782 id-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2015 indirizzata lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, Nokia indikat, b’mod partikolari, fil-mistoqsija 17 dwar il-“preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet”, li talbet li jiġi stmat, għal tliet applikazzjonijiet popolari, id-dħul medju addizzjonali miksub għal kull apparat meta din l-applikazzjoni tkun jew preinstallata fuq l-iskrin ewlieni, jew preinstallata swipe waħda ’l bogħod mill-iskrin ewlieni, meta mqabbel mad-dħul medju miksub fin-nuqqas ta’ tali preinstallazzjoni, li “meta prodott [ikun ġie] preloaded b’mod awtomatiku, il-konsumaturi [kellhom] it-tendenza li jibqgħu jużaw dawn il-prodott, għad-detriment tal-prodotti kompetituri, anki jekk il-prodott prestabbilit [kien] inferjuri għall-prodotti kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nokia ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li t-tweġiba tagħha kienet tikkonċerna “l-impatt tal-applikazzjonijiet preinstallati b’mod ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

365    Ir-rikorrenti jirreferu għal silta oħra mit-tweġiba ta’ Nokia għal din il-mistoqsija, fejn din l-kumpannija indikat li, “f’dak li [kien] jirrigwarda l-impatt tal-applikazzjonijiet preinstallati b’mod ġenerali, [kien] ċar li r-rilevanza tal-għażliet prestabbiliti fuq l-apparati portabbli [kienet] sinjifikattiva” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali], sabiex jallegaw li din it-tweġiba tfixkel l-effetti tal-preinstallazzjoni mal-effetti tal-għażliet prestabbiliti.

366    Mill-qari tat-tweġiba kollha ta’ Nokia, jirriżulta li din tipprevedi għażliet differenti, jiġifieri dik tal-għażla prestabbilita meta tagħmel riferiment għal Apple Maps u dik tal-preinstallazzjoni meta jintuża t-terminu “preloading” b’riferiment għal Google Search jew għal YouTube. Huwa għalhekk fil-kuntest tas-soluzzjonijiet tekniċi differenti magħżula għall-applikazzjonijiet imsemmija, li jistgħu jintgħażlu bħala l-għażliet prestabbiliti, jiġu preinstallati jew ikunu s-suġġett ta’ tqegħid privileġġjat, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din id-dikjarazzjoni.

367    Id-dikjarazzjoni ta’ Nokia hija kkorroborata minn dikjarazzjoni ta’ Yandex (premessa 782 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 834 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, Yandex indikat, fi tweġiba għall-mistoqsija 35.1, li l-“livelli ta’ tniżżil tal-applikazzjonijiet mobbli li [kienu] jikkompetu mal-applikazzjonijiet mobbli preinstallati normalment [kienu] baxxi jekk is-servizzi preinstallati [kienu] ta’ kwalità paragunabbli jew anki sostanzjalment iktar ħażina” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

368    It-tielet, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota dikjarazzjoni oħra ta’ Nokia (premessa 789(1)). Fil-fatt, fir-risposta tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-OEMs, Nokia indikat b’mod partikolari, fi tweġiba għall-mistoqsija 17.2 dwar l-importanza, f’termini tal-kriterji għax-xiri għall-utenti, tad-disponibbiltà u tal-preinstallazzjoni ta’ servizzi mobbli individwali fuq l-apparat tagħhom, li “[l]-preloading ta’ applikazzjonijiet (b’kuntrast mad-disponibbiltà ta’ applikazzjonijiet biex jitniżżlu) [kellu] rwol essenzjali għall-iżviluppaturi, għaliex il-fatt li wieħed ikun viżibbli b’mod prominenti fuq l-iskrin ewlieni jew viċin l-iskrin ewlieni b’mod inevitabbli [kien iżid] il-probabbiltà li l-utenti jipprovaw l-applikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

369    Ir-rikorrenti jinvokaw partijiet oħra ta’ din it-tweġiba, li fihom Nokia indikat ukoll li “l-utenti [kienu] draw ifittxu fil-ħwienet tal-applikazzjonijiet sabiex iniżżlu l-applikazzjonijiet li huma [kienu] jixtiequ jużaw”, li “dan [kien] naqqas l-importanza tal-preloading” u li “l-maġġoranza tal-konsumaturi jassumu li l-apparati intelliġenti [kell]hom funzjonalitajiet ta’ browser sħaħ u li huma [setgħu] faċilment jagħmlu tiftix fuq l-internet bl-apparat intelliġenti tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn is-siltiet jikkontradixxu l-affermazzjoni li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix toħloq “vantaġġ tal-istatus quo”.

370    Madankollu, għalkemm hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-siltiet iċċitati mir-rikorrenti, li huma marbuta iktar mas-sitwazzjoni tal-utenti milli hija s-silta ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll siltiet oħra tar-risposta ta’ Nokia. Fil-fatt, din l-kumpannija indikat ukoll, minn naħa, li “Google stess [kienet] lesta tħallas somom ta’ flus kunsiderevoli lill-imsieħba tad-distribuzzjoni tagħha biex jintegraw l-applikazzjonijiet tagħha stess f’post ewlieni fuq l-apparat” u ppreċiżat, min-naħa l-oħra, f’partijiet oħra fit-tweġiba tagħha, li hija kienet tqis li l-preinstallazzjoni setgħet tinfluwenza l-għażla tal-konsumaturi u l-użu tal-applikazzjonijiet.

371    Konsegwentement, fid-dawl tat-tweġiba kollha mogħtija minn Nokia għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni u tas-soluzzjonijiet tekniċi li tirreferi għalihom, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ tiftix iddedikata ma toħloqx “vantaġġ tal-istatus quo”.

372    Ir-raba’, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota żewġ dikjarazzjonijiet ta’ Amazon (premessa 789(2)). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2015 indirizzata lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, Amazon indikat, fi tweġiba għall-mistoqsija 17 dwar l-importanza, bħala kriterji għax-xiri għall-utenti, tad-disponibbiltà u tal-preinstallazzjoni ta’ servizzi mobbli individwali fuq l-apparat tagħhom, li “li applikazzjoni tkun preinstallata fuq apparat [kien it]ejjeb is-sejba ta’ din l-applikazzjoni mill-utenti finali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-iżviluppaturi ta’ sistemi operattivi, Amazon indikat, fi tweġiba għall-mistoqsija 35 dwar l-influwenza li jista’ jkollha l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni mobbli partikolari fuq l-użu ta’ applikazzjonijiet kompetituri, li “t-tqegħid privileġġjat tal-applikazzjonijiet preinstallati [kellu] impatt sinjifikattiv fuq l-użu tagħhom” u li “l-preżenza ta’ applikazzjonijiet mobbli preinstallati [kien] jillimita, f’ħafna każijiet, ir-rieda tal-utenti li jipprovaw applikazzjonijiet mobbli kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

373    Ir-rikorrenti jiċċitaw it-tielet dikjarazzjoni ta’ Amazon, magħmula fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, fejn din il-kumpannija indikat, fi tweġiba għall-mistoqsija 35.1, dwar kemm l-utenti niżżlu applikazzjonijiet mobbli li jikkompetu ma’ applikazzjonijiet preinstallati fuq apparat portabbli intelliġenti, li hija kellha informazzjoni dwar it-tniżżil tal-applikazzjonijiet preinstallati biss fir-rigward ta’ dawk bi tqegħid privileġġjat jew li huma l-għażliet prestabbiliti. L-eżempji mogħtija minn Amazon f’dan ir-rigward jikkonċernaw is-servizzi ta’ mapep magħżula b’mod prestabbilit.

374    Hawnhekk ukoll, l-eżami tad-diversi dikjarazzjonijiet imsemmija mill-partijiet prinċipali, ladarba jitpoġġew fil-kuntest tagħhom, ma jikkontestax l-użu li jsir minnhom fid-deċiżjoni kkontestata. Is-siltiet iċċitati mill-Kummissjoni jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi sostnut li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni, kemm flimkien ma’ tqegħid privileġġjat kif ukoll mingħajru, għandha t-tendenza li tiffriża s-sitwazzjoni. Is-siltiet iċċitati minn Google ma jikkontradixxux l-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

375    Il-ħames, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota dikjarazzjoni ta’ Hutchison 3G (premessa 789(3)). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-ONMs, Hutchison 3G indikat dan li ġej fi tweġiba għall-mistoqsija 51:

“Hija ħaġa b’saħħitha ħafna li jkollok applikazzjoni preloaded għall-kuntrarju ta’ bootstrap jew saħansitra ta’ rakkomandazzjoni ta’ marketing biex tuża l-app. Bħalma huwa l-każ għal kull servizz, jekk ikun faċilment aċċessibbli, il-probabbiltà li jintuża tkun ikbar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

376    Ir-rikorrenti jikkritikaw din id-dikjarazzjoni għar-raġuni li din il-kumpannija tirrikonoxxi, barra minn hekk, li ma tiżviluppax applikazzjonijiet (tweġiba għat-talba għal informazzjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2013).

377    Madankollu, il-fatt li Hutchison 3G tindika li ma tiżviluppax applikazzjonijiet ma jipprekludix il-fatt li jista’ jkollha opinjoni dwar l-utilità tal-preinstallazzjoni b’mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza tagħha, bħala ONM, tal-aġir tal-utenti. Id-dikjarazzjoni riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata tibqa’ rilevanti sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-preinstallazzjoni mill-perspettiva tal-operatur ikkonċernat.

378    Is-sitt, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota dikjarazzjoni ta’ Yandex (premessa 789(4)). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, Yandex indikat dan li ġej fi tweġiba għall-mistoqsija 25.5:

“[I]l-mezz tad-distribuzzjoni l-iktar effiċjenti huwa l-preinstallazzjoni mill-OEMs. L-OEMs prinċipalment jippreinstallaw is-servizzi li jistgħu jiġġeneraw dħul addizzjonali għalihom; is-servizz li jiġġeneralna l-ikbar dħul f’dan ir-rigward huwa s-servizz mobbli ta’ tiftix tagħna u s-servizzi assoċjati. Il-parti l-kbira tad-diskussjonijiet tagħna mal-OEMs għalhekk jikkonċernaw prinċipalment il-preinstallazzjoni ta’ Yandex Search” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

379    Din id-dikjarazzjoni ma hijiex ikkontestata minn Google. Hija tista’ tiġi invokata mill-Kummissjoni sabiex issostni li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni hija intiża sabiex tiffriża s-sitwazzjoni.

380    Fir-rigward tas-sett Chrome-Play Store u Google Search, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota b’mod partikolari dikjarazzjoni ta’ Mozilla (premessa 905(1)). Fil-fatt, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, Mozilla indikat, fi tweġiba għall-mistoqsija 39 dwar it-tqegħid privileġġjat u l-għażliet prestabbiliti fuq l-apparati portabbli intelliġenti, li “l-għażla prestabbilita tibqa’ l-iktar influwenza qawwija fuq l-użu tal-applikazzjonijiet” u li t-tqegħid privileġġjat jinsab, “[f]il-ġerarkija tal-importanza kummerċjali[,] bejn l-għażliet prestabbiliti u [l-]preinstallazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bl-għażliet prestabbiliti meqjusa bħala iżjed importanti (ara t-tweġiba tat-talba għal informazzjoni tat‑22 ta’ Marzu 2016).

381    Skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni tenfasizza l-għażliet prestabbiliti. Madankollu, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li hija ssemmi wkoll il-preinstallazzjoni, fejn huwa kkonstatat li din ukoll “iżżid l-adozzjoni mill-utent” [traduzzjoni mhux uffiċjali], anki jekk inqas milli fil-każ tal-għażliet prestabbiliti. Meta titqies din id-distinzjoni, id-dikjarazzjoni ta’ Mozilla tibqa’ rilevanti.

382    Id-dikjarazzjonijiet l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-importanza tal-preinstallazzjoni bħala mezz ta’ distribuzzjoni ma humiex ikkontestati minn Google.

383    Bħala konklużjoni, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-diversi elementi esposti fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu lill-Kummissjoni, meta jittieħdu flimkien, tqis li, mill-perspettiva tal-atturi tas-suq, il-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet Google Search u Chrome fil-kundizzjonijiet previsti mill-FDAM tippermetti li “tiġi ffriżata s-sitwazzjoni” u li tiskoraġġixxi lill-utenti milli jirrikorru għal applikazzjoni kompetitriċi.

384    L-eżami tal-interventi fuq dan il-punt isostnu tali konklużjoni. Għalhekk, il-BEUC, FairSearch, Seznam u Qwant, li jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni, jikkonfermaw li, mill-perspettiva tagħhom, il-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni jista’ jiġi pparagunat ma’ dak li jirriżulta mill-għażliet prestabbiliti. Min-naħa tagħhom, ADA, CCIA, HMD, Gigaset u Opera, li jintervjenu insostenn ta’ Google, ma jikkontestawx, bħala tali, l-eżistenza ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni, iżda jenfasizzaw l-opportunitajiet offruti mit-tniżżil sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

–       Analiżi ta’ Yandex

385    Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-analiżi ta’ Yandex, li tikkonċerna l-ishma mis-suq ta’ din il-magna tat-tiftix fir-Russja f’Mejju 2015, biex tindika li, fejn is-“search widget” kienet preinstallata fuq l-iskrin ewlieni u dik il-magna tat-tiftix kienet magħżula bħala l-għażla prestabbilita fil-browser tal-internet mobbli preinstallat, is-sehem mis-suq ta’ Yandex kien “tliet darbiet ogħla” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fuq apparati li jaħdmu bl-Android mis-sehem mis-suq tagħha fin-nuqqas tal-preinstallazzjoni (premessa 789(5), tabella 18, u premessa 798(4) tad-deċiżjoni kkontestata).

386    Google tikkritika din l-evalwazzjoni minħabba li ma tagħmilx distinzjoni bejn il-preinstallazzjoni u l-għażliet prestabbiliti, peress li l-magna tat-tiftix ta’ Yandex hija “prestabbilita fil-browser tal-internet mobbli preinstallat” u li l-effetti tal-preinstallazzjoni jiddependu minn din il-konfigurazzjoni prestabbilita (ara l-Econometric Data Report). Din l-analiżi tinkludi wkoll diversi żbalji metodoloġiċi.

387    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, tali distinzjoni ma hijiex meħtieġa biex tiġi evalwata l-portata tal-evalwazzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din tillimita ruħha li tikkonstata, fid-dawl tad-diversi xenarji eżaminati mill-analiżi ta’ Yandex, li, fil-każ ta’ preinstallazzjoni u ta’ għażla prestabbilita (kolonni 4 u 5 tat-tabella 18 tad-deċiżjoni kkontestata), is-sehem mis-suq ta’ din il-magna tat-tiftix huwa “tliet darbiet ogħla” mis-sehem mis-suq irrilevat mingħajr il-preinstallazzjoni (kolonna 1 tat-tabella msemmija). Id-data inkluża f’din it-tabella tippermetti wkoll li jiġi rrilevat li s-sehem mis-suq ta’ Yandex ikun ogħla meta l-magna tat-tiftix tagħha tkun preinstallata fil-forma ta’ “widget” tat-tiftix fuq it-tieni skrin (kolonna 3 tal-imsemmija tabella) milli meta ma ssirx preinstallazzjoni.

388    L-analiżi ta’ Yandex u r-riżultati tagħha riprodotti fit-tabella 18 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu għalhekk jiġu invokati sabiex jiġi sostnut li l-installazzjoni minn qabel ta’ applikazzjoni, flimkien mal-għażla prestabbilita jew ma’ tqegħid privileġġjat jew le, tippermetti li jinkisbu riżultati aħjar.

389    Il-fatt li l-analiżi ta’ Yandex tikkonċerna biss lil kumpannija waħda f’xahar wieħed jew li hija tippreżenta dawk li Google tqis li huma żbalji fil-metodoloġija ma jċaħħadhiex mir-rilevanza tagħha, sa fejn din l-analiżi tissemma biss mill-Kummissjoni sabiex tikkonferma provi oħra relatati mal-importanza tal-preinstallazzjoni bħala mezz ta’ distribuzzjoni u mal-“vantaġġ tal-istatus quo” li jimplika dan.

390    Barra minn hekk, fuq dan il-punt għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Yahoo u ta’ Qwant, li jindikaw essenzjalment li l-preinstallazzjoni hija ta’ natura li ttejjeb ir-riżultati tas-servizzi ta’ tiftix ikkonċernati (premessa 789(6), u premessa 789(7) tad-deċiżjoni kkontestata), ma humiex ikkontestati minn Google.

–       Ftehim bejn Microsoft u Verizon

391    Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi wkoll ftehim bejn Microsoft u Verizon tal‑2008, li jipprovdi li s-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Microsoft, Bing, kellu jiġi preinstallat fl‑2010 u fl‑2011 flimkien ma’ Google Search fuq sitt mudelli ta’ apparati tal-Google Android, u t-traffiku ġġenerat minn dan il-ftehim kien jirrappreżenta bejn 15 u 25 % tal-volum totali tal-mistoqsijiet ta’ tiftix ġenerali mwettqa fuq Bing fl-Istati Uniti matul dan il-perijodu. Is-sehem mis-suq ta’ Bing fl-Istati Uniti matul dan il-perijodu żdied minn kważi 0 għal madwar 1.5 % (premessa 789(8), u premessa 798(3) tad-deċiżjoni kkontestata).

392    Google ssostni li dawn il-konstatazzjonijiet juru l-konfużjoni bejn il-vantaġġi tal-għażliet prestabbiliti u dawk tal-preinstallazzjoni. Fil-fatt, Microsoft spjegat li, skont dan il-ftehim, hija rat li “l-magna tat-tiftix prestabbilita tkun Bing” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bl-apparat portabbli “jiġi kkummerċjalizzat b’Bing bħala l-magna tat-tiftix [prestabbilita] fil-punti tad-dħul kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iż-żieda msemmija la kienet “sinjifikattiva” u lanqas “dejjiema” u ma kinitx attribwibbli għall-preinstallazzjoni, iżda biss għal għażla prestabbilita.

393    L-eżami tat-tweġiba ta’ Microsoft għall-mistoqsija 10.1 tat-talba għal informazzjoni tal‑20 ta’ Novembru 2015 indirizzata lill-fornituri ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix effettivament jippermetti li jiġi kkonstatat li, mis-sitt apparati msemmija fiha, wieħed kellu lil Bing issettjat bħala l-għażla prestabbilita fil-punti ta’ dħul kollha u l-ħamsa l-oħra, minbarra li kellhom lil Bing prestabbilit, kellhom ukoll l-applikazzjoni Google Voice Search b’ikona fuq l-iskrin ewlieni. Għalhekk Google ġustament issostni li r-riżultati miksuba minn Microsoft minħabba dan il-ftehim ma’ Verizon huma spjegati mill-għażliet prestabbiliti u mhux mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tagħha fuq l-apparati tal-Google Android.

394    Madankollu, għalkemm dan il-ftehim ma jistax jiġi invokat insostenn tal-importanza tal-preinstallazzjoni, huwa madankollu jibqa’ ta’ interess għar-raġunijiet imsemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tad-diversi provi eżaminati iktar ’il fuq.

iii) Fuq ċerti paraguni magħmula fiddeċiżjoni kkontestata

395    Fit-tieni lok, Google tikkritika ċerti paraguni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Listudju ta’ FairSearch

396    L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-istudju mwettaq għal FairSearch, fl‑2017, mill-professur Marco Iansiti tal-Università ta’ Harvard (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem l-“istudju ta’ FairSearch”), sabiex jiġi kkonstatat li l-użu ta’ kull applikazzjoni tas-sett ta’ GMS, inkluża l-applikazzjoni Google Search, jingħata sinjifikattivament iktar importanza fuq l-apparat tal-Google Android, fejn dawn ikunu preinstallati, milli fuq l-apparat tal-iOS, fejn l-utenti jkollhom iniżżlu dawn l-applikazzjonijiet. Din il-konstatazzjoni saret b’kunsiderazzjoni tad-data pprovduta minn Microsoft dwar l-użu fix-xahar ta’ dawn l-applikazzjonijiet fir-Renju Unit fi Frar 2016. Għalhekk, 17 % tal-utenti tal-apparat tal-iOS għamlu użu mill-applikazzjoni mniżżla Google Search, filwaqt li 76 % tal-utenti ta’ apparat li jaħdem bl-Android użaw l-applikazzjoni preinstallata Google Search (premessi 791 u 792, tabella 10 u figura 19, u premessa 799(1), tad-deċiżjoni kkontestata).

397    Google ssostni li l-paraguni mwettqa fl-istudju ta’ FairSearch jikkontradixxu l-allegazzjoni ta’ “vantaġġ ta’ status quo”, peress li dawn juru li l-ishma tagħha huma simili għall-użu tal-funzjonijiet tat-tiftix fuq l-Android, fejn japplika l-FDAM, u fuq l-iOS, fejn il-FDAM ma japplikax. Sabiex issostni tali allegazzjoni, Google fil-fatt tirreferi għal data oħra minbarra dik inkluża fl-istudju FairSearch. B’mod partikolari, Google tenfasizza li l-istudju ta’ FairSearch jirrigwarda biss l-użu tal-applikazzjoni Google Search, u mhux l-użu tas-servizz Google Search b’mod ġenerali, li madankollu jikkostitwixxi s-suq rilevanti skont id-deċiżjoni kkontestata (premessa 323), jew it-tiftix magħmul permezz ta’ browser. Ladarba l-aċċess permezz ta’ browser jittieħed inkunsiderazzjoni, il-“firxa” ta’ Google Search fuq l-Android u l-iOS ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv (ara l-premessa 515(3) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 857 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest globali, paragun tal-użu fuq l-Android u fuq l-iOS għalhekk ma jikkorroborax “vantaġġ tal-istatus quo” li jirriżulta mill-preinstallazzjoni, iżda pjuttost jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-internet permezz ta’ browser.

398    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-riżultati tal-istudju ta’ FairSearch tibqa’ rilevanti għall-eżami tal-ewwel sett. Fil-fatt, dan l-istudju jieħu inkunsiderazzjoni biss it-talbiet magħmula permezz tal-applikazzjoni Google Search u mhux dawk magħmula permezz ta’ punti oħra ta’ dħul għat-tiftix bħall-browsers tal-internet mobbli (premessa 799(1) tad-deċiżjoni kkontestata), li jifformaw parti mill-evalwazzjoni mwettqa fuq it-tieni sett.

399    Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, għalkemm l-użu ta’ Google Search – u mhux tal-applikazzjoni Google Search – jirriżulta li huwa simili fuq l-apparat tal-Android u dak tal-iOS, dan huwa spjegat mill-fatt li, għalkemm Apple ma tippreinstallax applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparat li jaħdem bl-iOS, hija tissettja Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit fuq Safari (ara b’mod partikolari l-premessa 799(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

400    Konsegwentement, fid-dawl tal-partikolaritajiet iċċitati iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jitqies li l-eżami tal-paraguni magħmula fl-istudju ta’ FairSearch jikkontradixxu l-użu li jsir mill-istudju fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza ta’ “vantaġġ tal-istatus quo”.

–       Data pprovduta minn Microsoft u data ta’ Netmarketshare

401    It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għad-data pprovduta minn Microsoft fi tweġiba għall-mistoqsija 13 ta’ talba għal informazzjoni tal‑10 ta’ April 2017, li tqabbel il-mistoqsijiet ta’ tiftix ġenerali mwettqa fuq l-apparati tal-Google Android, fejn Google Search hija preinstallata, u fuq l-apparati tal-Windows Mobile, fejn Bing kienet issettjata bħala l-għażla prestabbilita, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja, fi Spanja u fir-Renju Unit mill‑2014 sal‑2017. Skont dik id-data, Google Search tirrappreżenta minn [10 sa 20] % sa [40 sa 50] % tal-mistoqsijiet ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparat tal-Windows Mobile u [90 sa 100] % tal-mistoqsijiet ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparat tal-Google Android (ara l-premessa 793 u t-Tabella 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

402    Google ssostni li n-nuqqas ta’ distinzjoni bejn l-effetti rispettivi ta’ għażla prestabbilita u dawk ta’ preinstallazzjoni jippreġudika r-rilevanza ta’ din id-data, peress li Google Search ma kinitx installata minn qabel fuq l-apparati tal-Windows Mobile fejn Bing hija “ssettjata bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-premessi 793 u 840 tad-deċiżjoni kkontestata) u din l-għażla prestabbilita ġeneralment ma tistax tinbidel, għall-kuntrarju tas-settings tat-tiftix prestabbiliti fuq l-apparati tal-Android. L-għażla prestabbilita tista’ għalhekk tirrappreżenta parti kunsiderevoli jew it-totalità tad-differenza invokata fid-deċiżjoni kkontestata. Hija pjuttost il-preferenza tal-utenti favur Google Search li tispjega n-numru żgħir ta’ tniżżil tal-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix kompetituri (madwar 95 % tal-utenti fir-Renju Unit, fi Franza, u fil-Ġermanja jippreferu lil Google skont data ppreżentata minn Google fi tmiem l‑2016). Bi tqabbil ma’ dan, id-data ta’ Netmarketshare turi li d-differenza fis-sehem mill-mistoqsijiet ta’ tiftix ta’ Google, bejn l-apparati li jaħdmu bl-Android u dawk li jaħdmu b’Windows Mobile, hija iżgħar, b’differenza reali ekwivalenti biss għal 1 % (Data On Operating System Market Share: Mobile OS, Europe, 2015). Id-deċiżjoni kkontestata tiddeplora l-fatt li Google ma ppreżentatx id-data kwantitattiva sottostanti għal din l-istatistika (premessa 799(3)), iżda l-Kummissjoni setgħet tikseb id-data fuq talba.

403    Madankollu, anki jekk jitqies li parti mid-differenza bejn l-ishma tal-mistoqsijiet ta’ tiftix fuq l-apparati tal-Android u tal-Windows Mobile tista’ tiġi “attribwita għall-għażla prestabbilita fuq il-browser preinstallat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] pjuttost milli għall-preinstallazzjoni, id-data ta’ Microsoft tibqa’ rilevanti. Fil-fatt, id-data sempliċement tirrifletti d-differenzi li jeżistu bejn l-apparati mgħammra bl-OS Android flimkien mas-sett ta’ GMS u dawk mgħammra bl-OS Windows Mobile: tal-ewwel għandhom l-app tas-servizz ta’ tiftix ta’ Google Search preinstallata u tal-aħħar is-servizz tat-tiftix Bing bħala l-għażla prestabbilita.

404    Fir-rigward tad-data ta’ Netmarketshare, ipprovduta minn Google u invokata sabiex turi li d-differenza bejn l-ishma tagħha mill-mistoqsijiet ta’ tiftix fuq l-apparati tal-Android u tal-Windows Mobile hija dgħajfa u ekwivalenti għal 1 %, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li din hija qasira. Dawn huma ppreżentati fil-forma ta’ figura u ta’ tabella nieqsa minn spjegazzjonijiet. B’mod partikolari, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 799(3) tad-deċiżjoni kkontestata, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-data meħuda inkunsiderazzjoni sabiex isir magħruf liema huma l-apparati li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati l-ishma mill-mistoqsijiet ta’ tiftix fuq l-apparati mgħammra bl-OS Windows Mobile, huwa diffiċli li tiġi evalwata l-portata reali tal-informazzjoni msemmija fil-kolonna “Windows Phone”. Bl-istess mod, kif tesponi wkoll il-Kummissjoni fil-premessa 799(3) tad-deċiżjoni kkontestata, id-data ta’ Netmarketshare hija kontradetta minn data oħra pprovduta minn Microsoft u minn Google matul il-proċedura amministrattiva, li tikkorrobora l-affermazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li s-sehem ta’ Google mit-tiftix ġenerali mwettaq fuq l-apparat tal-Android, fejn l-applikazzjoni Google Search hija preinstallata, huwa ikbar milli fuq l-apparat tal-Windows Mobile, fejn din l-applikazzjoni ma hijiex preinstallata.

–       Paragun taddħul ta’ Google ġġenerat millapparati li jaħdmu blAndroid u dawk li jaħdmu bliOS

405    It-tielet, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għal paragun tad-dħul globali ta’ Google minn apparati li jaħdmu bl-Android u apparati li jaħdmu bl-iOS (premessa 794 u tabella 12) għas-snin 2014 sa 2016, imwettaq bl-użu ta’ data pprovduta minn Google, li jindika li hija tikseb dħul ogħla b’mod sinjifikattiv mill-użu tal-applikazzjoni ġenerali tagħha ta’ tiftix Google Search fuq l-Android milli fuq l-iOS (+71 % fl‑2014, +134 % fl‑2015 u +193 % fl‑2016), filwaqt li d-dħul totali miksub mit-tiftix kien f’livell simili għal Android u għal iOS (+3 % fl‑2014, +22 % fl‑2015 u +28 % fl‑2016).

406    Google ssostni li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-mistoqsijiet ta’ tiftix li jsiru fuq browser jillimita dan il-paragun. Kieku dawn il-mistoqsijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni, it-tabella 12 tad-deċiżjoni kkontestata kienet turi għalhekk li d-dħul mit-tiftix totali ta’ Google minn mistoqsijiet magħmula fuq l-iOS kien ogħla minn dak minn fuq l-Android, minkejja li l-applikazzjoni Google Search ma hijiex preinstallata fuq l-iPhones. Barra minn hekk, Apple ma tagħmilx Safari disponibbli fuq l-Android. Is-sehem ta’ Chrome huwa għalhekk inevitabbilment iżgħar fuq l-iOS.

407    Madankollu, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-data pprovduta minn Google turi li d-dħul ta’ Google ġġenerat mill-applikazzjoni Google Search huwa ogħla fuq l-apparat tal-GMS, fejn l-applikazzjoni Google Search hija preinstallata, milli fuq l-apparat tal-iOS, fejn l-ebda applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix, inkluża Google Search, ma hija preinstallata. Peress li din il-parti tad-deċiżjoni hija ddedikata għall-ewwel sett, ma hemmx lok li jiġi inkluż id-dħul li jiġi mill-implimentazzjoni tat-tieni sett. B’mod iktar ġenerali, hawnhekk ukoll, din id-data tqabbel sitwazzjonijiet fejn is-servizz ġenerali ta’ tiftix inkwistjoni, f’dan il-każ Google Search, jibbenefika kemm mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search, fuq Google Android, kif ukoll mill-għażla prestabbilita ta’ Google Search, fuq il-browser Safari.

408    Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-kritika ta’ Google tal-paragun tad-dħul tagħha minn apparat li jaħdem bl-Android u minn apparat li jaħdem bl-iOS fid-deċiżjoni kkontestata.

iv)    Fuq ċerti elementi dwar Chrome

409    Fit-tielet lok, Google ssostni li l-osservazzjoni li tgħid li Safari jiġġenera dħul ogħla fuq l-iOS meta mqabbel mal-Chrome (premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata) ukoll tfixkel il-preinstallazzjoni u l-għażliet prestabbiliti, u li l-istħarriġ ta’ Opera (ara l-premessa 905(3) tad-deċiżjoni kkontestata) tonqos milli tistabbilixxi effetti restrittivi.

–       Paragun taddħul ta’ Google permezz ta’ Safari u permezz talChrome

410    L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi paragun tad-dħul globali miksub minn Google għat-tiftix imwettaq permezz ta’ Safari, li huwa preinstallat fuq l-apparati li jaħdmu bl-iOS, u permezz tal-Chrome, li ma huwiex preinstallat fuq dawn l-apparati. Dak il-paragun, magħmul bl-użu tad-data pprovduta minn Google, juri li din tikseb dħul ogħla permezz ta’ Safari milli permezz tal-Chrome fuq apparati li jaħdmu bl-iOS (+2 457 % fl‑2014, +1 988 % fl‑2015 u +1 883 % fl‑2016) (premessa 907 u tabella 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Għas-sena 2016, meta mqabbel mal‑258 miljun preinstallazzjoni ta’ Safari, Chrome tniżżel fuq l-apparat li jaħdem bl-iOS biss għal 40 miljun darba (premessa 912(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

411    Google ssostni li din l-osservazzjoni li tgħid li Safari jiġġenera dħul ikbar fuq l-iOS milli jagħmel il-Chrome fuq l-istess apparati (premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata) tfixkel il-preinstallazzjoni u l-għażliet prestabbiliti. Fil-fatt, Apple tissettja l-browser Safari tagħha stess bħala l-browser prestabbilit fuq kull apparat li jaħdem bl-iOS, u d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux dan inkunsiderazzjoni. Ikun impossibbli li jiġu iżolati b’mod korrett l-effetti tal-preinstallazzjoni fid-dawl tal-provi li jikkonċernaw kombinazzjoni tal-preinstallazzjoni, tat-tqegħid privileġġjat u tal-għażliet prestabbiliti.

412    Madankollu, tali osservazzjoni ma għandhiex l-effett li ċċaħħad mir-rilevanza l-paragun bejn id-dħul li Google tiġġenera fuq l-apparat li jaħdem bl-iOS minn mistoqsijiet ta’ tiftix permezz ta’ Safari u permezz ta’ Google Chrome. Fil-fatt, dak il-paragun sar fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawk il-browsers fuq l-apparati li jaħdmu bl-iOS: tal-ewwel huwa l-unika wieħed li huwa preinstallat, filwaqt li tal-aħħar għandu jitniżżel. Barra minn hekk, l-utenti jniżżlu Google Chrome biss fuq perċentwal żgħir ta’ apparati li jaħdmu bl-iOS (15 % fl‑2016) (premessa 912(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

413    Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-kritika ta’ Google fir-rigward tal-paragun tad-dħul tagħha ġġenerat minn Safari u mill-Chrome fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Listħarriġ ta’ Opera

414    It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal stħarriġ li sar minn Opera (ara l-premessa 905(3)), li jindika li, minn naħa, fl‑2013, 72 % minn 1 500 rispondent fil-Ġermanja, fil-Polonja u fir-Renju Unit kienu jużaw il-browser preinstallat fuq l-apparati portabbli intelliġenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, li 16 % tar-rispondenti ma kinux qisu biss fatturi bħall-kwalità, il-faċilità tal-użu, il-veloċità, is-sigurtà jew karatteristiċi oħra, iżda komplew jużaw il-browser biss għaliex kien preinstallat.

415    Google tfakkar li l-mistoqsija li saret f’dak l-istħarriġ kienet din li ġejja: “[F]l-għażla tal-browser li bħalissa tuża l-iktar spiss/regolarment, liema fatturi tieħu inkunsiderazzjoni?” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq l-utenti li għażlu t-tweġiba li tgħid li “sempliċement [kienu] jużaw il-browser li ġie mal-apparat portabbli [tagħhom]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] biex issostni l-affermazzjonijiet tagħha. Din l-għażla ma tiddistingwix bejn l-utenti li għażlu browser skont jekk kienx preinstallat jew jekk kienx prestabbilit. Issa, diversi tweġibiet kienu żiedu bħala kumment li kien il-“browser prestabbilit mit-telefon” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali] li kien jintuża. Barra minn hekk, kif turi d-data tal-istħarriġ ipprovduta minn Opera (tweġiba għal talba għal informazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2015), kienu biss 70 parteċipant minn 500 (14 %) li fil-fatt għażlu l-għażla ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-realtà, in-numru jista’ jkun saħansitra iktar baxx: 18-il utent minn dawn is‑70 jidhru li jirreferu għal apparati li jaħdmu bl-iOS, u mhux għal apparati li jaħdmu bl-Android, fejn jiddikjaraw li huma kienu jużaw Safari bħala l-browser, li ma huwiex disponibbli fuq l-Android. Is86 % tar-rispondenti li jifdal iċċitaw fatturi bħall-veloċità, il-faċilità tal-użu, is-sigurtà, il-konsum tad-data u fatturi oħra marbuta mal-kwalità. Ikun żbaljat ukoll li jitqies li kien hemm biss browser wieħed “li jiġi mat-telefon” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; fil-fatt, l-OEMs ġeneralment jippreinstallaw żewġ browsers jew iktar.

416    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, anki jekk l-istħarriġ ta’ Opera ma jiżolax l-effett tal-preinstallazzjoni minn dawk tal-għażliet prestabbiliti, tal-inqas parti mir-raġunijiet għalfejn il-persuni intervistati użaw il-browser tal-internet mobbli “li jiġi mat-telefon” huwa dovut għall-fatt li l-OEMs jippreinstallaw dan il-browser. L-istħarriġ ta’ Opera jidentifika l-browser tal-internet mobbli li l-utenti jużaw “l-iktar spiss” sabiex jagħmlu tiftix fuq l-internet fuq l-apparat tagħhom. B’kunsiderazzjoni ta’ tliet pajjiżi fiż-ŻEE (il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Polonja) inklużi fil-kampjun ta’ 1 500 utent, minn naħa, 853 utent (57 %) semmew Chrome jew Safari bħala l-browser li jużaw l-iktar spiss – jiġifieri l-browsers preinstallati fuq l-apparati kollha ta’ GMS u iOS, rispettivament – u, min-naħa l-oħra, 232 utent (15 %) wieġbu li ħafna drabi jużaw l-iktar spiss il-browsers prestabbiliti (jiġifieri l-Chrome fuq l-apparati ta’ GMS u Safari fuq l-apparati tal-iOS).

417    Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-kritika ta’ Google fir-rigward tar-riferimenti għar-riżultati tal-istħarriġ ta’ Opera fid-deċiżjoni kkontestata.

418    Bħala konklużjoni, id-diversi argumenti mressqa minn Google sabiex tikkonfuta l-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet Google Search u Chrome fuq l-apparat tal-Google Android ma jippermettux li jiġu kkontestati l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni mid-diversi elementi esposti fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

b)      Ilpossibbiltà għallOEMs li jippreinstallaw servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri jew li jissettjawhom bħala lgħażla prestabbilita

1)      Iddeċiżjoni kkontestata

419    Id-deċiżjoni kkontestata tqis li l-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM ma jistax jiġi kkumpensat mill-fornituri ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri permezz ta’ ftehimiet oħra ta’ preinstallazzjoni għar-raġunijiet li ġejjin (premessa 833 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        l-OEMs ġeneralment ma jkunux jixtiequ jinstallaw applikazzjoni oħra ġenerali ta’ tiftix; dan minħabba d-dħul addizzjonali pjuttost baxx li jirriżulta miż-żieda ta’ tali applikazzjoni, l-ispiża tan-negozjati ta’ tali ftehimiet, u r-riskju marbut mal-fatt li jkun hemm applikazzjonijiet li jagħmlu l-istess ħaġa, li jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-esperjenza tal-utent jew joħloq problemi ta’ spazju; l-istess japplika mutatis mutandis għall-browsers (premessi 824 sa 829, 933 u 934 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-FDAM jimpedixxi lill-OEMs u lill-ONMs milli jippreinstallaw esklużivament app ġenerali ta’ tiftix oħra fuq apparati tal-Google Android (premessi 830 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata); barra minn hekk, anki jekk browser li jikkompeti ma’ Chrome jista’ jiġi preinstallat, dan ma jistax jiġi ssettjat bħala l-browser prestabbilit (premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-FTD konklużi mal-OEMs u mal-ONMs, li wasslu għall-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search fuq minn [50 sa 60 %] sa [80 sa 90 %] tal-apparati kollha tal-Google Android fiż-ŻEE, jimpedixxu wkoll lill-kompetituri ta’ Google milli jippreinstallaw applikazzjoni oħra ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix flimkien ma’ dik ta’ Google fuq dawn l-apparati (premessa 833 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        in-numru ta’ preinstallazzjonijiet ta’ browsers kompetituri fuq l-apparati tal-Google Android huwa sinjifikattivament iktar baxx min-numru ta’ preinstallazzjonijiet ta’ Google Chrome (premessa 936 u tabella 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

420    Għalhekk, Bing, il-kompetitur prinċipali ta’ Google Search, ma setax jiġi preinstallat fuq l-apparati tal-Google Android bejn l‑2011 u l‑2016, bl-eċċezzjoni ta’ mudell wieħed ta’ apparat ikkummerċjalizzat fl-Istati Uniti mill‑2011 (premessa 834 u premessa 789(8) tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Sunt talargumenti talpartijiet

421    Google ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM ma kinux jipprekludu lill-OEMs milli jipprovdu l-istess preinstallazzjoni bħal dik ta’ Google Search u lil Chrome għas-servizzi ta’ tiftix u l-browsers kompetituri fuq l-apparati tal-Android tagħhom. Kien ikun ukoll possibbli li tiġi żgurata opportunità promozzjonali superjuri għal dik tal-prodotti ta’ Google, peress li l-OEMs setgħu jagħżlu browser ieħor għajr il-Chrome bħala dak prestabbilit u setgħu jagħżlu s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri bħala s-servizzi prestabbiliti f’dawn il-browsers preinstallati. Barra minn hekk, għalkemm Google Search kienet prestabbilita fuq il-Chrome fil-bar tal-URL, l-utenti dejjem kellhom l-opportunità li jibdlu dan is-servizz ta’ tiftix billi jissettjaw dak ta’ kompetitur. Għaldaqstant, il-prattiki inkwistjoni ma setgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

422    Għalhekk, l-affermazzjoni li tgħid li l-OEMs u l-ONMs ma jridux applikazzjonijiet kompetituri fuq l-apparati tal-Android hija kontradetta mill-prassi tagħhom, fir-rigward ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix, ta’ browsers jew ta’ tipi oħra ta’ applikazzjonijiet. Bl-istess mod, ir-raġunament dwar il-FTD jikkontradixxi l-affermazzjoni li l-OEMs u l-ONMs ma għandhom l-ebda interess li jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ tiftix u browsers addizzjonali flimkien mal-apps ta’ Google (premessi 824 sa 829, 933 u 934, imqabbla mal-premessa 1208(1) u l-premessi 1213, 1214, 1219 u 1220 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-erba’ raġunijiet invokati sabiex jiġi affermat li l-OEMs ma xtaqux jippreinstallaw applikazzjonijiet kompetituri flimkien mal-applikazzjonijiet ta’ Google, jiġifieri l-ostakoli marbuta mal-“esperjenza tal-utent”; problemi ta’ spazju ta’ ħażna; l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u n-nuqqas ta’ vantaġġi finanzjarji marbuta mal-preinstallazzjoni, ma huma kkorroborati bi provi suffiċjenti.

423    Il-Kummissjoni ssostni li l-kompetituri ma jistgħux jikkumpensaw, permezz ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni, il-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li Google tiżgura permezz tal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Google Chrome fuq prattikament l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE.

3)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

i)      Osservazzjonijiet preliminari

424    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li Google essenzjalment tallega f’din l-oġġezzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM ma jipprekludux lill-OEMs milli jipprovdu l-istess preinstallazzjoni bħal dik ta’ Google Search u ta’ Chrome għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u l-browsers kompetituri fuq l-apparati tal-Android tagħhom mibjugħa fiż-ŻEE.

425    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-FDAM jippermetti lill-OEMs jippreinstallaw applikazzjonijiet li jikkompetu ma’ Google Search u Chrome. Il-kompetituri ta’ Google setgħu għalhekk bħala prinċipju joffru lill-OEMs l-istess kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni bħal dawk previsti mill-FDAM għall-applikazzjonijiet tagħhom. Skont il-FDAM kienet possibbli installazzjoni simulatanja.

426    Id-deċiżjoni kkontestata pjuttost tindika, minn naħa, li l-FDAM “jimpedixxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lill-OEMs milli jippreinstallaw tali applikazzjonijiet esklużivament minflok Google Search u Chrome (premessa 832 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li l-FTD jeħtieġu lill-OEMs u lill-ONMs jippreinstallaw esklużivament l-applikazzjoni Google Search għall-parti koperta minn dawk il-ftehimiet, jiġifieri, maż-żmien, għal minn [80 sa 90 %] sa [50 sa 60 %] tal-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE (premessa 833 tad-deċiżjoni kkontestata), li tinkludi l-FTD abbażi ta’ portfolio kif ukoll il-FTD abbażi ta’ apparat, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

427    F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-ishma mis-suq u tal-evoluzzjoni tagħhom, mill‑2011 għal Google Search u mill‑2012 għal Chrome sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-dibattitu dwar il-possibbiltajiet offruti lill-kompetituri sabiex jikkumpensaw il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM jibqa’ fuq kollox teoretiku. Fil-prattika, fil-fatt, il-fornituri tal-applikazzjonijiet kompetituri ma kinux f’pożizzjoni li jikkumpensaw permezz ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li Google tiżgura permezz tal-preinstallazzjoni ta’ Google Search u ta’ Chrome fuq prattikament l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Kif tindika d-deċiżjoni kkontestata, il-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u ta’ browsers kompetituri ma hijiex paragunabbli, f’termini tal-preżenza, mal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Google Chrome (ara l-premessa 940 tad-deċiżjoni kkontestata għall-browsers).

428    F’dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn l-ipoteżijiet teoretiċi ta’ kompetizzjoni u r-realtà prattika, fejn l-alternattivi kompetittivi invokati minn Google jidhru li ma tantx huma kredibbli jew ma għandhomx impatt reali minħabba l-“vantaġġ tal-istatus quo” li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM u mill-effetti kkombinati ta’ dawn il-kundizzjonijiet mal-ftehimiet kuntrattwali l-oħra ta’ Google, fosthom il-FTD.

429    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ Google li jgħid li, minkejja l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM, l-OEMs baqgħu liberi li jipprovdu l-istess kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni bħal dawk mogħtija lil Google Search u lil Chrome għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u l-browsers kompetituri fuq l-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Dan l-argument jipprevedi, qabel kollox, il-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri, sussegwentement, l-allegata kontradizzjoni bejn ir-raġunament relatat mal-FTD u l-allegazzjoni li tgħid li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri ma hijiex interessanti, u fl-aħħar nett, l-interess tal-OEMs fil-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri.

ii)    Fuq ilpreinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri

430    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ Google f’dan ir-rigward jiffoka iktar fuq is-sitwazzjoni tal-browsers milli fuq dik tal-applikazzjonijiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix. Dan l-argument jipprevedi, qabel kollox, l-applikazzjoni Google Search u l-applikazzjonijiet kompetituri, sussegwentement, il-browser Chrome u l-kompetituri tiegħu, u, fl-aħħar nett, l-applikazzjonijiet l-oħra.

–       Fuq lapplikazzjoni Google Search u lkompetituri tagħha

431    Fir-rigward tal-applikazzjonijiet tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, Google sempliċement tikkontesta r-riferiment magħmul għal Bing, li, mill‑2011 sal‑2016, seta’ jiġi preinstallat fuq mudell wieħed biss ta’ apparat tal-Google Android ikkummerċjalizzat fl-Istati Uniti fl‑2011 (ara l-premessa 834 u l-premessa 789(8) tad-deċiżjoni kkontestata).

432    Għal Google, il-fatt li Bing ma setgħetx tiġi preinstallata fuq apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE ma huwiex spjegat mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM, iżda pjuttost min-nuqqas ta’ programmar lokali ta’ Bing għall-parti l-kbira tal-pajjiżi taż-ŻEE.

433    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li huwa rari ħafna li l-kompetituri ta’ Google jirnexxielhom jippreinstallaw l-applikazzjoni tagħhom ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparati flimkien mal-applikazzjoni Google Search. Fi kwalunkwe każ, dan kien jikkonċerna biss parti limitata mill-apparati tal-OEMs ikkonċernati, b’mod partikolari fiż-ŻEE.

434    Fil-fatt, jissemmew biss żewġ każijiet ta’ “preinstallazzjoni” ta’ applikazzjoni kompetitriċi ġenerali ta’ tiftix fid-deċiżjoni kkontestata, u dawn kienu każijiet fejn l-OEM ma kellux, jew ma kellux iktar, FTD ma’ Google (premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        ftehim ta’ tqassim tad-dħul bejn Microsoft u ZTE ta’ Frar 2017 għall-bejgħ ta’ ċerti apparati tal-Google Android madwar id-dinja, inkluż fiż-ŻEE, b’Bing issettjata bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browser ta’ ZTE, kif ukoll għall-bejgħ ta’ ċerti kwantitajiet ta’ apparati tal-Google Android bl-applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix Bing preinstallata fuq dawn l-apparati (premessa 1219(1) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ftehim ta’ tqassim tad-dħul bejn Yandex u żewġ OEMs għall-bejgħ ta’ apparati tal-Google Android madwar id-dinja, inkluż għal numru żgħir fiż-ŻEE, fejn il-“widget” tas-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Yandex u links għall-paġna ewlenija ta’ Yandex fuq il-browser prestabbilit kienu preinstallati (premessa 1219(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

435    Barra minn hekk, ir-raġuni invokata minn Google fir-rigward ta’ Bing ma tikkostitwixxix spjegazzjoni plawżibbli tan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ Microsoft li tikkonvinċi lill-OEMs jippreinstallaw din l-applikazzjoni fuq l-apparati tal-Google Android. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ programmar lokali ma kienx jikkonċerna l-pajjiżi kollha taż-ŻEE u, anki fil-pajjiżi fejn din l-applikazzjoni kienet tippermetti l-lokalizzazzjoni, bħar-Renju Unit jew il-Ġermanja, l-OEMs ma ppreinstallawx l-applikazzjoni Bing. Bl-istess mod, l-OEMs ma ppreinstallax l-applikazzjoni Seznam fuq l-apparati tagħhom fir-Repubblika Ċeka, minkejja l-fatt li l-algoritmi ta’ tiftix ġenerali ta’ din l-applikazzjoni kienu nbnew fuq il-lingwa Ċeka (ara l-premessa 682 u l-premessa 814(4) tad-deċiżjoni kkontestata).

436    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, il-fornituri ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetituri ta’ Google Search ma kinux f’pożizzjoni li jikkumpensaw il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM.

–       Fuq ilbrowser Chrome u lkompetituri tiegħu

437    Fir-rigward tal-browsers, Google tirreferi għal diversi elementi sabiex issostni li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM ma jipprekludux lill-OEMs milli jipprovdu lill-browsers kompetituri l-istess kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni bħal dawk mogħtija lil Google Search u lil Chrome:

–        id-deċiżjoni kkontestata tindika li, bejn l‑2013 u l‑2016, ġew preinstallati browsers kompetituri flimkien ma’ Chrome fuq sa 60 % tal-apparati li jaħdmu bl-Android (premessa 936 u tabella 19); l-għadd ta’ dawk il-preinstallazzjonijiet ta’ browsers kompetituri ma huwiex, għalhekk, “b’mod sinjifikattiv iktar baxx mill-għadd ta’ preinstallazzjonijiet ta’ Google Chrome fuq apparati tal-Google Android” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        it-tieni browser preinstallat jista’ jiġġenera proporzjon ogħla ta’ dħul mit-tiftix mill-applikazzjoni Google Search jew Chrome preinstallati skont il-FDAM; dan jirriżulta mill-provi li ġejjin: Samsung, li fl‑2016 bdiet tippreinstalla il-browser tagħha stess fuq l-apparati tagħha billi tatu pożizzjoni aħjar mill-Chrome, bil-browser ta’ Samsung jammonta għal 38.4 % tad-dħul ta’ Google Search fiż-ŻEE fuq l-apparati Samsung Galaxy S6 u jaqbeż kemm l-applikazzjoni Google Search (38.1 %) kif ukoll Chrome (23.3 %) (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata); Huawei, li fl‑2015 indikat li l-“browser ta’ Huawei [kien] preloaded fuq l-ismartphones kollha ta’ Huawei fis-suq taż-ŻEE bħala l-browser prestabbilit tas-sistema” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Huawei, l‑14 ta’ Diċembru 2015); u HTC, li fl‑2015 indikat li l-browser tagħha, HTC Internet, kien preinstallat fuq l-apparati tagħha u li ma kien hemm “l-ebda effett sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala riżultat tal-inklużjoni tal-Google Chrome fis-sett tal-GMS fl‑2012, minħabba li HTC kienet tippreinstalla l-browser tal-internet tagħha stess fil-parti l-kbira tal-apparati tagħha (HTC, it‑13 ta’ Novembru 2015).

438    Għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, dan l-argument ta’ Google u d-diversi elementi li jissostanzjawh ma jistgħux jiġu miċħuda mill-ewwel.

439    Fil-fatt, l-argumenti ta’ Google jservu a priori biex juru, kif jirriżulta mill-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata (ara t-tabella 19, li tindika rati ta’ preinstallazzjonijiet paralleli ta’ 40 sa 60 % madwar id-dinja mill‑2013 sal‑2016), li, fir-rigward tal-browsers, hemm kompetizzjoni iktar qawwija milli fil-każ tal-applikazzjonijiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix. Browsers oħra għajr Chrome jistgħu jiġu preinstallati fuq l-apparati tal-Google Android u, barra minn hekk, dan spiss iseħħ.

440    Il-każ ta’ Opera jipprovdi eżempju tajjeb. Skont Opera, li tintervjeni insostenn ta’ Google, għadd sinjifikattiv tal-utenti tagħha jiġu mill-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni konklużi mal-OEMs (Samsung, Huawei, OPPO u Tecno) fir-rigward tal-apparati tal-Google Android. Il-Kummissjoni tirrileva f’dan ir-rigward li dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw inqas minn 5 % tal-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE (premessa 940 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li l-apparati kienu jinbiegħu prinċipalment fl-Afrika (il-ftehimiet ta’ Opera ma’ Samsung u ma’ Tecno).

441    Dan l-eżempju juri li seta’ jkun hemm ftehimiet ta’ preinstallazzjoni konġunta tal-browsers matul il-perijodu tal-ksur, fi kwalunkwe każ b’mod iktar sinjifikattiv milli kien il-każ għall-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix. Madankollu, l-effetti ta’ tali ftehimiet fuq il-kwistjoni ta’ jekk kinux f’pożizzjoni li jikkumpensaw il-vantaġġ li jirriżulta mill-preinstallazzjoni għandu jiġi eżaminat.

442    Fil-fatt, l-effett tal-argument ta’ Google dwar l-analiżi jiddgħajjef fid-dawl tad-diversi osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti insostenn tagħha. Fil-prattika, jirriżulta għalhekk li, għalkemm il-libertà ta’ preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet oħra ta’ browsers kienet tabilħaqq possibbiltà offruta lill-OEMs, fil-prattika dawn setgħu jibbenefikaw minnha biss biex jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ browsers li jużaw Google Search bħala l-magna tat-tiftix issettjata bħala l-għażla prestabbilita.

443    Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-eżempju ta’ Opera, Seznam tesponi fin-nota ta’ intervent tagħha d-diffikultajiet li ffaċċjat biex tiżgura l-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet tat-tiftix u tal-browser tagħha. Seznam tindika barra minn hekk li dawn id-diffikultajiet kienu jeżistu kemm fiż-żmien tal-FTD abbażi ta’ portfolio kif ukoll, sussegwentement, meta kienu fis-seħħ FTD abbażi ta’ apparat. Bl-istess mod, kien biss f’Settembru 2018, jiġifieri wara li ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li Qwant kienet f’pożizzjoni li tiġi ssettjata bħala l-magna tat-tiftix prestabbilita fuq il-browser Brave fi Franza u fil-Ġermanja.

444    L-ewwel nett, huwa minnu li, mill‑2013 sal‑2016, xi browsers kompetituri kienu preinstallati flimkien mal-Chrome fuq kważi 60 % tal-apparati li jaħdmu bl-Android (tabella 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

445    Madankollu, fir-rigward, minn naħa, tal-każijiet ta’ Samsung u ta’ Huawei msemmija minn Google, għandu jiġi rrilevat li l-uniċi browsers tal-internet mobbli li ġew preinstallati fuq numru sinjifikattiv ta’ apparati tal-Google Android ta’ dawn l-OEMs kienu l-browsers tagħhom stess u mhux browsers terzi (premessa 936 tad-deċiżjoni kkontestata).

446    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li ċerti operaturi, inklużi Samsung u Huawei, issettjaw Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit fuq il-browsers tagħhom. Il-premessa 798(2) tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għalhekk għal “ftehimiet mal-OEMs u mal-ONMs intiżi biex jiggarantixxu li Google Search tkun l-uniku servizz ġenerali ta’ tiftix preinstallat issettjat bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browsers mobbli kollha preinstallati minn partijiet terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mistoqsija fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan kien riferiment għall-FTD. Il-Kummissjoni ssemmi wkoll lil HTC, li wkoll kienet tissettja lil Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit fil-browser tagħha, sabiex tindika li, fi kwalunkwe każ, din kienet waqfet tiżviluppa l-browser tagħha stess mit‑30 ta’ Novembru 2016.

447    Barra minn hekk, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-operaturi li kkonkludew FTD, għandu jiġi rrilevat li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tqassim tad-dħul, dawn l-operaturi jimpenjaw ruħhom li jissettjaw Google Search bħala l-għażla prestabbilita fid-diversi punti ta’ dħul tal-apparati tal-Google Android tagħhom, inkluż il-browser tagħhom stess (premessa 822, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 908, u punt 6.3.3 dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio), u li ma jippreinstallaw l-ebda servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur (premessi 192 u 198 tad-deċiżjoni kkontestata).

448    Dan huwa iktar sinjifikattiv peress li, fil-premessa 822 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, mill‑2011 sal‑2016, il-FTD kienu jkopru minn [80 sa 90 %] sa [50 sa 60 %] tal-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Mill-informazzjoni esposta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 908, fil-premessa 822 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-informazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward tinkludi mhux biss l-informazzjoni dedotta mill-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio, iżda wkoll dik dedotta mill-kopertura tal-FTD abbażi ta’ apparat, li ħadu post il-FTD abbażi ta’ portfolio. Dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni fi tweġiba għal mistoqsija magħmula fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

449    Għalhekk, mill‑2011 sal‑2016, iktar minn 50 % tal-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE kienu koperti minn FTD konklużi ma’ Google, kemm FTD abbażi ta’ portfolio kif ukoll FTD abbażi ta’ apparat, li kollha kienu jirrikjedu li Google Search tiġi ssettjata bħala l-magna tat-tiftix prestabbilita fuq il-browsers preinstallati u kienu jipprojbixxu l-installazzjoni ta’ servizz ta’ tiftix kompetitur.

450    Għaldaqstant, u dan japplika għal Samsung, HTC, LG u Sony, kif ukoll għall-operaturi l-oħra li kkonkludew FTD, jirriżulta li, meta browser kien preinstallat flimkien ma’ Chrome, li għandu Google Search bħala l-għażla prestabbilita, l-imsemmi browser ukoll kien ikollu Google Search bħala l-għażla prestabbilita.

451    Din l-osservazzjoni tippermetti li tintwera l-komplimentarjetà tal-prattiki differenti ta’ Google u timplika neċessarjament li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – kif tispjega d-deċiżjoni kkontestata – l-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD. Fil-fatt, l-obbligu kuntrattwali marbut mal-FTD li ma jiġix installat servizz ieħor għajr Google Search għat-twettiq tat-tiftix ġenerali jwassal biex il-possibbiltà teoretika ta’ preinstallazzjoni ta’ servizz li jikkompeti mal-applikazzjonijiet ta’ Google, permessa fil-prinċipju mill-FDAM, kienet effettivament eskluża, mill‑2011 sal‑2016, għal tal-inqas nofs l-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Fi kliem ieħor, il-FTD kienu jiggarantixxu l-esklużività fuq l-apparati kkonċernati, u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati l-effetti antikompetittivi tal-FDAM.

452    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni bħala element fattwali tal-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD bl-ebda mod ma jiddependi fuq in-natura abbużiva jew le tal-FTD, kemm jekk huma FTD abbażi ta’ portfolio li jikkostitwixxi abbuż skont l-analiżi tal-Kummissjoni, li Google tikkontesta fil-kuntest tat-tielet motiv, kif ukoll jekk huma FTD abbażi ta’ apparat, li ma humiex meqjusa bħala abbużivi fid-deċiżjoni kkontestata.

453    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument invokat minn Google fir-rigward ta’ OEM partikolari, li jgħid li, fl‑2016, fuq kategorija tal-apparati tiegħu, il-browser tal-internet mobbli tal-imsemmi OEM iġġenera dħul mit-tiftix ogħla fiż-ŻEE mill-applikazzjoni Google Search jew Chrome, ma jpoġġix indiskussjoni l-analiżi preċedenti.

454    Dan l-argument, imressaq fir-rikors, ġie kkontestat mill-Kummissjoni minħabba li hija ma setgħetx tivverifika tali allegazzjoni, la għall-kategorija partikolari tal-apparati ta’ dan l-OEM fl‑2016, u lanqas b’mod iktar wiesa’ għal snin oħra u għal kategoriji oħra tal-apparati tal-imsemmi OEM. Fi tweġiba, Google ppreżentat id-data interna użata sabiex jiġu stabbiliti d-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rikors. Din id-data effettivament turi li, fl‑2016, il-browser ta’ dan l-OEM stess iġġenera iktar dħul mill-mistoqsijiet ta’ tiftix mill-applikazzjoni Google Search jew Chrome fuq żewġ linji ta’ mudelli.

455    Dan id-dħul kien ukoll ogħla minn dak iġġenerat mill-Chrome, fl‑2017, fuq tliet linji ta’ mudelli (it-tnejn imsemmija u ieħor), u fl‑2018, fuq erba’ linji ta’ mudelli (it-tlieta msemmija u ieħor) ta’ dan l-OEM, iżda kien inqas mid-dħul iġġenerat fl-istess żmien mill-applikazzjoni Google Search fuq dawn l-apparati.

456    Google ssostni li dan huwa każ fejn, permezz tal-preinstallazzjoni tal-browser tiegħu stess fuq l-apparati tal-Google Android tiegħu, OEM kien f’pożizzjoni li jikkumpensa sa ċertu punt il-vantaġġ kompetittiv li hija kienet tibbenefika minnu mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Chrome.

457    Madankollu, sa fejn l-OEM inkwistjoni kien marbut b’FTD u għalhekk kien taħt l-obbligu li Google Search tiġi ssettjata bħala l-għażla prestabbilita fid-diversi punti ta’ dħul tal-apparati tagħha, inkluż il-browser tiegħu stess, hemm lok li l-effett antikompetittiv ta’ tali kumpens jiġi rrelativizzat fil-kuntest. Dan il-punt ġie kkonfermat minn Google fi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

458    Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ OEM li jippreinstalla l-browser tiegħu stess fuq l-apparati tiegħu ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ kompetitur ta’ Google fis-swieq ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix li ma għandux il-possibbiltà li jimmanifattura l-apparati tiegħu stess, peress li dan tal-aħħar ikollu jinnegozja ma’ OEM sabiex ikun jista’ jippreinstalla l-applikazzjonijiet tiegħu.

459    It-tieni, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tfakkar li, anki jekk browser kompetitur ikun preinstallat fuq apparat tal-Google Android, dan ma jistax jiġi ssettjat bħala l-għażla prestabbilita (premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata).

460    Sabiex twieġeb għall-affermazzjonijiet ta’ Google fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Huawei f’posta elettronika indirizzata lill-Kummissjoni f’Diċembru 2015, li tgħid li browser ieħor għajr il-Chrome jista’ jkun il-“browser prestabbilit tas-sistema” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tindika f’dan ir-rigward li dan ma kienx possibbli.

461    Fil-fatt, jirriżulta, minn naħa, mill-FDAM, li l-OEMs kienu obbligati jippreinstallaw Chrome fuq kważi l-apparati kollha tagħhom tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, mill-FAF u mill-klawżola 3.2.3.2 tad-dokument ta’ definizzjoni tal-kompatibbiltà ta’ Android (iktar ’il quddiem id-“DDK”), li “l-iżviluppaturi tal-apparati ma [kellhomx] jassoċjaw privileġġi partikolari mal-użu mill-applikazzjonijiet tas-sistema ta’ skemi ta’ intenzjoni, u lanqas ma kellhom jimpedixxu applikazzjonijiet terzi milli jintrabtu ma’ dawn l-iskemi u li jieħdu l-kontroll tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, OEM li kien ippreinstalla l-Chrome, ħaġa li tippreżupponi l-iffirmar ta’ FDAM u ta’ FAF, ma setax jissettja browser tal-internet mobbli kompetitur bħala l-għażla prestabbilita.

462    Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Orange u minn kumpannija oħra (premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata) jikkonfermaw li anki jekk browser li jikkompeti mal-Chrome jiġi preinstallat, dan il-browser ma jistax jiġi “ssettjat bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn iż-żewġ operaturi f’dan ir-rigward jagħmlu riferiment għall-obbligu msemmi iktar ’il fuq mill-Kummissjoni li ma jipprijoritizzawx browser li jikkompeti mal-Chrome meta dan tal-aħħar ukoll ikun preinstallat fuq l-apparat tal-Google Android.

463    F’dan il-kuntest, l-ebda element invokat minn Google ma huwa ta’ natura li jissostanzja l-allegazzjoni tagħha li tgħid li tali għażla prestabbilita tal-browser kompetitur hija possibbli fil-preżenza tal-Chrome:

–        fir-rigward tad-dikjarazzjoni li jgħidu li “l-browser ta’ Huawei huwa preloaded fuq l-ismartphones kollha ta’ Huawei fis-suq taż-ŻEE bħala l-browser prestabbilit tas-sistema” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jirriżulta li din min-naħa ta’ Huawei ma saritx bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, iżda sempliċement ingħatat minn impjegat ta’ Huawei bħala “informazzjoni ta’ natura ġenerali” fi “tweġiba preliminari” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li ma huwiex ċar x’ried ifisser l-impjegat bi “browser prestabbilit tas-sistema”, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa tal-imsemmi DDK li skontu l-OEMs ma setgħux jissettjaw browser kompetitur bħala dak prestabbilit; fi kwalunkwe każ, mill‑2016, Huawei waqfet tippreinstalla l-browser tal-internet mobbli tagħha stess (ara Huawei ALE Android 6.0 Release Notes, is‑7 ta’ Ġunju 2016: “Għal esperjenza aħjar, it-telefoni portabbli kollha tagħna adattati għas-swieq barranin li jaħdmu bl-Android 5.0 jew ogħla ser ineħħu l-browser inkorporat ta’ Huawei u jadottaw Google Chrome” [traduzzjoni mhux uffiċjali]);

–        fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula minn Orange f’posta elettronika tat‑3 ta’ Awwissu 2012, li tgħid li “Chrome jista’ jkun preżenti simultanjament mal-browsers tal-fabbrikanti u Google ma timponihx bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali], minn dan jirriżulta sempliċement li l-FDAM ma kinux jobbligaw lill-OEMs jissettjaw il-Chrome bħala l-browser prestabbilit – ħaġa li ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni – u mhux li l-OEMs jistgħu jissettjaw il-browser tal-internet mobbli tagħhom stess bħala l-browser prestabbilit.

464    Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk browser kompetitur jistax jiġi ssettjat bħala dak prestabbilit ma hijiex rilevanti. Google lanqas ma tikkontesta n-natura teoretika ta’ din il-kwistjoni fid-dawl tal-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FAF. Dak li huwa rilevanti f’dan il-każ huwa li jiġu eżaminati d-diversi possibbiltajiet prattiċi offruti lis-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri biex jilħqu lill-utenti, meta Google tiżgura li l-OEMs jikkonformaw fir-rigward tal-browsers li jikkompetu mal-Chrome mal-obbligu tagħhom – skont il-FAF – li jittrattaw lil Google Search tal-inqas bl-istess mod kif jittrattaw servizz ġenerali ta’ tiftix ieħor.

465    It-tielet, il-fatt li l-OEMs jippreinstallaw il-browsers tagħhom stess fuq uħud mill-apparati tagħhom ma jibdel xejn mill-fatt li l-għadd ta’ preinstallazzjonijiet ta’ kull wieħed minn dawn il-browser huwa iktar baxx minn dak tal-preinstallazzjonijiet ta’ Google Chrome fuq dawn l-apparati. Hawnhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerta data invokata minn Google tikkonċerna l-preinstallazzjoni fuq livell globali, inkluża ċ-Ċina (ara, pereżempju, it-tabella 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, in-nuqqas ta’ preinstallazzjoni ta’ Google Chrome fiċ-Ċina għandu effett kunsiderevoli fuq id-data dwar iż-ŻEE. Il-preinstallazzjoni ta’ Google Chrome kienet tkopri prattikament l-apparati kollha tal-Google Android fiż-ŻEE filwaqt li, meta jsir paragun, il-preinstallazzjoni konġunta ta’ browser ieħor tibqa’ inqas importanti f’termini tal-firxa u tal-effettività. L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-punt għalhekk ma humiex ikkontestati minn Google.

–       Fuq lapplikazzjonijiet loħra

466    Fir-rigward tal-applikazzjonijiet l-oħra minbarra Google Search u Chrome, dawk inklużi fis-sett tal-GMS u l-applikazzjonijiet li jikkompetu magħhom, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-argumenti ta’ Google fir-rigward tagħhom huma rrilevanti. Fil-fatt, dawn l-applikazzjonijiet l-oħra u l-applikazzjonijiet kompetituri tagħhom ma humiex applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix jew browsers, u għalhekk ma humiex is-suġġett tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti ddefiniti fid-deċiżjoni kkontestata.

iii) Fuq lallegata kontradizzjoni bejn irraġunament dwar ilFTD u lallegazzjoni li tgħid li lpreinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri ma hijiex ta’ interess

467    Fit-tieni lok, Google ssostni li r-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-FTD jikkontradixxi l-affermazzjoni li tgħid li l-OEMs ma għandhomx interess li jippreinstallaw applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u browsers oħra flimkien mal-applikazzjonijiet tagħha.

468    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar il-kontenut tal-affermazzjonijiet kontenzjużi.

469    Minn naħa, sabiex jiġi konkluż li l-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni mal-OEMs ma setgħux jiġu mqabbla f’termini tal-portata u tal-effettività mal-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search fuq l-apparati tal-GMS, il-Kummissjoni qieset – fost elementi oħra – li kien “improbabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li l-OEMs jippreinstallaw applikazzjoni jew diversi applikazzjonijiet oħra ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix minbarra l-applikazzjoni obbligatorja Google Search. Din il-konklużjoni hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li l-OEMs jeħtieġ li jibbilanċjaw id-dħul potenzjali li huma jiksbu minn din l-applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix ieħor mal-ispiża ta’ tali operazzjoni u l-ispejjeż l-oħra marbuta ma’ fatturi bħall-esperjenza tal-utent u l-appoġġ (premessi 823 u 824 tad-deċiżjoni kkontestata).

470    Sabiex tispjega din il-konklużjoni, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin:

–        l-ewwel nett, il-parti tad-dħul potenzjali li l-OEMs jiksbu mill-installazzjoni ta’ applikazzjoni waħda jew iktar minbarra l-applikazzjoni Google Search hija żgħira, fid-dawl tas-sehem mis-suq ta’ iktar minn 90 % ta’ Google fil-biċċa l-kbira tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix fiż-ŻEE u tal-fatt li Google dejjem kienet ser tibqa’ ssettjata bħala l-għażla prestabbilita fil-punti ta’ dħul prinċipali l-oħra kollha, b’mod partikolari fuq il-browsers (premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tieni nett, l-OEMs ikollhom iġarrbu spejjeż ta’ tranżazzjoni sabiex jidħlu f’tali ftehimiet ta’ preinstallazzjoni u dawn l-ispejjeż probabbilment ma jkunux iġġustifikati għal volum żgħir ta’ apparati (premessa 826 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tielet nett, l-OEMs ikollhom iqisu wkoll il-fatt li, sa fejn is-sett tal-GMS jinkludi bejn 12 u 30 applikazzjoni, jista’ jkun hemm applikazzjonijiet li jagħmlu l-istess ħaġa u dan jista’ jkollu effett negattiv fuq l-esperjenza tal-utent (premessi 827 sa 829 tad-deċiżjoni kkontestata).

471    Bl-istess mod, sabiex jiġi konkluż li l-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni mal-OEMs ma jistgħux jitqabblu f’termini tal-portata u tal-effettività mal-ftehimiet tal-preinstallazzjoni tal-browser Chrome fuq l-apparati tal-GMS, il-Kummissjoni qieset – fost elementi oħra – li l-OEMs kienu “joqogħdu lura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] milli jippreinstallaw applikazzjonijiet li jagħmlu l-istess ħaġa bħal applikazzjonijiet diġà installati minħabba problemi ta’ spazju ta’ ħażna għal ċerti apparati (premessi 932 u 933 tad-deċiżjoni kkontestata).

472    Min-naħa l-oħra, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-FTD, il-Kummissjoni madankollu tirreferi diversi drabi għall-interess li l-OEMs għandhom li jikkonkludu tali ftehimiet għar-raġunijiet li ġejjin:

–        “mingħajr il-pagamenti tat-tqassim tad-dħul abbażi ta’ portfolio, l-OEMs […] kien ikollhom interess kummerċjali li jippreinstallaw servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri fuq tal-inqas uħud mill-apparati tagħhom tal-Google Android” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 1208(1) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-preinstallazzjoni tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri kienet tippermetti lill-OEMs “joffru prodotti ddifferenzjati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-“preinstallazzjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix flimkien ma’ Google kienet iżżid it-traffiku lejn dawk is-servizzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-premessa 1214 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiċċità lil Yahoo!, Qwant, Microsoft, Yandex, u Seznam);

–        xi OEMs kienu kkonkludew ftehimiet ta’ preinstallazjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri fuq apparati jew biex jissettjawhom bħala s-servizzi prestabbiliti (premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ftehim bejn Mozilla u servizz ta’ tiftix kompetitur “juri li Mozilla tqis li l-OEMs […] għandhom interess kummerċjali li jippreinstallaw il-browser Mozilla b’servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur issettjat bħala l-għażla prestabbilita fuq tal-inqas uħud mill-apparati tagħhom li jaħdmu bl-Android” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata).

473    Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Google, ma jistax jitqies li dawn iż-żewġ raġunamenti jikkontradixxu lil xulxin. Fl-ewwel lok, fil-fatt, il-Kummissjoni teżamina l-probabbiltà jew l-inċentiv tal-OEMs sabiex jinnegozjaw ftehimiet ta’ preinstallazzjoni ma’ kompetituri tal-applikazzjoni Google Search jew ta’ Chrome, li huma preinstallati fuq l-apparati tal-GMS skont il-FDAM. Il-Kummissjoni ma tikkontestax, b’daqshekk, li dawn l-OEMs jista’ jkollhom interess kummerċjali li jinnegozjaw tali ftehimiet, li jissemma b’mod partikolari abbażi tal-FTD. Dan l-interess kummerċjali għandu madankollu jiġi rrikonċiljat mal-fatturi l-oħra msemmija fir-raġunament tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-ewwel sett (sehem żgħir mis-suq residwu għat-tieni applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix, spejjeż ta’ tranżazzjoni, diffikultajiet marbuta mad-duplikazzjoni fir-rigward tal-esperjenza tal-utent u mal-ispazju ta’ ħażna) u t-tieni sett (problemi marbuta mal-ispazju ta’ ħażna).

474    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni bbażata fuq il-kontradizzjoni bejn ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-FTD u l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li huwa improbabbli li l-OEMs jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu mal-applikazzjoni Google Search u li jgħidu li l-OEMs joqogħdu lura milli jippreinstallaw browsers li jikkompetu mal-Chrome.

iv)    Fuq linteress talOEMs filpreinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri

475    Fit-tielet lok, Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika erba’ motivi insostenn tal-affermazzjoni li tgħid li “huwa improbabbli li l-OEMs jippreinstallaw applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix addizzjonali minbarra l-applikazzjoni obbligatorja Google Search” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 824 tad-deċiżjoni kkontestata, iktar ’il quddiem l-“affermazzjoni kkontestata”), jiġifieri l-eżistenza ta’ ostakoli marbuta mal-esperjenza tal-utent, problemi relatati mal-ispazju ta’ ħażna, l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni u n-nuqqas ta’ benefiċċji finanzjarji marbuta mal-preinstallazzjoni. Issa, peress li l-OEMs fil-fatt jippreinstallaw xi applikazzjonijiet kompetituri fuq l-apparati tal-GMS, l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija kkorroborata minn provi u l-affermazzjoni kkontestata hija għalhekk żbaljata.

476    L-eżami ta’ dan l-argument jeħtieġ qabel kollox li dan jitqiegħed fil-kuntest tiegħu.

477    Fil-fatt, minn naħa, l-affermazzjoni kkontestata hija bbażata fuq l-idea, esposta fl-istess premessa 824 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-deċiżjoni dwar il-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix li tikkompeti mal-applikazzjoni Google Search tirriżulta mill-ibbilanċjar mill-OEMs bejn, l-ewwel nett, id-dħul li x’aktarx jinkiseb minn dik l-applikazzjoni addizzjonali u, it-tieni, l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u l-effetti tagħha fuq l-esperjenza tal-utent jew l-appoġġ tekniku. L-affermazzjoni kkontestata għalhekk tikkonċerna prinċipalment l-interess tal-OEMs li jippreinstallaw applikazzjoni li tikkompeti mal-applikazzjoni Google Search, jew sussidjarjament mal-browser Chrome bl-għażla prestabbilita tas-servizz ġenerali ta’ tiftix Google Search, u mhux xi waħda mill-applikazzjonijiet l-oħra koperti mis-sett ta’ GMS, b’mod partikolari dawk li ma humiex marbuta mal-implimentazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix.

478    Konsegwentement, il-fatti rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-affermazzjoni kkontestata huma dawk li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet li jimplimentaw servizz ġenerali ta’ tiftix u mhux applikazzjonijiet ta’ tip ieħor.

479    Min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni kkontestata tikkostitwixxi biss l-ewwel waħda minn ħames spjegazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex issostni, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet Google matul il-proċedura amministrattiva, li “l-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni mal-OEMs u mal-ONMs ma jistgħux jitqabblu f’termini tal-portata u tal-effettività mal-ftehimiet tal-preinstallazzjoni tal-browser Chrome fuq l-apparati tal-GMS” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 823 tad-deċiżjoni kkontestata).

480    Google ma tikkontestax l-ispjegazzjonijiet li ġejjin:

–        il-FDAM kien jimpedixxi lill-OEMs milli jippreinstallaw esklużivament applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix li tikkompeti mal-applikazzjoni Google Search fuq l-apparat tal-Google Android; il-kompetituri ta’ Google kienu għalhekk imċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu kundizzjonijiet aħjar minn dawk stipulati mill-FDAM; fil-fatt, fil-prattika, OEM li jkun aċċetta tali preinstallazzjoni esklużiva ta’ applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitriċi ma jkunx jista’ joffri l-Play Store jew l-applikazzjonijiet l-oħra tas-sett tal-GMS (premessi 830 u 831 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-FDAM kien jimpedixxi wkoll lill-ONM milli jitolbu lill-OEMs li jippreinstallaw esklużivament applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix li tikkompeti mal-applikazzjoni Google Search fuq l-apparati tal-Google Android, fid-dawl tal-fatt li kważi l-OEMs kollha kienu kkonkludew FDAM u għalhekk impenjaw ruħhom li jippreinstallaw l-applikazzjoni Google Search fuq l-apparati tal-GMS (premessa 832 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-FTD konklużi ma’ ċerti OEMs u ONM wasslu għall-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search fuq [80 sa 90 %] sa [50 sa 60 %] tal-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE mill‑2011 sal‑2016, u dan ċaħħad lill-kompetituri ta’ Google mill-possibbiltà li jippreinstallaw l-applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix tagħhom flimkien mal-applikazzjoni Google Search (premessa 883 u punt 13.4.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Bing, il-kompetitur prinċipali ta’ Google Search, ma seta’ jiġi preinstallat fuq l-ebda apparat tal-Google Android mill‑2011 sal‑2016, bl-eċċezzjoni ta’ mudell wieħed biss ta’ apparat li ħareġ fl-Istati Uniti fl‑2011 (premessa 834 u premessa 789(8) tad-deċiżjoni kkontestata).

481    Huwa f’dan il-kuntest fattwali, li jieħu inkunsiderazzjoni l-portata u l-effikaċja tal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search fuq l-apparat ta’ GMS fir-rigward tal-ftehimiet differenti konklużi minn Google abbażi tal-istrateġija ġenerali tagħha intiża biex tikkonsolida u tippreżerva l-ishma mis-suq tagħha tal-internet mobbli fiż-ŻEE, li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Google dwar l-affermazzjoni kkontestata. Essenzjalment, Google tikkritika l-motivi differenti invokati mill-Kummissjoni (ara l-punt 475 iktar ’il fuq) sabiex tevalwa l-interess tal-OEMs fil-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri, jiġifieri d-dħul potenzjali, l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, l-esperjenza tal-utent u l-ispazju ta’ ħażna.

–       Fuq iddħul potenzjali

482    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-probabbiltà li OEM jippreinstalla applikazzjoni addizzjonali ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix minbarra l-applikazzjoni Google Search fir-rigward tal-apparati tal-GMS, il-Kummissjoni tosserva li “s-sehem mid-dħul potenzjali li l-OEMs jiksbu minn applikazzjoni waħda jew iktar ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix addizzjonali huwa baxx, peress li Google għandha sehem mis-suq ta’ 90 % fil-biċċa l-kbira tas-swieq nazzjonali u, kif spjegat fil-premessa 796 [tad-deċiżjoni kkontestata], Google tibqa’ dejjem l-għażla prestabbilita fil-punti l-oħra tad-dħul, b’mod partikolari l-browsers” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata).

483    Din l-ispjegazzjoni hija kkritikata minn Google għar-raġunijiet li ġejjin:

–        skont id-deċiżjoni kkontestata, kompetituri tal-istess effiċjenza jistgħu jiksbu sehem ta’ 22.5 % mill-mistoqsijiet ta’ tiftix jekk jiġu preinstallati flimkien ma’ Google u jiġu ssettjati bħala l-għażla prestabbilita fil-punti ta’ dħul tal-browsers (premessa 1226(2) tad-deċiżjoni kkontestata); dawk il-kompetituri jistgħu għalhekk jaqsmu d-dħul minn dawk il-mistoqsijiet mal-OEMs (iktar ’il quddiem “l-ewwel kritika”);

–        l-allegazzjoni li tgħid li “Google tibqa’ dejjem l-għażla prestabbilita fil-punti l-oħra tad-dħul, b’mod partikolari l-browsers” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata) hija żbaljata peress li “l-FDAM qatt ma eżiga li Google [Search] tiġi ssettjata bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browsers kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; id-deċiżjoni kkontestata hawnhekk qiegħda tagħmel riferiment għal provi relatati mal-għażliet prestabbiliti fuq apparati li ma jaħdmux bl-Android (ara l-premessa 796(2), li ssemmi l-browsers fuq l-apparat tal-iOS jew fuq il-laptops), li ma għandhom l-ebda rilevanza; barra minn hekk, isir riferiment f’partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata għal verżjoni tal-FDAM li madankollu ma kinitx teżiġi l-issettjar tal-għażla prestabbilita fil-browsers u li fi kwalunkwe każ tneħħiet (premessa 185) (iktar ’il quddiem it-“tieni kritika”);

–        ir-riferimenti li jsiru f’partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata għad-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ kumpanniji, li jistqarru li l-browsers kompetituri ma jistgħux jiġu ssettjati bħala l-għażla prestabbilita (premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata) ma humiex ikkorroborati; l-ebda waħda minn dawn il-kumpanniji ma kienet parti minn FDAM u waħda minnhom ippreċiżat li “Chrome [kien] jista’ jkun preżenti simultanjament mal-browsers tal-OEMs u Google ma timponihx bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; dawk l-affermazzjonijiet huma wkoll kontradetti minn OEMs li, bħal Huawei, issettjaw browser kompetitur bħala l-għażla prestabbilita (iktar ’il quddiem it-“tielet kritika”);

–        li jiġi affermat li l-OEMs ma għandhomx interess li jippreinstallaw applikazzjonijiet kompetituri, peress li l-parti l-kbira tal-użu marbut mat-tiftix imur għal Google, jimplika li dawn l-applikazzjonijiet huma inqas attraenti, jiġifieri li jkunu qegħdin jiġu protetti kompetituri inqas effettivi (iktar ’il quddiem ir-“raba’ kritika”).

484    Madankollu, dawn il-kritiki ma humiex ta’ natura li jpoġġu f’dubju l-affermazzjoni kkontestata.

485    Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat, Google ma tikkontestax il-fatt li l-FDAM kellu bħala konsegwenza li l-ebda applikazzjoni tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix li tikkompeti mal-applikazzjoni Google Search ma setgħet tikseb preinstallazzjoni esklużiva fuq l-apparati tal-Google Android (premessi 830 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata). Kienet biss il-preinstallazzjoni konġunta li kienet possibbli fuq dawn l-apparati.

486    Fil-prattika, barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sempliċement minħabba l-FDAM, Google żgurat preinstallazzjoni li baqgħet esklużiva sakemm l-OEMs ma ddeċidewx li jinstallaw simultanjament applikazzjoni oħra ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix.

487    B’differenza mill-preinstallazzjoni miksuba qabel kollox minn Google bis-saħħa tal-FDAM, dan l-OEM jew kompetitur ta’ Google kellu jieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra sabiex jippreinstalla jew jikseb il-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni oħra ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix.

488    F’dan il-kuntest, is-sehem mid-dħul potenzjali li jista’ jinkiseb mill-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni waħda jew iktar ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix addizzjonali ma kienx paragunabbli f’termini tal-portata u tal-effettività ma’ dak li jinkiseb mill-FDAM u seta’ jkun biss limitat.

489    Dan huwa spjegat, qabel kollox, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessi 825 u 830 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-fatt li s-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google jokkupa pożizzjoni ewlenija fis-settur b’ishma mis-suq qawwija u stabbli ta’ iktar minn 90 % fil-parti l-kbira tal-pajjiżi taż-ŻEE, u dan ilu l-każ mill‑2008 (ara l-premessi 683 u 684 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-reputazzjoni kbira li għandha d-ditta Google, li minnha jibbenefika s-servizz ġenerali ta’ tiftix tagħha (premessi 712, 812 u 830 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda waħda minn dawn l-affermazzjonijiet ma hija kkritikata minn Google.

490    Google pjuttost tikkritika l-affermazzjoni li saret fl-aħħar tal-premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, anki fil-każ ta’ preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq apparat tal-GMS, “Google tibqa’ dejjem l-għażla prestabbilita fil-punti l-oħra tad-dħul, b’mod partikolari l-browsers” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, fit-tieni kritika tagħha, Google ssostni li din l-affermazzjoni hija żbaljata, minn naħa, peress li “l-FDAM qatt ma eżiga li Google [Search] tiġi ssettjata bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browsers kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, peress li din l-affermazzjoni hija bbażata fuq provi li jirrigwardaw l-għażliet prestabbiliti fuq apparati li ma jaħdmux bl-Android (ara l-premessa 796(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment għal apparati li jaħdmu bl-iOS, PCs bi Chrome installat u PCs b’Safari, Opera jew Firefox installati).

491    Fir-rigward tal-ewwel żewġ argumenti tat-tieni kritika, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma tallegax li l-għażla prestabbilita tas-servizz ġenerali ta’ tiftix Google Search fil-punti prinċipali ta’ dħul l-oħra kien jirriżulta mill-FDAM. Meħuda fil-kuntest tagħha, l-affermazzjoni magħmula fl-aħħar tal-premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata pjuttost tagħti x’tifhem, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li Google użat diversi mezzi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiżgura li l-OEMs jagħżlu lil Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit f’punti oħra ta’ dħul għajr dak li jirriżulta mill-użu tal-applikazzjoni Google Search preinstallata.

492    Filwaqt li huwa minnu, kif tirrileva Google, li wħud mill-provi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata biex juru l-importanza tal-użu ta’ Google Search għat-twettiq ta’ tiftix ġenerali ma jikkonċernawx l-apparati tal-GMS iżda l-apparati li jaħdmu bl-iOS, PCs bi Chrome installat jew PCs bil-browsers Safari, Opera jew Firefox installati, li kollha jissettjaw Google Search bħala l-għażla prestabbilita (ara l-premessa 796(2) tad-deċiżjoni kkontestata), huwa daqstant ieħor evidenti li, għall-apparati tal-GMS ukoll, anki fil-każ li applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur kienet preinstallata, Google Search xorta jkun issettjata bħala l-għażla prestabbilita f’punti ta’ dħul oħra, b’mod partikolari l-browsers.

493    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 818 u 973 tad-deċiżjoni kkontestata, Google ma tippermetti li jiġi ssettjat l-ebda servizz ġenerali ta’ tiftix ieħor minbarra Google Search bħala l-għażla prestabbilita fuq Chrome. Din l-għażla prestabbilita ma tistax tinbidel minn OEM.

494    Bl-istess mod, mit-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li, fil-biċċa l-kbira tal-browsers preinstallati flimkien ma’ Chrome jew anki dawk imniżżla, Google Search kienet is-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit. Dan huwa l-każ għal Samsung, Mozilla u UC Web browser jew, fiż-ŻEE, għal Opera. L-imsemmija għażla prestabbilita kienet konsegwenza ta’ FTD jew ta’ ftehim f’dan is-sens konkluż bejn Google u l-kumpannija kkonċernata, fatt li għalhekk kellu l-konsegwenza li jillimita l-interess finanzjarju li OEM seta’ jkollu fil-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix li jikkompeti mal-applikazzjoni Google Search.

495    Id-diversi mezzi implimentati minn Google abbażi tal-istrateġija ġenerali tagħha intiża sabiex tikkonsolida u tippreżerva l-pożizzjoni tagħha fis-swieq tat-tiftix ġenerali, b’mod partikolari dawk imwettqa fuq apparat portabbli li juża l-internet, għalhekk ippermettewlha tikseb, bis-servizz ġenerali ta’ tiftix Google Search u fi kważi s-swieq nazzjonali kollha fiż-ŻEE fl‑2016, sehem mis-suq ta’ bejn darbtejn u ħames darbiet is-sehem mis-suq ikkombinat tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix l-oħra kollha (ara l-premessa 796(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

496    Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet fattwali, għandu jitqies li l-affermazzjoni magħmula fl-aħħar tal-premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, anki fil-każ ta’ preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq apparat tal-GMS, “Google tibqa’ dejjem l-għażla prestabbilita fil-punti l-oħra tad-dħul, b’mod partikolari l-browsers” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma hijiex żbaljata.

497    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tat-tielet argument tat-tieni kritika, il-portata tar-riferimenti magħmula fid-deċiżjoni kkontestata għad-dispożizzjonijiet tal-FDAM dwar l-għażliet prestabbiliti ċċitati minn Google, li ġew interpretati ħażin u fi kwalunkwe każ tneħħew, għandha titqiegħed fil-kuntest sa fejn dawn ir-riferimenti ma għandhomx effett fuq ir-raġunament iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kritika tagħhom minn Google ssir ineffettiva.

498    Huwa minnu li, f’partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata għajr fil-premessa 825, il-Kummissjoni indikat li ċerti verżjonijiet tal-FDAM kienu fformulati b’tali mod li dehru li jeżigu li l-OEMs jissettjaw is-servizz ġenerali ta’ tiftix Google Search bħala l-għażla prestabbilita għall-punti ta’ aċċess kollha għat-tiftix imwettaq mill-apparati tal-GMS (ara l-premessa 185, fejn huwa indikat ukoll li dak l-obbligu ġie abbandunat minn Google minn Ottubru 2014).

499    Madankollu, għandu jitqies li, għar-raġunijiet invokati minn Google matul il-proċedura amministrattiva, ma għadux ikkontestat li dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ma kinux jeżiġu lill-OEMs li jissettjaw Google Search bħala l-għażla prestabbilita għat-tiftix kollu mwettaq minn browser preinstallat fuq apparat tal-Google Android. Skont dak li tindika Google, mingħajr ma dan ġie kkonfutat mill-Kummissjoni, il-klawżola inkwistjoni kellha l-għan li ssolvi l-kunflitti li jistgħu jseħħu meta talba għal tiftix ġenerali, imwettqa minn kwalunkwe applikazzjoni, tirriskja li tiġi pproċessata minn iktar minn applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix waħda.

500    Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni hija ġġustifikata li tirrileva li mill-fajl jirriżulta li seta’ kien hemm xi ambigwità fir-rigward tal-portata reali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali fil-bidu tal-perijodu tal-ksur (ara l-premessi 1228 sa 1238, minn naħa, u l-premessa 1230 tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, bħala parti mill-analiżi tal-FTD abbażi ta’ portfolio), jibqa’ l-fatt li l-ispjegazzjonijiet ta’ Google f’dan ir-rigward huma konvinċenti u jservu biex jispjegaw ir-raġunijiet għal dan. Fuq dan il-punt, il-benefiċċju tad-dubju għandu jkun favur il-kumpannija inkwistjoni.

501    Fir-rigward tal-ewwel kritika, ir-riferiment magħmul, fil-kuntest tal-eżami tan-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio bħala parti mit-tielet motiv, għall-ipoteżi li tgħid li kompetitur jew diversi kompetituri ipotetiċi li huma effiċjenti daqs Google setgħu jiksbu sehem ta’ 22.5 % mit-talbiet ta’ tiftix ġenerali “jekk jiġu preinstallati flimkien ma’ Google u jiġu ssettjati bħala l-għażla prestabbilita fil-punti ta’ dħul tal-browsers” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jpoġġix indiskussjoni r-raġunament tal-Kummissjoni kkritikat minn Google. Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali ipoteżi hija possibbli sabiex jiġi evalwat “is-sehem mid-dħul potenzjali li l-OEMs jiksbu mill-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni waħda jew iktar ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix addizzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], xorta jibqa’ l-fatt li d-dħul inkwistjoni huwa diffiċilment li jiġi mqabbel ma’ dak miksub minn Google minħabba l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM.

502    Barra minn hekk, fil-prinċipju, sabiex jaċċetta li jiġu preinstallati applikazzjoni waħda jew iktar ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix flimkien ma’ dawk preinstallati skont il-FDAM, l-OEM ikollu jitlob remunerazzjoni mingħand il-kompetitur ta’ Google. Issa, fid-dawl tas-sempliċi preżenza tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Chrome, anki mingħajr il-possibbiltà li jsiru pagamenti sabiex tinkiseb l-esklużività fil-kuntest ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, dak li kompetitur ta’ Google jista’ joffri f’dan ir-rigward ma jistax ikun ta’ interess fid-dawl tad-dħul li huwa jista’ jistenna minn din il-preinstallazzjoni konġunta.

503    Fir-rigward tat-tielet kritika, il-Kummissjoni ġustament tfakkar li anki jekk kellu jiġi preżunt li OEM jippreinstalla browser li jikkompeti ma’ Chrome fuq l-apparat tal-GMS, dan ma jkunx jista’ jissettjah bħala l-browser prestabbilit.

504    Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Google ma tikkontestax li, skont il-FAF u d-DDK, jekk iktar minn browser wieħed ikun preinstallat fuq apparat tal-Android, l-ebda wieħed minn dawn il-browsers ma jista’ jiġi ssettjat bħala l-għażla prestabbilita.

505    Issa, f’dak li jirrigwarda l-apparati tal-Google Android, peress li skont il-FDAM, l-OEM kien obbligat li jippreinstalla l-Chrome sabiex jikseb is-sett tal-GMS, il-premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk ġustament qieset, fid-dawl tal-effetti kkombinati ta’ dan il-ftehim mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li “anki jekk jiġi installat browser kompetitur, dan ma setax jiġi ssettjat bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

506    F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google u kif diġà ġie deċiż fil-punti 462 u 463 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn ċerti kumpanniji ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex titpoġġa indiskussjoni l-evalwazzjoni kkontestata.

507    Posta elettronika ta’ Google tas‑27 ta’ Marzu 2013, indirizzata lil wieħed mill-OEMs prinċipali, għalhekk issemmi l-ħtieġa li dan jippermetti lill-utent jagħżel bejn il-browser preinstallat tiegħu u Google Chrome f’każ bħal dan.

508    Għaldaqstant, fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula minn Orange f’posta elettronika tat‑3 ta’ Awwissu 2012, li tgħid li “Chrome jista’ jkun preżenti simultanjament mal-browsers tal-fabbrikanti[;] Google ma timponihx bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali], minn dan jirriżulta sempliċement li l-FDAM ma jobbligax lill-OEMs jissettjaw il-Chrome bħala l-browser prestabbilit u li dan jista’ jkun preżenti simultanjament ma’ browsers oħra (ara l-punt 463 iktar ’il fuq).

509    Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriża oħra fl‑2013 (premessa 935(2) tad-deċiżjoni kkontestata) wkoll jidħlu fil-kuntest fejn, kif issostni l-Kummissjoni, l-OEMs u, sussegwentement, l-ONMs ma setgħux jisssettjaw browser kompetitur bħala l-għażla prestabbilita. Dawn id-dikjarazzjonijiet setgħu tabilħaqq jiġu invokati mill-Kummissjoni biex tqis, kif għamlet fil-premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “anki jekk jiġi installat browser kompetitur, dan ma setax jiġi ssettjat bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 462 iktar ’il fuq).

510    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula minn Huawei fl‑2015, bħala tweġiba preliminari minn wieħed mill-impjegati tagħha, li tgħid li “l-browser ta’ Huawei huwa preloaded fuq l-ismartphones kollha ta’ Huawei fis-suq taż-ŻEE bħala l-browser prestabbilit tas-sistema” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-kontenut tagħha jibqa’ ambigwu (ara l-punt 463 iktar ’il fuq). Kif issostni l-Kummissjoni, huwa tabilħaqq diffiċli li wieħed jifhem dak li l-awtur tat-tweġiba jqis bħala “browser prestabbilit tas-sistema”, fid-dawl ta’ dak li kien meħtieġ mid-DDK li abbażi tiegħu l-OEMs ma setgħux jissettjaw browser kompetitur bħala l-għażla prestabbilita. Għaldaqstant, il-browser ta’ Huawei ma setax, fil-prinċipju, jiġi ssettjat bħala l-browser prestabbilit jekk kien preinstallat minn qabel fuq apparat li fuqu l-Chrome ukoll kien preinstallat, tal-inqas fis-sens iddefinit mid-DDK. Għalhekk, kif issostni wkoll il-Kummissjoni, huwa probabbli li l-espressjoni “browser prestabbilit tas-sistema” tirreferi sempliċement għall-fatt li l-browser ta’ Huawei kien “preloaded”, jiġifieri preinstallat fuq l-apparati tal-Google Android.

511    Bl-istess mod, ma huwiex possibbli li jingħata valur deċiżiv lill-kontenut tal-posta elettronika ta’ Opera, li ntbagħtet fuq inizjattiva proprja lill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Mejju 2017, u li tindika li “xi OEMs ta’ Android qablu li jippreinstallaw Opera u li jissettjaw Opera bħala l-browser prestabbilit fuq l-apparati tagħhom u li jagħmluh prominenti fuq l-iskrin ewlieni b’mod awtomatiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, din il-posta elettronika effettivament tikkontradixxi dak li Opera kienet esponiet qabel fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2015, fejn indikat li “d-disponibbiltà tal-browser Chrome bħala l-browser prestabbilit, preinstallat u disponibbli fuq l-iskrin ewlieni fuq it-telefoni tal-Android [kien] jillimita l-kapaċità ta’ Opera li tikkompeti għall-pożizzjoni prestabbilita fuq kull apparat tal-Android” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 925(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

512    F’dan ir-rigward, sabiex tispjega l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni tagħha, Opera tindika fin-nota ta’ intervent tagħha li, għalkemm fl‑2015 il-fehim tagħha kien li “l-FDAM kienu jeżiġu lill-OEMs mhux biss li jippreinstallaw il-Chrome, iżda wkoll li jissettjawh bħala l-browser awtomatiku u li jkun previst it-tqegħid tiegħu fuq l-ewwel veduta tal-iskrin ewlieni tal-apparati li jaħdmu bl-Android”, fl‑2017, hija kienet saret taf li “l-interpretazzjoni tagħha ma kinitx tikkorripsondi manifestament għall-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM[;] il-FDAM [kienu] jeżiġu biss il-preinstallazzjoni ta’ Chrome f’folder” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Tali spjegazzjoni tista’ effettivament tiġi ppreżentata, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM ma jeżiġux l-isettjar ta’ browser bħala prestabbilit għad-detriment ta’ ieħor fil-każ ta’ preinstallazzjoni konġunta (ara l-punt 491 iktar ’il fuq).

513    Madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-issettjar tal-browser kompetitur bħala l-għażla prestabbilita fil-każ ta’ preinstallazzjoni konġunta mal-Chrome ma kienx possibbli minħabba l-effetti kkombinati tal-FDAM u tad-DDK. L-issettjar ta’ browser kompetitur preinstallat bħala l-għażla prestabbilita kien possibbli biss bl-intervent tal-utent fi stadju ulterjuri. Barra minn hekk, fin-nota ta’ intervent tagħha, Opera ma tinvokax iktar il-preinstallazzjoni tal-browser tagħha bl-issettjar “bħala l-browser prestabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u t-tqegħid tiegħu fuq l-iskrin ewlieni, iżda biss il-preinstallazzjoni u t-tqegħid tal-browser tagħha fuq l-iskrin ewlieni.

514    Fir-rigward tar-raba’ kritika, ma tistax tintlaqa’ l-affermazzjoni ta’ Google li l-evalwazzjoni kkontestata timplika li l-applikazzjonijiet tas-servizzi ta’ tiftix kompetituri kienu inqas attraenti għall-utenti jew li dawn kienu ġejjin minn kompetituri inqas effettivi. Fil-fatt, kif diġà ġie espost iktar ’il fuq (ara l-punt 294 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni kkontestata tesponi r-raġunijiet għalfejn tali preżunzjoni ma tistax issir f’dan il-każ fid-dawl tal-interess tad-diversi soluzzjonijiet tekniċi proposti mill-kompetituri ta’ Google għall-utenti jew għall-innovazzjoni.

515    Bħala konklużjoni, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx lok li titpoġġa indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-OEMs setgħu jiksbu biss dħul limitat mill-preinstallazzjoni ta’ servizz wieħed jew iktar ġenerali ta’ tiftix kompetitur b’mod parallel mal-applikazzjoni Google Search.

–       Fuq lispejjeż ta’ tranżazzjoni

516    Fit-tieni lok, Google tikkritika l-affermazzjoni li tgħid li l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni jiskoraġġixxu lill-OEMs milli jinnegozjaw ftehimiet ta’ preinstallazzjoni ma’ servizzi ġenerali ta’ tiftix oħra, għaliex “dawn l-ispejjeż probabbilment ma jkunux iġġustifikati għal volum żgħir ta’ apparati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 826 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-ebda prova ma tippermetti li jiġu ġġustifikati jew ikkwantifikati dawn l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni jew li tiġi stabbilita r-raġuni għalfejn dawn l-ispejjeż ikunu jkopru biss volum żgħir ta’ apparati. L-uniku element iċċitat f’dan ir-rigward, jiġifieri posta elettronika interna ta’ Google tal‑2012 dwar diskussjonijiet ma’ OEM f’dak li jirrigwarda t-tqassim tad-dħul iġġenerat mill-Play Store fuq it-televiżjonijiet u l-apparati portabbli (ara l-premessa 1222(2) tad-deċiżjoni kkontestata), hija insuffiċjenti.

517    F’għajnejn il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tislet “l-ebda konklużjoni ġenerali li l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni [kienu] jimpedixxu l-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda tikkonstata sempliċement li, minħabba l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni, huwa improbabbli li l-OEMs jikkonkludu numru kbir ta’ ftehimiet fuq volumi żgħar, kemm fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni kif ukoll ta’ ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul. Barra minn hekk, il-posta elettronika interna ta’ Google tal‑2012 turi li din tal-aħħar tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali spejjeż ta’ tranżazzjoni f’dak li jikkonċernaha.

518    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-partijiet prinċipali jaqblu li jirrikonoxxu li l-affermazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-ftehimiet ta’ preinstallazzjoni. Il-kwistjoni hija pjuttost dwar jekk dawn l-ispejjeż irendux improbabbli l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni għal volum żgħir ta’ apparati.

519    L-uniku element invokat dwar dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-posta elettronika interna ta’ Google tal‑2012 invokata fil-premessa 826 u ċċitata fil-premessa 1222(2), ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ ostakolu għan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni.

520    Fil-fatt, dan huwa dokument uniku, relattivament qadim f’dak li jirrigwarda l-perijodu tal-ksur u ma huwiex direttament rilevanti, peress li jirrigwarda negozjati li kienu għaddejjin bejn Google u OEM fuq it-tqassim tad-dħul iġġenerat mill-Play Store fuq it-televiżjonijiet u l-apparati portabbli. L-indikazzjonijiet li skonthom dan il-ftehim kien jirrigwarda volum ikklassifikat bħala “mhux sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fid-dawl tar-riżorsi impenjati u tal-pagamenti li kellhom isiru minn Google jibqgħu kemm ġeneriċi, fis-sens li ma humiex ikkwantifikati, kif ukoll marbuta wisq mas-sitwazzjoni partikolari ta’ Google sabiex ikun jistgħu jiġu ġġeneralizzati għas-sitwazzjoni tal-kompetituri tagħha.

521    Għalhekk, kif issostni Google, mill-fajl ma jirriżultax li l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu jostakolaw in-negozjar ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni bejn l-OEMs u l-fornituri ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search. Madankollu, anki jekk dawn l-ispejjeż ma jostakolawx in-negozjar ta’ tali ftehimiet, xorta jibqgħu fattur ekonomiku li l-OEMs jieħdu inkunsiderazzjoni meta jevalwaw l-interess tagħhom.

522    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi differenti u l-evalwazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni.

–       Fuq lesperjenza talutent

523    Fit-tielet lok, Google tikkritika l-affermazzjoni li tgħid li “d-dupplikazzjoni ta’ numru kbir wisq ta’ applikazzjonijiet jista’ jkollha effett negattiv fuq l-esperjenza tal-utent” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għaliex, pereżempju, l-utenti “repetutament ser jintalbu jagħżlu l-applikazzjoni li għandha tintuża jew li jridu jissettjaw bħala l-applikazzjoni prestabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 827 u 828 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li l-għażla ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix jew ta’ browser taffettwa b’mod negattiv l-esperjenza tal-utent, tant li l-OEMs ma jkunux iridu jippreinstallaw servizzi kompetituri. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tistabbilixxi li l-utenti “repetutament ser jintalbu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jagħżlu liema applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix jew liema browser huma jixtiequ jużaw jew jissettjaw bħala l-għażla prestabbilita. Barra minn hekk, il-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix u ta’ browser kompetituri ma twassalx għal dupplikazzjoni ta’ “wisq applikazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda sempliċement għal dupplikazzjoni ta’ Google Search u Chrome. Dan ma huwiex każ ta’ “bloatware”, peress li dan it-terminu jkopri l-applikazzjonijiet li ma għandhomx skop jew li ma tantx huma utli.

524    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-FDAM, l-OEMs għandhom jippreinstallaw sett ta’ bejn 12 u 30 applikazzjoni ta’ Google u mhux biss l-applikazzjoni Google Search u l-Chrome. F’dan il-kuntest, id-duplikazzjoni ta’ numru kbir wisq ta’ applikazzjonijiet ta’ Google għandha effett negattiv fuq l-esperjenza tal-utent. Din l-osservazzjoni tapplika għall-applikazzjonijiet differenti inklużi fis-sett tal-GMS u mhux speċifikament għall-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u l-browsers li jikkompetu mal-applikazzjoni Google Search jew ma’ Chrome.

525    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-partijiet prinċipali jaqblu li jirrikonoxxu li l-kritika dwar id-duplikazzjoni tal-applikazzjonijiet ma tirrigwardax strettament l-applikazzjonijiet Google Search u Chrome jew l-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u l-browsers kompetituri, iżda pjuttost applikazzjonijiet oħra, inklużi fis-sett tal-GMS.

526    L-elementi msemmija f’dan ir-rigward fil-punti 827 u 828 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri posta elettronika interna ta’ Google tal‑10 ta’ Jannar 2012, posta elettronika interna ta’ Google tas‑17 ta’ Jannar 2014 dwar l-istat tad-diskussjonijiet bejn Google u OEM, u posta elettronika ta’ Google lil dan l-OEM tat‑18 ta’ April 2014, jikkonfermaw li dan huwa l-każ.

527    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-inkonvenjent li jista’ jirrappreżenta għal utent il-fatt li jintalab repetutament jagħżel liema applikazzjoni ta’ tiftix ġenerali jew liema browser jixtieq juża jew jissettja bħala l-għażla prestabbilita, għandu jiġi rrilevat li Google ssostni mingħajr ma tiġi kkontestata fuq dan il-punt li tali talba sseħħ biss meta applikazzjoni tkun tixtieq tibda tiftixa ġenerali jew azzjoni fuq il-browser u meta l-applikazzjoni ma tkunx speċifikat is-servizz ġenerali ta’ tiftix jew il-browser li għandu jintuża u, meta dan iseħħ, l-utenti ġeneralment ikunu jistgħu jagħżlu “dejjem” [traduzzjoni mhux uffiċjali] biex jużaw l-applikazzjoni ppreferuta tagħhom, f’liema każ ma jerġgħux jintalbu jagħżlu. Google tosserva wkoll, mingħajr ma tiġi kontradetta, li fi kwalunkwe każ, l-utenti setgħu faċilment jiddiżattivaw l-applikazzjonijiet Google Search u Chrome b’tali mod li dawn isiru inviżibbli u jieqfu milli jiffunzjonaw.

528    Għalhekk, kif issostni Google, mill-fajl ma jirriżultax li l-installazzjoni ta’ żewġ applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u browsers jew iktar taffettwa b’mod negattiv l-esperjenza tal-utenti.

–       Fuq lispazju ta’ ħażna

529    Fir-raba’ lok, Google tikkritika l-affermazzjoni li tgħid li “d-duplikazzjoni ta’ numru kbir wisq ta’ applikazzjonijiet obbligatorji ta’ Google [kien] jista’ jikkawża problemi ta’ spazju fuq xi apparati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 829 u 933 tad-deċiżjoni kkontestata), sa fejn il-preinstallazzjoni ta’ bosta applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali u browsers ċertament ma tistax twassal biex jimtela’ l-ispazju ta’ ħażna ta’ apparat portabbli modern. Fil-fatt, il-kapaċità tal-memorja tal-apparati portabbli żdiedet b’mod esponenzjali. Pereżempju, is-Samsung Galaxy S9 kien jiġi b’64 GB ta’ spazju inkorporat, l-S9+ b’sa 256 GB ta’ spazju u l-HTC Desire kellu memorja flash interna ta’ 512 MB, filwaqt li d-daqs ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix kompetitriċi bħal Bing kien ta’ 2.9 MB fl‑2012 u 14 MB fl‑2016. Barra minn hekk, skont id-data pprovduta mill-International Data Corporation (IDC), fl‑2012 il-maġġoranza tal-ismartphones ikkumerċjalizzati li jaħdmu bl-Android kellhom spazju ta’ 4 GB jew iktar u, sal-ewwel semestru tal‑2017, 74 % tal-apparati kellhom spazju ta’ 16 GB jew iktar. Id-dikjarazzjonijiet iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata ma jegħlbux il-provi oġġettivi dwar l-ispazju disponibbli.

530    F’għajnejn il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonstatax li l-problemi marbuta mal-ispazju ta’ ħażna tal-apparati jiskoraġġixxu b’mod ġenerali lill-OEMs milli jippreinstallaw applikazzjoni kompetitriċi flimkien mal-applikazzjoni Google Search jew mal-browser Chrome. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata biss li l-OEMs kellhom joqogħdu attenti għall-konsegwenzi, għall-esperjenza tal-utent, u għad-duplikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ Google preinstallata partikolari, fid-dawl tal-fatt li, skont il-FDAM, dawn kellhom jippreinstallaw sett ta’ bejn 12 u 30 applikazzjoni ta’ Google u li d-duplikazzjoni ta’ numru kbir wisq ta’ dawn l-applikazzjonijiet ta’ Google setgħet toħloq problemi ta’ spazju fuq ċerti apparati (premessi 827 sa 829 u 926 tad-deċiżjoni kkontestata).

531    Bħal fil-każ tal-oġġezzjoni preċedenti, fuq l-esperjenza tal-utent, il-partijiet prinċipali jaqblu li jirrikonoxxu li l-kritika dwar id-duplikazzjoni tal-applikazzjonijiet ma tirrigwardax strettament l-applikazzjonijiet Google Search u Chrome jew l-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u l-browsers kompetituri, iżda pjuttost applikazzjonijiet oħra, inklużi fis-sett tal-GMS.

532    Fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix u fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi dwar il-memorja tal-apparati portabbli intelliġenti kif ukoll tal-illustrazzjonijiet ipprovduti minn Google, id-duplikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ applikazzjonijiet ma tidhirx li tista’ toħloq problema reali. Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li d-dikjarazzjoni ta’ Hutchison 3G invokata f’dan ir-rigward fil-premessa 829 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna d-duplikazzjoni tal-applikazzjonijiet b’mod ġenerali u mhux dik tad-duplikazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix. Għalhekk, kif issostni Google, mill-fajl ma jirriżultax li l-installazzjoni ta’ żewġ applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix jew iktar toħloq problemi ta’ spazju.

533    F’dak li jirrigwarda l-browsers, għandu madankollu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ OEMs iċċitati fil-premessa 934 tad-deċiżjoni kkontestata jagħmlu riferiment, l-ewwel waħda għal talbiet ta’ ONM f’Awwissu 2012, u l-oħra għad-deċiżjoni li ma jibqax jippreinstalla l-browser tiegħu mill‑2012 minħabba l-preinstallazzjoni obbligatorja tal-Chrome skont il-FDAM. Għaldaqstant, wieħed jista’ jippreżupponi li tali dikjarazzjonijiet saru f’mument meta l-ispazju disponibbli fl-apparati portabbli intelliġenti kien għadu relattivament limitat, li ma għadux iktar il-każ, kif turi Google billi tipprovdi eżempji ta’ apparati moderni.

534    Konsegwentement, għalkemm ma ntweriex li l-preinstallazzjoni ta’ diversi applikazzjonijiet ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix toħloq problema ta’ spazju ta’ ħażna, madankollu jirriżulta li ċerti OEMs, minħabba l-installazzjoni ta’ Chrome, waqfu jinstallaw browsers kompetituri, tal-inqas għall-ewwel snin tal-ksur. Mill-fajl jirriżulta wkoll li, għall-inqas mill‑2016, wieħed mill-OEMs iċċitati fil-premessa 934 tad-deċiżjoni kkontestata seta’ jinstalla l-browser tiegħu flimkien ma’ Chrome fuq l-apparati tiegħu tal-Google Android. Ir-restrizzjoni eżerċitata mill-ispazju ta’ ħażna għalhekk tidher li sparixxiet malajr.

535    Madankollu, bħala estensjoni għal din l-analiżi, u għalhekk fid-dawl taż-żieda kostanti fil-kapaċità tal-memorja tal-apparati portabbli, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-applikazzjonijiet Google Search u Chrome kienu sett, li għaldaqstant iżid l-ispazju meħud.

536    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi differenti u l-evalwazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-ispazju ta’ ħażna.

–       Konklużjoni

537    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, minkejja l-fatt li ċerti lmenti mressqa mir-rikorrenti kontra ċerti elementi tar-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu li titnaqqas jew tiġi kkwalifikata l-portata tagħha, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tqis li, anki kieku l-fornituri ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search tħallew liberi li jipprovdu lill-OEMs u lill-ONM l-istess preinstallazzjoni bħal dik mogħtija għall-applikazzjoni Google Search u għall-Chrome fuq l-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE, dan ma sarx għall-biċċa l-kbira tal-perijodu tal-ksur u, tal-inqas parzjalment, l-ispjegazzjoni għal dan in-nuqqas ta’ preinstallazzjoni tinsab fl-effetti kkombinati tal-FDAM, tal-FTD kif ukoll tal-FAF.

538    Fuq dan il-punt, id-differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ Seznam, li ma rnexxilhiex, minkejja l-isforzi tagħha, tikseb ftehimiet ta’ preinstallazzjoni fuq apparati tal-Google Android, u dik ta’ Opera, li rnexxielha tikseb ftehimiet ta’ preinstallazzjoni fuq dawn l-apparati, hija notevoli, sa fejn din id-differenza hija spjegata mill-fatt li tal-ewwel kienet qiegħda tfittex li tikkompeti mas-servizz ġenerali ta’ tiftix Google Search filwaqt li tal-aħħar xtaqet tuża dak is-servizz billi tagħmlu l-għażla prestabbilita fil-browser tagħha.

c)      Mezzi oħra minbarra lpreinstallazzjoni li jippermettu li jintlaħqu lutenti

1)      Largumenti talpartijiet

539    Google ssostni li l-kompetituri mhux biss huma liberi li jiżguraw li l-OEMs jippreinstallaw is-servizzi ġenerali ta’ tiftix tagħhom, jissettjawhom bħala l-għażla prestabbilita u jqegħduhom f’pożizzjoni ugwali jew superjuri meta mqabbla mal-applikazzjonijiet preinstallati ta’ Google, iżda li huma għandhom ukoll aċċess liberu għall-utenti permezz tat-tniżżil u permezz tal-browser fil-każ ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix. Dan ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni jistgħu jeskludu lill-utenti. L-aġir tal-utenti juri li huma jniżżlu, b’mod sostnut, applikazzjonijiet, inklużi dawk kompetituri li għalihom ikun hemm alternattiva preinstallata fuq l-apparat. Din l-imġiba ta’ tniżżil tikkontradixxi l-affermazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-preinstallazzjoni toħloq “vantaġġ tal-istatus quo” li jimpedixxi lill-utenti milli jfittxu servizzi kompetituri.

540    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tniżżil mill-utenti tal-applikazzjonijiet, Google tosserva li t-tniżżil huwa mezz effiċjenti biex jintlaħqu l-utenti, inkluż meta jkunu preinstallati applikazzjonijiet kompetituri. Il-provi dwar l-applikazzjonijiet Google Search, Seznam, Naver u Yandex jikkonfermaw li s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri jitniżżlu jekk ikunu attraenti. Il-browsers ukoll għandhom rati ta’ tniżżil sinjifikattivi. B’paragun, l-elementi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjenti biex jiġi affermat li t-tniżżil huwa ineffiċjenti. B’hekk, it-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni ċċitati ma jirriflettux il-kontenut ġenerali tat-tweġibiet irċevuti.

541    Konsegwentement, la r-retiċenza ġenerali tal-utenti li jniżżlu applikazzjonijiet li għalihom servizz kompetitur ikun preinstallat, u lanqas l-ineffikaċja tat-tniżżil ma jistgħu jispjegaw ir-rati baxxi ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix kompetituri kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 808 sa 810). Fid-dawl tar-rati ta’ tniżżil għoljin ta’ tipi oħra ta’ applikazzjonijiet kompetituri, ikun iktar plawżibbli li dawn ir-rati baxxi ta’ tniżżil ikunu r-riżultat ta’ fatturi mhux marbuta mal-FDAM, bħall-preferenza tal-utenti għal Google Search, il-kwalità u l-prestazzjoni tagħha, jew il-fatt li l-utenti jwettqu t-tiftix tagħhom permezz tal-browser.

542    Fit-tieni lok, Google tirrileva li l-utenti jistgħu jaċċessaw faċilment u malajr is-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri permezz tal-browser, mingħajr ma jniżżlu applikazzjonijiet. Ċerti browsers, bħal Chrome, diġà joffru servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri billi jipprovdu lill-utenti listi fil-forma ta’ menus li jinżlu b’servizzi ġenerali ta’ tiftix differenti biex dawn ikunu jistgħu jagħżlu l-għażla prestabbilita. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-parti l-kbira tat-talbiet ta’ Google Search jiġu mill-browser, u mhux mill-applikazzjoni Google Search (premessa 1234(3)(b)). Is-sehem sinjifikattiv ta’ Chrome f’termini tal-użu tal-browsers u l-issettjar minn dan tal-aħħar ta’ Google Search bħala s-servizz ta’ tiftix prestabbilit (premessi 818 u 821 tad-deċiżjoni kkontestata) ma humiex rilevanti. Dak li jgħodd huwa li l-utenti jistgħu jaċċessaw, u fil-fatt jaċċessaw, servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri permezz ta’ Chrome, kif jistgħu jagħmlu b’kull browser mobbli. Għalhekk l-utenti għandhom aċċess mingħajr xkiel għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri permezz tal-browser u parti kbira mit-tiftix issir b’dan il-mod.

543    Barra minn hekk, skont dan l-argument, Google tikkritika d-deċiżjoni kkontestata talli tfixkel il-kunċetti ta’ “vantaġġ kompetittiv” u ta’ “esklużjoni antikompetittiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tieni waħda hija dedotta mill-ewwel waħda. Issa, sabiex l-aġir jitqies abbużiv, il-Kummissjoni għandha turi li l-effett ta’ esklużjoni jagħmel “iktar diffiċli, jew impossibbli, l-aċċess għas-suq tal-kompetituri tal-kumpannija f’pożizzjoni dominanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Żvantaġġ kompetittiv ma jkunx ekwivalenti għal prattika ta’ esklużjoni antikompetittiva. F’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM jagħtu lil Google “vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li ma huwiex il-każ hawnhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li l-kompetituri ma kinux f’pożizzjoni li jikkompetu ma’ dan il-vantaġġ jew li dawn il-kundizzjonijiet għamlu “d-dħul [tagħhom] fis-suq diffiċli ħafna, jew impossibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-deċiżjoni kkontestata la tipprova tikklassifika l-vantaġġ kompetittiv allegat u lanqas teżamina r-rata ta’ kopertura tal-aġir, minkejja li l-maġġoranza l-kbira tat-talbiet ta’ tiftix ġenerali fiż-ŻEE – bejn [80-90] % u [70-80] %, bejn l‑2013 u l‑2015 – ma seħħewx fuq apparati tal-Google Android (premessa 796). Il-FDAM huwa limitat għall-apparati tal-GMS, li jirrappreżentaw biss parti mill-apparati li minnhom l-utenti jaċċessaw il-browsers u s-servizzi ġenerali ta’ tiftix; dawn jużaw b’mod partikolari l-apparati portabbli ta’ Apple jew il-kompjuters tal-Windows. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-browsers u ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri huma liberi li jinnegozjaw ftehimiet ta’ preinstallazzjoni għall-apparati tal-GMS u li jiksbu promozzjoni identika jew superjuri għas-servizzi tagħhom fuq dawn l-apparati. Il-faċilità tal-aċċess għall-kompetituri permezz tat-tniżżil u l-browser tfisser li huma jkollhom possibbiltajiet addizzjonali sabiex jilħqu l-utenti fuq dawn l-apparati. Għalhekk ma hemm l-ebda bażi biex tiġi allegata esklużjoni.

544    Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda mill-affermazzjonijiet ta’ Google ma jpoġġu indiskussjoni l-konklużjoni li tgħid li l-kompetituri ma jistgħux jikkompetu mal-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li Google tiżgura permezz tal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Google Chrome fuq prattikament l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Fil-fatt, it-tniżżil ta’ applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u browsers kompetituri jew l-issettjar ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur bħala l-għażla prestabbilita fil-browsers fuq l-apparati tal-Google Android ma huwiex paragunabbli, f’termini tal-firxa u ta’ effettivita (ara l-premessi 805 sa 812 u 917 sa 931 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, sabiex tistabbilixxi li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv mogħti mill-preinstallazzjoni, iżda wkoll il-fatt li dan il-vantaġġ ma jistgħux jikkompetu miegħu l-kompetituri (ara l-premessa 896(1) tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, minkejja li ma huwiex meħtieġ li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li jirriżulta mill-irbit jew li tiġi eżaminata l-kopertura tas-suq tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod partikolari li, bejn l‑2013 u l‑2015, l-apparati tal-Google Android kienu jirrappreżentaw bejn [10 sa 20] % u [20 sa 30] % tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix fuq Google Search fiż-ŻEE u, fl‑2016, [20 sa 30] % ta’ dawn it-talbiet (ara l-premessa 796 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

545    Minbarra l-opportunitajiet tal-preinstallazzjoni disponibbli għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix jew il-browsers kompetituri, Google ssostni wkoll li l-kompetituri tagħha jistgħu jikkumpensaw għat-tendenza li s-sitwazzjoni tiġi ffriżata bħala riżultat tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM billi jqisu l-aġir tal-utenti, li jistgħu jniżżlu l-applikazzjonijiet tagħhom jew jaċċessaw is-servizz ġenerali ta’ tiftix tagħhom permezz tal-browser.

i)      Fuq ittniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri

546    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet prinċipali ma jikkontestawx li l-utenti jistgħu faċilment iniżżlu applikazzjonijiet ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix jew browsers li jikkompetu mal-applikazzjoni Google Search jew mal-Chrome.

547    Il-partijiet prinċipali ma jaqblux dwar jekk iseħħx fir-realtà dan it-tniżżil, li għandu effett dirett fuq il-possibbiltà li l-kompetituri ta’ Google jikkompetu mal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM.

548    L-iżviluppi fid-deċiżjoni kkontestata dwar din il-kwistjoni jikkonċernaw għalhekk il-karatterizzazzjoni tal-effetti konkreti u reali tal-aġir ikkontestat ta’ Google matul il-perijodu mill‑2011 jew l‑2012 sal‑2018.

549    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix, mid-data pprovduta minn Google u riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għadd ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet li jikkompetu mal-applikazzjoni Google Search baqa’ baxx meta mqabbel man-numru ta’ apparati li fuqhom l-applikazzjoni Google Search kienet preinstallata:

–        bejn l‑2011 u l‑2016, l-utenti niżżlu mill-Play Store applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix kompetituri fuq inqas minn 5 % tal-apparati tal-GMS mibjugħa madwar id-dinja, ċifra li taqa’ għal inqas minn 1 % għall-apparati tal-GMS mibjugħa fiż-ŻEE peress li l-biċċa l-kbira ta’ dan it-tniżżil sar fil-Korea t’Isfel (premessi 808 u 809 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        bejn l‑2011 u l‑2016, l-għadd annwali ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix kompetituri mill-Play Store f’kull pajjiż fiż-ŻEE kien minimu, ħlief fir-Repubblika Ċeka fil-każ ta’ Seznam (premessa 810 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, l-utenti niżżlu l-applikazzjoni tat-tiftix Seznam mill-Play Store fuq mhux iżjed minn 23 % tal-apparati tal-GMS għal sena partikolari mibjugħa f’dan l-Istat Membru.

550    Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-browsers, mid-data pprovduta minn Google riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għadd ta’ tniżżil ta’ browsers li jikkompetu ma’ Chrome baqa’ baxx meta mqabbel man-numru ta’ apparati li fuqhom il-Chrome kien preinstallat:

–        fl‑2016, l-ebda browser tal-internet mobbli kompetitur ma kiseb għadd ta’ tniżżil paragunabbli man-numru ta’ browsers tal-Google Chrome preinstallati (ara l-premessa 919 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fl‑2016, l-utenti niżżlu browsers tal-internet mobbli kompetituri fuq inqas minn 50 % tal-apparati tal-GMS mibjugħa madwar id-dinja u, bejn l‑2013 u l‑2016, l-utenti niżżlu browsers tal-internet mobbli kompetituri fuq madwar 30 % biss tal-apparati tal-GMS mibjugħa madwar id-dinja (ara l-premessa 920 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fl‑2016, l-utenti niżżlu l-browsers UC, Opera u Firefox fuq inqas minn 1 %, 1.5 % u 4 %, rispettivament, tal-apparati tal-GMS mibjugħa fiż-ŻEE, u, bejn l‑2013 u l‑2016, l-għadd totali ta’ tniżżil ta’ browsers tal-internet mobbli kompetituri mill-Play Store fuq l-apparati tal-GMS fiż-ŻEE kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-apparati tal-GMS li fuqhom il-Google Chrome kien preinstallat (ara l-premessa 921 u 922 tad-deċiżjoni kkontestata);

551    Għandu jiġi rrilevat f’dan il-kuntest li l-elementi invokati minn Google f’dak li jikkonċerna t-tniżżil tal-applikazzjonijiet Seznam, Naver u Yandex ma humiex suffiċjenti biex ipoġġu indiskussjoni l-konstatazzjonijiet preċedenti. Kif jirrikonoxxu l-partijiet prinċipali, dawn it-tliet eżempji huma spjegati mill-fatt li dawn huma servizzi ġenerali ta’ tiftix mibnija madwar algoritmu li jieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet lingwistiċi taċ-Ċek, tal-Korean u tar-Russu.

552    Il-Kummissjoni tispjega wkoll, b’mod konvinċenti, li l-kontraeżempju tat-tniżżil mill-internet tal-applikazzjoni Google Search fuq l-apparati tal-Windows Mobile li għalihom Bing hija l-għażla prestabbilita ma huwiex provattiv daqskemm tallega Google, peress li s-sena 2016 ma hijiex rappreżentattiva u d-data invokata ma tinkludix biss l-ismartphones iżda wkoll tipi oħra ta’ apparati (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 901 tad-deċiżjoni kkontestata). Iċ-ċifra allegata ta’ 95 % tat-tniżżil tal-applikazzjoni Google Search fir-realtà kienet biss ta’ 27 % fl‑2016. Tali ċifra tista’ titqabbel maċ-ċifra ta’ 23 % li tikkorrispondi għat-tniżżil tal-applikazzjoni Seznam fuq l-ismartphones tal-Google Android mibjugħa fir-Repubblika Ċeka li kollha kellhom l-applikazzjoni Google Search preinstallata.

553    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ġustament osservat għar-raġunijiet esposti fil-premessa 813 tad-deċiżjoni kkontestata li l-analoġiji ssuġġeriti minn Google fid-dawl tal-prattiki ta’ tniżżil osservati għal tipi oħra ta’ applikazzjonijiet, bħall-applikazzjonijiet tal-posta elettronika, ma humiex rilevanti għat-tiftix u għall-browsers.

554    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, l-elementi differenti esposti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi stabbilit li t-tniżżil ta’ applikazzjonijiet li jikkompetu ma’ Google Search u Chrome ma jikkumpensax għall-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni jibqgħu rilevanti. Dawn l-elementi jikkonfermaw li t-tniżżil ma jistax jitqabbel f’termini tal-preżenza u tal-effettività mal-preinstallazzjoni.

555    Dan jidher mill-istħarriġ ta’ Opera (premessi 812 u 923 tad-deċiżjoni kkontestata), li, filwaqt li jagħti biss indikazzjonijiet fuq l-użu tal-browsers preinstallati u li jikkonċerna biss is-sena 2013, jista’ xorta waħda jiġi invokat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex isostni li “ċerti utenti joqogħdu lura milli jniżżlu applikazzjonijiet u jippreferu jużaw il-browser tal-internet mobbli preinstallat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

556    Bl-istess mod, fir-rigward tad-diversi dikjarazzjonijiet magħmula fit-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni, jirriżulta effettivament li tweġibiet li ma humiex iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirreferu għall-possibbiltà teoretika li t-tniżżil jikkumpensa għall-preinstallazzjoni. Madankollu, dan ma jiċħadx ir-rilevanza tat-tweġibiet differenti esposti fid-deċiżjoni kkontestata li jippermettu li tiġi sostnuta l-idea li l-utenti għandhom it-tendenza li jippreferu l-applikazzjoni preinstallata fuq applikazzjoni li trid titniżżel.

557    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, f’dan il-każ ma hemmx lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza u mal-prassi deċiżjonali preċedenti. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkontestax li t-tniżżil jista’ fil-prinċipju jikkumpensa l-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni, li diġà kien ġie previst f’kawżi oħra eżaminati mill-Kummissjoni. Madankollu, f’dan il-każ, għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata u eżaminati iktar ’il fuq, jirriżulta li, anki jekk ikun faċli u mingħajr ħlas li titniżżel applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix jew browser, dan it-tniżżil ma jsirx fil-prattika jew fi kwalunkwe każ isir biss għal parti insuffiċjenti tal-apparati kkonċernati.

558    Konsegwentement, l-ilment ta’ Google dwar it-tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq laċċess għasservizzi ta’ tiftix kompetituri permezz talbrowser

559    L-argument ta’ Google ma jpoġġix indiskussjoni l-konklużjoni li l-kompetituri ma jistgħux jikkompetu, permezz ta’ ftehimiet mal-iżviluppaturi ta’ browsers tal-internet mobbli, mal-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li Google tiżgura permezz tal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search fuq prattikament l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE.

560    F’dan ir-rigward għandha titqabbel is-sitwazzjoni reali osservata mill-Kummissjoni u riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata mad-diversi soluzzjonijiet alternattivi allegati minn Google, iżda li ma jimmanifestawx ruħhom fir-realtà.

561    Fil-fatt, kif tesponi l-Kummissjoni, l-issettjar ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur bħala l-għażla prestabbilita fil-browsers tal-internet mobbli fuq l-apparati tal-Google Android ma jistax jitqabbel, f’termini tal-firxa u tal-effettività, mal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search (ara l-premessi 817 sa 822 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Google ma tippermettix li jiġi ssettjat bħala l-għażla prestabbilita servizz ta’ tiftix ieħor minbarra Google Search fuq il-Chrome u li l-Chrome kellha sehem mill-użu ta’ madwar 75 % tal-browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS fl-Ewropa u ta’ 58 % fil-livell globali.

562    Il-Kummissjoni tesponi wkoll, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt minn Google, diversi elementi, fosthom preżentazzjonijiet ta’ Microsoft u ta’ Yandex, li jippermettu li jiġi affermat li l-utenti fil-prattika ma jaċċessawx servizzi ġenerali ta’ tiftix oħra permezz tal-browsers u rari jibdlu l-għażliet prestabbiliti ta’ dawn il-browsers. Tali osservazzjonijiet huma rilevanti, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Google, u jippermettu li jiġi stabbilit li, minkejja l-possibbiltà offruta f’dan ir-rigward li tiġi ssettjata magna tat-tiftix ġenerali oħra bħala l-għażla prestabbilita, fil-prattika din tibqa’ dik prestabbilita oriġinarjament.

563    F’tali ċirkustanzi, l-ilment ta’ Google dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ tiftix kompetituri permezz tal-browser għandu jiġi miċħud.

iii) Fuq ilkonfużjoni bejn vantaġġ kompetittiv u esklużjoni antikompetittiva

564    Fir-rigward tal-konfużjoni allegata bejn vantaġġ kompetittiv u esklużjoni antikompetittiva, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li din tistabbilixxi, minn naħa, l-eżistenza ta’ vantaġġ marbut mal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, li ma setax jiġi kkumpensat mill-kompetituri, u, min-naħa l-oħra, l-effetti antikompetittivi ta’ dak il-vantaġġ.

565    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi kkwantifikat il-vantaġġ, għandu jiġi osservat fi kwalunkwe każ, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li bejn l‑2013 u l‑2015, l-apparati tal-Google Android kienu jirrappreżentaw bejn 11 u 24 % tat-talbiet kollha ta’ tiftix imwettqa fuq Google Search fiż-ŻEE. Fl‑2016, l-apparati tal-Google Android kienu jirrappreżentaw 29 % ta’ dawn it-talbiet ta’ tiftix (premessa 796 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, fl‑2016, il-FDAM kienu jkopru l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa barra miċ-Ċina, li jikkorrispondi għal 76 % tan-numru totali ta’ apparati portabbli intelliġenti mibjugħa fl-Ewropa u għal 56 % tan-numru totali ta’ apparati portabbli intelliġenti mibjugħa madwar id-dinja (inkluża ċ-Ċina) (premessi 783, 784 u 901 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jibqa’ dejjem possibbli li jitqies, kif tagħmel il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM kienu jagħtu lil Google vantaġġ kompetittiv importanti.

566    Għaldaqstant, l-ilment ta’ Google dwar il-konfużjoni bejn vantaġġ kompetittiv u esklużjoni antikompetittiva għandu jiġi miċħud.

iv)    Konklużjoni

567    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija fondata meta tqis li, anki jekk l-utenti jibqgħu liberi li jniżżlu applikazzjonijiet li jokkompetu mal-applikazzjoni Google Search u mal-Chrome jew li jibdlu l-għażliet prestabbiliti, jew anki jekk l-iżviluppaturi tal-browsers tal-internet mobbli setgħu joffru l-applikazzjonijiet tagħhom lill-OEMs, dan ma kienx suffiċjentement il-każ matul il-parti l-kbira tal-perijodu tal-ksur minħabba l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM.

d)      Nuqqas ta’ prova tarrabta bejn lishma millużu u lpreinstallazzjoni

1)      Largumenti talpartijiet

568    Google tosserva li, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-ishma tagħha mit-tiftix ġenerali u l-browsers “ma jidhrux li huma spjegabbli” mill-preferenza tal-utenti u huma “konformi ma’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] restrizzjoni tal-kompetizzjoni (premessi 835, 837, 947 u 954). Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-ishma ta’ Google kienu r-riżultat tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni kkontestati jew li huma inkompatibbli mal-kompetizzjoni fuq il-merti, fatt li huwa f’idejn il-Kummissjoni li tistabbilixxi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinjora numru ta’ provi li jgħidu li s-suċċess tas-servizz ġenerali ta’ tiftix u tal-browser ta’ Google jirrifletti l-kwalità tagħhom. L-invokazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-Play Store għall-applikazzjoni Google Search u l-kompetituri tagħha ma hijiex suffiċjenti biex dawn il-provi jiġu mwarrba.

569    Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda wieħed mill-argumenti ta’ Google ma jpoġġi indiskussjoni l-konklużjoni li l-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li jirriżulta mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Google Chrome prattikament fuq l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE u n-nuqqas ta’ kapaċità tal-kompetituri li jikkumpensaw dan il-vantaġġ huma konsistenti mal-evoluzzjoni tal-ishma mis-suq ta’ Google. Fil-fatt, is-suċċess tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Google Chrome ma jirriflettix biss l-allegati “kwalità u prestazzjoni superjuri tas-servizzi ta’ Google” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, il-fatt li l-evalwazzjonijiet mill-utenti fuq il-Play Store huma bbażati fuq kampjuni ta’ daqsijiet differenti ma huwiex determinanti. Dawn il-kampjuni huma suffiċjentement kbar sabiex ikunu rappreżentattivi.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

570    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-preinstallazzjoni u tal-effetti tagħha, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ kompetittiv għal Google minħabba l-preinstallazzjoni, li ma setax jiġi kkumpensat mill-kompetituri u kellu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-merti għad-detriment tal-konsumaturi, kienu kkonfermati mill-evoluzzjoni tal-ishma mill-użu attribwibbli għal Google fuq l-apparati portabbli intelliġenti (ara l-premessi 835 sa 851 u 947 sa 963 tad-deċiżjoni kkontestata).

571    F’dan il-kuntest, ir-riferimenti li jsiru mill-Kummissjoni għall-evoluzzjoni ta’ dawn l-ishma mill-użu ma jistgħux fihom infushom jiġu kkritikati. Fil-fatt, dawn jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi biex turi li, minn naħa, il-preinstallazzjoni tagħti vantaġġ lill-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u tal-browser ta’ Google li huma s-suġġett tagħha, u, min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ ma setax jiġi kkumpensat mill-kompetituri.

572    Fir-rigward tal-iżvilupp tas-sehem ta’ Google mill-mistoqsijiet ġenerali ta’ tiftix imwettqa skont it-tip ta’ apparat fl-Ewropa mill‑2009 sa Marzu 2017, il-Kummissjoni għalhekk tista’ tikkonstata li dan is-sehem dejjem varja bejn 95 u 98 % mill‑2011 sa Marzu 2017 f’dak li jirrigwarda l-apparati portabbli intelliġenti u li dan is-sehem dejjem kien ikbar minn dak osservat fuq l-istess perijodu fir-rigward tal-PCs (88 sa 95 %) jew tat-tablets (90 sa 98 % minn Lulju 2012 sa Marzu 2017) (premessa 836 tad-deċiżjoni kkontestata).

573    Fir-rigward tal-evoluzzjoni tas-sehem mill-użu ta’ Chrome meta mqabbel ma’ dak ta’ browsers mobbli oħra mhux speċifiċi għal OS fl-Ewropa minn Awwissu 2012 sa Marzu 2017, il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkonstata li s-sehem ta’ Chrome żdied minn 4.7 għal 74.9 % fuq dak il-perijodu. Min-naħa l-oħra, is-sehem ta’ browsers tal-Android oħra (“AOSP-based browsers” jew “Android browsers”) naqas minn 74.5 għal 8.2 % matul l-istess perijodu (ara l-premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata; għal preżentazzjoni tar-riżultati fil-livell globali, ara l-premessa 950 tad-deċiżjoni kkontestata; għal preżentazzjoni tar-riżultati tal-browsers tal-PCs, ara l-premessa 951 tad-deċiżjoni kkontestata; għal preżentazzjoni tar-riżultati tal-browsers speċifiċi għal OS fl-Ewropa, ara l-premessa 952 tad-deċiżjoni kkontestata).

574    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tinvoka dawn l-iżviluppi insostenn tat-teżi tagħha ta’ preġudizzju. Sa fejn din it-teżi tieħu bħala punt tat-tluq il-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni, li jfixkel il-kompetizzjoni li tippreżupponi Google, li skontha l-utent jista’ b’mod partikolari jirrimedja din it-tendenza billi jniżżel applikazzjoni kompetitriċi – li huwa preċiżament dak li l-utent ma jagħmilx – il-Kummissjoni ġustament tirreferi għall-ishma mill-użu.

575    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fattur tal-kwalità u tal-effetti allegati tiegħu, għandu jitqies li, f’każ bħal dan, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tiddetermina preċiżament jekk dawn l-ishma mill-użu jistgħux jiġu spjegati biss mill-preinstallazzjoni – kif tqis hija – jew ukoll, jew pjuttost, mis-superjorità kwalitattiva allegata minn Google. Fil-fatt, f’għajnejn Google, in-nuqqas ta’ sfida għall-ishma mill-użu tal-applikazzjoni Google Search jew iż-żieda progressiva fl-ishma mill-użu ta’ Chrome huma spjegati iktar mis-superjorità kwalitattiva tal-prodotti tagħha milli mill-preinstallazzjoni. F’dan il-każ, madankollu, il-preinstallazzjoni ma hijiex ikkontestata, fis-sens li l-apparati kollha tal-Google Android kellhom l-applikazzjoni Google Search u ta’ Chrome, filwaqt li l-effett tal-kwalità fuq in-nuqqas ta’ preinstallazzjoni jew ta’ tniżżil ta’ applikazzjoni kompetitriċi huwa sempliċement affermat minn Google mingħajr ma jkunu la suffiċjenti u lanqas partikolarment rilevanti l-provi ppreżentati f’dan ir-rigward.

576    F’dan ir-rigward, Google tinvoka d-dikjarazzjoni ta’ wieħed mid-diretturi tagħha, li jikkummenta dwar is-superjorità kwalitattiva tal-applikazzjoni Google Search meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Dan id-dokument effettivament jagħmel riferiment għal diversi elementi, fosthom stħarriġ imwettaq fost il-konsumaturi fl‑2016 li juri li Google Search kienet il-magna tat-tiftix ġenerali ppreferuta mill-konsumaturi fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fi Franza, u diversi artikli li jindikaw li Google Search kellha funzjonalitajiet aħjar jew iktar moderni minn Bing jew li Bing ma kinitx preċiża daqskemm tirreklama. Id-dikjarazzjoni tal-eżekuttiv ta’ Google u d-diversi elementi annessi magħha madankollu ma humiex suffiċjenti bħala tali biex jistabbilixxu li s-sehem mill-użu ta’ Google Search u ta’ Chrome huwa spjegat pjuttost mill-fatt li Google għandha servizz ta’ kwalità superjuri milli mill-fatt li dawn l-applikazzjonijiet huma preinstallati.

577    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li Google Search u Chrome jibbenefikaw minn superjorità kwalitattiva meta mqabbla mas-servizzi offruti mill-kompetituri, dan ma jkunx determinanti peress li bl-ebda mod ma huwa allegat li s-servizzi differenti offruti mill-kompetituri ma humiex teknikament f’pożizzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi.

578    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fajl, il-bżonnijiet tal-konsumaturi ma humiex neċessarjament issodisfatti mill-aħjar soluzzjoni f’termini kwalitattivi, jekk jitqies li Google tista’ tallega li s-servizzi tagħha jirrappreżentaw tali soluzzjoni, peress li hemm varjabbli oħra minbarra l-kwalità teknika, bħall-ħarsien tal-protezzjoni jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet lingwistiċi tal-mistoqsijiet tat-tiftix imwettqa, ukoll għandhom parti.

579    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tikkonfuta l-argument ta’ Google li jgħid li hija l-kwalità tal-prodotti tagħha f’għajnejn il-konsumaturi pjuttost milli l-preinstallazzjoni li tispjega s-sinjifikat u l-evoluzzjoni tal-ishma mill-użu tagħha, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li tali vantaġġ kwalitattiv ma kienx jidher li jirriżulta mill-klassifikazzjonijiet mogħtija lis-servizzi kompetituri fuq il-Play Store.

580    Għall-ewwel sett, il-klassifikazzjonijiet medji fuq il-Play Store kienu ta’ 4.4 għall-applikazzjoni Google Search b’5.8 miljun evalwazzjoni, 4.3 għall-applikazzjoni Bing bi 73 000 evalwazzjoni, 4.2 għall-applikazzjoni Yahoo bi 28 000 evalwazzjoni, 4.3 għall-applikazzjoni Seznam b’39 000 evalwazzjoni u 4.4 għall-applikazzjoni Yandex b’219 000 evalwazzjoni (premessa 837 tad-deċiżjoni kkontestata).

581    Għat-tieni sett, il-klassifikazzjonijiet medji fuq il-Play Store kienu ta’ 4.3 għal Chrome b’7.4 miljun evalwazzjoni, 4.3 għal Opera bi 2.2 miljun evalwazzjoni, 4.4 għal Firefox bi 2.8 miljun evalwazzjoni, 4.5 għal UC Browser bi 13.9 miljun evalwazzjoni u 4.4 għal UC Browser Mini bi 2.8 miljun evalwazzjoni (premessa 954 tad-deċiżjoni kkontestata).

582    Ċertament, kif tirrileva Google, il-klassifikazzjonijiet ma humiex rappreżentattivi bl-istess mod u mhux neċessarjament huma kriterju ta’ evalwazzjoni rappreżentattiv. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, minn dawn il-klassifikazzjonijiet jirriżulta li l-evalwazzjoni kwalitattiva tad-diversi servizzi kompetituri hija simili. Għaldaqstant, dan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jitqies li l-kwalità rispettiva tad-diversi servizzi ta’ tiftix u browsers f’kompetizzjoni ma’ xulxin ma hijiex kriterju determinanti fl-użu tagħhom, peress li dawn kollha joffru servizz li jista’ jissodisfa d-domanda.

583    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tat-tendenza li tiffriża s-sitwazzjoni marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM u fin-nuqqas ta’ prova tal-effett preċiż tas-superjorità kwalitattiva allegata minn Google fir-rigward tal-applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix u l-browser tagħha, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-ishma mill-użu ta’ Google jikkorroboraw il-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni.

584    Dan l-ilment għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

e)      Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni talkuntest ekonomiku u ġuridiku

1)      Largumenti talpartijiet

585    Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM setgħux jippreġudikaw il-kompetizzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas tagħhom, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku. Analiżi sħiħa ta’ dan il-kuntest tistabbilixxi li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux probabbli li jeskludu l-kompetizzjoni, u lanqas ma setgħu jagħmlu dan, peress li ħolqu opportunitajiet ġodda għall-kompetituri, pjuttost milli ċaħħduhom minnhom. Il-portata sa fejn Google jew il-kompetituri tagħha bbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet jiddependi mill-kwalitajiet rispettivi tas-servizzi tagħhom u l-attrattività tagħhom fost l-utenti. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM jifformaw parti mill-mudell ta’ liċenzja mingħajr ħlas żviluppat għall-pjattaforma tal-Android u għalhekk ma jistgħux jiġu eżaminati separatament. Barra minn hekk, kulħadd jista’ jikseb u juża mingħajr ħlas l-OS Android.

586    Il-Kummissjoni ssostni li hija Google, u mhux id-deċiżjoni kkontestata, li qiegħda tonqos milli tevalwa l-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-irbit tal-applikazzjoni Google Search mal-Play Store u tal-irbit ta’ Google Chrome mal-Play Store u mal-applikazzjoni Google Search. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tqis in-natura tal-interazzjonijiet bejn il-partijiet differenti tal-pjattaforma Android (premessi 874 u 875, 990 u 991 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, għandhom jitqiesu l-aspetti li ġejjin li fihom iseħħ l-irbit:

–        fiż-ŻEE, il-preinstallazzjoni ta’ Google Chrome tkopri prattikament l-apparati kollha tal-Google Android (premessa 901 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fuq l-apparati tal-GMS, Google ma tippermetti l-preinstallazzjoni esklużiva ta’ ebda applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix oħra għajr Google Search. L-applikazzjoni Google Search hija l-punt tad-dħul uniku l-iktar importanti għat-tiftix ġenerali fuq l-apparati tal-Google Android, u kien jirrappreżenta [40 sa 50] % tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix kollha fuq l-apparati tal-Google Android fl‑2016 (premessa 799(1) u premessa 974 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Google ma tippermettix l-issettjar fuq Google Chrome ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit ieħor għajr Google Search (premessi 818 u 973 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni punt ta’ dħul l-iktar importanti għat-tiftix ġenerali fuq l-apparati tal-Google Android, bi [30 sa 40] % tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix kollha fuq l-apparati tal-Google Android magħmula permezz ta’ Google Chrome fl‑2016 (premessi 818, 973 u 974 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        bejn l‑2011 u l‑2016, Google kkonkludiet ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul ma’ OEMs u ma’ ONM. Skont dawn il-ftehimiet, li jkopru bejn [50 sa 60] % u [80 sa 90] % tal-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE, l-OEMs u l-ONM kienu obbligati li jippreinstallaw l-applikazzjoni Google Search u li jissettjaw Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit għall-browsers tal-internet mobbli preinstallati (ara l-premessi 822 u 833 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        skont il-FAF, l-OEMs li xtaqu jbigħu anki apparat wieħed bil-Play Store u bl-applikazzjoni Google Search preinstallati ma setgħux ibigħu l-ebda apparat ieħor li jaħdem b’fork tal-Android;

–        skont ftehim ta’ tqassim tad-dħul mill‑2007, Apple tissettja Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit fuq il-browser Safari fuq l-apparati li jaħdmu bl-iOS (ara l-premessi 119 u 154, il-premessa 515(1), il-premessa 796(2)(a), il-premessa 799(2) u l-premessi 840 u 1293 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        skont il-ftehimiet dwar it-tqassim tad-dħul, il-browsers tal-internet prinċipali kollha għall-PCs, bl-eċċezzjoni tal-Internet Explorer/Edge ta’ Microsoft, huma obbligati li jissettjaw Google Search bħala s-servizz ġenerali ta’ tiftix prestabbilit (ara l-premessa 796(2)(c) u l-premessa 845 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

587    Essenzjalment, Google tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tevalwa l-effetti allegati tal-aġir kontenzjuż.

588    F’għajnejn Google, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni aħjar, minn naħa, ir-raġuni li wasslitha biex tiżviluppa l-pjattaforma tal-Android, jiġifieri r-rieda li tilqa’ għall-esklużjoni minn sistemi operattivi oħra (iOS jew Windows) mill-proprjetarji tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-effetti favur il-kompetizzjoni ġġenerati mis-suċċess tal-pjattaforma miftuħa u mingħajr ħlas li hija l-Android, minkejja li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni kontenzjużi kienu fis-seħħ, effetti li wasslu għal żieda fil-volumi ta’ użu tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u tal-browsers kif ukoll fin-numru ta’ applikazzjonijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tevalwa s-sitwazzjoni billi tqabbilha ma’ sitwazzjoni fejn, minħabba n-nuqqas tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni kontenzjużi, Google ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tiżviluppa u tmantni l-pjattaforma miftuħa u mingħajr ħlas li hija l-Android.

589    Madankollu, argument bħal dan ma jikkorrispondix għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

590    Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, l-aġir abbużiv ikkaratterizzat fid-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardax l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android, inkluż fir-rigward tal-aspett miftuħ u mingħajr ħlas tagħha deċiż minn Google sabiex tilqa’ għal dak li din il-kumpannija tqis li hija esklużjoni mis-sistemi operattivi l-oħra mill-proprjetarji tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-pjattaforma tal-Android żiedet l-opportunitajiet għall-kompetituri ta’ Google.

591    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li Google kienet ippreżentat lill-Kummissjoni argument simili għal dak li ġie mtenni quddiem il-Qorti Ġenerali u li dan ġie miċħud mill-Kummissjoni minħabba b’mod partikolari li din tal-aħħar ma kinitx qiegħda tikkontesta l-FDAM fl-intier tiegħu, iżda biss wieħed mill-aspetti tiegħu li l-effetti tiegħu kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara l-premessi 867 sa 876 dwar l-ewwel sett; ara l-premessi 983 sa 992 dwar it-tieni sett). L-argument ta’ Google għalhekk ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

592    Fil-fatt, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti favur il-kompetizzjoni ġġenerati mill-pjattaforma tal-Android, fejn il-FDAM jikkostitwixxi wieħed minn dawn il-modalitajiet, il-Kummissjoni madankollu qieset li aspett speċifiku tal-FDAM, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni kontenzjużi, kien abbużiv.

593    Għalhekk, kif ġie eżaminat iktar ’il fuq fil-kuntest ta’ dan il-motiv (ara wkoll iċ-ċirkustanzi fattwali differenti mfakkra fil-punt 585 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ settijiet ta’ prodotti jagħtu lil Google vantaġġ kompetittiv ikkawżat mill-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni, li ma jistax jiġi kkumpensat mill-kompetituri u li għandu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-merti għad-detriment tal-konsumaturi.

594    Huma dawn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, u mhux b’mod iktar ġenerali s-sistema ta’ liċenzja miftuħa u mingħajr ħlas mixtieqa minn Google fir-rigward tal-OEMs firmatarji għal dan il-ftehim, li jikkostitwixxu l-aġir kontenzjuż.

595    Huwa f’dan il-kuntest għalhekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li għandhom jiġu invokati l-kontribuzzjonijiet differenti ta’ Opera. Uħud minnhom jirreferu, kif tindika Google, għal effetti favur il-kompetizzjoni mill-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android. Oħrajn jevokaw, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni marbuta mal-preinstallazzjoni.

596    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Google ma stabbilixxietx, kif tallega, li l-Kummissjoni ma qisitx kif xieraq iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tevalwa l-aġir kontenzjuż. Dan l-ilment għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ittieni parti, fuq ilġustifikazzjonijiet oġġettivi

a)      Largumenti talpartijiet

597    Google ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM huma oġġettivament iġġustifikati, għaliex jippermettulha li tipprovdi mingħajr ħlas il-pjattaforma tal-Android billi tiggarantixxi li l-applikazzjonijiet tagħha li jiġġeneraw dħul, Google Search u Chrome, ma jiġux esklużi mill-preinstallazzjoni u mill-opportunitajiet ta’ promozzjoni assoċjati. Dawn il-kundizzjonijiet, li huma leġittimi u favur il-kompetizzjoni, ikkontribwixxew għad-diversità u għall-adozzjoni ġeneralizzata tal-apparati portabbli, naqqsu l-ostakoli għad-dħul u ħolqu opportunitajiet għall-kompetituri. Is-suġġeriment fid-deċiżjoni kkontestata li l-OEMs jistgħu jintalbu jħallsu tariffa għal-liċenzja għall-Play Store li tvarja għall-apparati ta’ kwalità baxxa u għal dawk ta’ kwalità għolja tissagrifika l-benefiċċji favur il-kompetizzjoni tal-offerta mingħajr ħlas magħmula minn Google fir-rigward tal-pjattaforma tal-Android. Google tikkontesta wkoll li tista’ tikseb kumpens minn data mobbli. Bl-istess mod, l-iskambju mhux monetarju maħluq mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM huwa iktar effiċjenti u jżid il-produzzjoni meta mqabbel ma’ sistema li fiha l-OEMs iħallsu tariffi għall-komponenti tal-pjattaforma tal-Android.

598    Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni ta’ Google Search u ta’ Chrome fuq l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE ma humiex oġġettivament iġġustifikati. Fil-fatt, Google diġà kienet timmonetizza dawn l-investimenti permezz tal-kummerċjalizzazzjoni tad-data miġbura mingħand l-utenti u d-dħul iġġenerat mill-Play Store u minn applikazzjonijiet u servizzi oħra, fosthom Google Search. Barra minn hekk, numru sinjifikattiv ta’ utenti tal-Google Android kienu jibqgħu jużaw Google Search fin-nuqqas ta’ dawn ir-rekwiżiti. Google lanqas ma turi li l-preinstallazzjoni hija neċessarja sabiex jiġi evitat li Google tiġi eskluża mill-preinstallazzjoni esklużiva fuq l-apparati tal-Google Android jew sabiex jiġi evitat li Google tkun obbligata tħallas tariffi lill-OEMs għall-Play Store.

b)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

599    Għandu jitfakkar li, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi dovuti għall-aġir ta’ kumpannija li għandha pożizzjoni dominanti tkun ġiet ikkonstatata, dik il-kumpannija tista’ tiġġustifika aġir li jista’ jaqa’ taħt l-ambitu tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 40 u l-ġuripsprudenza ċċitata).

600    B’mod partikolari, tali kumpannija tista’ turi, għal dan il-għan, kemm li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju, kif ukoll li l-effett ta’ esklużjoni li jwassal għalih jista’ jiġi kkumpensat, jew anki ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 41 u l-ġuripsprudenza ċċitata).

601    Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, ġie deċiż li, għalkemm l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE huwa fuq il-Kummissjoni, hija madankollu l-kumpannija dominanti kkonċernata, u mhux il-Kummissjoni, li għandha, jekk ikun il-każ, u qabel tmiem il-proċedura amministrattiva, tinvoka ġustifikazzjoni oġġettiva possibbli u tressaq, f’dan ir-rigward, argumenti u provi. Imbagħad, hija l-Kummissjoni, jekk ikollha l-intenzjoni li tikkonkludi li jeżisti abbuż minn pożizzjoni dominanti, li għandha turi li l-argumenti u l-provi invokati mill-imsemmija impriża ma jistgħux jipprevalu u, għaldaqstant, li l-ġustifikazzjoni ppreżentata ma tistax tiġi aċċettata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 1144).

602    Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, hija l-kumpannija dominanti kkonċernata li għandha turi li ż-żieda fl-effiċjenza li tista’ tirriżulta mill-aġir ikkunsidrat tinnewtralizza l-effetti ta’ esklużjoni li dan iwassal għalihom, li din iż-żieda fl-effiċjenza kienet jew tista’ titwettaq permezz ta’ dan l-aġir, li dan tal-aħħar huwa indispensabbli għat-twettiq tagħha u li ma jeliminax kompetizzjoni effettiva billi jneħħi totalment jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 42).

603    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat taħt l-istess titolu “Ġustifikazzjonijiet oġġettivi u żieda fl-effiċjenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-argumenti differenti invokati f’dan ir-rigward minn Google matul il-proċedura amministrattiva (premessi 993 sa 1008).

604    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Google tinvoka essenzjalment żewġ sensiliet ta’ argumenti sabiex tiġġustifika l-aġir tagħha, li fil-parti l-kbira jtennu dak li hija kienet sostniet matul il-proċedura amministrattiva u li ġew eżaminati u miċħuda fid-deċiżjoni kkontestata.

605    Fl-ewwel lok, Google sostniet quddiem il-Kummissjoni li l-prattiki tagħha kienu leġittimi, għaliex kienu jippermettulha li timmonetizza l-investimenti tagħha fl-Android u fl-applikazzjonijiet tagħha li ma jiġġenerawx dħul (premessa 993(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

606    Dan l-argument huwa riprodott f’dan ir-rikors, fejn Google tinvoka, minn naħa, l-importanza tal-investimenti tagħha fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android, inklużi l-OS Android, il-Play Store u s-sett tal-GMS, u, min-naħa l-oħra, in-natura mingħajr ħlas ta’ din il-pjattaforma. Il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM huma għaldaqstant iġġustifikati għaliex jippermettu lil Google, permezz tad-dħul iġġenerat mill-applikazzjonijiet Google Search u Chrome, tikseb ritorn xieraq fuq l-investimenti tagħha mingħajr madankollu ma teskludi l-possibbiltà għall-kompetituri jew għall-utenti li jirrikorru għall-preinstallazzjoni jew għal għażliet oħra.

607    Sabiex tiċħad dan l-argument, il-Kummissjoni qieset li Google ma kinitx uriet li s-settijiet kontenzjużi kienu neċessarji sabiex timmonetizza l-investimenti tagħha fl-Android u fl-applikazzjonijiet tagħha li ma jiġġenerawx dħul (ara l-premessi 995 sa 998 tad-deċiżjoni kkontestata).

608    Meta mqabbel mal-ammont tal-investimenti li għamlet Google fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni tal-Android, kemm jekk dan l-ammont jitqies li huwa dak invokat mill-Kummissjoni jew minn dak invokat minn Google, jirriżulta, fi kwalunkwe każ, li Google dejjem kienet f’pożizzjoni li jkollha sorsi ta’ dħul sinjifikattivi sabiex tiffinanzja dawn l-investimenti mwettqa abbażi tal-istrateġija tagħha intiża sabiex tippreżerva l-ishma tagħha mis-suq fis-servizzi ġenerali ta’ tiftix fl-okkażjoni tat-tranżizzjoni lejn l-internet mobbli.

609    Minbarra d-dħul iġġenerat mill-Play Store (premessa 996 u nota ta’ qiegħ il-paġna 1074 tad-deċiżjoni kkontestata), li issa huwa biżżejjed waħdu biex jippermetti lil Google tirkupra l-investiment tagħha fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android matul is-sena korrispondenti (ara, f’dan ir-rigward, id-data pprovduta minn Google quddiem il-Qorti Ġenerali), Google kellha wkoll sorsi oħra ta’ dħul.

610    Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, Google xorta kienet ser tibbenefika mill-valur tad-data dwar l-utenti miksuba permezz tal-apparati tal-Google Android, bħal dik marbuta mal-lokalizzazzjoni jew mal-użu ta’ Google Play Services. Google setgħet ukoll, fid-dawl tal-ishma sinjifikattivi tagħha mis-suq fuq il-PCs, tibbenefika minn dħul sinjifikattiv iġġenerat mir-reklamar fuq it-tiftix (premessi 997 sa 998 tad-deċiżjoni kkontestata).

611    Il-kritika ta’ Google kontra dawn il-possibbiltajiet tibqa’ ġenerika u vaga.

612    Konsegwentement, fid-dawl, minn naħa, tal-valur li tirrappreżenta d-data dwar l-utenti u, min-naħa l-oħra, tal-importanza tad-dħul iġġenerat mir-reklamar fuq it-tiftix imwettaq fuq il-PCs, il-Kummissjoni ġustament qieset li Google ma kienx ser ikollha għalfejn tirkupra l-ispejjeż kollu relatati mal-iżvilupp u mal-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android biss fuq il-bażi tad-dħul iġġenerat minn din il-pjattaforma.

613    Barra minn hekk, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, Google ma wrietx li ma kienx ser ikollha interess li tiżviluppa l-Android sabiex tilqa’ mar-riskji li t-tranżizzjoni għall-apparati portabbli intelliġenti kienet tinvolvi għall-mudell kummerċjali tagħha ta’ reklamar assoċjat mat-tiftix (premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn din il-perspettiva, jista’ raġonevolment jitqies li Google kienet ser iġġarrab l-ispejjeż relatati mal-iżvilupp u mal-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android mingħajr ma tiżgura li dan l-infiq kien ser jiġi kkumpensat mid-dħul iġġenerat minn din il-pjattaforma, b’kunsiderazzjoni, pereżempju, tad-dħul iġġenerat mill-Play Store.

614    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li Google ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM kienu oġġettivament iġġustifikati fis-sens li ppermettewlha, billi żguraw il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Chrome fuq l-apparati tal-Google Android, tirkupra l-ammont tal-ispejjeż imġarrba fl-iżvilupp u fil-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android.

615    Fit-tieni lok, Google ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM ippermettewlha toffri l-Play Store mingħajr ħlas, għaliex il-valur tagħha għall-OEMs u l-utenti kien jikkorrispondi għall-valur għal Google tal-promozzjoni minn dawn l-OEMs tas-servizz ġenerali ta’ tiftix tagħha. Is-suġġeriment tal-Kummissjoni li titħallas tariffa ta’ liċenzja għall-Play Store jpoġġi f’dubju dan il-mudell u l-effetti pożittivi tiegħu fuq il-kompetizzjoni (ara l-premessa 993(3) tad-deċiżjoni kkontestata).

616    Madankollu, Google lanqas hawn ma ssodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha sabiex turi li kien hemm ġustifikazzjonijiet oġġettivi.

617    Is-soluzzjoni ppreferuta minn Google, dik tal-liċenzji mingħajr ħlas, madankollu ma tipprekludix l-applikazzjoni tas-soluzzjonijiet l-oħra previsti mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tissostitwixxi d-dħul iġġenerat mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Chrome fuq l-apparat tal-Google Android, bħal, pereżempju, il-ħlas ta’ tariffa ta’ liċenzja għall-Play Store, li jista’ jiġi rrikonċiljat ma’ differenza fit-trattament bejn il-prodotti ta’ kwalità baxxa u l-prodotti ta’ kwalità għolja.

618    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li Google ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM huma oġġettivament iġġustifikati fis-sens li jiggarantixxu li l-liċenzji relatati mal-Play Store jingħataw mingħajr ħlas.

619    It-tieni parti dwar il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi tal-preinstallazzjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda, kif għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni motiv kollu, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM.

D.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq levalwazzjoni żbaljata tannatura abbużiva talkundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika inkluża flFTD abbażi ta’ portfolio

620    Permezz tat-tielet motiv tar-rikors, Google ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li ċerti dispożizzjonijiet inklużi fil-FTD abbażi ta’ portfolio kienu abbużivi.

1.      Sfond

a)      Iddeċiżjoni kkontestata

621    Skont id-deċiżjoni kkontestata, Google ħallset lil ċerti OEMs u ONMs bil-kundizzjoni li dawn ma jippreinstallawx jew ma jagħmlu immedjatament disponibbli wara x-xiri l-ebda servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq sett ta’ apparati portabbli f’portfolio ddefinit minn qabel (premessi 198 u 1195 tad-deċiżjoni kkontestata).

622    Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li l-FTD abbażi ta’ portfolio ssanzjonati kienu dawk fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2011, id-data li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li Google kienet dominanti f’kull suq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix fiż-ŻEE, sal‑31 ta’ Marzu 2014, id-data li fiha ntemm FTD abbażi ta’ portfolio ma’ OEM imsemmi mill-Kummissjoni (premessa 1333 tad-deċiżjoni kkontestata).

1)      Fuq innatura talFTD abbażi ta’ portfolio

623    Il-Kummissjoni ssostni li l-FTD abbażi ta’ portfolio jikkostitwixxu ħlasijiet ta’ esklużività. Hija tfakkar li, skont l-imsemmija FTD, jekk l-OEM jew l-ONM ikkonċernat jippreinstalla servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq apparat li jifforma parti mill-portfolio ddefinit minn qabel u aċċettat, huwa jirrinunzja s-sehem tiegħu mid-dħul fuq il-portfolio kollu.

624    Fil-każ kemm tal-OEMs kif ukoll tal-ONMs ikkonċernati, il-Kummissjoni tenfasizza li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru segment sinjifikattiv tal-apparat portabbli mibjugħa. Dokumenti interni ta’ Google jikkonfermaw li l-għan tal-FTD abbażi ta’ portfolio kien li jiġi ggarantit li Google tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta’ dawk l-OEMs u l-ONM b’rabta mas-servizzi ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparati inklużi f’dawk il-portfolios. Dawn id-dokumenti juru wkoll li Google kienet taf li din il-prattika setgħet tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni (premessi 1195 sa 1205 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Fuq ilkapaċità talFTD abbażi ta’ portfolio li jirrestrinġu lkompetizzjoni

625    Fil-premessi 1206 u 1207 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-preżunzjoni li tgħid li l-ħlasijiet ta esklużività ta’ Google huma abbużivi hija kkonfermata f’dan il-każ mill-analiżi tal-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sehem mis-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix koperti mill-prattika kontenzjuża.

626    Qabel kollox, il-Kummissjoni tqis li l-FTD abbażi ta’ portfolio naqqsu l-inċentivi tal-OEMs u tal-ONMs ikkonċernati li jippreinstallaw servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri. L-ewwel nett, fin-nuqqas ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, l-OEMs u l-ONMs kien ikollhom interess kummerċjali li jippreinstallaw tali servizzi fuq tal-inqas parti mill-apparati tagħhom tal-Google Android. It-tieni, is-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri ma setgħux joffru lill-OEMs u lill-ONMs l-istess livell ta’ dħul bħal dak offrut minn Google. It-tielet, l-FTD abbażi ta’ portfolio huma waħda mir-raġunijiet għalfejn l-OEMs u l-ONMs qagħdu lura milli jinstallaw servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri fuq l-apparati tagħhom tal-Google Android (premessi 1208 sa 1281 tad-deċiżjoni kkontestata).

627    Il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li l-FTD abbażi ta’ portfolio għamlu iktar diffiċli l-aċċess tal-kompetituri ta’ Google għas-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. L-ewwel nett, dawn il-ħlasijiet kienu jiskoraġixxu lill-OEMs u lill-ONMs milli jippreinstallaw servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri. It-tieni, il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru parti sinjifikattiva mis-swieq rilevanti. It-tielet, is-servizzi kompetituri ma kinux f’pożizzjoni li jikkumpensaw, permezz ta’ mezzi alternattivi ta’ distribuzzjoni bħat-tniżżil, il-vantaġġ kompetittiv li Google kisbet mill-prattika kontenzjuża (premessi 1282 sa 1312 tad-deċiżjoni kkontestata).

628    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li l-FTD abbażi ta’ portfolio skoraġġixxew l-innovazzjoni, peress li impedixxew il-varar ta’ apparati tal-Google Android fejn kienu preinstallati servizzi ġenerali ta’ tiftix oħra għajr Google Search. Fin-nuqqas ta’ tali prattika, l-utenti kienu jibbenefikaw minn għażla iktar wiesgħa. Dik il-prattika naqqset ukoll, minn naħa, l-inċentivi tal-kompetituri li jiżviluppaw funzjonalitajiet innovattivi billi pprekludiethom milli jibbenefikaw minn mistoqsijiet ta’ tiftix addizzjonali u mid-dħul u d-data meħtieġa biex itejbu s-servizzi tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-inċentiv ta’ Google li tagħmel innovazzjonijiet peress li hija ma kinitx għadha suġġetta għal pressjoni kompetittiva fuq il-merti. Barra minn hekk, anki jekk il-prattika kienet tikkoinċidi ma’ perijodu ta’ titjib fis-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google, Google ma pproduċietx prova li din il-prattika ma affettwatx l-inċentivi jew il-kapaċità tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri li jtejbu s-servizzi tagħhom. Google għalhekk setgħet itejjeb is-servizzi tagħha b’mod iktar sinjifikattiv (premessi 1313 sa 1322 tad-deċiżjoni kkontestata).

629    Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat f’dan il-każ il-kapaċità tal-prattika inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni fuq il-kumpanniji meqjusa bħala effiċjenti daqs il-kumpannija dominanti. Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li fil-fatt ħadet inkunsiderazzjoni l-attributi ta’ kompetitur ipotetiku bħal dan fl-evalwazzjoni tagħha.

3)      Fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

630    Il-Kummissjoni tiċħad il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi invokati minn Google. B’hekk, l-ewwel nett, il-FTD abbażi ta’ portfolio ma humiex meħtieġa sabiex inizjalment jikkonvinċu lill-OEMs jew lill-ONMs ibigħu apparati tal-Google Android, peress li l-apparati tal-Google Android kienu diġà jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-bejgħ madwar id-dinja tal-apparati portabbli intelliġenti f’Jannar 2011 u peress li l-għan tal-FTD ma kienx li jinbiegħu apparati tal-Google Android, iżda li jippermetti “l-installazzjoni esklużiva tas-servizz ġenerali ta’ tiftix” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ Google fuq dawn l-apparati tal-Google Android. It-tieni, Google ma turix li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu neċessarji sabiex tkun tista’ tirkupra l-investimenti li għamlet fl-Android. Fin-nuqqas ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, Google kienet tibqa’ f’pożizzjoni li tikseb minn Android dħul sinjifikattiv. It-tielet, Google ma wrietx li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu meħtieġa sabiex jippermettu lill-apparati tal-Google Android jikkompetu ma’ Apple (premessi 1323 sa 1332 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Fuq iddistinzjoni bejn ilFTD abbażi ta’ portfolio u lFTD abbażi ta’ apparat

631    It-tqassim tad-dħul mir-reklamar imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata huwa suġġett għall-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search fuq numru ta’ apparati ddefiniti minn qabel f’portfolio. Fi kliem ieħor, għal kull wieħed mill-apparati msemmija, l-OEMs u l-ONMs għandhom, sabiex jiksbu sehem mid-dħul mir-reklamar ta’ Google, jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti mill-FTD abbażi ta’ portfolio.

632    Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, minn Marzu 2013, Google madankollu gradwalment issostitwixxiet il-FTD abbażi ta’ portfolio b’FTD abbażi ta’ apparat.  Skont FTD abbażi ta’ apparat, is-sehem ta’ OEM u ta’ ONM mid-dħul ta’ Google jiddependi fuq in-numru ta’ apparati mibjugħa li josservaw l-obbligu li ma jiġux preinstallati servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri. Għalhekk, il-FTD abbażi ta’ apparat jippermettu lil OEM jew ONM joffru, għall-istess tip ta’ apparat, uħud li jimplimentaw esklużivament is-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google u oħrajn li joffru wkoll servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri.

633    Għalhekk, b’differenza mill-pożizzjoni esposta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma qisitx fid-deċiżjoni kkontestata li l-FTD abbażi ta’ apparat, li ġew implimentati gradwalment iktar minn ħames snin qabel l-adozzjoni tagħha, kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, prattika abbużiva. Il-FTD abbażi ta’ apparat jibqgħu, madankollu, parti integrali mill-kuntest fattwali li fih il-Kummissjoni eżaminat l-effetti ta’ esklużjoni prodotti mill-prattiki li għalihom Google ġiet ikkritikata fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 448 sa 452 iktar ’il fuq).

c)      Fuq iddħul imqassam skont FTD abbażi ta’ portfolio

634    Skont FTD abbażi ta’ portfolio, Google tqassam parti mid-dħul mir-reklamar tagħha bħala kontroparti għall-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search fuq numru ta’ apparati portabbli li jifformaw parti minn portfolio ddefinit minn qabel.

635    Fid-dawl tal-premessa 1240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn il-FTD ma jkoprux id-dħul li jiġi mit-talbiet ta’ tiftix imwettqa fuq l-apparat portabbli permezz tal-paġna ewlenija tal-internet ta’ Google, fatt li din tal-aħħar ikkonfermat b’mod espliċitu fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta.

636    Fi kliem ieħor, il-FTD abbażi ta’ portfolio jkopru d-dħul mir-reklamar li jiġi mit-talbiet ta’ tiftix imwettqa permezz ta’ Google Search, permezz ta’ Chrome u permezz tal-bar tal-URL ta’ browsers tal-internet mobbli oħra meta l-magna tat-tiftix ta’ Google tkun l-għażla prestabbilita. Il-qari flimkien tal-premessi 1234 u 1240 tad-deċiżjoni kkontestata jikkorrobora din il-konstatazzjoni.

d)      Fuq ilprova tannatura abbużiva ta’ ħlas ta’ esklużività

637    Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-FTD abbażi ta’ portfolio għandhom l-għan li jiżguraw li Google ikollha esklużività fil-preinstallazzjoni fuq apparati portabbli tal-applikazzjonijiet ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix. Din il-prattika twassal għal riżultat essenzjalment identiku għal dak tat-tnaqqis imsejjaħ għal “fedeltà”, li kien fil-qalba tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632). Google tħallas, f’dan il-każ, lill-OEMs u lill-ONMs sabiex tiżgura l-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search.

638    F’dan il-kuntest, qabel ma tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti mqajma minn Google insostenn tat-tielet motiv, għandhom jitfakkru l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, tal-ħlasijiet imsejħa ta’ “esklużività”.

639    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, il-kumpannija kkonċernata minn proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE li tista’ twassal għall-kundanna tagħha għal abbuż minn pożizzjoni dominanti ssostni, matul din il-proċedura, li l-aġir tagħha ma kienx jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati fil-konfront tagħha, hija għalhekk il-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-ħtija ta’ din il-kumpannija, li għandha tanalizza d-diversi ċirkustanzi li jippermettu li tintwera r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-prattika kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 137 u 138).

640    F’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata li tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-kumpannija fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, il-kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-prattiki tal-ipprezzar inkwistjoni, it-tul tagħhom u l-ammonti tagħhom, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza possibbli ta’ strateġija intiża biex teskludi lill-kompetituri effiċjenti tal-inqas daqsha. Bl-istess mod, l-ibbilanċjar tal-effetti favorevoli u sfavorevoli għall-kompetizzjoni tal-prattika kontenzjuża jista’ jsir biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri minn tal-inqas effiċjenti daqs il-kumpannija inkwistjoni, inerenti għall-prattika inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 139 u 140).

641    Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità inerenti ta’ prattika li teskludi kompetituri effiċjenti tal-inqas daqs il-kumpannija inkwistjoni, jista’ jkun utli test tal-kompetituri daqstant effiċjenti (“As Efficient Competitor Test”, iktar ’il quddiem it-“test AEC”).

642    It-test AEC jirrigwarda kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti, li huwa preżunt li japplika l-istess prezzijiet għall-klijenti tiegħu bħal dawk li tapplika l-kumpannija dominanti, filwaqt li jġarrab l-istess spejjeż bħalha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 40 sa 44). Barra minn hekk, minbarra l-prezz, sabiex ikun jista’ jitqies bħala “effiċjenti daqs” il-kumpannija dominanti, dan il-kompetitur ipotetiku għandu jkun ukoll daqstant interessanti għall-klijenti tal-imsemmija kumpannija f’termini ta’ għażla, ta’ kwalità jew ta’ innovazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22).

643    It-test AEC, imsemmi fil-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-abbuż ta’ esklużjoni”), ifittex li jiddistingwi l-aġir li kumpannija f’pożizzjoni dominanti ma tistax twettaq minn dak li hija permessa twettaq. It-test AEC jikkostitwixxi għalhekk qafas ta’ analiżi possibbli tal-effetti ta’ esklużjoni relatati ma’ każ partikolari u tal-effetti ta’ esklużjoni allegati. Madankollu, dan huwa biss element wieħed fost oħrajn li jista’ jiġi implimentat sabiex tiġi stabbilita, permezz ta’ provi kwalitattivi jew kwantitattivi, l-eżistenza ta’ esklużjoni antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

644    Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, it-test AEC jiġi implimentat, dan għandu jitwettaq b’mod rigoruż. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti jirriskjax li jiġi eskluż mill-prattika kontenzjuża, il-Kummissjoni għandha teżamina d-data ekonomika relatata mal-ispejjeż u mal-prezzijiet tal-bejgħ u tivverifika b’mod partikolari jekk il-kumpannija dominanti tipprattikax prezzijiet iktar baxxi mill-ispejjeż. Madankollu, dan il-metodu jippreżupponi li tkun disponibbli data affidabbli biżżejjed. Meta dan ikun il-każ, il-Kummissjoni hija obbligata tuża l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-kumpannija dominanti stess. Sabiex tikseb id-data neċessarja, il-Kummissjoni għandha setgħat ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ data affidabbli dwar dawn l-ispejjeż, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tuża l-ispejjeż tal-kompetituri jew data oħra affidabbli paragunabbli.

645    Fir-rigward tal-ħlasijiet ta’ esklużività, l-għan tat-test AEC huwa li jevalwa jekk kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti daqs il-kumpannija dominanti kienx ikun kapaċi joffri l-istess ħlasijiet jew ħlasijiet ogħla. F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-għan tat-test AEC imwettaq mill-Kummissjoni kien li jevalwa jekk kompetitur ta’ Google li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti setax ikollu interess strateġiku jew ekonomiku li jikseb is-sehem kontestabbli tat-talbiet minn servizzi ġenerali ta’ tiftix koperti mill-FTD abbażi ta’ portfolio.

646    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-analiżi li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi n-natura antikompetittiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio tiddependi essenzjalment minn żewġ sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, l-eżami tal-kopertura ta’ din il-prattika u, min-naħa l-oħra, ir-riżultati tat-test AEC li hija implimentat.

647    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti mressqa minn Google insostenn tat-tielet motiv.

648    It-tielet motiv tar-rikors huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel waħda, Google tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset b’mod żbaljat li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jinkludu kundizzjoni ta’ esklużività. Permezz tat-tieni parti, żviluppata fl-istadju tas-seduta, Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma tiġġustifikax sa fejn prattika li għandha kopertura limitata għas-suq rilevanti tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Permezz tat-tielet parti, Google tallega li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, suffiċjentement fil-fatt u fid-dritt, in-natura antikompetittiva tal-FTD.

2.      Fuq lewwel parti, fuq innatura talFTD abbażi ta’ portfolio

a)      Largumenti talpartijiet

649    Google ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-FTD abbażi ta’ portfolio bħala ftehimiet ta’ esklużività. Sitwazzjoni ta’ esklużività tista’, fl-astratt, teżisti biss jekk il-ħtiġijiet kollha ta’ klijent ikunu koperti. Issa, l-ewwel nett, il-FTD abbażi ta’ portfolio ma humiex intiżi biex jirregolaw il-ħtiġijiet tal-OEMs u tal-ONMs tas-servizz ġenerali ta’ tiftix fuq apparati portabbli li ma jaħdmux bl-Android jew fuq il-kompjuters. It-tieni, il-FTD abbażi ta’ portfolio jikkonċernaw biss wieħed mill-punti ta’ dħul għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Huma jobbligaw b’mod ċar lill-OEMs u lill-ONMs jippreżervaw punti ta’ dħul għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri. It-tielet, il-FTD abbażi ta’ portfolio huma, f’xi każijiet, limitati għal territorju.

650    Il-Kummissjoni tosserva li l-FTD abbażi ta’ portfolio jikkostitwixxu l-“quċċata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ prattiki differenti interrelatati li ġew issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jieħdu parti mid-dħul li jsir mit-talbiet imwettqa permezz tas-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google fuq l-apparati li jaħdmu bil-verżjonijiet tal-Android approvati minn Google, l-OEMs kellhom l-ewwel nett jikkonkludu FAF u FDAM, imbagħad FTD abbażi ta’ portfolio, b’dan tal-aħħar isaħħaħ il-kapaċitajiet restrittivi tal-FAF u tal-FDAM. Barra minn hekk, l-ebda waħda mit-tliet raġunijiet invokati minn Google sabiex tiċħad li l-FTD abbażi ta’ portfolio huma ftehimiet ta’ esklużività ma hija konvinċenti, peress li dawn ir-raġunijiet huma kollha ffokati fuq l-importanza tal-kopertura tal-FTD u mhux fuq in-natura esklużiva tagħhom.

b)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

651    L-ewwel nett, u kif tenfasizza Google ġustament, sitwazzjoni ta’ esklużività tirriżulta meta kumpannija tissodisfa t-totalità jew parti kunsiderevoli tal-ħtiġijiet ta’ klijent. Fil-fatt, għal kumpannija li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot lil xerrejja permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jixtru dak kollu li jeħtieġu jew parti kunsiderevoli minn dak li jeħtieġu esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, kemm jekk l-obbligu jkun stipulat mingħajr kundizzjonijiet ulterjuri, kif ukoll jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess japplika meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, jew skont il-ftehimiet konklużi ma’ dawn ix-xerrejja jew b’mod unilaterali, skont sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent, irrispettivament mill-ammont ta’ dan ix-xiri, jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti biex jissodisfa l-ħtiġijiet kollha tiegħu jew parti kbira minnhom (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 89, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 137).

652    Għalhekk, sabiex jiġi evalwat l-argument ta’ Google li jgħid li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-FTD abbażi ta’ portfolio bħala ftehimiet ta’ esklużività, għandu jiġi vverifikat jekk, skont dawn il-ftehimiet, il-klijenti ta’ Google, jiġifieri l-OEMs u l-ONMs, setgħux, għat-totalità jew għal parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet tagħhom, jitolbu wkoll is-servizzi jew il-prodotti tal-kompetituri tal-kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti.

653    Issa, f’dan il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-kopertura tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li Google ma tikkontestax li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jikkostitwixxu vantaġġ finanzjarju mogħti lill-OEMs u lill-ONMs bil-kundizzjoni li huma ma jippreinstallaw l-ebda servizz ġenerali ta’ tiftix ieħor minbarra Google Search fuq numru ta’ apparati portabbli inklużi fil-portfolio ddefinit minn qabel. Bl-istess mod, huwa wkoll stabbilit li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jikkostitwixxu, għall-OEMs u għall-ONMs inkwistjoni, sa fejn huma xtaqu jikkummerċjalizzaw apparati portabbli intelliġenti li għandhom servizz ġenerali ta’ tiftix, inċentiv sabiex jiksbu dak li jeħtieġu mingħand Google u jeskludu lill-kompetituri tagħha għal parti sinjifikattiva ta’ dawk l-apparati (ara l-premessi 1197 u 1199 tad-deċiżjoni kkontestata).

654    It-tieni, Google ssostni li l-FTD abbażi ta’ portfolio ma kinux jeskludu l-aċċess għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri, li baqgħu aċċessibbli minkejja l-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search. Dan japplika wkoll għat-tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri jew għal aċċess dirett permezz tal-browsers tal-internet mobbli, minbarra Chrome.

655    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq fir-rigward tal-ftehimiet ta’ esklużività jirriżulta li l-kunċett ta’ esklużività għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-possibbiltà, għall-klijenti tal-kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti, li jitolbu servizzi identiċi mingħand il-kompetituri tagħha. L-esklużività b’hekk ma hijiex evalwata b’riferiment għall-aġir tal-utenti, iżda biss fir-rigward tal-klijenti tal-kumpannija f’pożizzjoni dominanti. L-argument ta’ Google bbażat fuq il-fatt li l-utent jista’ huwa stess jirrikorri għal servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search, permezz tat-tniżżil ta’ applikazzjonijiet jew ta’ browsers oħra minbarra Chrome, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv.

656    It-tielet, Google tenfasizza li wħud mill-FTD abbażi ta’ portfolio kellhom kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku limitat għal ċerti Stati Membri. Issa, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, Google ma tikkontestax il-fatt li s-swieq koperti huma s-swieq nazzjonali kollha, ikkunsidrati individwalment, għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Il-fatt li wħud mill-FTD abbażi ta’ portfolio japplikaw biss għal numru limitat ta’ Stati Membri ma jippermettix li jiġi eskluż effett ta’ esklużività fis-swieq nazzjonali kkonċernati.

657    Għaldaqstant, Google ma hijiex fondata meta ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta sabet li l-ħlasijiet inkwistjoni kienu ħlasijiet ta’ esklużività.

3.      Fuq ittieni parti dwar nuqqas ta’ motivazzjoni

658    Waqt is-seduta, Google sostniet li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata biżżejjed. Fil-fatt, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet iġġustifikat sa fejn prattika li tirrappreżenta, skont Google, kopertura limitata għas-suq rilevanti tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

659    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑167/08, EU:T:2012:323, punt 99).

660    Issa, qabel kollox, għandu jitfakkar li r-raġunijiet għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-FTD abbażi ta’ porfolio kienu abbużivi huma esposti fil-premessi 1188 sa 1336 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna n-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ porftolio. F’dak ir-rigward, bħala parti minn dak ir-raġunament, il-Kummissjoni, fil-premessi 1286 sa 1304, indirizzat il-kopertura tas-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix mill-prattika kontenzjuża.

661    Fid-dawl ta’ dak ir-raġunament u tal-argument ta’ Google f’dak ir-rigward fit-tielet parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali tqis li Google, minn naħa, setgħet tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni fuq dak il-punt b’mod utli u, min-naħa l-oħra, li hija f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatetezza tagħha.

662    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni allegat minn Google għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Fuq ittielet parti, dwar ilkonstatazzjoni ta’ restrizzjoni talkompetizzjoni

663    Google ssostni, u hija kkontestata mill-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma tanalizzax b’mod korrett, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, il-kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika inkluża fil-FTD abbażi ta’ portfolio sabiex tistabbilixxi l-effetti ta’ esklużjoni tiegħu.

664    L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tieħux inkunsiderazzjoni l-parti żgħira tas-suq koperta mill-prattika kkontestata u l-impatt negliġibbli tagħha. It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata tevalwa b’mod żbaljat il-possibbiltà li l-FTD abbażi ta’ portfolio jeskludu lil kompetituri li ipotetikament huma mill-inqas effiċjenti daqsha, b’mod partikolari l-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jikkumpensawhom. It-tielet, id-deċiżjoni kkontestata tinjora l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-ħlasijiet inkwistjoni, li jippermettu lill-utenti aċċess liberu għall-kompetituri. Ir-raba’, il-Kummissjoni naqset milli twettaq test kontrofattwali validu.

a)      Fuq ilkopertura u fuq limpatt talFTD abbażi ta’ portfolio

1)      Iddeċiżjoni kkontestata

665    Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru “parti sinjifikattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix (premessa 1286 tad-deċiżjoni kkontestata).

666    L-ewwel nett, insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-FTD abbażi ta’ portfolio ġew konklużi mal-OEMs prinċipali li jbigħu l-ismartphones tal-Google Android u mal-ONMs prinċipali attivi fis-suq Ewropew. Skont il-Kummissjoni, l-OEMs ikkonċernati biegħu fis-suq Ewropew kważi [80 sa 90] % tal-ismartphones tal-Google Android fl‑2011‑2012. Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-ismartphones tal-Google Android kienu jirrappreżentaw 56 % tal-ismartphones kollha mibjugħa fl‑2011‑2012, il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li, matul dan il-perijodu, il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru [40 sa 50] % tal-ismartphones kollha mibjugħa fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tiċċara f’dak ir-rigward li ma inkludietx l-ismartphones kollha mibjugħa mill-ONM taħt il-FTD abbażi ta’ portfolio tagħhom, li, għaż-żewġ ONMs meħuda inkunsiderazzjoni, kienu jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna mill-bejgħ imsemmi (premessi 1287 sa 1289 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1376 tad-deċiżjoni kkontestata).

667    It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li l-proporzjon tat-talbiet ta’ tiftix imwettqa fuq l-apparati portabbli kollha permezz ta’ Google Search kiber b’mod sinjifikattiv bejn l‑2012 u l‑2014 biex laħaq kważi [30 sa 40] % tat-talbiet ta’ Google fl‑2014 fiż-ŻEE (premessa 1290 tad-deċiżjoni kkontestata).

668    It-tielet nett, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sostituzzjoni mill‑2013 tal-FTD abbażi ta’ portfolio bil-FTD abbażi ta’ apparat, li jkopru rispettivament kważi [50 sa 60] % u kważi [60 sa 70] % tal-apparati tal-Google Android fl‑2013 u fl‑2014. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li Google Search kienet issettjata bħala l-għażla prestabbilita fil-browser ta’ Apple, Safari, għall-iPhones kollha. Google Search kienet għalhekk preinstallata jew issettjata bħala l-għażla prestabbilita fuq browser fuq il-maġġoranza assoluta tal-apparati portabbli li jifdal jew fuq il-PCs (premessi 1291 sa 1293 u 1298 tad-deċiżjoni kkontestata).

669    Ir-raba’, il-proporzjon ta’ talbiet ta’ tiftix minn apparati tal-Google Android kien jikkorrispondi rispettivament għal [10 sa 20] % u [10 sa 20] % tat-talbiet kollha ta’ tiftix fuq Google imwettqa fiż-ŻEE fl‑2013 u fl‑2014, rispettivament (premessa 1294 tad-deċiżjoni kkontestata; din id-data ma hijiex disponibbli għall‑2011 u għall‑2012).

670    Il-ħames, bi tweġiba għal argument minn Google dwar l-“impatt” minimu tal-FTD abbażi ta’ portfolio fid-dawl ta’ ċerta data meħuda inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltà li s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri joffru l-istess livell ta’ ħlasijiet mogħtija lill-OEMs jew l-ONMs inkwistjoni (ara l-premessi 1225 sa 1271 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tindika li filwaqt li l-“impatt” deher minimu għal Google, madankollu kien sinjifikattiv għal dawk is-servizzi, b’mod partikolari minħabba li l-mistoqsijiet għat-tiftix imsemmija fil-kuntest ta’ dik l-analiżi kienu jikkostitwixxu għalihom “ammont sinjifikattiv ta’ mistoqsijiet addizzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’mument kruċjali fl-iżvilupp tat-tiftix ġenerali, jiġifieri t-tranżizzjoni mit-tiftix ġenerali fuq il-PCs għat-tiftix ġenerali fuq l-apparati portabbli (premessi 1299 sa 1302 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li n-natura sinjifikattiva tal-kopertura tas-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix mill-prattika kkontestata tirriżulta mill-fatt li t-tip ta’ tiftix inkwistjoni kien jippermetti li tinkiseb data ta’ lokalizzazzjoni prezzjuża li, bħala tali, tista’ ttejjeb is-servizz ġenerali ta’ tiftix u d-dħul mir-reklamar li jirriżulta (premessa 1298 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Largumenti talpartijiet

671    Google tinnota li, fil-premessi 1286, 1287 u 1295 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-FTD abbażi ta’ portfolio “kienu jkopru parti sinjifikattiva tas-swieq nazzjonali rilevanti tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fuq il-bażi li dawk il-FTD kienu japplikaw għall-“OEMs l-iktar importanti” [tradizzjoni mhux uffiċjali] li kienu jiddistribwixxu l-apparati tal-Google Android u l-“ONMs prinċipali attivi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dik il-valutazzjoni ma tieħux inkunsiderazzjoni l-kopertura tal-prattika kontenzjuża. Fil-fatt, analiżi xierqa tal-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio tiddependi fuq il-proporzjon ta’ mistoqsijiet għat-tiftix attribwibbili għall-apparati tal-Google Android u fuq il-proporzjon ta’ apparati tal-Google Android suġġetti għal FTD abbażi ta’ portfolio.

672    Issa, bħala medja, Google tindika fil-punt 262 tar-rikors jew, b’kont meħud tal-osservazzjonijiet magħmula f’dak ir-rigward mill-Kummissjoni, fil-punt 172 tar-replika, li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru biss [0 sa 5] % tas-“swieq” nazzjonali tat-tiftix ġenerali matul il-perijodu tal-allegat abbuż. Dawk is-“swieq”, fil-fatt, kienu jinkludu, skont il-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata, “it-tiftix permezz tal-PCs u apparati portabbli intelliġenti” u l-FTD abbażi ta’ portfolio, li kienu japplikaw biss għal ċerti smartphones, kienu jirrappreżentaw biss parti mhux sinjifikattiva tat-talbiet ta’ tiftix magħmula matul il-perijodu r-rilevanti. Bl-istess mod, ħafna OEMs u ONMs qatt ma ffirmaw FTD abbażi ta’ portfolio. B’hekk, kopertura medja ta’ [0 sa 5] % matul il-perijodu bejn l‑2011 u l‑2014 ma tippermettix li jiġi konkluż li dawn il-FTD għamlu l-aċċess għas-swieq rilevanti “iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-kompetituri. Barra minn hekk, tali rata hija sostanzjalment inqas mill-kopertura tas-suq tal-prattiki meqjusa abbużivi f’kawżi preċedenti, li kienu ta’ 39 %, 40 % jew 85 %.

673    Bi tweġiba għall-kritika tal-Kummissjoni li tgħid li Google użat ċifri relatati mal-apparati mibjugħa u mhux mal-apparati użati, Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata stess ħadet inkunsiderazzjoni l-apparati mibjugħa bħala indikatur tal-kopertura tas-suq. Google żżid li, anki jekk timmodifika l-kalkoli tagħha sabiex tinkludi l-apparati użati, billi jitqies li kull apparat mibjugħ għandu tul ta’ ħajja stmat ta’ madwar sentejn, l-effett fuq il-kopertura jibqa’ minimu.

674    Inċidentalment, Google tirrileva li, għall-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-premessa 1226 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi ta’ tiftix kompetituri setgħu jilħqu, l-iżjed l-iżjed, [0-5] % tat-talbiet fuq l-apparati tal-Google Android suġġetti għat-tqassim tad-dħul li kieku l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet preinstallata flimkien mal-applikazzjoni Google Search. Għalhekk, b’kunsiderazzjoni tas-swieq meħuda inkunsiderazzjoni u skont l-analiżi tal-Kummissjoni stess, l-impatt tal-FTD abbażi ta’ portfolio fuq l-ishma tat-talbiet ta’ tiftix ġenerali fiż-ŻEE kien estremament żgħir f’kull sena tal-allegat ksur.

675    Konsegwentement, fid-dawl tal-kopertura baxxa tal-FTD abbażi ta’ portfolio kontenzjużi u tal-impatt negliġibbli tagħhom, ir-raġunijiet imressqa sabiex jiġi konkluż li l-kopertura tal-kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika kienet “sinjifikattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma għandhomx jiġu aċċettati.

676    Essenzjalment, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio issuġġeriti minn Google ma ddgħajjifx il-konklużjoni misluta fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-importanza ta’ din il-kopertura għall-motivi invokati fiha.

677    B’mod partikolari, il-bejgħ annwali ma jistax jitqies bħala ugwali għan-numru ta’ apparati li huma s-suġġett ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ li sar, fi snin preċedenti, ta’ apparati li għadhom jintużaw. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-impatt ta’ Google jistrieħ, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, fuq il-parti tas-suq kontestabbli ta’ [0 sa 5] % minflok il-parti kontestabbli ta’ 22.5 %, li tista’ tinkiseb minn kompetitur fl-ipoteżi li s-servizz ta’ tiftix tiegħu jiġi stabbilit bħala l-għażla prestabbilita fuq browser tal-internet mobbli preinstallat minflok Chrome.

678    VDZ issostni, min-naħa tagħha, li l-livell ta’ kopertura tas-suq huwa irrilevanti, peress li l-kompetizzjoni għandha tiġi protetta kemm jista’ jkun anki meta s-suq ikun iddominat. F’dan il-kuntest, il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jikkontribwixxu sabiex isaħħu l-pożizzjoni dominanti ta’ Google billi impedixxew lill-OEMs milli joffru hosting multiplu għall-utenti.

3)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

679    Għandu jitfakkar li fejn, bħal f’dan il-każ, il-kumpannija kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, provi li jsostnu li prattika ta’ esklużività li toriġina minnha ma setgħetx tillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni li l-Kummissjoni tikkritikaha fuqhom, din hija b’mod partikolari obbligata li twettaq analiżi tal-kopertura tas-suq mill-prattika kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 u 139).

680    Analiżi bħal din tagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat l-effett ta’ esklużjoni tas-suq rilevanti attribwibbli għall-prattika kontenzjuża bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi ddeterminata liema parti hija protetta mill-kompetizzjoni bħala riżultat tal-esklużività mogħtija mill-ħlasijiet kontenzjużi.

681    Huwa ċar mill-premessa 1286 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li l-FTD abbażi ta’ portfolio konklużi minn Google ma’ ċerti OEMs u ONMs kienu jkopru parti sinjifikattiva mis-swieq nazzjonali għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fiż-ŻEE.

682    Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li dawk is-swieq differenti jinkludu t-tiftix ġenerali kollu mwettaq mit-tipi kollha ta’ apparati, inklużi l-apparat portabbli li ma jaħdmux bl-Android u l-PCs (ara, pereżempju, il-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata).

683    Kif issostni Google f’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll mill-eżempji differenti meħuda mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni li din tal-aħħar qieset bħala kopertura sinjifikattiva dik ta’ bejn 39 % u 85 % tas-suq rilevanti.

684    F’dan il-każ, madankollu, ir-rata tal-kopertura tal-prattika kkontestata li l-Kummissjoni qieset bħala sinjifikattiva hija, bħala tali, kunsiderevolment iktar baxxa minn dik meqjusa preċedentement mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont id-data pprovduta minn Google f’dan ir-rigward, hija inqas minn 5 % tas-suq iddefinit mill-Kummissjoni.

685    Filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li l-kopertura proposta minn Google fir-rikors u sussegwentement fir-replika tissottovaluta n-numru ta’ apparati fiċ-ċirkulazzjoni li kienu suġġetti għal FTD abbażi ta’ portfolio matul il-perijodu rilevanti tal-ksur, jibqa’ l-fatt li jista’ jiġi konkluż mid-data u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Google f’dan ir-rigward li l-kalkolu ta’ Google huwa plawżibbli.

686    Dan huwa partikolarment il-każ minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tindika, minkejja li din taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 679 iktar ’il fuq, x’kienet l-istima proprja tagħha tal-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio fir-rigward tas-swieq differenti li hija qieset bħala rilevanti għall-analiżi tagħha.

687    Fil-fatt, jirriżulta li, meta kkonkludiet li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru parti sinjifikattiva tas-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix fiż-ŻEE, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirrelataw jew ma’ segment wieħed biss mid-diversi swieq rilevanti, dak tat-talbiet ta’ tiftix ġenerali mwettqa minn apparat portabbli intelliġenti, jew ma’ elementi li ma kinux relatati mal-effett tal-prattika kontenzjuża fuq dawk is-swieq.

688    L-ewwel nett, il-Kummissjoni għalhekk tosserva, fil-premessi 1287 sa 1289 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li l-FTD abbażi ta’ portfolio jorbtu, essenzjalment, lill-OEMs (il-Kummissjoni ssemmi tlieta) u lill-ONMs (il-Kummissjoni ssemmi erbgħa) l-iktar importanti fiż-ŻEE, u, min-naħa l-oħra, li dawk li jorbtu lill-OEMs kienu jirrappreżentaw [40 sa 50] % tal-ismartphones kollha mibjugħa fl-Ewropa fl‑2011 u fl‑2012. Madankollu, tali konstatazzjonijiet ma jsostnux il-konstatazzjoni ta’ kopertura sinjifikattiva tas-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix mill-FTD abbażi ta’ portfolio. Dawn il-konstatazzjonijiet juru biss li huwa affettwat segment wieħed ta’ dawk is-swieq, dak tat-tiftix mill-apparati portabbli. Dan is-sehem għandu iktar u iktar jiġi rrelattivizzat fil-kuntest peress li mill-premessa 1288 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sehem tal-ismartphones tal-Google Android mibjugħa mill-OEMs u li kienu kkonċernati mill-FTD abbażi ta’ portfolio naqas gradwalment bejn l‑2011 u l‑2014 minn [70 sa 80] % fl‑2011 għal [5 sa 10] % fl‑2014.

689    Huwa minnu li, mill-premessa 1292 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mill‑2013, is-sena li fiha l-proporzjon tal-ismartphones tal-Google Android ikkonċernati mill-FTD abbażi ta’ portfolio naqas ħafna, Google progressivament issostitwixxiet il-FTD abbażi ta’ portfolio bil-FTD abbażi ta’ apparat. Il-Kummissjoni tinnota li dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw [50 sa 60] % u [60 sa 70] % tal-ismartphones tal-Google Android mibjugħa fl‑2013 u fl‑2014. Il-fatt jibqa’, madankollu, li l-kopertura ta’ prattika ta’ esklużività allegatament antikompetittiva ma tistax fil-prinċipju tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni prattiki li ma humiex huma stess meqjusa bħala antikompetittivi. Huwa wkoll irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio li dawn tal-aħħar ġew issostitwiti gradwalment bil-FTD abbażi ta’ apparat mis-sena 2013.

690    It-tieni, fil-premessi 1290 u 1297 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li t-talbiet ta’ tiftix ġenerali mwettqa minn Google Search fuq l-apparati portabbli kollha żdiedu b’mod kostanti bejn l‑2012 u l‑2014 u kienu jirrappreżentaw [30 sa 40] % tat-totalità tat-talbiet ta’ Google fiż-ŻEE fl‑2014. Madankollu, din il-konstatazzjoni tippermetti mhux li tintwera l-kopertura allegatament sinjifikattiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, iżda biss l-importanza għal Google ta’ Google Search bħala punt ta’ dħul fuq l-apparati portabbli.

691    It-tielet, fil-premessi 1293 sa 1298 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża l-kopertura allegatament sinjifikattiva tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix mill-FTD abbażi ta’ portfolio fuq il-konstatazzjoni li tgħid li Google Search hija stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browser Safari inkorporat fl-apparati portabbli mibjugħa minn Apple. Madankollu, kif issostni Google, il-ftehim tagħha ma’ Apple ma huwiex fost il-FTD abbażi ta’ portfolio msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

692    Ir-raba’, fil-premessa 1294 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li l-proporzjon ta’ talbiet ta’ tiftix minn apparati portabbli tal-Google Android kien jikkorrispondi rispettivament għal [10 sa 20] % u għal [10 sa 20] % tat-talbiet kollha ta’ tiftix ta’ Google mwettqa fl‑2013 u fl‑2014. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tikkorroborax, iżda pjuttost tagħmel il-kuntrarju, l-eżistenza ta’ kopertura allegatament sinjifikattiva tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Fil-fatt, jekk jitqies, li ma kienx il-każ, li l-apparati portabbli kollha tal-Google Android kienu kkonċernati minn FTD abbażi ta’ portfolio matul is-snin 2013 u 2014, u li Google kellha f’idejha, li ma kienx il-każ, anki jekk l-ishma mis-suq tagħha kienu viċin, it-totalità tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, il-kopertura teoretika tal-FTD abbażi ta’ portfolio fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ma setgħetx, fl‑2013 u fl‑2014, teċċedi rispettivament l-[10 sa 20] % u l-[10 sa 20] % tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni aċċettat b’mod espliċitu r-riżultat ta’ dak il-kalkolu teoretiku.

693    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kopertura tas-swieq rilevanti mill-prattika kontenzjuża ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala sinjifikattiva.

694    Ċertament, bi tweġiba għal argument minn Google dwar l-“impatt” minimu tal-FTD abbażi ta’ portfolio fid-dawl ta’ ċerta data meqjusa fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltà li s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri joffru l-istess livell ta’ ħlasijiet mogħtija lill-OEMs jew l-ONMs inkwistjoni (ara l-premessi 1225 sa 1271 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tindika li filwaqt li l-“impatt” deher minimu għal Google, madankollu kien sinjifikattiv għal dawk is-servizzi, b’mod partikolari minħabba li l-mistoqsijiet għat-tiftix imsemmija fil-kuntest ta’ dik l-analiżi kienu jikkostitwixxu “ammont sinjifikattiv ta’ mistoqsijiet addizzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’mument kruċjali fl-iżvilupp tat-tiftix ġenerali, dak tat-tranżizzjoni mit-tiftix ġenerali fuq il-PCs għat-tiftix ġenerali fuq l-apparati portabbli (premessi 1299 sa 1302 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssostni wkoll, fi tweġiba għal argument ieħor, li n-natura sinjifikattiva tal-kopertura tas-swieq nazzjonali għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix mill-prattika kkontestata tirriżulta mill-fatt li t-tip ta’ tiftix inkwistjoni kien jippermetti li tinkiseb data ta’ lokalizzazzjoni prezzjuża li, bħala tali, tista’ ttejjeb is-servizz ġenerali ta’ tiftix u d-dħul mir-reklamar li jirriżulta (premessa 1298 tad-deċiżjoni kkontestata).

695    Fir-rigward tar-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata u eżaminata iktar ’il fuq, dawn l-osservazzjonijiet ma humiex suffiċjenti, madankollu, biex jiġi stabbilit li l-kopertura tas-swieq rilevanti mill-prattika kkontestata hija sinjifikattiva.

696    Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti li kieku l-Kummissjoni għażlet li ssostni, ħaġa li ma għamlitx, li minkejja li l-kopertura tas-swieq rilevanti mill-prattika kontenzjuża ma hijiex sinjifikattiva, is-segment kopert minn dik il-prattika jew saħansitra sempliċement l-OEMs u l-ONMs ikkonċernati kien ta’ importanza strateġika tant sinjifikattiva li l-effett ta’ esklużjoni attribwibbli għal dik il-prattika kien jista’ jeskludi lis-servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google mis-swieq rilevanti. Dawk is-servizzi kompetituri għalhekk kienu ġew imċaħħda minn opportunitajiet suffiċjenti li jikkompetu fuq il-merti billi jidħlu f’dawk is-swieq jew jespandu fihom, fi żmien meta kemm għal Google kif ukoll għall-kompetituri tagħha, bħal Microsoft, kien importanti li jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni minn tiftix ġenerali fuq il-PCs għal tiftix ġenerali fuq l-apparat portabbli.

697    Dan ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, fejn sempliċement huwa deskritt u mhux issostanzjat b’mod suffiċjenti mill-Kummissjoni, f’parti li tibda bl-affermazzjoni li l-konklużjoni tagħha li tgħid li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru parti sinjifikattiva mis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ma hijiex ikkontestata mill-argumenti ta’ Google f’dak ir-rigward (ara l-premessa 1295 tad-deċiżjoni kkontestata).

698    Mill-analiżi sħiħa dwar il-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio jirriżulta li din ġiet ikkwalifikata b’mod żbaljat, fil-premessa 1286 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “sinjifikattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, dan l-iżball għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-imsemmija FTD abbażi ta’ portfolio.

699    Barra minn hekk, għandhom jiġu eżaminati wkoll l-argumenti ta’ Google bbażati fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-FTD abbażi ta’ portfolio seta’ jiġi kkumpensat minn kompetitur effiċjenti tal-inqas daqsha.

b)      Fuq ilkumpens talFTD abbażi ta’ portfolio

1)      Iddeċiżjoni kkontestata

700    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur ma jistax jikkumpensa t-telf tad-dħul mir-reklamar li jsofru l-OEMs u l-ONMs li kieku kellha tiġi preinstallata applikazzjoni kompetitriċi flimkien ma’ Google Search. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-data li ġejja (premessi 1225 sa 1271 tad-deċiżjoni kkontestata).

701    Qabel kollox, servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur ma jistax, skont il-Kummissjoni, jistenna li jikseb iktar minn [0 sa 5] % tat-talbiet ta’ tiftix imwettqa fuq apparat portabbli, fl-ipoteżi li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet preinstallata flimkien ma’ Google Search. Dan is-sehem kontestabbli jilħaq it‑22.5 %, skont il-Kummissjoni, jekk, minbarra l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni kompetitriċi, l-OEMs u l-ONMs jistabbilixxu wkoll il-magna tat-tiftix kompetitriċi bħala l-għażla prestabbilita fuq browser tal-internet mobbli għajr Chrome.

702    L-ewwel, il-Kummissjoni tenfasizza li, minħabba l-FDAM, applikazzjoni li tikkompeti ma’ Google Search tista’ tiġi preinstallata biss flimkien magħha, u mhux minflokha. Hemm ukoll konfużjoni, skont ċerti OEMs u skont ċerti impjegati ta’ Google, dwar dak li jirrigwarda l-obbligu, skont il-FDAM, li l-magna tat-tiftix ta’ Google tiġi stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browsers tal-internet mobbli għajr Chrome. Fl-ipoteżi li l-magna tat-tiftix ta’ Google tiġi stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browsers tal-internet mobbli kollha, l-iktar li seta’ jistenna servizz kompetitur kien li jikseb preinstallazzjoni, flimkien ma’ Google Search, tal-applikazzjoni mobbli tiegħu.

703    It-tieni, il-Kummissjoni tispjega fid-dettall il-kalkolu tas-sehem kontestabbli, fl-ipoteżi ta’ preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ tiftix kompetitriċi flimkien ma’ Google Search. Hija tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-perċentwal tat-talbiet ta’ tiftix (12 %) imwettqa fuq il-PCs mis-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri kollha matul il-perijodu bejn l‑2011 u l‑2014 u tittrasponi dan il-perċentwal għall-ipoteżi tat-talbiet ta’ tiftix imwettqa mill-apparat portabbli. Min-naħa l-oħra, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjon għal Google tat-talbiet ta’ tiftix li joriġinaw minn Google Search [30 sa 40] %. Is-sehem kontestabbli jikkorrispondi għalhekk għal [0 sa 5] % tat-talbiet ta’ tiftix li jiġi minn din l-applikazzjoni. Dan huwa l-każ peress li, skont il-FDAM, kull applikazzjoni tas-servizzi ta’ tiftix kompetitriċi għandha, f’dan il-każ, tiġi preinstallata flimkien ma’ Google Search. Skont il-Kummissjoni, dan il-perċentwali huwa favorevoli għal Google.

704    It-tielet, il-Kummissjoni tispjega fid-dettall il-kalkolu tas-sehem kontestabbli, fl-ipoteżi li magna tat-tiftix kompetitriċi barra minn hekk tiġi stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fi browser tal-internet mobbli għajr Chrome, jiġifieri 22.5 %. Din il-perċentwali tirriżulta mis-somma tas-sehem kontestabbli tat-talbiet ta’ tiftix imwettqa permezz ta’ applikazzjoni mobbli [0 sa 5] % u tas-sehem tat-talbiet ta’ tiftix miksuba minn Google permezz tal-bar URL ta’ browser tal-internet mobbli [10 sa 20] %.

705    Sussegwentement, il-Kummissjoni tosserva li l-OEMs u l-ONMs kienu jirċievu bejn [0 sa 20] % u [30 sa 50] % tad-dħul mir-reklamar ta’ Google kopert mill-FTD abbażi ta’ portfolio.

706    Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jkopru biss id-dħul mir-reklamar iġġenerat minn [70 sa 80] % tat-talbiet ta’ tiftix ta’ Google. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza li l-FTD abbażi ta’ portfolio ma jikkonċernax id-dħul iġġenerat mill-paġna ewlenija tal-internet ta’ Google.

707    Fit-tieni lok, fid-dawl ta’ din id-data, il-Kummissjoni ssostni li servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur kien isibha impossibbli li jikkumpensa t-telf tad-dħul fuq l-apparati kollha koperti mill-FTD abbażi ta’ portfolio. Il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni żewġ xenarji distinti, li jvarjaw skont jekk ikunx hemm jew le, skont il-FDAM, obbligu li l-magna tat-tiftix ta’ Google tiġi stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq browsers tal-internet mobbli oħra.

708    Minn naħa, jekk ma jkunx hemm tali obbligu, il-Kummissjoni tesponi, l-ewwel nett, li, sabiex jikkompeti ma’ tqassim tad-dħul ta’ [30 sa 40] %, servizz kompetitur ikollu jirrinunzja għal iktar minn 100 % tad-dħul mir-reklamar tiegħu. Sabiex jikkompeti ma’ tqassim tad-dħul ta’ [10 sa 20] %, il-Kummissjoni żżid li servizz kompetitur ikollu jirrinunzja għal iktar minn [70 sa 80] % tad-dħul mir-reklamar tiegħu. Dan il-perċentwali jonqos għal [50 sa 60] % fil-każ ta’ tqassim minn Google ta’ [10 sa 20] % tad-dħul mir-reklamar tagħha u għal [30 sa 40] % fil-każ ta’ tqassim minn Google ta’ [10 sa 20] % tal-imsemmi dħul. Dawn id-differenzi huma spjegati mill-fatt li, filwaqt li Google tqassam kważi [70 sa 80] % tad-dħul mir-reklamar tagħha, servizz kompetitur ma jistax jaqsam, skont is-sehem kontestabbli, iktar minn 22.5 % ta’ tali dħul.

709    Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li dan il-kalkolu japplika biss jekk is-servizzi kompetituri jkunu preżenti fuq, fil-każ ta’ tqassim ta’ [10 sa 20] %, tal-inqas [70 sa 80] % tal-apparati portabbli koperti minn FTD abbażi ta’ portfolio, fil-każ ta’ tqassim ta’ [10 sa 20] %, tal-inqas [50 sa 60] % tal-apparati portabbli u, fil-każ ta’ tqassim ta’ [10 sa 20] %, tal-inqas [30 sa 40] % tal-apparati portabbli. Fil-każ ta’ tqassim ta’ [30 sa 40] %, il-kumpens fi kwalunkwe każ ikun impossibbli.

710    Il-preinstallazzjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri fuq numru kbir ta’ apparati portabbli fil-prattika hija diffiċli, b’mod partikolari għal dawk immirati lejn sehem żgħir mill-konsumaturi, bħal Seznam, li hija mmirata lejn il-kelliema tal-lingwa Ċeka. Id-diffikultà hija iktar u iktar sinjifikattiva peress li s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri jistgħu jittamaw li jiġu preinstallati biss fuq apparati portabbli ġodda, u mhux fuq dawk li diġà qegħdin jiċċirkulaw. Iktar ma jkun kbir l-ammont ta’ apparati portabbli tal-Google Android fiċ-ċirkulazzjoni, iktar ikun kbir il-perċentwali tad-dħul li jridu jirrinunzjaw għalih is-servizzi kompetituri sabiex jikkumpensaw għall-FTD abbażi ta’ portfolio.

711    Fil-każ, min-naħa l-oħra, ta’ eżistenza ta’ tali obbligu li Google Search tiġi stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq browsers tal-internet mobbli preinstallati għajr Chrome, skont il-Kummissjoni ma hemm l-ebda lok għal dubju. Fil-fatt, sabiex jikkumpensa, anki għal tqassim minn Google ta’ [10 sa 20] % biss tad-dħul mir-reklamar tagħha, servizz kompetitur ikollu joffri iktar minn 100 % ta’ dan l-istess dħul. Ma’ dan tiżdied ir-restrizzjoni dwar il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni kompetitriċi fuq ammont probabbilment limitat ta’ apparati portabbli kkonċernati minn FTD abbażi ta’ portfolio.

2)      Largumenti talpartijiet

712    Google ssostni li, minħabba l-kopertura baxxa tas-suq tal-FTD abbażi ta’ portfolio, tal-aċċess liberu tal-utenti għall-kompetituri u tal-possibbiltà għall-kompetituri daqstant effiċjenti li joffru l-istess ħlasijiet bħal dawk taħt l-FTD abbażi ta’ portfolio, huwa żbaljat li jitqies li dawn tal-aħħar kienu jippermettu li jiġu eliminati l-kompetituri daqstant effiċjenti. Fil-fatt, abbażi tal-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata stess, il-kompetituri daqstant effiċjenti jew anki inqas effiċjenti setgħu joffru l-istess ħlasijiet bħal dawk taħt l-FTD abbażi ta’ portfolio.

713    Fl-ewwel lok, Google ssostni li l-maġġoranza vasta tal-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jirriżultaw fi ħlasijiet ta’ [10 sa 20] % tad-dħul mit-tiftix u li l-ħlasijiet ta’ iktar minn [20 sa 30] % kienu rari ħafna. Issa, il-kalkoli ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessa 1243, juru li kompetituri daqstant effiċjenti (jew anki dawk inqas effiċjenti) setgħu jikkumpensaw l-FTD abbażi ta’ portfolio billi joffru ħlasijiet ta’ [20 sa 30] %. B’mod iktar preċiż, id-deċiżjoni kkontestata tindika li “għal OEM jew ONM li jirċievi ħlas ta’ tqassim tad-dħul abbażi ta’ portfolio ta’ [20 sa 30] % min-naħa ta’ Google, servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur ikollu joffri parti mid-dħul tiegħu ogħla minn [70 sa 80] %” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kompetituri setgħu jikkumpensaw il-FTD abbażi ta’ portfolio filwaqt li jżommu marġni ta’ madwar [30 sa 40] % mid-dħul mit-tiftix fuq l-apparati koperti. Dan il-marġni jitla’ għal [60 sa 70] % fir-rigward tal-ħlasijiet tat-tqassim tad-dħul ta’ Google ta’ [10 sa 20] %.

714    Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ssostni, fil-premessa 1246, li l-kompetituri kienu jitħallew mingħajr l-ebda marġni mid-dħul mit-tiftix tal-apparati koperti meta l-ħlasijiet tat-tqassim tad-dħul ta’ Google jilħqu livell ta’ [40 sa 50] %, iżda dan jikkonċerna biss żewġ ONMs. L-ebda sieħeb ieħor ma rċieva ħlas ta’ tqassim tad-dħul f’dan il-livell. Issa, il-ftehim ma’ wieħed minn dawn iż-żewġ ONMs imsieħba ġie konkluż qabel ma Google allegatament saret dominanti, u dan il-ftehim intemm kważi sena qabel il-ksur allegat, u l-ftehim mat-tieni ONM imsieħeb ikopri biss lil ċerti Stati Membri taż-ŻEE, kif jirriżulta mill-premessi 208 u 209 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio kienet baxxa ħafna fit-totalità tagħha, il-kopertura ta’ dawn il-FTD abbażi ta’ portfolio kienet kunsiderevolment iktar baxxa. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tistabbilixxi effetti ta’ esklużjoni probabbli għal dawk il-ftehimiet.

715    Fit-tieni lok, Google ssostni li l-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kapaċità tal-kompetituri li joffru l-istess ħlasijiet bħal taħt il-FTD abbażi ta’ portfolio tinkludi diversi żbalji li jivvizzjaw il-konklużjoni tagħha li jgħid li servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur ma setax jikkumpensa lil OEM jew lil ONM għat-telf tal-ħlasijiet ta’ Google taħt il-FTD rilevanti.

716    Fil-fatt, il-marġni li servizz ta’ tiftix kompetitur jista’ jikseb filwaqt li joffri l-istess tqassim tad-dħul bħal Google jiddependi min naħa fuq is-sehem mit-talbiet li kompetitur daqstant effiċjenti u attraenti jista’ jistenna li jikseb meta l-applikazzjoni tiegħu tkun preinstallata flimkien ma’ Google, il-proporzjon ta’ apparati li għalih OEM jew ONM huwa lest li jippreinstalla lil kompetitur u l-ispejjeż ta’ kompetitur daqstant effiċjenti. Fuq dawn il-punti, id-deċiżjoni kkontestata twettaq żbalji li, ladarba jiġu kkorreġuti, juru li l-kompetituri setgħu jagħmlu offerti ogħla mill-FTD abbażi ta’ portfolio ta’ Google, inklużi l-FTD li joffru [40 sa 50] % tat-tqassim tad-dħul.

717    L-ewwel nett, kompetitur daqstant effiċjenti seta’ jikseb ħafna iktar minn 12 % tat-talbiet ta’ tiftix tal-applikazzjoni Google Search kieku l-applikazzjoni ta’ tiftix kompetitriċi kienet ukoll preinstallata. Bħala eżempju, Seznam, fir-Repubblika Ċeka, kisbet sa 26 % tal-ishma annwali tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix fuq il-PCs matul il-perijodu tal-abbuż allegat. Kompetitur daqstant attraenti u għalhekk anki effiċjenti jista’ għalhekk jikseb tal-inqas 26 % tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix.

718    It-tieni, kompetitur daqstant effiċjenti seta’ jikseb talbiet permezz tal-paġna ewlenija tiegħu u jiġġenera, permezz ta’ dan il-punt ta dħul, dħul li jista’ jitqassam. Għalkemm Google ma tqassamx tali dħul, kompetitur daqstant effiċjenti jista’ jagħmel offerti ikbar minn tagħha billi jqassam tali dħul.

719    It-tielet, kompetitur daqstant effiċjenti seta’ jikseb talbiet addizzjonali permezz ta’ l-istabbiliment bħala l-għażla prestabbilita fuq browser tal-internet mobbli, mingħajr ma kien ipprojbit mill-FDAM. Id-dikjarazzjonijiet ta’ tliet OEMs, iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, ma jipprovawx li l-OEMs kienu fehmu ħażin il-kundizzjonijiet tal-FDAM. Din il-kwistjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi evalwata abbażi tat-termini oġġettivi tal-FDAM, mhux fuq nuqqas ta’ fehim. Barra minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jissuġġerux li l-OEMs ma setgħux jissettjaw bħala l-għażla prestabbilita browser ieħor jew servizz ta’ tiftix fil-bar tal-URL ta’ browsers oħra. Dokumenti oħra juru li l-OEMs kienu liberi, skont il-FDAM, li jistabbilixxu servizzi ta’ tiftix kompetitturi bħala l-għażla prestabbilita fuq il-browsers u jikkonfermaw li l-OEMs kienu fehmu li dan kien il-każ. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tissopravaluta l-effett ta’ esklużjoni allegat tal-FTD ta’ Google.

720    Ir-raba’, id-deċiżjoni kkontestata la tispjega għalfejn kompetitur daqstant effiċjenti seta’ jikseb preinstallazzjoni biss fuq proporzjon limitat ta’ apparati tal-OEMs, la għalfejn OEM partikolari ma setax jippreinstalla applikazzjonijiet li jagħmlu l-istess ħaġa fuq uħud mill-apparati tiegħu iżda mhux fuq oħrajn, u lanqas għalfejn l-applikazzjonijiet kompetituri ma setgħux jiġu preinstallati fuq apparati li diġà nbiegħu matul il-perijodu li fih kien fis-seħħ il-FTD.

721    Il-ħames, id-deċiżjoni kkontestata tissopravaluta l-ispejjeż ta’ Google u minħabba f’hekk tissottovaluta l-marġni li kompetitur daqstant effiċjenti jista’ jilħaq filwaqt li joffri l-istess ammont bħall-FTD abbażi ta’ portfolio ta’ Google.

722    Skont Google, kompetitur daqstant effiċjenti seta’ jattira tal-inqas [30 sa 40] % tat-talbiet ta’ tiftix kieku kien preinstallat flimkien ma’ Google Search u stabbilit bħala l-għażla prestabbilita. Huwa kien ikun jista’ jikseb preinstallazzjoni fuq portfolio sħiħ ta’ apparati u jġarrab spejjeż ta’ [5 sa 10] % biss. Konsegwentement, huwa seta’ jagħmel offerti ogħla mill-FTD abbażi ta’ portfolio ta’ Google filwaqt li jilħaq marġni ta’ bejn [10 sa 20] % fuq il-FTD li jagħtu lok għal ħlasijiet ta’ [40 sa 50] % sa [70 sa 80] % fuq il-FTD li jagħtu lok għal ħlasijiet ta’ [10 sa 20] %.

723    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, li l-analiżi tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-kompetituri daqstant effiċjenti li jikkumpensaw il-ħlasijiet ta’ Google hija biss fattur wieħed fost oħrajn biex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ FTD abbażi ta’ portfolio li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tat-test AEC ma hijiex rilevanti f’sitwazzjoni fejn is-suq huwa strutturat b’tali mod li l-feġġ ta’ kompetitur daqstant effiċjenti huwa prattikament impossibbli.

724    Il-Kummissjoni tqis ukoll li, f’dan il-każ, ma jkunx realistiku li ma tittiħidx inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fit-tiftix ġenerali, li żżid l-effett ta’ lieva li minnu tibbenefika Google meta tikkonkludi FTD abbażi ta’ portfolio mal-OEMs u mal-ONMs. Il-motivazzjonijiet ta’ Google sabiex tikkonkludi dawn il-FTD ukoll huma rilevanti, kif inhu rilevanti wkoll l-għan tal-FTD li jiżguraw li l-OEMs u l-ONMs jiksbu mingħand Google il-ħtiġijiet kollha tagħhom fil-qasam tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix fuq l-apparati inkluż fil-firxa miftiehma.

725    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio, il-Kummissjoni tenfasizza n-nuqqas ta’ uniformità tal-FTD kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet imposti fuq l-OEMs li jinsabu fil-FDAM. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tinnota li jeżistu numru ta’ punti ta’ dħul għat-tiftix fuq apparat tal-Google Android diġà kkonfigurat biex jiffavorixxi lil Google mill-FDAM bl-obbligu li jiġu preinstallati l-applikazzjoni Google Search fuq l-iskrin ewlieni u Google Chrome, b’Google bħala l-għażla prestabbilita għat-tiftix ġenerali.

726    F’dan il-kuntest, Google ħallset lill-OEMs jew lill-ONMs perċentwali ta’ bejn [0 sa 10] % u [30 sa 40] % tad-dħul mir-reklamar nett ta’ Google ġġenerat mit-tiftix fuq Google fuq firxa ta’ apparati ddefinita, imwettqa mill-applikazzjoni Google Search, il-bar tal-indirizz tal-Chrome u l-bar tal-URL tal-browsers l-oħra kollha tal-internet mobbli. Dawn il-ħlasijiet kienu suġġetti għall-obbligu li l-OEMs jew l-ONMs iżommu l-esklużività, jiġifieri li ma jinstallaw, fuq kwalunkwe apparat fil-firxa kkonċernata, l-ebda servizz simili għal Google Search.

727    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-kwistjoni dwar jekk il-FDAM kinux diġà jimpedixxu lill-OEMs milli jissettjaw servizz ieħor ġenerali ta’ tiftix bħala l-għażla prestabbilita fi browser li dawn l-OEMs setgħu jippreinstallaw minbarra Chrome kien punt li fuqu l-OEMs kienu inċerti. Ċerti OEMs fehmu li l-FDAM tagħhom kien jobbligahom jagħmlu s-servizz ġenerali ta’ tiftix ta’ Google dak prestabbilit għall-punti kollha ta’ dħul fuq l-apparati fil-firxa tagħhom. Madankollu, sabiex tiddetermina jekk servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur setax joffri l-istess ħlasijiet bħal Google, il-Kummissjoni telqet mill-prinċipju li jiffavorixxi lil Google li l-FDAM ma kinux jimponu tali restrizzjoni. L-argumenti ta’ Google f’dan ir-rigward huma għalhekk ineffettivi.

728    Fit-tielet lok, l-ewwel, il-kritika ta’ Google kontra r-raġunament segwit fid-deċiżjoni kkontestata jieħu bħala punt ta’ tluq stadju intermedju tal-kalkolu, u dan mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-analiżi esposta sussegwentement dwar il-portata limitata tal-installazzjoni li kompetitur seta’ jistenna li jilħaq. Dawn l-osservazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-kritika magħmula fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio konklużi ma’ żewġ ONMs imsieħba ta’ Android.

729    It-tieni, fir-rigward tal-argument ta’ Google intiż li jikkonfuta r-rilevanza tal-kriterju ta’ 12 % bbażat fuq is-sehem totali miksub mill-kompetituri għat-talbiet ta’ tiftix ġenerali fuq il-PCs, minħabba li dan il-kriterju ma jirriflettix is-sehem li seta’ jikseb kompetitur, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità tal-kompetituri li joffru l-istess ħlasijiet bħal Google diġà kienet favorevoli għal Google. Il-Kummissjoni tiċħad bl-istess mod l-argumenti kollha mressqa minn Google f’dan ir-rigward.

730    It-tielet, fir-rigward tal-argument ta’ Google intiż li jsemmi t-tqassim mill-kompetituri tad-dħul iġġenerat permezz tal-paġna ewlenija, huwa illużorju, skont il-Kummissjoni, li jitqies li dawn il-kompetituri jaċċettaw li jqassmu dħul li Google ma tqassamx skont il-FTD tagħha.

731    Ir-raba’, id-deċiżjoni kkontestata tispjega għalfejn huwa improbabbli li servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri kienu jiġu preinstallati fuq il-firxa kollha ta’ apparati ta’ OEMs, x’inhu l-effett tal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search fuq l-apparati diġà mibjugħa, għalfejn servizz ta’ tiftix kompetitur ma jistax jikkumpensa l-ħlasijiet ta’ Google, minkejja ż-żieda fil-bejgħ ta’ apparat ġdid, u għalfejn l-OEMs huma improbabbli li jikkonkludu FTD ma’ diversi servizzi kompetituri biex jikkumpensaw il-ħlasijiet ta’ Google.

732    Il-ħames, fir-rigward tal-argument ta’ Google dwar l-ispejjeż, dan ikun ineffettiv jekk il-Qorti Ġenerali taċċetta l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-eżattezza tal-analiżi tal-impossibbiltà li kompetitur joffri l-istess kundizzjonijiet tal-FTD abbażi ta’ portfolio. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat, b’mod partikolari għaliex l-ispejjeż ikkalkolati minn Google ma jinkludux parti mill-ispejjeż fissi, b’mod partikolari dawk tar-riċerka u tal-iżvilupp (R&Ż).

3)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

733    Google tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset li kienet impossibbli għall-kumpanniji kompetituri li jikkumpensaw it-telf li jsofru l-OEMs u l-ONMs kieku dawn tal-aħħar kellhom jiddeċiedu li jippreinstallaw, flimkien ma’ Google Search, applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix kompetitriċi.

734    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari għamlet test AEC li Google tikkontesta kemm ir-riżultati tiegħu kif ukoll il-metodoloġija u l-ipoteżijiet kwantitattivi użati. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-iżbalji allegati minn Google fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punti 639 sa 645 iktar ’il fuq.

i)      Fuq lispejjeż attribwibbli lil kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti

735    Skont Google, fil-premessi 1265 u 1266 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tissopravaluta l-ispejjeż tagħha u, konsegwentement, tissottovaluta l-marġni li servizz ta’ tiftix kompetitur jista’ jżomm għalih jekk l-applikazzjoni tiegħu tiġi preinstallata flimkien ma’ Google Search.

736    Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li l-ispejjeż ta’ Google jikkorrispondu għal [10 sa 20] % tad-dħul mir-reklamar tagħha u li, sabiex jikkompeti ma’ Google, kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqsha jrid iżomm għalih tal-inqas [10 sa 20] % tad-dħul mir-reklamar. Issa, l-ispejjeż imġarrba minn Google u rilevanti għall-finijiet tat-twettiq tat-test AEC huma iktar, skont Google, fl-ordni ta’ [0 sa 10] %. Minflok ma tippreżumi l-ispejjeż ta’ Google, il-Kummissjoni setgħet faċilment tikseb aċċess għal informazzjoni preċiża billi titlob aċċess għad-data finanzjarja tagħha.

737    Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni tal-ispejjeż hija irrilevanti. Il-possibbiltà li Google tagħti lil kompetitur daqstant effiċjenti li jnaqqas biss [0 sa 10] % tal-ispejjeż minflok [10 sa 20] % hija insuffiċjenti sabiex tibdel ir-riżultat tal-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Google ma tipproduċix prova kontrarja u taħbi, kif indikat fil-premessa 1267 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur ikollu jkopri wkoll parti mill-ispejjeż fissi tiegħu, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ R&Ż.

738    Barra minn hekk, l-ilment dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-“informazzjoni rilevanti u disponibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huwa, skont il-Kummissjoni, infondat. Id-data annessa minn Google mar-rikors ma ġietx ipprovduta matul il-proċedura amministrattiva.

739    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google huwa kompetitur li jippreżenta, tal-inqas, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istess kapaċità li jiġġenera dħul u li jġarrab spejjeż identiċi bħal dawk tal-kumpannija f’pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jinsab fil-Linji Gwida dwar l-abbuż ta’ esklużjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza, essenzjalment, fil-punt 25 tal-imsemmija Linji Gwida, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kompetitur ipotetikament daqstant effiċjenti jkunx f’riskju li jiġi eskluż permezz ta’ prattiki tal-ipprezzar, il-Kummissjoni teżamina b’mod partikolari, meta tkun disponibbli, id-data ekonomika relatata mal-ispejjeż tal-kumpannija dominanti.

740    Fil-fatt, l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għandhom impatt dirett fuq il-marġni li kompetitur li ipotetikament huwa effiċjenti daqs Google jista’ jżomm għalih jekk ikollu jagħmel ħlasijiet ta’ esklużività biex jikkumpensa, f’dan il-każ, il-FTD abbażi ta’ portfolio. Iktar ma l-ispejjeż li għandhom jiġu koperti jkunu baxxi, iktar ikun probabbli li kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti jkun jista’ jżomm għalih marġni ikbar u, konsegwentement, iqassam dħul iktar sostanzjali.

741    Minbarra din ir-rimarka preliminari, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li, fil-premessa 1265 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li Google, fit-tweġiba tagħha għat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, “irrikonoxxiet” li l-ispejjeż imsejħa “operazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha kienu ta’ [10 sa 20] % u li, essenzjalment, kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google jkollu jġarrab l-istess livell ta’ spejjeż.

742    Huwa minnu li, fit-tweġiba tagħha għat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, Google tammetti li d-dokument li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni, jiġifieri FTD abbażi ta’ portfolio konkluż ma’ OEM partioklari, jinkludi linja dwar l-“ispejjeż operazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jammontaw għal [10 sa 20] %. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Google enfasizzat ukoll b’mod ċar li l-perċentwali meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ma kienx jikkorrispondi għall-ispejjeż rilevanti għall-implimentazzjoni tat-test AEC, li kellhom ikunu l-ispejjeż marġinali.

743    Fil-fatt, Google informat lill-Kummissjoni li dan il-perċentwali ma kellu l-ebda relazzjoni mal-ispejjeż li kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqsha jkollu jġarrab. Dan jikkorrispondi biss għat-tnaqqis mis-sehem mid-dħul imqassam lill-parti kontraenti l-oħra, li kien espress biss f’valur gross, u mhux nett. Dan il-punt tressaq minn Google fit-tweġiba tagħha għat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti.

744    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tallega, mingħajr ma tiżnatura t-tweġiba ta’ Google għat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, li Google impliċitament tat il-kunsens tagħha għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali perċentwali bħala spejjeż rilevanti għall-implimentazzjoni tat-test AEC.

745    It-tieni, Google, fit-tweġiba tagħha għat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, enfasizzat li kienet il-Kummissjoni li kellha twettaq investigazzjoni xierqa sabiex tiddefinixxi bi preċiżjoni l-ispejjeż rilevanti. Google kkritikat, b’mod iktar preċiż, lill-Kummissjoni talli qieset li l-ispejjeż li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-test AEC kienu ta’ [10 sa 20] % billi dderivat dan il-perċentwali minn dokumenti sottomessi minn parti terza, u mhux minn tweġiba għal talba għal informazzjoni indirizzata direttament lil Google.

746    Issa, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 25 tal-Linji Gwida dwar l-abbuż ta’ esklużjoni li, meta tkun disponibbli, il-Kummissjoni għandha tqis id-data ekonomika tal-kumpannija dominanti, b’mod li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, naqset milli twettaq eżami tal-ispejjeż xieraq.

747    Barra minn hekk, għalkemm, kif tenfasizza l-Kummissjoni, Google ma ttrażmettietx spontanjament tali data matul il-proċedura amministrattiva, hija ma tistax tiġi kkritikata għal dan.

748    Fil-fatt, l-oneru tal-prova tan-natura abbużiva ta’ prattika jaqa’ fuq il-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitressqu mill-kumpannija kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 sa 140). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, tibbaża ruħha biss fuq data li tinsab f’dokument mibgħut minn parti terza u tonqos milli tikkorroboraha ma’ Google, permezz, jekk ikun hemm bżonn, ta’ talba għal informazzjoni.

749    It-tielet, mill-premessa 1266 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rilevanza tal-ispejjeż marġinali għall-implimentazzjoni, f’dan il-każ, tat-test AEC, sa fejn hija tinnota li, sa fejn l-“ispejjeż operazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mnaqqsa minn Google huma perċentwali tad-dħul assoċjat mat-talbiet ta’ tiftix, huma jixbhu, essenzjalment, l-imsemmija spejjeż.

750    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan ir-rigward biss fuq sempliċi konġetturi, mingħajr madankollu ma tirreferi għal data iktar preċiża li toriġina minn Google. Dan il-punt huwa iktar u iktar essenzjali peress li, quddiem il-Qorti Ġenerali, Google tat iċ-ċifra tal-ispejjeż marġinali tagħha, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fit-test AEC, f’livell ta’ [0 sa 10] %. Issa, kif issostni ġustament Google, ma huwiex eskluż li, billi jkollu jkopri biss [0 sa 10] % tal-ispejjeż, kompetitur li ipotetikament huwa effiċjenti daqs Google ikun f’pożizzjoni aħjar li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio minn dik prevista mill-Kummissjoni.

751    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tagħmel riferiment għan-natura ineffettiva tal-argument ta’ Google, billi tafferma quddiem il-Qorti Ġenerali li, jekk tqis perċentwali iżgħar, ir-riżultat tat-test AEC jibqa’ l-istess u li Google ma tissuġġerixxix il-kuntrarju.

752    Minn dan isegwi li r-riferiment magħmul minn Google għal perċentwali sostanzjalment iktar baxx minn dak użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, flimkien man-nuqqas ta’ investigazzjoni addizzjonali mibdija mill-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ raġunijiet ddettaljati relatati fid-deċiżjoni kkontestata, huwa ta’ natura li joħloq dubju dwar il-korrettezza u r-regolarità tat-test AEC implimentat mill-Kummissjoni.

ii)    Fuq iddħul imqassam minn kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti

753    Skont Google, il-Kummissjoni b’mod tiżbalja meta taħbi s-sehem mit-talbiet ta’ tiftix li kumpannija kompetitriċi tista’ tikseb permezz tal-paġna ewlenija tal-internet tal-magna tat-tiftix tagħha. Filwaqt li Google ma tqassamx id-dħul mir-reklamar iġġenerat mit-talbiet ta’ tiftix fuq il-paġna ewlenija tal-internet tagħha, kumpanniji kompetituri li huma tal-inqas daqstant effiċjenti setgħu jagħżlu li jqassmu l-imsemmi dħul u, b’hekk, jikkompetu ma’ Google. Fil-premessa 1264 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni twarrab din il-possibbiltà, mingħajr madankollu ma tagħti motivazzjoni adegwata.

754    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li Google tikkontesta biss wieħed miż-żewġ motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiċħad din il-possibbiltà. Fil-premessa 1264 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt tinnota li s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri ma jqassmux id-dħul mir-reklamar iġġenerat abbażi ta’ talbiet ta’ tiftix imwettqa fuq il-paġna tal-internet tal-magni tat-tiftix tagħhom, sa fejn, l-ewwel nett, Google ma tqassamx dan id-dħul u, it-tieni nett, dan id-dħul huwa ġġenerat indipendentement minn kull ftehim ta’ tqassim tad-dħul konkluż mal-OEMs u mal-ONMs.

755    L-argument ta’ Google ma jistax jintlaqa’. Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ prattika li teskludi lil kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqsha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul imqassam mill-kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti. Fil-każ kuntrarju, dan iwassal biex jiġu evalwati l-effetti tal-aġir ta’ kumpannija li għandha pożizzjoni dominanti fuq kompetitur inqas effiċjenti, peress li dan tal-aħħar ikollu jqassam sors addizzjonali ta’ dħul sabiex jikkompeti.

756    Barra minn hekk, it-tieni motiv imsemmi fil-premessa 1264 tad-deċiżjoni kkontestata huwa biżżejjed biex jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali dħul fit-twettiq, f’dan il-każ, tat-test AEC. L-għan ta’ ftehim ta’ tqassim tad-dħul huwa li jinċentiva lill-OEMs u lill-ONMs biex jiffavorixxu t-tiftix imwettaq b’mod partikolari minn applikazzjoni mobbli jew minn punt ieħor ta’ dħul. Iżda l-OEMs u l-ONMs ma għandhom l-ebda possibbiltà li jinkoraġġixxu lill-utenti jmorru spontanjament fuq il-paġna ewlenija tal-internet tal-magna tat-tiftix kompetitriċi, irrispettivament mill-ftehimiet possibbli konklużi.

757    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

iii) Fuq issehem kontestabbli mittalbiet ta’ tiftix minn kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti

758    Google tallega li l-marġni li setgħu jirriżervaw il-kumpanniji kompetituri sabiex jikkumpensaw il-FTD abbażi ta’ portfolio għandu jiġi rievalwat u miżjud. Dan minħabba li s-sehem kontestabbli tat-talbiet ta’ tiftix fil-premessa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata kellu jkun ikbar. Google tinsisti wkoll fuq il-fatt li l-FDAM bl-ebda mod ma kienu jipprekludu lill-OEMs jew lill-ONMs ikkonċernati milli jistabbilixxu bħala l-għażla prestabbilita servizz ta’ tiftix kompetitur fuq browser tal-internet mobbli preinstallat għajr Chrome. Il-Kummissjoni tosserva, min-naħa tagħha, li d-data użata fid-deċiżjoni kkontestata tiffavorixxi lil Google. Hija tenfasizza wkoll li l-FDAM għandhom portata ambigwa li hija riflessa fl-aġir tal-OEMs u tal-ONMs.

759    F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li l-portata tal-FDAM ma ġietx evalwata bl-istess mod minn kull wieħed mill-OEMs u mill-ONMs ikkonċernati. Kif tinnota l-Kummissjoni fil-premessi 1229 u 1230 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti OEMs u ONMs, iżda mhux kollha kemm huma, jinterpretaw il-FDAM fis-sens li jipprojbixxu l-issettjar bħala l-għażla prestabbilita ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq browser tal-internet mobbli għajr Chrome.

760    Din il-konstatazzjoni ma taffettwax ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-każ ta’ sehem kontestabbli mit-talbiet ta’ tiftix li jinkludi wkoll bħala punt ta’ dħul lejn is-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri l-istabbiliment ta’ magna tat-tiftix kompetitriċi bħala l-għażla prestabbilita fuq browser terz, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni, essenzjalment, fil-premessa 1243 tad-deċiżjoni kkontestata, fi stadju intermedju tal-analiżi tagħha, li tgħid li kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google jista’ jikkumpensa kważi l-FTD abbażi ta’ portfolio kollha. Madankollu, din il-konstatazzjoni hija kkontestata mill-Kummissjoni stess fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tinkludi bħala parametru addizzjonali, li huwa kkontestat ukoll minn Google fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-portata limitata tal-preinstallazzjoni li tista’, fil-prattika, tinkiseb minn servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur.

761    Għall-kuntrarju, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss punt ta’ dħul wieħed, jiġifieri l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni kompetitriċi flimkien ma’ Google Search, il-Kummissjoni tikkonkludi, fl-istadju intermedju tal-analiżi tagħha, fil-premessa 1253 tad-deċiżjoni kkontestata, li jkun impossibbli għal kompetitur li ipotetikament huwa effiċjenti daqs Google li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio. F’dan il-kuntest, għandha għalhekk tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-test AEC, tad-diversi interpretazzjonijiet tal-FDAM.

762    Issa, inċertezza jew dubju relatati, bħal f’dan il-każ, mal-portata ta’ obbligu kuntrattwali għandhom, fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża għall-infurzar tal-liġi, li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ multa, jibbenefikaw lill-kumpannija inkwistjoni, sakemm dan id-dubju ma jiġix minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 71 u 72).

763    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tqis biss, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-test AEC, l-ipoteżi ta’ sehem kontestabbli li jinkludi kemm dak li jirriżulta mill-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni kompetitriċi flimkien ma’ Google Search kif ukoll dak li jirriżulta mill-issettjar bħala l-għażla prestabbilita ta’ servizz ta’ tiftix kompetitur fuq browser tal-internet mobbli għajr Chrome.

764    Fit-tieni lok, Google tikkritika lill-Kummissjoni talli ssottovalutat is-sehem kontestabbli mit-talbiet ta’ tiftix fuq apparati portabbli minn kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqsha. Skont Google, tali kompetitur ikun f’pożizzjoni li jirriżerva għalih iktar minn 12 % tat-talbiet ta’ tiftix li jwettqu l-utenti permezz ta’ Google Search.

765    Qabel kollox għandu jitfakkar li l-parti kontestabbli ta’ 12 % tikkorrispondi, kif jirriżulta mill-premessa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-parti kkontestata mis-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri kollha f’dak li jirrigwarda t-talbiet ġenerali ta’ tiftix li jitwettqu mill-PCs fiż-ŻEE. Fil-fatt, il-Kummissjoni ttrasponiet is-sehem ikkontestat għat-talbiet ġenerali ta’ tiftix fuq PC għas-sehem kontestabbli tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix fuq apparati portabbli. Minn dan is-sehem, il-Kummissjoni ddeterminat il-proporzjon massimu ta’ talbiet ta’ tiftix ġenerali li servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur jista’ l-iktar l-iktar jirriżerva jekk l-applikazzjoni tiegħu tiġi preinstallata flimkien ma’ Google Search.

766    Sabiex issostni l-affermazzjonijiet tagħha, Google tenfasizza, l-ewwel, li s-sehem ikkontestat mit-talbiet ta’ tiftix ġenerali mis-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri kollha fuq il-PC huwa minimu. Dan jimplika, skont Google, li s-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri ma humiex kompetituri li ipotetikament huma tal-inqas daqstant effiċjenti. Hija tenfasizza wkoll li fi swieq nazzjonali fejn is-servizzi kompetituri għandhom kopertura sinjifikattiva, bħal Seznam fir-Repubblika Ċeka, il-parti kkontestata hija ogħla. It-tieni, il-Kummissjoni ħbiet il-fatt li, matul il-perijodu kkunsidrat, Bing kienet stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq kważi l-PCs kollha.

767    F’dan ir-rigward, minn naħa, l-argument dwar l-issettjar ta’ Bing bħala l-għażla prestabbilita fuq kważi l-PCs kollha ma jistax jintlaqa’. Il-Kummissjoni fil-fatt tenfasizza, mingħajr ma tiġi kkontestata fuq dan il-punt minn Google, li, matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri mill‑2011 sal‑2014, Bing ma kinitx stabbilita bħala l-għażla prestabbilita fuq il-PCs kollha. Matul dak il-perijodu, Microsoft kienet obbligata tħalli l-għażla f’idejn l-utenti.

768    Min-naħa l-oħra, Google tesponi li, billi qieset sehem kontestabbli ta’ 12 %, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq is-sehem li jista’ jikkompeti għalih kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqs Google. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-parti realment ikkontestata mis-servizzi kollha ġenerali ta’ tiftix kompetituri fuq il-PC, li huma potenzjalment inqas effiċjenti. Dan l-iżball jivvizzja t-test AEC kollu implimentat mill-Kummissjoni.

769    Issa, id-definizzjoni ta’sehem kontestabbli mit-talbiet hija bbażata, kif ġustament tenfasizza Google, fuq żball ta’ raġunament u fuq interpretazzjoni żbaljata tat-test AEC.

770    L-ewwel nett, il-fatt li l-Kummissjoni għażlet li tikkunsidra bħala premessa għar-raġunament tagħha s-sehem verament ikkontestat tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix mis-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri kollha fuq il-PCs ma jippermettix li jiġi affermat b’ċertezza suffiċjenti li kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqsha seta’, fuq l-apparati portabbli, jikkontesta biss parti identika. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma realment ikkontestati fuq il-PC ma setax, f’dan il-każ, raġonevolment jikkostitwixxu l-bażi ta’ test AEC intiż biex jiġi vverifikat is-sehem kontestabbli ta’ talbiet ta’ tiftix ġenerali minn kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google fuq l-apparati portabbli.

771    It-tieni, għal ċerti swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, b’mod partikolari r-Repubblika Ċeka, is-sehem ikkontestat minn ċerti kompetituri, bħal Seznam, jidher ħafna ogħla minn dak ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, Google tenfasizza, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li, matul il-perijodu tal-ksur, Seznam kisbet sa 26 % tat-talbiet ġenerali ta’ tiftix fuq il-PCs.

772    Il-fatt li s-sehem kontestabbli mit-talbiet ta’ tiftix ta’ 12 % jieħu inkunsiderazzjoni s-sehem ikkontestat minn Seznam fir-Repubblika Ċeka lanqas ma jippermetti li jitqies li kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqsha ma jistax, bl-istess mod bħal Seznam fir-Repubblika Ċeka, jikkontesta sehem ikbar mit-talbiet ta’ tiftix fiż-ŻEE. Il-fatt stess li Google ssofri kompetizzjoni ikbar f’ċerti swieq nazzjonali ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix huwa preċiżament ta’ natura li joħloq dubju dwar il-korrettezza ta’ tali perċentwali.

773    It-tielet, il-fatt li Google biss tista’ tibbenefika mill-vantaġġi marbuta mas-setgħa tagħha fis-suq sabiex ittejjeb u toffri servizz preċiż lanqas ma jippermetti li jiġi eskluż b’ċertezza li kompetitur ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqsha, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-kwalità tas-servizzi u tal-innovazzjoni, jikkontesta sehem ikbar minn 12 % tat-talbiet ta’ tiftix.

774    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball billi telqet mill-premessa li kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqs Google jista’ biss, fuq l-apparati portabbli, jikkontesta 12 % tat-talbiet ta’ tiftix imwettqa mill-utenti permezz ta’ Google Search.

iv)    Fuq ilportata talpreinstallazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ kompetitur li huwa ipotetikament daqstant effiċjenti

775    Skont Google, il-Kummissjoni ma tiġġustifikax, fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn applikazzjoni ta’ servizz ta’ tiftix kompetitur tista’ tiġi installata minn qabel biss fuq numru limitat ta’ apparati portabbli. Skont Google, ir-riferiment għall-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-FDAM ma huwiex suffiċjenti u jmur kontra l-premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-Kummissjoni tenfasizza li, fin-nuqqas ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, l-OEMs u l-ONMs kellhom interess kummerċjali li jippreinstallaw diversi applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix.

776    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega l-affermazzjoni li kompetitur ma jistax jistenna, mingħand OEM jew ONM, li jikseb il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu fuq il-portfolio kollu tal-apparati portabbli koperti mill-FTD abbażi ta’ portfolio filwaqt li tagħmel riferiment għall-premessi 824 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata.

777    Il-premessi 824 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw l-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-FDAM. Il-Kummissjoni tesponi fihom li, għalkemm, skont il-FDAM, l-OEMs u l-ONMs ma kinux, teoretikament, preklużi milli jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur, huma qagħdu lura, fil-prattika, milli jippreinstallaw diversi applikazzjonijiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix.

778    Madankollu, ir-riferiment, fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-raġunijiet relatati mal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-FDAM sabiex tiġi rrelativizzata l-kapaċità ta’ kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio ma huwiex konvinċenti, kif ġustament tenfasizza Google. Fil-fatt, il-kuntest tal-evalwazzjoni antikompetittiva tal-FDAM huwa differenti minn dak tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà għal kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google, li jkun jixtieq jikseb il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu bħala kontroparti għal tqassim tad-dħul mir-reklamar, li tikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio.

779    L-ewwel nett, sabiex turi li l-vantaġġ kompetittiv li Google tikseb mill-FDAM ma jistax jiġi kkumpensat mill-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-premessi 825 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-OEMs u l-ONMs jistgħu jirċievu biss dħul żgħir addizzjonali fid-dawl tas-sehem mis-suq ta’ Google u tal-omnipreżenza tagħha fuq il-punti ta’ aċċess għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Barra minn hekk, l-OEMs u l-ONMs iġarrbu spejjeż ta’ tranżazzjoni ogħla u problemi tekniċi marbuta mal-ispazju tal-ħażna, u b’hekk ibaxxu l-esperjenza tal-utenti.

780    Issa, dawn il-motivi, għalkemm huma rilevanti meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kompetitur attwali ta’ Google li ma jipprovax iqassam id-dħul mir-reklamar tiegħu, bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi sostnut li kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqs Google, li jixtieq iqassam id-dħul tiegħu, ma jkunx f’pożizzjoni li jikseb il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu fuq il-portfolio kollu ta’ apparati portabbli tal-OEMs u tal-ONMs ikkonċernati.

781    Tali preinstallazzjoni konġunta tista’ żżid l-attrattività tal-apparati portabbli intelliġenti u, għaldaqstant, tikkorrispondi għall-interessi tal-OEMs u tal-ONMs. Fil-fatt, billi joffru diversi applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix, jiġifieri dawk ta’ Google u ta’ kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqsha, l-esperjenza tal-utenti tista’ tittejjeb, u tagħmel l-apparati portabbli kkonċernati iktar attraenti, kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata.

782    Barra minn hekk, id-dħul mill-FTD abbażi ta’ portfolio li l-OEMs u l-ONMs jitilfu kieku Google Search ma tibqax tgawdi preinstallazzjoni esklużiva jistgħu, kif jirriżulta mill-premessa 1243 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġu kkumpensati minn kompetitur li huwa tal-inqas daqstant effiċjenti fl-ipoteżi li l-apparati portabbli kollha jkunu koperti mit-tqassim tad-dħul mir-reklamar minn kompetitur li huwa tal-inqas daqstant effiċjenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza fil-premessa 1216 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Google, li, fin-nuqqas tal-FTD abbażi ta’ portfolio, l-OEMs u l-ONMs dejjem setgħu jirċievu dħul mingħand Google, li jippermetti għal darba oħra li tiġi rrelativizzata l-affermazzjoni li tgħid li kompetitur li huwa ipotetikament tal-inqas effiċjenti daqsha jkun jista’ jikseb il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu biss fuq numru limitat ta’ apparati portabbli.

783    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota, fil-premessi 830 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-FDAM jipprojbixxu lill-OEMs u lill-ONMs milli jippreinstallaw applikazzjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetitriċi jew lill-ONMs milli jeżiġu mill-OEMs il-preinstallazzjoni esklużiva ta’ tali applikazzjoni.

784    Issa, l-ipoteżi prevista fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata hija dik ta’ preinstallazzjoni flimkien ma’ Google Search, u mhux minflok din l-aħħar applikazzjoni. Il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 830 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata ma hija ta’ ebda għajnuna, sa fejn l-ipoteżi prevista fir-rigward tal-kumpens tal-FTD titlaq mill-premessa li tgħid li applikazzjoni kompetitriċi hija preinstallata flimkien ma’ Google Search.

785    It-tielet, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-premessa 1247 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq żewġ eżempji li jinsabu fil-premessa 1219 sabiex turi li l-kompetituri li, fil-prattika, irnexxielhom jiksbu l-preinstallazzjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix setgħu jkopru biss numru limitat ta’ apparati portabbli jew, fi kwalunkwe każ, numru insuffiċjenti sabiex jikkumpensaw il-FTD abbażi ta’ portfolio. Google tenfasizza, għall-kuntrarju, li wieħed mill-eżempji ċċitati mill-Kummissjoni jippermetti li tiġi kkorroborata t-teżi opposta.

786    L-eżempji li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni huma dawk ta’ kompetituri attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tindikax, fil-premessa 1247 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk hija tqisx lil dawn il-kompetituri bħala kompetituri li ipotetikament huma effiċjenti daqs Google, jekk ifittxu li jqassmu d-dħul mir-reklamar tagħhom.

787    Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni li tgħid li l-vantaġġ kompetittiv li Google tikseb mill-FDAM ma jistax jiġi kkontrobilanċjat mill-aġir tal-OEMs u tal-ONMs li jagħżlu li jippreinstallaw applikazzjoni kompetitriċi hija qabel kollox, kif jirriżulta mill-premessa 833 tad-deċiżjoni kkontestata, immotivata mill-fatt li dawn tal-aħħar huma wkoll marbuta ma’ Google permezz ta’ FTD abbażi ta’ portfolio. Issa, hawnhekk ix-xenarju eżaminat jirrigwarda lil kompetitur ipotetiku li joffri li jissostitwixxi l-ftehim tiegħu ta’ tqassim tad-dħul minflok il-FTD ta’ Google.

788    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tirrelativizza l-kapaċità ta’ kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio permezz tas-sempliċi affermazzjoni li tali kompetitur jista’, f’din is-sitwazzjoni, jikseb preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu biss fuq numru limitat ta’ apparati portabbli ta’ OEMs jew ta’ ONMs.

v)      Fuq lapplikazzjoni temporali tattest AEC

789    Għall-kuntrarju tal-approċċ segwit mill-Kummissjoni fil-premessa 1249 tad-deċiżjoni kkontestata, Google ssostni li l-possibbiltà li kompetitur li huwa ipotetikament effiċjenti daqsha jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio għandha tiġi vverifikata biss miż-żmien li fih l-imsemmija ftehimiet kienu daħlu fis-seħħ. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kapaċità tal-apparati portabbli reċenti li jiġġeneraw dħul ogħla minn dawk diġà fiċ-ċirkolazzjoni. Hija tiċħad ukoll b’mod żbaljat il-fatt li d-dħul iġġenerat minn apparati qodma jonqos maż-żmien, għas-sempliċi raġuni li Google ma pproduċietx prova f’dan is-sens matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda wieħed mill-elementi mressqa minn Google ma jippermetti li titqiegħed f’dubju d-deċiżjoni kkontestata.

790    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bl-istess mod bħal fil-każ ta’ ċerti sistemi ta’ tnaqqis mogħtija skont il-kwantitajiet mibjugħa matul perijodu ta’ referenza li fil-kuntest tagħhom tiżdied il-pressjoni eżerċitata fuq ix-xerrej fl-aħħar tal-perijodu ta’ referenza sabiex jintlaħaq il-fatturat li jagħtih id-dritt għal dan it-tnaqqis, l-effett ta’ esklużività ta’ ftehim ta’ tqassim tad-dħul jiżdied meta jiżdied in-numru ta’ oġġetti mibjugħa li jintegraw is-servizzi li wasslu għall-imsemmi dħul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 34).

791    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, ġustament, fil-premessa 1249 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwat in-natura antikompetittiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, mhux biss fil-mument tal-konklużjoni tagħhom, iżda wkoll matul il-perijodu li matulu dawn kienu fis-seħħ. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, ma jistax jinħeba li iktar ma n-numru ta’ apparati portabbli fiċ-ċirkulazzjoni kkonċernati mill-FTD abbażi ta’ portfolio jiżdied, iktar issir diffiċli l-kapaċità ta’ kompetitur, anki jekk ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqsha, li joffri l-istess ħlas fil-prattika. Dan jgħodd ukoll f’dan il-każ, sa fejn id-dħul imqassam minn Google jiddependi fuq it-tiftix imwettaq fuq l-apparat portabbli mibjugħ.

792    Għaldaqstant, ma jistax ikun li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta analizzat il-kapaċità ta’ kompetitur li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio fuq bażi mhux statika, iżda dinamika.

793    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 1249 tad-deċiżjoni kkontestata jibqgħu purament teoretiċi. Il-Kummissjoni ma tikkwantifikax, f’dan il-każ, l-effett konkret tal-apparati diġà mibjugħa fuq il-kapaċità ta’ kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio.

794    Min-naħa l-oħra, filwaqt li tali data setgħet tkun rilevanti, kif tenfasizza ġustament Google, sabiex jiġi rrelativizzat l-impatt fuq il-kapaċità ta’ kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio, il-Kummissjoni teskludi, fil-premessa 1270 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tendenza li apparat portabbli reċenti jiġġenera dħul ikbar milli jagħmel l-apparat portabbli antik għas-sempliċi raġuni li Google, fit-tweġiba tagħha għat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, ma pproduċietx provi f’dan is-sens.

795    Issa, in-natura abbużiva tal-ħlasijiet ta’ esklużività ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi preżunzjoni ta’ abbuż, li tkun ir-responsabbiltà tal-kumpannija f’pożizzjoni dominanti li tikkonfutaha. Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li, f’każ ta’ kontestazzjoni tan-natura restrittiva tal-kompetizzjoni ta’ prattika tal-ipprezzar, il-Kummissjoni hija obbligata tevalwa ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li fihom taqa’ l-prattika inkwistjoni sabiex tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li huma tal-inqas effiċjenti daqs il-kumpannija dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 139 u 140).

796    Għalhekk, sa fejn, f’dan il-każ, l-oneru tal-prova tal-effett ta’ esklużjoni ta’ FTD abbażi ta’ portfolio fuq kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti ma kienx jaqa’ fuq Google, iżda fuq il-Kummissjoni, din tal-aħħar ma setgħetx tibbaża ruħha, fil-premessa 1270 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq allegat nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni minn Google sabiex tifhem, mingħajr analiżi ulterjuri, il-kapaċità tal-apparati portabbli reċenti u dawk antiki li jiġġeneraw dħul minn tiftix ġenerali identiku.

797    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq eżami xieraq tal-kapaċità ta’ kompetitur li ipotetikament huwa daqstant effiċjenti li jikkumpensa l-FTD abbażi ta’ portfolio matul il-perijodu li dawn kienu fis-seħħ fih.

vi)    Konklużjoni dwar irregolarità tattest AEC

798    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-test AEC implimentat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fih diversi żbalji ta’ raġunament. Dawn tal-aħħar jirrigwardaw, qabel kollox, waħda mill-premessi tat-test AEC, jiġifieri s-sehem mit-talbiet ta’ tiftix ġenerali li jista’ jikkontesta kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google kieku l-applikazzjoni tiegħu kellha tiġi preinstallata flimkien ma’ Google Search. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni naqset milli tiżola l-ispejjeż li jistgħu jiġu attribwiti lil kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google u għażlet sempliċement li testrapola d-data li tinsab f’dokument mibgħut minn parti terza li kienet ikkontestata matul il-proċedura amministrattiva minn Google. Barra minn hekk, il-motivi li fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jippermettu li tiġi sostnuta l-affermazzjoni li kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google jista’, fin-nuqqas ta’ FTD abbażi ta’ portfolio, jikseb il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu biss fuq numru limitat ta’ apparati portabbli. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni evalwat b’mod inkomplet il-propensità tal-apparati portabbli diġà fiċ-ċirkolazzjoni li jiġġeneraw dħul iktar baxx minn dak ta’ apparat portabbli reċenti.

799    Dawn l-erba’ konstatazzjonijiet huma, fihom innifishom, ta’ natura li tnissel dubju dwar il-korrettezza tar-riżultat tat-test AEC imwettaq mill-Kummissjoni u, konsegwentement, tal-allegat effett ta’ esklużjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio fuq kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqsha. Għaldaqstant, kif imwettaq mill-Kummissjoni, it-test AEC ma jistax jikkorrobora l-konstatazzjoni ta’ abbuż li jirriżulta mill-FTD abbażi ta’ portfolio.

5.      Konklużjoni fuq irregolarità talmotivi dwar innatura abbużiva talFTD abbażi ta’ portfolio

800    Fid-dawl tad-diversi żbalji ta’ raġunament tal-Kummissjoni, il-konklużjoni li tgħid li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu abbużivi ma tistax titqies bħala suffiċjentement stabbilita. Fil-fatt, l-imsemmija żbalji jirrigwardaw aspetti essenzjali tal-analiżi kompetittiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-kopertura tagħhom u l-implimentazzjoni tat-test AEC.

801    Minbarra dawn l-istadji tar-raġunament tal-Kummissjoni, in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio ma tistax, fiha nnifisha, tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni doppja ta’ restrizzjoni għall-innovazzjoni jew ta’ interess tal-OEMs u tal-ONMs, fin-nuqqas tal-imsemmija FTD, li jippreinstallaw diversi applikazzjonijiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix. Anki kieku Google ma tikkontestax dawn iż-żewġ aspetti tar-raġunament tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn huma, minnhom innifishom, insuffiċjenti sabiex jitneħħa d-dubju mqajjem mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-kopertura u tal-kapaċità tal-FTD abbażi ta’ portfolio, permezz tat-test AEC li wettqet, li jeskludu kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas daqstant effiċjenti.

802    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn tqis li jikkostitwixxu abbuż minnhom innifishom il-FTD abbażi ta’ portfolio, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Google dwar l-aċċess tal-utenti għal servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri u dwar il-ħtieġa ta’ test kontrofattwali.

E.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq levalwazzjoni żbaljata tannatura abbużiva talissuġġettar talgħoti ta’ liċenzji għallPlay Store u Google Search għallosservanza ta’ OAF

1.      Osservazzjonijiet preliminari dwar ilportata tattieni abbuż identifikat fiddeċiżjoni kkontestata

803    Fir-raba’ motiv, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, Google tikkontesta li tista’ tiġi kklassifikata bħala abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android u tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix il-prattika tagħha intiża biex tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għal Google Search (fil-kuntest ta’ FDAM) għall-aċċettazzjoni tal-OAF, li jinsabu fil-FAF.

804    Il-Kummissjoni tqis li l-prattiki inkwistjoni huma ta’ natura abbużiva u, barra minn hekk, li parti mill-argumenti mressqa minn Google insostenn tar-raba’ motiv hija ineffettiva. F’dan ir-rigward, hija ssostni wkoll li Google ma tikkontestax diversi provi li fuqhom hija fondata d-deċiżjoni kkontestata.

805    Kif jirriżulta mill-fajl, Google imponiet fuq l-OEMs li xtaqu jibbenefikaw mill-possibbiltà li jikkummerċjalizzaw apparati portabbli intelliġenti li fuqhom kienu preinstallati l-Play Store u Google Search li jikkonkludu FAF. Fil-fatt, l-iffirmar ta’ FDAM kien suġġett għall-konklużjoni ta’ FAF.

806    Għandu jitfakkar li huwa paċifiku li l-OAF jimponu l-konformità ma’ standard ta’ kompatibbiltà minima għall-implimentazzjoni tal-kodiċi tas-sors tal-Android. Dan l-istandard, iddefinit minn Google fid-DDK, li huwa ppubblikat fuq l-internet, jeżiġi b’mod partikolari li l-apparati portabbli intelliġenti jippermettu l-installazzjoni ta’ applikazzjonijiet, jittrażmettu b’mod korrett id-daqs tal-iskrins tagħhom lill-applikazzjonijiet, jimplimentaw il-funzjonijiet tas-sigurtà bażiċi u jinkludu sett ta’ APIs sħiħ għall-Android.

807    L-OAF japplikaw għall-apparati kollha kkummerċjalizzati minn kull OEM li kkonkluda FAF, sa fejn dawn l-apparati jaħdmu bl-Android jew b’fork tal-Android (jiġifieri OS żviluppat mill-kodiċi tas-sors tal-Android). Sabiex tintwera l-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli previsti fid-DDK, l-apparati għandhom jgħaddu minn sett ta’ testijiet tal-kompatibbiltà (iktar ’il quddiem is-“STK”). Is-STK, li Google tiżgura aċċess pubbliku għalih fis-sit tal-Android, jikkonsisti minn sensiela ta’ testijiet li jippermettu li jintwera li apparat portabbli intelliġenti li jaħdem b’fork tal-Android jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-kompatibbiltà kollha previsti fid-DDK. Huma l-OEMs stess li għandhom iwettqu s-STK għall-apparati tagħhom li jaħdmu b’fork tal-Android, inklużi dawk li fuqhom ma humiex preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google.

808    B’konvenzjoni, il-forks tal-Android li jgħaddu mis-STK iktar ’il quddiem ser jissejħu “forks tal-Android kompatibbli”. Min-naħa tagħhom, il-forks tal-Android li ma kinux suġġetti għal dawn it-testijiet jew li ma għaddewx minnhom, jiġifieri l-varjanti derivati mill-kodiċi tas-sors tal-Android ma wrewx effettivament il-kapaċità tagħhom li jgħaddu mis-STK, iktar ’il quddiem ser jissejħu “forks tal-Android mhux kompatibbli”.

809    Skont id-deċiżjoni kkontestata, mill‑1 ta’ Jannar 2011, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq globali, minbarra ċ-Ċina, tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android, minn naħa, u fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, min-naħa l-oħra, billi ssuġġettat l-għoti ta’ liċenzja għall-Play Store u għal Google Search għall-aċċettazzjoni tal-OAF. It-tieni abbuż beda fl‑1 ta’ Jannar 2011, id-data li fiha Google kisbet pożizzjoni dominanti fl-imsemmija swieq, u kompla sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 1187 tad-deċiżjoni kkontestata).

810    Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li, kif ikkonfermaw il-partijiet prinċipali waqt is-seduta, il-FAF jitqiesu bħala abbużivi fid-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn jimponu fuq l-OEMs li jiżguraw il-kompatibbiltà mad-DDK tal-apparati kollha tagħhom li jikkummerċjalizzaw u li l-OS tagħhom hija Android jew fork tal-Android, inklużi dawk li fuqhom ma jiġux preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google. Fi kliem ieħor, il-FAF jitqiesu bħala abbużivi biss sa fejn jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparati portabbli intelliġenti li għandhom OS li hija fork tal-Android mhux kompatibbli anki fin-nuqqas ta’ preinstallazzjoni fuq dawn l-apparati tal-applikazzjonijiet ta’ Google.

811    Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni qieset, f’termini ġenerali, li l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għal Google Search suġġett għall-osservanza tal-OAF seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni (premessa 1036 tad-deċiżjoni kkontestata), din l-evalwazzjoni għandha madankollu titqabbel mal-evalwazzjoni li tgħid li, filwaqt li jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni fil-każ ta’ apparati portabbli intelliġenti li fuqhom is-sett tal-GMS huwa preinstallat, dan ma huwiex il-każ fl-ebda ċirkustanza fil-każ tal-apparati li jaħdmu b’forks tal-Android li fuqhom ma jiġux installati l-applikazzjonijiet ta’ Google (premessa 1173 tad-deċiżjoni kkontestata).

812    B’hekk, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), u għall-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ grupp ta’ prodotti jew obbligi, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lil Google talli implimentat prattika antikompetittiva intiża biex iċċaħħad il-kummerċjalizzazzjoni ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli.

813    Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa minn Google u mill-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti intiżi biex juru l-leġittimità tal-applikazzjoni tal-OAF għall-apparati li fuqhom huwa installat is-sett tal-GMS kollu ma jistgħu fl-ebda każ jistabbilixxu li l-Kummissjoni kienet żbaljata fl-evalwazzjoni tagħha tat-tieni abbuż.

814    Fl-ewwel parti tar-raba’ motiv li hija tinvoka, Google tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni tal-prattika inkwistjoni. Fit-tieni parti tal-imsemmi motiv, Google ssostni li l-aġir tagħha huwa, fi kwalunkwe każ, oġġettivament iġġustifikat.

2.      Fuq lewwel parti, dwar irrestrizzjoni talkompetizzjoni

a)      Iddeċiżjoni kkontestata

815    Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), il-Kummissjoni tindika li, sabiex tikkaratterizza t-tieni abbuż, għandu jiġi stabbilit, l-ewwel, li l-OAF ma humiex marbuta mal-liċenzja għall-Play Store u għal Google Search; it-tieni, li Google għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android u fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix; it-tielet, li l-Play Store u Google Search ma jistgħux jinkisbu mingħajr l-aċċettazzjoni tal-OAF u, ir-raba’, li l-OAF huma kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni (premessi 1011 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata).

816    Wara li evalwat l-ewwel tliet kriterji, il-Kummissjoni żviluppat sitt linji ta’ argument biex tistabbilixxi li l-OAF jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni: l-ewwel, li l-forks tal-Android mhux kompatibbli jirrappreżentaw theddida kompetittiva kredibbli għal Google; it-tieni, li Google tiddefinixxi l-OAF, li għalhekk b’dan il-mod tikkontrolla l-kontenut tagħhom, u tissorvelja effettivament l-osservanza tal-applikazzjoni tagħhom mill-OEMs; it-tielet, l-OAF ixekklu l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli; ir-raba’, li l-forks tal-Android kompatibbli ma jirrappreżentawx theddida kompetittiva kredibbli għal Google; il-ħames, li l-kapaċità tal-OAF li jirrestrinġu l-kompetizzjoni hija msaħħa permezz tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-APIs proprjetarji ta’ Google għall-iżviluppaturi ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, li jnaqqas l-interess tal-iżviluppaturi li joħolqu applikazzjonijiet intiżi biex jiffunzjonaw fuq tali OS u, is-sitt, l-aġir ta’ Google jmantni u jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, jiskoraġġixxi l-innovazzjoni u normalment jaffettwa b’mod negattiv, direttament jew indirettament, lill-konsumaturi (premessi 1036 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Largumenti talpartijiet

1)      Largumenti ta’ Google

817    Insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, Google ssostni li l-OAF ma jillimitawx il-kompetittività tal-varjanti ta’ Android, iżda, għall-kuntrarju, iżiduha billi jżommu standard ta’ kompatibbiltà minima li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjonijiet fuq dawn il-varjanti kollha. Il-forks tal-Android mhux kompatibbli, li ma josservawx dan l-istandard, ma għandhom l-ebda interess u jipperikolaw l-“ekosistema tal-Android” kollha kemm hi.

818    Fl-ewwel lok, skont Google, l-osservanza tal-istandards tekniċi tad-DDK hija indispensabbli, minn naħa, sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ apparati portabbli intelliġenti li l-OS tagħhom hija l-Android jew fork tal-Android u, min-naħa l-oħra, sabiex tkun possibbli l-kompatibbiltà ta’ dawn l-apparati ma’ xulxin u mal-applikazzjonijiet żviluppati għall-Android (iktar ’il quddiem l-“interoperabbiltà”). Min-naħa l-oħra, l-inkompatibbiltajiet ipprovati jnaqqsu l-attrattività tal-OS u tal-forks tal-Android għall-utenti u għall-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet. L-OAF għalhekk jippermettu lill-OEMs jibbenefikaw mill-flessibbiltà kbira tal-mudell miftuħ tal-Android, filwaqt li jipproteġu l-vijabbiltà u l-kwalità ta’ dan l-OS u tal-forks tal-Android kontra l-funzjonament ħażin ikkawżat mill-inkompatibbiltajiet. Google ssostni li l-OAF huma intiżi biex jisiltu l-konsegwenzi tal-esperjenzi fil-passat u tal-għajbien ta’ ekosistemi miftuħa oħra, bħal Symbian u Unix. Għaldaqstant, l-OAF, sa fejn huma indispensabbli sabiex jipproteġu l-“ekosistema tal-Android”, ma jillimitawx il-kompetizzjoni.

819    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-rekwiżiti speċifiċi tal-OAF intiżi biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Lanqas ma tippreċiża liema parametru kompetittiv rilevanti jista’ jiġi affettwat. Il-partijiet għall-FAF sempliċement jimpenjaw ruħhom li jiggarantixxu li l-forks tagħhom tal-Android jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà previsti fid-DDK. L-OAF għalhekk iħallu l-OEMs liberi li jikkompetu bil-forks tal-Android tagħhom fuq il-parametri kompetittivi prevedibbli kollha, inklużi l-prezz, il-kwalità u l-innovazzjoni. Dawn jistgħu jagħmlu innovazzjonijiet fil-kodiċi tas-sors tal-Android, jiżviluppaw funzjonalitajiet ġodda u jżidu l-APIs. L-OAF ma jimpedixxux lill-fornituri ta’ OS jew lill-OEMs li jkunu kkonkludew FAF milli joffru servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri. Fil-fatt, il-forks tal-Android kompatibbli ma humiex inqas adattati mill-forks mhux kompatibbli biex joffru servizzi ta’ tiftix kompetituri.

820    Fit-tielet lok, Google ssostni wkoll li l-FAF, billi żguraw l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android, żiedu l-opportunitajiet għall-kompetituri, billi evitawlhom l-ispejjeż addizzjonali tal-iżvilupp li jirriżultaw mit-testijiet addizzjonali meħtieġa fil-każ ta’ pjattaforma frammentata, li, konsegwentement, kien iżid ukoll l-ispejjeż għall-utenti. Pereżempju, l-eżiġenza li l-APIs tal-Android kollha jiġu installati fuq apparat żviluppat speċifikament biex jaħdem bl-Android jew b’fork tal-Android jikkostitwixxi vantaġġ, u mhux restrizzjoni. Fil-fatt, kull apparat ikollu aċċess immedjat għall-firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet maħsuba għall-OS kollha li huma kompatibbli. Ir-rekwiżiti tekniċi l-oħra tad-DDK għandhom l-istess riżultat. L-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati għalhekk jevitaw il-ħtieġa li jibnu l-“ekosistema” tagħhom stess mix-xejn.

821    Fir-raba’ lok, Google ssostni li l-affermazzjoni li l-OAF jirrestrinġu l-kompetizzjoni hija bbażata fuq argumenti vagi u żbaljati, li, barra minn hekk, ma għandhomx rabta mal-OAF. F’dan ir-rigward, Google ssemmi b’mod partikolari t-theddida għall-kompetizzjoni li allegatament jirrappreżentaw il-forks tal-Android mhux kompatibbli, id-diffikultajiet li jaffaċċjaw ċerti forks tal-Android mhux kompatibbli, bħall-OS Fire OS ta’ Amazon u l-OS Aliyun ta’ Alibaba, kif ukoll l-affermazzjoni dwar in-natura mixtieqa ta’ ċerti inkompatibbiltajiet, li allegatament hija murija mid-deċiżjoni ta’ Google li ttemm il-kompatibbiltà tal-Android mal-Java. Skont Google, il-falliment tal-forks tal-Android mhux kompatibbli huwa attribwibbli għad-dgħufija intrinsika tagħhom u mhux għall-FAF.

822    Fil-ħames lok, l-allegazzjoni li Google tista’ “fil-prinċipju” tibdel ir-rekwiżiti tad-DDK sabiex tagħmilhom iktar restrittivi fil-futur hija spekulattiva u ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala ksur. Google qatt ma eżerċitat il-kontroll limitat tagħha fuq il-pjattaforma sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni u ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed jippreżupponi li hija kienet ser tagħmel dan. Hija tfakkar li l-FAF jipprevedu li jistgħu jingħataw ukoll eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà.

823    Fis-sitt u l-aħħar lok, Google ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata, l-OAF ma saħħewx il-pożizzjoni tagħha fis-suq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Fil-fatt, is-servizzi kompetituri jistgħu jużaw, bħala mezz ta’ distribuzzjoni, bl-istess mod il-forks tal-Android kompatibbli jew dawk mhux kompatibbli. L-OAF ma jimpedixxux lill-iżviluppaturi ta’ OS jew lill-OEMs milli jikkummerċjalizzaw apparati li fuqhom ikun ġie preinstallat servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn hija tqis li l-forks tal-Android mhux kompatibbli joffru mezz ta’ distribuzzjoni aħjar għas-servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search. Il-prospetti kummerċjali tal-forks tal-Android mhux kompatibbli, peress li huma iktar baxxi minn dawk tal-forks kompatibbli, ifissru li dawn jikkostitwixxu mezzi ta’ distribuzzjoni inqas tajbin. L-eżempji tal-preinstallazzjoni ta’ Bing minn Amazon u minn Nokia fuq forks tal-Android mhux kompatibbli ma humiex rilevanti.

824    Insostenn ta’ dan l-argument, l-intervenjenti insostenn ta’ Google jsostnu, b’mod partikolari, dan li ġej:

–        ADA ssostni li l-Kummissjoni kellha teżamina l-FAF fid-dawl tal-interazzjonijiet bejn l-OS u l-applikazzjonijiet; f’dan il-kuntest, il-forks mhux kompatibbli ma jikkostitwixxux theddida kredibbli għall-kompetizzjoni, minħabba l-ispejjeż tal-porting u l-inkonvenjenzi marbuta mal-inkompatibbiltajiet; fil-fatt, mingħajr l-APIs proprjetarji ta’ Google, l-applikazzjonijiet ma jaħdmux tajjeb u l-korrezzjonijiet ta’ dawn in-nuqqasijiet ta’ funzjonament jinvolvu spejjeż multipli u għoljin; dawn l-inkompatibbiltajiet għalhekk jippreżentaw żvantaġġ għall-iżviluppaturi u inkonvenjenzi għall-utenti; għalhekk ma kienx hemm alternattiva realistika għall-FAF;

–        CCIA ssostni li l-Kummissjoni kellha tfittex xenarju kontrofattwali realistiku, li kien ikun biżżejjed biex juri li l-FAF, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa ddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata, fir-realtà żiedu l-possibbiltajiet għall-kompetizzjoni;

–        Gigaset u HMD isostnu li l-FAF ħeġġew il-kompetizzjoni billi pproteġew il-vijabbiltà tal-Android fuq mudelli alternattivi oħra; dan kien ta’ benefiċċju għall-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, għall-OEMs u għall-konsumaturi; il-portata tad-DDK bl-ebda mod ma hija ambigwa; l-effetti tal-funzjonament ħażin li jinħoloq minn forks mhux kompatibbli jkunu ħżiena għall-atturi kollha;

–        Opera ssostni li l-mudell kummerċjali tal-Android kien ta’ benefiċċju għaliha billi offrielha pjattaforma affidabbli, li tippermettilha aċċess għal ħafna utenti potenzjali; dan il-mudell huwa iktar favorevoli għall-kompetizzjoni minn kwalunkwe mudell ieħor.

2)      L-argumenti talKummissjoni

825    Il-Kummissjoni tirreferi, essenzjalment, għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dokumenti interni u komunikazzjonijiet ta’ Google mal-OEMs juru li din il-kumpannija xtaqet li l-FAF jipprekludu lill-OEMs li kienu jixtiequ jbigħu apparati bil-Play Store u l-applikazzjoni Google Search preinstallati milli jbigħu wkoll apparati li jaħdmu b’forks tal-Android mhux kompatibbli. Il-FAF jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, billi jimpedixxu lill-imsieħba u lill-kompetituri ta’ Google milli jiżviluppaw forks tal-Android mhux kompatibbli li Google ma tistax tikkontrollahom, li fuqhom l-OEMs setgħu jippreinstallaw u jisettjaw bħala l-għażla prestabbilita servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri.

826    Għalhekk, l-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, l-għan tal-FAF huwa li jimpedixxu, minn naħa, l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, kemm mill-iżviluppaturi ta’ OS kif ukoll mill-OEMs, u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ apparati li jaħdmu b’tali forks. Tali għan huwa biżżejjed biex jikkaratterizza l-istrateġija ta’ Google bħala waħda intiża biex telimina l-forks tal-Android mhux kompatibbli. It-tieni nett, il-forks tal-Android mhux kompatibbli jikkostitwixxu għal Google theddida kompetittiva iktar kredibbli mill-forks tal-Android kompatibbli. It-tielet, l-effetti ta’ esklużjoni inerenti għall-FAF ma jitnaqqsux mill-eżistenza ta’ OS taħt liċenzja oħra għajr Android. Ir-raba’, il-Kummissjoni tfakkar li ċerti OEMs xtaqu jbigħu apparati li jaħdmu b’forks tal-Android mhux kompatibbli. Issa, f’dawn il-każijiet kollha, il-FAF impedixxew lill-OEMs u lill-iżviluppaturi interessati milli jissodsifaw din id-domanda.

827    L-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni jsostnu b’mod partikolari dan li ġej:

–        VDZ issostni li l-kompetizzjoni mill-forks tal-Android mhux kompatibbli tippermetti li tiżdied id-diversità u li jitnaqqsu l-prezzijiet tal-apparati, filwaqt li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni; l-OAF għalhekk imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ;

–        FairSearch issostni li l-OAF kienu intiżi biex jeskludu l-kompetizzjoni ta’ software b’sors miftuħ u li Google għandha setgħa diskrezzjonali fl-interpretazzjoni tat-terminu “frammentazzjoni”, li jippermettilha tikkonsolida s-setgħa tagħha fis-suq; għalhekk, l-OAF la huma ġġustifikati u lanqas proporzjonati;

–        Seznam tosserva li hija obbligata tirrikorri għall-Play Store, minħabba l-impossibbiltà li tikkonvinċi lill-iżviluppaturi biex toħloq il-ħanut tal-applikazzjonijiet tas-software tagħha stess għal suq daqstant żgħir bħar-Repubblika Ċeka biss; l-OAF iċaħħduha minn kull għażla li tista’ tkun ta’ interess kummerċjali u jostakolaw il-kompetizzjoni fuq il-merti fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix;

–        Qwant issostni li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-offerti ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli mill-OEMs saru kompetittivi, kif juri l-eżempju ta’ Fairphone; il-FAF, billi impedixxew l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, kienu ċaħħdu lill-magni tat-tiftix li jikkompetu ma’ Google Search minn pjattaformi ta’ distribuzzjoni.

c)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

828    Kif għadu kif tfakkar, il-Kummissjoni takkuża lil Google li hija tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għal Google Search għal sensiela ta’ obbligi li jirrestrinġu l-libertà tal-OEMs li jixtiequ jiksbu dawk il-liċenzji, preċiżament billi jimpedixxuhom milli jikkummerċjalizzaw ukoll kwalunkwe apparat ieħor li jaħdem b’fork tal-Android mhux kompatibbli. Din ir-restrizzjoni tirriżulta mill-FAF, u tikkostitwixxi, sa fejn tapplika għall-apparati portabbli intelliġenti li fuqhom ma humiex preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google, l-uniku obbligu meqjus bħala abbużiv fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt ta’ Google illi timponi rekwiżiti ta’ kompatibbiltà fir-rigward tal-apparati li fuqhom huma installati l-applikazzjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tqis bħala abbużiva l-prattika ta’ Google intiża biex ixxekkel l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tistabbilixxi li Google, kif tqis hija stess fid-deċiżjoni kkontestata, implimentatx prattika intiża biex teskludi l-forks tal-Android mhux kompatibbli u jekk din il-prattika tistax tiġi kklassifikata bħala antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

829    Skont il-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, il-prattiki abbużivi li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew tal-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi. Sabiex jiġi evalwat jekk it-tieni aġir ta’ Google kklassifikat bħala abbuż fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxix prattika abbużiva f’dan is-sens, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk il-Kummissjoni wrietx l-eżistenza ta’ dan l-aġir, u sussegwentement, jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li huwa seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

1)      Fuq leżistenza talprattika

830    Fir-rigward tal-eżistenza tal-prattika kkonċernata, il-projbizzjoni imposta fuq il-partijiet għall-FAF milli jikkummerċjalizzaw apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli ma hijiex ikkontestata mill-partijiet. Barra minn hekk, din tirriżulta mill-atti fil-fajl.

831    L-ewwel nett, l-eżistenza ta’ din il-prattika hija kkorroborata mit-tweġibiet ippreżentati minn Google għall-mistoqsijiet bil-miktub li sarulha mill-Qorti Ġenerali, li fihom hija tfakkar li d-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-FAF tmur lura għall-bidu tal-Android. Hija ssostni li hija għażlet li tinnegozja kummerċjalment biss mal-kumpanniji li jaċċettaw li ma jipperikolawx l-Android. Fil-fehma tagħha, tali għan seta’ jintlaħaq biss billi jiġu limitati s-sorsi kollha possibbli ta’ inkompatibbiltà u, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli. Dawn, billi joħolqu riskju ta’ funzjonament ħażin tal-applikazzjonijiet, jirrappreżentaw theddida għar-reputazzjoni tagħha u żvantaġġ, kemm mill-perspettiva tal-iżviluppaturi kif ukoll minn dik tal-konsumaturi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Google tirrikonoxxi li implimentat, sa mill-bidu, il-FAF sabiex ixxekkel l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli.

832    It-tieni, Google ma tikkontestax ir-realtà tas-seba’ eżempji, riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li hija intervjeniet b’mod attiv sabiex tfakkar lill-OEMs li kienu bdew jikkummerċjalizzaw apparati li jaħdmu b’forks tal-Android mhux kompatibbli bl-obbligi kuntrattwali tagħhom jew li għamlet pressjoni fuq l-iżviluppaturi, bil-għan li tiskoraġġixxihom milli joħolqu applikazzjonijiet għal forks tal-Android mhux kompatibbli (premessi 1051 sa 1059 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm Google sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-interventi tagħha kienu intiżi biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet tat-tagħmir, hija ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju, mill-posta elettronika mibgħuta dak iż-żmien minn Google lill-kumpanniji inkwistjoni jirriżulta li l-interventi tagħha kienu mmotivati mir-rieda li xxekkel l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli u mhux mill-ħtieġa li jiġu solvuti diffikultajiet tekniċi marbuta mal-apparati stess.

833    It-tielet, l-osservazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni minn kumpannija intervistata matul il-proċedura amministrattiva juru li Google kienet tissorvelja hija stess l-osservanza tal-FAF mill-OEMs billi tixtri, b’mod sporadiku, mingħand l-ONM u billi tissuġġetta hija stess l-apparat hekk akkwistat għas-STK (premessa 1061 tad-deċiżjoni kkontestata).

834    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-eżistenza materjali tal-prattika meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni li tikkostitwixxi t-tieni abbuż, li Google ammettiet, hija stabbilita. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li hija kienet implimentata b’mod effettiv, u dan mill-bidu nett tal-Android.

835    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din il-prattika, intiża biex tillimita l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li din l-esklużjoni kienet tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, tal-inqas, setgħet tagħmel dan, kif ukoll l-argumenti li permezz tagħhom Google tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet.

2)      Fuq innatura antikompetittiva talprattika

836    Fir-rigward tan-natura antikompetittiva tal-prattika kkonċernata, skont id-deċiżjoni kkontestata, Google segwiet għanijiet antikompetittivi u l-aġir tagħha pproduċa effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fil-prattika. Għaldaqstant, dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati.

i)      Firrigward tannatura antikompetittiva tal-għanijiet imfittxija

837    Mid-dokumenti interni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-OAF kienu kkonċepiti, b’mod partikolari, bl-għan li jxekklu kull żvilupp tal-kodiċi tas-sors tal-Android li ma kienx approvat minn Google, billi jċaħħdu lill-iżviluppaturi tal-forks tal-Android mhux kompatibbli mill-kummerċjalizzazzjoni. Dan l-għan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-argumenti mressqa minn Google fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv.

838    Fil-fatt, minn naħa, mill-posta elettronika interna ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-istrateġija intiża biex ixxekkel l-iżvilupp tal-forks tal-Android mhux kompatibbli kienet stabbilita sa mill-bidu, sabiex l-imsieħba u l-kompetituri ta’ Google jiġu mxekkla milli jiżviluppaw verżjonijiet tal-Android awtonomi. Mill-bidu, kif jirriżulta mill-posta elettronika interna u minn informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tal-Android, Google riedet tirriżerva l-aċċess għall-“ekosistema” għall-forks tal-Android kompatibbli u tipprojbixxi lill-kumpanniji parteċipanti milli jikkummerċjalizzaw apparati li jaħdmu b’forks tal-Android mhux kompatibbli (premessi 159 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata).

839    Min-naħa l-oħra, l-argumenti ppreżentati minn Google fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv sabiex tikkontesta n-natura antikompetittiva tal-prattika inkwistjoni huma bbażati fuq l-allegata neċessità li l-“ekosistema tal-Android” tiġi mħarsa mill-frammentazzjoni inerenti fil-mudelli tal-liċenzja hekk imsejħa “open source”. Din l-allegata neċessità tikkostitwixxi ċirkustanza li twaqqaf l-aġir tagħha milli jitqies bħala abbużiv, peress li l-vantaġġi għall-kompetizzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ frammentazzjoni tal-“ekosistema tal-Android” jeċċedu bil-kbir l-effetti antikompetittivi tal-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli. Issa, skont Google, dan ir-riskju ta’ frammentazzjoni jirriżulta mis-sempliċi preżenza fis-suq tal-forks tal-Android mhux kompatibbli, li, minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom, x’aktarx li jippreġudikaw l-interoperabbiltà, jiġifieri l-kapaċità li l-applikazzjonijiet kollha żviluppati għall-Android jitħaddmu fuq l-apparati kollha li jaħdmu bl-Android jew bi kwalunkwe fork tal-Android bħala OS. Google tirrikonoxxi għalhekk li n-neċessità li tiġġieled lil din it-theddida wasslitha biex ixxekkel l-iżvilupp tal-forks mhux kompatibbli.

840    F’dan ir-rigward, skont Google, l-inċentivi tas-suq biss ma setgħux jiksbu r-riżultat imfittex, peress li l-iżviluppaturi u l-OEMs, fin-nuqqas tal-FAF, ma kienx ikollhom interess suffiċjenti li jirrimedjaw huma stess kull riskju ta’ inkompatibbiltà. Google għalhekk issostni li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli li tinsab fil-FAF kienet b’hekk neċessarja. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riskju ta’ frammentazzjoni allegat minn Google huwiex ta’ natura li jiġġustifika b’mod oġġettiv dan l-aġir, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv.

841    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mid-dikjarazzjonijiet ta’ Google stess, ikkorroborati mill-atti fil-fajl, jirriżulta li l-prattika kklassifikata bħala abbużiva fid-deċiżjoni kkontestata ġiet implimentata intenzjonalment bil-għan li tillimita l-aċċess għas-suq tal-forks tal-Android mhux kompatibbli.

ii)    Firrigward tarrestrizzjoni talkompetizzjoni

842    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk Google hijiex fondata meta ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata li l-prattika inkwistjoni setgħet tirrestrinġi l-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-kapaċità tat-tieni abbuż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni li hija kkontestata minn Google jistgħu jinġabru taħt tliet motivi prinċipali. L-ewwel nett, il-forks tal-Android mhux kompatibbli huma kompetituri ta’ Google iktar kredibbli mill-forks tal-Android kompatibbli. It-tieni, it-tieni abbuż ippermetta lil Google teskludi effettivament il-forks tal-Android mhux kompatibbli. It-tielet, fl-aħħar nett, din l-esklużjoni tippreġudika l-kompetizzjoni, peress li għandha l-konsegwenza li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u tikkostitwixxi ostakolu għall-innovazzjoni.

–       Fuq ittheddida potenzjali eżerċitata millforks mhux kompatibbli

843    Skont il-Kummissjoni, għal Google, il-forks tal-Android mhux kompatibbli jikkostitwixxu theddida għall-kompetizzjoni li mhux biss hija kredibbli, iżda hija saħansitra superjuri għal dik eżerċitata mill-forks tal-Android kompatibbli u minn dik li jistgħu jirrappreżentaw OS oħrajn, bħal Windows Mobile jew Linux. F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux, minn naħa, fuq il-kwistjoni dwar sa fejn l-applikazzjonijiet żviluppati għall-Android jistgħu jaħdmu b’mod korrett fuq forks tal-Android mhux kompatibbli u, min-naħa l-oħra, fuq l-ispejjeż li jirriżultaw mill-adattament ta’ dawn l-applikazzjonijiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli, peress li l-Kummissjoni tqis li dawn huma iktar baxxi fil-każ tal-porting ta’ applikazzjoni żviluppata għall-Android lejn fork tal-Android mhux kompatibbli minn dawk li huma neċessarji fil-porting ta’ dik l-applikazzjoni lejn OS differenti.

844    F’dan ir-rigward, mill-atti tal-fajl jirriżulta mingħajr ambigwità li l-forks tal-Android mhux kompatibbli jikkostitwixxu, bħall-Android u l-forks tal-Android kompatibbli, OS taħt liċenzja. Barra minn hekk, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta wkoll li l-OS taħt liċenzja jikkostitwixxu suq rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Konsegwentement, il-forks tal-Android mhux kompatibbli jistgħu jikkompetu ma’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja. Għaldaqstant, il-kwistjoni diskussa mill-partijiet, dwar kemm, meta mqabbla mal-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq Google mill-forks tal-Android mhux kompatibbli, il-pressjoni kompetittiva relattiva eżerċitata mill-forks tal-Android kompatibbli u mill-OS l-oħrajn taħt liċenzja hija inqas jew iżjed sinjifikattiva hija irrilevanti. Fil-fatt, sabiex tiġi kkaratterizzata restrizzjoni tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-forks tal-Android mhux kompatibbli kienu kompetituri ta’ Android fis-suq tal-OS taħt liċenzja, fatt li ma huwiex ikkontestat minn Google.

845    Bl-istess mod, il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż tal-porting tal-applikazzjonijiet lejn il-forks tal-Android mhux kompatibbli, jiġifieri l-ispejjeż ta’ żvilupp li jiġġarrbu sabiex jippermettu l-funzjonament korrett tal-applikazzjonijiet żviluppati għall-Android fuq apparati li l-OS tagħhom hija fork tal-Android mhux kompatibbli, humiex iżjed jew inqas għoljin minn dawk tal-porting lejn OS differenti mill-Android hija wkoll irrilevanti. Fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat, ħaġa li Google ma wrietx, li l-ispejjeż tal-porting tal-applikazzjonijiet żviluppati għall-“ekosistema tal-Android” lejn il-forks tal-Android mhux kompatibbli huma paragunabbli ma’ dawk li jiġġarrbu għall-porting lejn OS kompletament differenti, jiġifieri dawk li ma ġewx żviluppati mill-kodiċi tas-sors tal-Android, għandu jitqies li, mill-perspettiva ta’ dawn l-ispejjeż, it-theddida kompetittiva għall-Google eżerċitata mill-forks tal-Android mhux kompatibbli ma tistax tkun inqas minn dik eżerċitata mill-OS l-oħrajn taħt liċenzja analizzati fid-deċiżjoni kkontestata.

846    Il-kapaċità tal-forks tal-Android mhux kompatibbli li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq Google lanqas ma hija kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli ma għandu l-ebda interess kummerċjali, ħaġa li kieku teskludi li dawn jikkostitwixxu theddida għaliha. Fil-fatt, Google f’dan ir-rigward tagħmel allegazzjoni ġenerali u astratta, li l-fondatezza tagħha ma hija bbażata fuq l-ebda prova konklużiva. Għall-kuntrarju, Seznam, fit-tweġiba tagħha għal-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, issostni li hija pprovat, iżda ma rnexxietx, tikkonvinċi lil OEMs li kienu kkonkludew FAF ma’ Google biex jikkummerċjalizzaw apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli, li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tinstalla l-magna tat-tiftix tagħha stess. Dan l-eżempju jikkorrobora l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li t-tieni abbuż għen lil Google tevita t-theddida kompetittiva li l-forks tal-Android mhux kompatibbli setgħu jirrappreżentaw għaliha, kemm fis-suq tal-OS taħt liċenzja kif ukoll f’dak tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

847    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li Google ma stabbilixxietx li l-forks tal-Android mhux kompatibbli fl-ebda każ ma setgħu jikkostitwixxu theddida kompetittiva għaliha. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-FAF humiex probabbli li effettivament jagħmlu iktar diffiċli d-dħul ta’ dawn il-kompetituri ta’ Google fis-suq tal-OS.

–       Fuq lesklużjoni effettiva talforks talAndroid mhux kompatibbli u leffetti antikompetittivi ta’ din lesklużjoni

848    Huwa stabbilit li, matul il-perijodu tal-ksur ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, l-ebda fork tal-Android mhux kompatibbli ma rnexxielha teżisti għal perijodu estiż fis-suq. Il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-konstatazzjoni, peress li l-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-falliment kummerċjali tal-forks tal-Android mhux kompatibbli li kienu jeżistu, minn naħa, u n-nuqqas ta’ dħul fis-suq ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli ġodda, min-naħa l-oħra, huma r-riżultat tal-aġir ta’ Google. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkritika lil Google talli imponiet il-konklużjoni ta’ FAF għall-OEMs kollha li xtaqu jibbenefikaw mill-installazzjoni tal-Play Store u ta’ Google Search fuq l-apparati li huma jikkummerċjalizzaw. Għall-kuntrarju, Google ssostni li l-falliment tal-forks tal-Android mhux kompatibbli huwa r-riżultat tan-nuqqasijiet inerenti tagħhom u tan-nuqqas ta’ interess kummerċjali tagħhom.

849    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li Google ma tikkontestax l-osservazzjonijiet, fil-punt 6.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kopertura tal-FAF. F’dan ir-rigward, jitfakkar fid-deċiżjoni kkontestata li Google kkonkludiet FAF jew ftehimiet simili ma’ madwar mitt kumpannija li joperaw fis-suq tal-apparati portabbli intelliġenti, fil-livelli kollha tal-katina tal-produzzjoni ta’ dan l-apparat. FAF, b’mod partikolari, ġew konklużi mal-iktar 30 OEM importanti fir-rigward tal-bejgħ tagħhom ta’ apparati portabbli intelliġenti (figura 7 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tul ta’ dawn il-ftehimiet konklużi mal-OEMs kien tal-inqas ugwali għal dak tal-FDAM, peress li l-FAF kellhom jiġu mġedda jekk l-OEMs xtaqu jkomplu jibbenefikaw minn FDAM. Għaldaqstant, għandu jitqies bħala stabbilit li, matul il-perijodu tal-ksur, l-operaturi ekonomiċi l-iktar importanti, li setgħu joffru possibbiltà kummerċjali għall-iżviluppaturi ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, kienu preklużi milli jagħmlu dan mill-FAF.

850    Sussegwentement, Google tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-falliment ta’ Fire OS, fork tal-Android mhux kompatibbli żviluppata minn Amazon u bil-għan li toħloq “ekosistema” indipendenti minn Google, iżda li tippermetti li l-applikazzjonijiet żviluppati għall-Android jaħdmu fuqha. Skont Google, il-falliment ta’ Fire OS huwa spjegat minn diversi fatturi, fosthom in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-Play Store, fatt li Amazon stess irrikonoxxiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, huwa stabbilit li l-Play Store huwa “must have” rriżervat b’mod intenzjonat għall-parteċipanti fl-“ekosistema tal-Android”. Madankollu, Google ma tipproduċi l-ebda prova li tista’ tikkonfuta l-konstatazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata li sitta mill-OEMs l-iktar importanti f’termini ta’ bejgħ irrifjutaw li jikkonkludu ftehimiet intiżi għall-iżvilupp ta’ apparati li jaħdmu b’Fire OS, billi qalu lil Amazon li dan kien jikkostitwixxi ksur ċar tal-FAF (premessa 1094 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, għandu jitqies li, anki jekk hemm raġunijiet oħra li wkoll jistgħu jispjegaw il-falliment kummerċjali ta’ Fire OS, li, barra minn hekk, ma humiex indipendenti mill-politika kummerċjali ta’ Google, il-Kummissjoni madankollu stabbilixxiet li l-FAF ċaħħdu lil din l-OS minn opportunitajiet kummerċjali li setgħu joffrulha l-OEMs li kienu kkonkludew FAF ma’ Google.

851    Barra minn hekk, Google ma tikkontestax li intervjeniet b’mod attiv sabiex tfakkar lil diversi OEMs li kellhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw, inizjalment fiċ-Ċina, l-OS Aliyun, fork tal-Android mhux kompatibbli żviluppat minn Alibaba bl-obbligi tagħhom. Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn Alibaba matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li hija kellha l-intenzjoni li tikkonkludi ftehimiet ta’ produzzjoni intiżi biex tintroduċi l-OS tagħha fiċ-Ċina, u sussegwentement fil-bqija tad-dinja, inkluża ż-ŻEE. Mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn diversi OEMs jirriżulta wkoll li Google talbithom b’mod espliċitu jissospendu n-negozjati kummerċjali kollha ma’ Alibaba (premessi 1054, 1057 u 1069 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, Google, għalkemm tqis l-interventi tagħha ġġustifikati minn motivi ta’ protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha u mir-rieda li ma tħallix lill-kompetituri tagħha jibbenefikaw minn esternalitajiet pożittivi dovuti għan-natura “open source” tal-liċenzja tal-Android, ma tikkontestax li intervjeniet sabiex tiżgura li dawn l-OEMs josservaw l-obbligi tagħhom dwar il-projbizzjoni fil-FAF li jipprovdu opportunitajiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Google ma hijiex fondata meta ssostni li l-falliment ta’ Alibaba fiċ-Ċina huwa spjegat esklużivament minn nuqqasijiet tat-tagħmir u minn problemi bil-kwalità ta’ apparati ffalsifikati.

852    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fit-tieni parti tar-raba’ motiv, Google ssostni, fi tweġiba għal argument tal-Kummissjoni, li, fin-nuqqas tal-FAF, id-dixxiplina fis-suq, minkejja n-nuqqas ta’ interess kummerċjali fl-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, ma kinitx tkun suffiċjenti biex tiggarantixxi n-nuqqas ta’ inkompatibbiltajiet. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ obbligi vinkolanti, Google tqis li l-operaturi tal-“ekosistema tal-Android” kien ikollhom interess li jisfruttaw l-interoperabbiltà li tirriżulta mill-kompatibbiltà, iżda mhux neċessarjament li jġarrbu huma stess l-ispejjeż neċessarji sabiex jirrimedjaw l-inkompatibbiltajiet kollha.

853    Fl-aħħar nett, il-partijiet ma jaqblux lanqas fir-rigward tal-konklużjonijiet li kellhom jinsiltu mill-fatt li Google kienet irriżervat għaliha s-sjieda tal-APIs kif ukoll ta’ programmi oħra li hija kienet żviluppat, li jikkontribwixxu għall-funzjonament tal-applikazzjonijiet fuq l-apparati billi jippermettulhom jikkomunikaw b’mod effettiv mal-OS. Għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li r-rifjut minn Google li tagħmel l-APIs tagħha disponibbli għall-iżviluppaturi tal-forks tal-Android mhux kompatibbli kkontribwixxa għat-tieni abbuż, għandu madankollu jiġi rrilevat li, kif ikkonfermat waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma tikkontestax, bħala tali, id-dritt ta’ proprjetà ta’ Google tal-programmi li żviluppat hija stess. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Google indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta, li l-verżjonijiet suċċessivi tal-kodiċi tas-sors ta’ Android li hija qasmet kienu kollha jinkludu aġġornament tal-APIs “bażiċi” u li dawn kienu suffiċjenti biex jippermettu lill-applikazzjonijiet żviluppati għall-Android jaħdmu fuq l-iżviluppi kollha li huma kompatibbli mal-kodiċi tas-sors.

854    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jitqies, bħala tali, abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, l-użu minn kumpannija, anki waħda f’pożizzjoni dominanti, ta’ dritt ta’ proprjetà miksub b’mod leġittimu. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ dritt esklużiv marbut ma’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jifforma parti mill-prerogattivi tal-proprjetarju ta’ tali dritt, b’tali mod li l-eżerċizzju ta’ tali dritt, anki jekk il-kumpannija tkun f’pożizzjoni dominanti, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu abbuż minnha. Madankollu, tali aġir ma jistax jiġi aċċettat meta dan ikollu preċiżament l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-awtur tiegħu u li jabbuża minnha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 150 u 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

855    F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet miksuba minn tliet kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, li jgħidu li t-tqegħid għad-dispożizzjoni biss għall-parteċipanti fl-“ekosistema tal-Android” tal-APIs proprjetarji dejjem iktar effiċjenti kellu t-tendenza li jagħmel lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet għall-Android dipendenti fuq dawn l-APIs b’mod kritiku. L-ispiża ta’ kwalunkwe porting tal-applikazzjonijiet lejn forks tal-Android mhux kompatibbli għalhekk saret iktar skoraġġanti. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jitqies li l-politika kummerċjali adottata minn Google fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-APIs tagħha għandha titqies, bħala element kuntestwali, sabiex jiġi evalwat l-effett tar-restrizzjonijiet tal-opportunitajiet ikkawżat mill-FAF. Dan l-effett huwa iktar u iktar sinjifikattiv peress li Google ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li d-differenza teknoloġika bejn l-APIs ta’ Google u l-verżjonijiet bażiċi tal-kodiċi tas-sors żdiedet matul il-perijodu tal-ksur. L-aċċess għall-APIs proprjetarji ta’ Google għalhekk kellu interess strateġiku għall-iżviluppaturi u għall-OEMs. Barra minn hekk, ADA, intervenjenti insostenn ta’ Google, tikkonferma li, mingħajr l-APIs proprjetarji ta’ Google, l-applikazzjonijiet ma kinux jaħdmu b’mod korrett u l-korrezzjonijiet ta’ dawn in-nuqqasijiet ta’ funzjonament kienu jinvolvu spejjeż multipli u kbar.

856    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, l-OEMs li xtaqu jkollhom aċċess għall-APIs proprjetarji ta’ Google kellhom jikkonkludu FDAM, li kien jippreżupponi, minn qabel, li jiġu aċċettati l-kundizzjonijiet tal-FAF. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-politika tal-iżvilupp u tad-distribuzzjoni tal-APIs tagħha minn Google kkostitwixxiet inċentiv biex jiġu konklużi FAF, li, kif għadu kif ġie kkonstatat, illimitaw l-opportunitajiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli.

857    Sabiex tistabbilixxi n-natura antikompetittiva tal-prattika ta’ esklużjoni li tikkostitwixxi t-tieni abbuż, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tinvoka, minbarra l-ostakolu għall-iżvilupp ta’ kompetituri reali jew potenzjali ta’ Google fis-suq tal-OS taħt liċenzja, żewġ konsegwenzi prinċipali. Minn naħa, it-tieni abbuż wassal għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Min-naħa l-oħra, dan jikkostitwixxi ostakolu għall-innovazzjoni u jillimita d-diversità tal-offerti aċċessibbli għall-konsumaturi (premessi 1139 sa 1145 tad-deċiżjoni kkontestata).

858    Fir-rigward tal-ewwel punt imsemmi iktar ’il fuq, minn naħa, Google tikkontesta li l-FAF ikkontribwixxew għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Insostenn tal-kontestazzjoni tagħha, Google essenzjalment issostni li l-FAF ma kienu jinkludu l-ebda klawżola li tipprojbixxi lill-OEMs milli jinstallaw servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search u li s-suċċess tas-servizz tagħha huwa spjegat mill-merti tiegħu.

859    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qisitx bħala abbużivi l-klawżoli tal-FAF sa fejn dawn japplikaw għall-apparati li fuqhom huwa installat is-sett tal-GMS. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tieni abbuż, il-Kummissjoni tikkritika lil Google talli ċaħħdet lill-forks tal-Android mhux kompatibbli minn kull opportuntià kummerċjali. Issa, huwa stabbilit li l-politika tal-liċenzjar implimentata minn Google kienet tikkonsisti fl-irriżervar tas-sett tal-GMS għall-forks tal-Android kompatibbli. Għalhekk Google Search ma setgħetx tiġi installata fuq l-apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli. Din is-sempliċi ċirkustanza hija biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-forks tal-Android mhux kompatibbli setgħu jikkostitwixxu mezzi ta’ distribuzzjoni għal servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-FAF ma kienu jinkludu l-ebda projbizzjoni li jiġu preinstallati servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search, huma madankollu jikkontribwixxu, billi jillimitaw l-opportunitajiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli, biex is-servizzi ġenerali ta’ tiftix kompetituri jiġu mċaħħda minn sitwazzjonijiet li fihom, peress li kien ikollhom preinstallazzjoni esklużiva, huma ma kinux ikunu f’kompetizzjoni diretta ma’ Google Search fuq apparat partikolari.

860    Fil-fatt, fuq l-apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli, is-servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search setgħu jistennew mhux biss preinstallazzjoni, iżda saħansitra installazzjoni esklużiva. Barra minn hekk, skont Seznam, din kienet ir-raġuni għalfejn hija pproponiet lill-OEMs il-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli, li fuqu s-servizz ġenerali ta’ tiftix tagħha jkun installat waħdu. FairSearch issostni wkoll, mingħajr ma ġiet serjament kontradetta, li l-prattika kontenzjuża għamlet iktar diffiċli l-iżvilupp u l-penetrazzjoni fis-suq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix li jenfasizzaw il-protezzjoni tal-privatezza tal-utenti.

861    Minn dan isegwi li Google ma hijiex fondata meta tikkontesta l-evalwazzjonijiet li li jgħidu li l-prattika tagħha ta’ esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli kkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

862    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ostakolu għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata qieset li, billi tipprekludi l-iżvilupp ta’ varjanti differenti tal-OS, il-prattika tal-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli implimentata mill-FAF b’hekk xekklet l-opportunitajiet ta’ innovazzjoni u ċaħħdet lill-utenti minn funzjonalitajiet differenti minn dawk offruti mill-forks tal-Android kompatibbli jew addizzjonali għalihom. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, sabiex tistabbilixxi l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, tiddefinixxi b’mod iktar preċiż liema funzjonalitajiet setgħu jiġu introdotti fin-nuqqas tal-prattika kontenzjuża. Fil-fatt, Google ma tikkontestax li s-swieq inkwistjoni huma kkaratterizzati minn innovazzjonijiet rapidi, li kienu jkunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu għalihom il-forks b’karatteristiċi differenti mill-forks kompatibbli.

863    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-FAF ipprojbixxew lill-firmatarji tagħhom milli jipprovdu opportunitajiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli. Dan l-ostakolu għall-kompetituri diretti ta’ Google fis-suq tal-OS, li l-effetti tiegħu huma, barra minn hekk, imsaħħa mill-politika ta’ Google dwar il-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-APIs u tal-applikazzjonijiet proprjetarji l-oħra tagħha, barra minn hekk ikkontribwixxa biex isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u rriżulta wkoll li kien ta’ preġudizzju għall-utenti finali.

864    Peress li l-Kummissjoni qieset li t-tieni abbuż kien jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-istandards tekniċi kollha ddefiniti fid-DDK għall-apparati li fuqhom ma kienx ġie installat is-sett tal-GMS, u wettqet analiżi globali tal-effetti tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-prattika kontenzjuża, hija ma kinitx marbuta, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, li tidentifika bi preċiżjoni l-istandards tad-DDK li wasslu għal dawn l-effetti. Fil-fatt, il-kritiki indirizzati lil Google fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkonċernawx il-kontenut tal-obbligi ta’ kompatibbiltà ddefiniti minnha, iżda l-prattika tagħha intiża biex timpedixxi l-forks tal-Android mhux kompatibbli mill-opportunitajiet kummerċjali.

865    Peress li l-eżistenza u l-effetti ta’ din il-prattika jistgħu jitqiesu li huma stabbiliti mill-elementi msemmija iktar ’il fuq, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fil-kuntest ta’ din il-parti fuq l-argumenti dwar iċ-ċarezza tal-OAF, dwar in-natura purament teoretika tal-possibbiltà, għal Google, li tibdel il-kontenut tad-DDK b’mod antikompetittiv jew tal-eżistenza, min-naħa tagħha, ta’ intenzjoni li tiżgwida lill-partijiet kontraenti. Fil-fatt, dawn l-argumenti huma intiżi biex jikkontestaw motivi supplimentari adottati fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-eżami tagħhom ma jistax iqiegħed f’dubju l-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, issa għandhom jiġu eżaminati l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi ppreżentati minn Google.

3.      Fuq ittieni parti, dwar leżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

a)      Iddeċiżjoni kkontestata

866    Il-Kummissjoni tqis li ebda waħda mill-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa minn Google ma tista’ tiġi aċċettata. Hija tikkontesta l-argument żviluppat minn Google fi tmien punti matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri li, l-ewwel, l-OAF kienu neċessarji biex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà fl-“ekosistema tal-Android”, peress li l-mudelli kummerċjali tal-iżviluppaturi ta’ OS oħra huma iktar restrittivi għall-kompetizzjoni; it-tieni, li l-OAF kienu neċessarji biex tiġi evitata l-frammentazzjoni, li kienet iddgħajjef l-“ekosistema tal-Android” kollha; it-tielet, li l-OAF kienu neċessarji biex jipproteġu r-reputazzjoni tagħha; ir-raba’, li l-OAF kienu neċessarji biex jiġi evitat li l-iżviluppaturi ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli jibbenefikaw minn esternalitajiet indebiti marbuta mat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-iżvilupp tagħhom permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas ta’ kodiċi tas-sors li diġà jaħdem; il-ħames, li l-OAF kienu neċessarji biex jiġi evitat li l-iżviluppaturi ta’ forks Android mhux kompatibbli jibbenefikaw minn esternalitajiet indebiti marbuta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom minn Google tat-teknoloġija tagħha, b’mod partikolari permezz tal-komunikazzjoni minn qabel tal-kodiċi tas-sors jew bl-organizzazzjoni ta’ workshops għall-iżviluppaturi; is-sitt, li l-OAF ġew introdotti qabel ma kisbet pożizzjoni dominanti; is-seba’, li l-OAF ma kinux intiżi biex iqarrqu, fir-rigward tal-portata tagħhom, lill-kumpanniji li kkonkludew FAF u, it-tmien, li l-Kummissjoni naqset milli tibbilanċja l-effetti antikompetittivi u dawk favur il-kompetizzjoni tal-OAF (premessi 1155 sa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Largumenti talpartijiet

1)      Largumenti ta’ Google

867    Insostenn tat-tieni parti tar-raba’ motiv, Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura prokompetittiva tal-OAF, li huma neċessarji biex tiġi protetta l-integrità u l-kwalità tal-pjattaforma tal-Android fid-dawl tar-riskji inerenti għal inkompatibbiltajiet possibbli.

868    Fl-ewwel lok, Google ssostni li l-OAF huma neċessarji biex jipproteġu l-vijabbiltà u l-kwalità tal-Android kontra r-riskji li jirriżultaw minn inkompatibbiltajiet. L-OAF jiggarantixxu lill-iżviluppaturi li l-applikazzjonijiet tagħhom ser jaħdmu fuq apparati differenti li jaħdmu bl-Android mingħajr problemi ta’ funzjonament ħażin. Huma jiggarantixxu wkoll lill-utenti finali li l-applikazzjonijiet żviluppati għall-Android ser jaħdmu fuq l-apparat tal-Android tal-għażla tagħhom. Il-promozzjoni tal-kompatibbiltà tikkostitwixxi, għaldaqstant, vantaġġ kompetittiv għall-iżviluppaturi ta’ forks tal-Android, għall-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, għall-OEMs u għall-utenti. Il-preżervazzjoni ta’ din l-interoperabbiltà u l-protezzjoni tal-integrità u tal-kwalità tal-pjattaforma tal-Android huma għanijiet leġittimi u huma nieqsa minn natura antikompetittiva.

869    Fit-tieni lok, Google tfakkar li l-Android ġie introdott taħt mudell ta’ liċenzja miftuħa, li toffri lill-OEMs u lill-iżviluppaturi iktar flessibbiltà mill-mudelli ta’ liċenzja hekk imsejħa “proprjetarji”, billi jippermettilhom jemendaw il-kodiċi tas-sors u jadattawh għall-ħtiġijiet tagħhom. Il-pjattaforma tal-Android, li fi ħdanha jikkoeżistu diversi forks, hija għalhekk intiża biex tiżviluppa b’mod pluralist u ddiversifikat. Madankollu, dawn il-partikolaritajiet jagħmlu indispensabbli l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi intiżi biex tiġi evitata l-frammentazzjoni, li tista’ twassal għall-qerda tal-pjattaforma tal-Android fl-intier tagħha. L-OAF, li huma intiżi biss biex jissodisfaw tali għan, huma għalhekk iġġustifikati, anki jekk jitqies li huma ta’ natura antikompetittiva – ħaġa li Google tikkontesta barra minn hekk fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

870    Diversi elementi juru n-neċessità tal-OAF. L-ewwel nett, l-esperjenzi passati tal-frammentazzjoni tal-pjattaformi miftuħa Unix, Symbian u Linux Mobile juru l-konsegwenzi irrimedjabbli tal-proliferazzjoni tal-inkompatibbiltajiet. It-tieni, ix-xhieda ta’ diversi parteċipanti fl-“ekosistema Android” tikkorrobora l-pożizzjoni ta’ Google. B’hekk, iktar minn 94 % (35 minn 37) tal-partijiet interessati tal-Android li wieġbu b’mod sinjifikattiv il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar il-frammentazzjoni (inklużi l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, l-OEMs, l-ONMs u kumpanniji oħra) indikaw li t-theddida ta’ inkompatibbiltajiet kienet sors ta’ tħassib. It-tielet, dokumenti interni ta’ Google prodotti matul il-proċedura amministrattiva juru li l-unika raġuni għall-OAF kienet li tiġi żgurata l-kompatibbiltà u li tiġi ppreżervata l-integrità tal-pjattaforma tal-Android.

871    Fit-tielet lok, Google tirrileva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-OAF ma kinux neċessarji, peress li l-iżviluppaturi tal-forks kienu jevitaw b’mod spontanju l-inkompatibbiltajiet biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-applikazzjonijiet. Skont Google, il-Kummissjoni ma tistax fl-istess ħin, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, minn naħa, tikkritika lill-OAF għar-raġuni li jostakolaw l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, u, min-naħa l-oħra, issostni li l-iżviluppaturi jimminimizzaw l-inkompatibbiltajiet indipendentement mill-eżistenza tal-OAF. Google tqis li l-iżviluppaturi jistgħu jiżguraw il-kompatibbiltà tal-forks tal-Android tagħhom biss billi jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi tad-DDK. Mingħajr l-OAF, il-kompatibbiltà, għaldaqstant, ma tistax tiġi ggarantita. Lanqas ma jista’ jiġi allegat li l-iżviluppaturi ta’ forks jew l-OEMs jiżguraw minnhom infushom il-kompatibbiltà, peress li dawn ikollhom interess li japprofittaw mill-interoperabbiltà, iżda mhux inċentiv suffiċjenti biex jagħmlu huma stess l-isforzi kollha neċessarji biex jiggarantixxuha fin-nuqqas ta’ kriterji ta’ definizzjoni u ta’ kontroll komuni, li Google biss kienet f’pożizzjoni li timplimentahom.

872    Fir-raba’ lok, Google tirrileva li l-applikazzjoni tal-OAF, li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-leġittimità tagħhom sa fejn dawn japplikaw għall-apparati li fuqhom huwa installat is-sett tal-GMS, għandha neċessarjament tiġi estiża għall-apparati li fuqhom dawn l-applikazzjonijiet ma jiġux preinstallati. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-integrità u l-vijabbiltà tal-pjattaforma tal-Android fl-intier tagħha ma jkunux jistgħu jiġu mħarsa mill-problemi li joħolqu l-inkompatibbiltajiet, jiġifieri r-riskju tal-frammentazzjoni tal-Android.

873    Fil-ħames lok, Google tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġu rrimedjati l-inkonvenjenzi tal-frammentazzjoni permezz tal-użu ta’ politika tal-proprjetà intellettwali adattata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem li l-problemi tal-inkompatibbiltà jivvizzjaw biss ir-reputazzjoni tagħha u jistgħu jiġu solvuti bi strateġija ta’ trade marking li tillimita l-użu tad-denominazzjoni “Android” għall-apparati kompatibbli. L-inkompatibbiltà u r-riskju ta’ funzjonament ħażin tal-applikazzjonijiet tal-Android ma humiex madankollu kwistjoni ta’ reputazzjoni, iżda problema teknika li thedded l-integrità u l-vijabbiltà tal-“ekosistema tal-Android”. Dan l-argument jinjora wkoll li l-OAF japplikaw biss għall-apparati “żviluppati speċifikament biex jħadmu bl-Android” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jekk dawn l-apparati ma jissodisfawx l-aspettattivi tal-utenti u tal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet fil-qasam tal-kompatibbiltà, huma jdgħajfu l-fiduċja fl-Android b’mod globali.

2)      Largumenti talKummissjoni

874    Il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-FAF huma kkontestati biss sa fejn jeżiġu mill-OEMs li l-apparati tagħhom li fuqhom l-applikazzjonijiet ta’ Google ma jiġux preinstallati jgħaddu mis-STK. Skont il-Kummissjoni, il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa fir-rigward tan-neċessità li jiġu evitati r-riskji marbuta man-nuqqas ta’ funzjonament jew ta’ funzjonament korrett tal-applikazzjonijiet fuq l-apparati li fuqhom l-applikazzjonijiet ta’ Google ma jiġux preinstallati għandhom jiġu mwarrba. Fil-fatt, l-utenti u l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet ma jattribwixxux lil Google l-eventwali nuqqasijiet jew funzjonament ħażin tal-applikazzjonijiet fuq dawn l-apparati.

875    L-OAF ma għandhomx bħala motivazzjoni biss il-garanzija tal-kompatibbiltà u l-preżervazzjoni tal-integrità tal-pjattaforma tal-Android, iżda jfittxu wkoll li jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi għal Google li jirriżultaw mill-kompetizzjoni mill-forks tal-Android mhux kompatibbli. Dan jirriżulta minn dokumenti interni ta’ Google u mit-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni.

c)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

876    Skont il-ġurisprudenza mfakkra fl-eżami tat-tieni parti tat-tieni motiv, aġir ma jkunx abbużiv jekk ikun iġġustifikat minn vantaġġi favur il-kompetizzjoni jew iservi interessi leġittimi. B’mod partikolari, il-kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti tista’ turi, għal dan il-għan, kemm li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju, kif ukoll li l-effett ta’ esklużjoni li jwassal għalih jista’ jiġi kkumpensat, jew anki jiġi ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi. Għal dan il-għan, hija l-kumpannija dominanti kkonċernata li għandha turi li ż-żieda fl-effiċjenza li tista’ tirriżulta mill-aġir ikkunsidrat tinnewtralizza l-effetti ta’ esklużjoni li dan iwassal għalihom, li din iż-żieda fl-effiċjenza kienet jew tista’ titwettaq permezz ta’ dan l-aġir, li dan tal-aħħar huwa indispensabbli għat-twettiq tagħha u li ma jeliminax kompetizzjoni effettiva billi jneħħi totalment jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati l-ġustifikazzjonijiet imressqa minn Google.

1)      Fuq ilħtieġa li tiġi mħarsa lkompatibbiltà fi ħdan l“ekosistema talAndroid” u li tiġi evitata l“frammentazzjoni”

877    Google tqis li l-aġir kontenzjuż huwa neċessarju, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà fi ħdan l-“ekosistema tal-Android”, li l-frammentazzjoni tikkostitwixxi theddida għaliha. Madankollu, dawn huma żewġ għanijiet differenti, li għandhom jiġu evalwati separatament.

878    Minn naħa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma qisitx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-implimentazzjoni ta’ obbligi intiżi biex jiżguraw il-kompatibbiltà tal-forks tal-Android li fuqhom kienu installati l-Play Store u Google Search kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt ta’ Google li tirriżerva l-installazzjoni tas-sett tal-GMS għall-apparati li jaħdmu b’fork tal-Android kompatibbli. Il-Kummissjoni qieset bħala abbużiva biss il-projbizzjoni fuq l-OEMs li jikkummerċjalizzaw apparati li fuqhom jiġi installat is-sett tal-GMS li joffru, barra minn hekk, opportunitajiet kummerċjali għall-forks tal-Android mhux kompatibbli. Minn dan isegwi li l-ewwel ġustifikazzjoni mressqa minn Google, jiġifieri n-neċessità li tiġi ggarantita l-kompatibbiltà fi ħdan l-“ekosistema tal-Android”, ma hijiex relatata mat-tieni abbuż u, għaldaqstant, li din hija irrilevanti f’dan il-każ.

879    Min-naħa l-oħra, Google ma tistax tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ kull opportunità li tirriżulta mill-FAF għall-forks tal-Android mhux kompatibbli biss bir-riskju li l-“frammentazzjoni”, jiġifieri l-multiplikazzjoni ta’ pjattaformi reċiprokament inkompatibbli, timponi fuq proprju s-sopravivenza tal-Android. Google tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-fallimenti magħrufa, minħabba din ir-raġuni, ta’ OS preċedenti li kienu ddistribwiti, bħall-Android, b’mod “open source”.

880    Issa, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq id-dibattitu bejn il-partijiet dwar in-natura dannuża jew il-vantaġġi li l-frammentazzjoni setgħet tirrappreżenta għal Google u għas-settur kollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Google ma tikkontestax serjament il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-livell preeminenti tas-setgħa fis-suq tal-“ekosistema tal-Android”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-argumenti, imressqa insostenn tal-ewwel motiv, dwar il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software u f’dak tal-OS għandhom jiġu miċħuda. Barra minn hekk, Google ma tikkontestax li tokkupa pożizzjoni dominanti fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Barra minn hekk, skont it-tabella 1 riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata, li Google lanqas ma tikkontestaha, is-sehem tal-apparati li jaħdmu b’OS taħt liċenzja mibjugħa madwar id-dinja minbarra fiċ-Ċina mill-OEMs marbuta minn FAF żdied minn [70 sa 80] % fl‑2011 għal [90 sa 100] % fl‑2016 (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Google lanqas ma tikkontesta l-eżattezza tal-elementi riprodotti fil-figura 16 fid-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li n-numru ta’ applikazzjonijiet disponibbli fil-Play Store laħaq 1 miljun fl‑2013 u 2.8 miljun fl‑2017 (premessa 607 tad-deċiżjoni kkontestata). Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni tal-Android setgħet titqabbel, fil-mument tal-varar tagħha, ma’ dik ta’ OS preeżistenti ddistribwiti b’mod “open source”, bħal Unix, Symbian u Linux. Madankollu, it-tkabbir estremament mgħaġġel tal-“ekosistema tal-Android” mill-bidu tas-snin 2010 ’il quddiem ixejjen mill-kredibbiltà l-allegazzjonijiet ta’ Google fir-rigward tar-riskju ipotetiku li t-theddida li hija tiddeskrivi għal proprju s-sopravivenza ta’ din l-“ekosistema” setgħet tibqa’ valida matul il-perijodu tal-ksur. Minn dan isegwi li din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ilħtieġa li tipproteġi rreputazzjoni tagħha

881    Google ssostni li, għalkemm dawn kienu essenzjalment intiżi biex jirreaġixxu għal problemi tekniċi li l-effett tagħhom kien ħafna iktar serju, l-OAF kienu wkoll neċessarji biex jipproteġu r-reputazzjoni tagħha.

882    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma qisitx l-OAF abbużivi sa fejn dawn japplikaw għall-apparati li fuqhom ġie installat is-sett tal-GMS, jiġifieri l-applikazzjonijiet ta’ Google. L-allegazzjonijiet ta’ Google dwar il-protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha għandhom għalhekk jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-ostakolu li jikkostitwixxu l-FAF għall-forks tal-Android mhux kompatibbli, li fuqhom l-installazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet hija fi kwalunkwe każ eskluża minn Google. Fil-fatt, huwa paċifiku li Google tirriżerva d-dritt li tinstalla l-applikazzjonijiet tagħha għall-OEMs li josservaw l-obbligi tekniċi ddefiniti fid-DDK.

883    Sussegwentement, Google tikkontesta l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li hija tista’ timplimenta miżuri li jippermettu li tiġi eliminata kull konfużjoni fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-apparati li jaħdmu b’forks tal-Android kompatibbli, pereżempju, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jirriżervaw għalihom id-denominazzjoni “Android” (premessi 1172 sa 1176 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, Google sempliċement issostni li tali miżuri ma humiex suffiċjenti, iżda ma tipproduċi l-ebda prova ddettaljata insostenn ta’ din l-allegazzjoni. L-ineffikaċja tad-difiża ta’ Google tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha bil-għan li tipproteġi r-reputazzjoni tagħha billi tipprojbixxi, pereżempju, l-użu tad-denominazzjonijiet “Google” u “Android” fuq apparati li jaħdmu b’forks tal-Android mhux kompatibbli, li huma esterni għall-“ekosistema tal-Android”, ma tistax, għaldaqstant, tiġi stabbilita. Issa, tali miżuri ċertament ikunu inqas restrittivi mill-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli li tirriżulta mill-FAF, li, għaldaqstant, hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan allegat.

884    Fl-aħħar nett, Google, sabiex issostni l-ksur inkwistjoni, essenzjalment issemmi riskji li, fil-fehma tagħha, jirriżultaw mill-“frammentazzjoni”, li kwalunkwe funzjonament ħażin attribwibbli għall-forks tal-Android mhux kompatibbli jirrifletti fuq l-“ekosistema” kollha. Issa, minn dak li ntqal iktar ’il fuq (ara l-punti 879 u 880 iktar ’il fuq) jirriżulta li dan ir-riskju ta’ propagazzjoni għad-detriment tal-ekosistema tal-Android ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti f’dan il-każ.

3)      Fuq ilħtieġa li jiġu eliminati leffetti deadweight

885    Google ssostni li l-OAF huma neċessarji sabiex jiġu llimitati l-effetti deadweight li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi tat-teknoloġija tagħha. Fir-rigward tal-esternalitajiet pożittivi li minnhom jibbenefikaw il-forks tal-Android mhux kompatibbli, dawn huma, minn naħa, skont Google, effetti deadweight finanzjarji, li jirriżultaw mit-tnaqqis fl-ispejjeż tal-iżvilupp kemm f’dak li jirrigwarda l-OS kif ukoll l-applikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, effetti deadweight tekniċi, marbuta mat-trasferimenti tat-teknoloġija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 41 u 42).

886    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tikkontesta l-FAF biss sa fejn dawn jinkludu obbligi intiżi biex iċaħħdu lill-forks tal-Android mhux kompatibbli minn opportunitajiet kummerċjali. Issa, id-dritt ta’ kumpannija li tibbenefika mill-benefiċċji ekonomiċi marbuta mas-servizzi li hija tiżviluppa ma jistax jestendi sal-punt li jiġi rrikonoxxut lilha d-dritt li timpedixxi l-eżistenza ta’ kompetituri potenzjali fis-suq. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni (premessi 1177 sa 1181 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-possibbiltà għall-partijiet terzi li jibbenefikaw mit-teknoloġija żviluppata minn Google hija inerenti għall-għażla magħmula minn din il-kumpannija li tiżvela l-kodiċi tas-sors tal-Android permezz tal-liċenzja AOSP. Għaldaqstant, l-eventwalità li l-kompetituri ta’ Google jkunu jistgħu japprofittaw mill-effetti deadweight ma tistax tiġġustifika t-tieni abbuż.

4)      Fuq ilpreċedenza firrigward talkisba talpożizzjoni dominanti u nnuqqas ta’ qerq

887    Minn naħa, Google ma tikkontestax ir-rilevanza tal-osservazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-fatt li l-aġir kontenzjuż beda qabel ma kisbet pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android u tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix ma jiġġustifikax it-tieni abbuż. F’dan ir-rigward, għandu sempliċement jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma imponietx sanzjoni fuq Google għall-perijodu qabel il-kisba tal-pożizzjoni dominanti tagħha.

888    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma takkużax lil Google li pprovat tiżgwida lill-partijiet għall-FAF jew lil partijiet terzi dwar il-portata tal-OAF, b’tali mod li l-argument ta’ Google bbażat fuq in-nuqqas ta’ kull qerq min-naħa tagħha għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

5)      Fuq itteħid inkunsiderazzjoni taleffetti favur ilkompetizzjoni talOAF

889    Google tikkritika lill-Kummissjoni li ma bbilanċjatx l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-OAF mal-effetti antikompetittivi tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-istandards ta’ kompatibbiltà ddefiniti minn Google kkontribwixxew għall-iżvilupp tal-“ekosistema tal-Android”. Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta li l-kompatibbiltà pproduċiet effetti favur il-kompetizzjoni, billi ppromwoviet l-iżvilupp tal-parteċipanti f’din l-ekosistema kif ukoll il-kompetizzjoni bejniethom. Il-Kummissjoni lanqas ma tqis li Google ma setgħetx timplimenta standards intiżi biex jiżguraw il-kompatibbiltà fi ħdan l-imsemmija “ekosistema”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li, peress li Google ma ġġustifikatx b’mod oġġettiv l-ostakoli għall-forks tal-Android mhux kompatibbli li jirriżultaw mill-FAF, hija ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-OAF (premessa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata).

890    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tqis bħala abbużivi d-dispożizzjonijiet tal-FAF biss sa fejn dawn jipprojbixxu lill-OEMs milli joffru opportunitajiet kummerċjali lill-forks tal-Android mhux kompatibbli. Għaldaqstant, dan l-ostakolu għandu jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, bħala distint mill-obbligi intiżi biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-forks tal-Android kompatibbli u l-interoperabbiltà fi ħdan l-“ekosistema tal-Android”, li l-effetti favur il-kompetizzjoni tagħhom ma humiex ikkontestati. Fil-fatt, kif tfakkar iktar ’il fuq, l-ostakolu inkwistjoni jipproduċi l-effetti tiegħu barra l-ekosistema tal-Android, peress li dan jirrigwarda forks mhux kompatibbli li fuqhom l-applikazzjonijiet proprjetarji ta’ Google, bħas-sett tal-GMS, ma humiex intiżi li jiġu installati u li fir-rigward tagħhom mhux neċessarjament huma mfittxija l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà.

891    Fil-fatt, l-ostakolu għall-iżvilupp tal-forks tal-Android mhux kompatibbli ma jistax jitqies bħala indispensabbli, fih innifsu, għad-definizzjoni ta’ standards ta’ kompatibbiltà intiżi biex japplikaw fi ħdan l-“ekosistema tal-Android”. B’mod partikolari, mill-fatt li l-ġustifikazzjonijiet ta’ Google dwar in-neċessità li tiġġieled il-“frammentazzjoni” għandhom jiġu miċħuda, jirriżulta li Google ma stabbilixxietx li kien impossibbli għaliha li tiżgura s-sopravivenza tal-“ekosistema tal-Android” fin-nuqqas tal-kundizzjonijiet kontenzjużi. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe relazzjoni ta’ neċessità bejn l-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli, minn naħa, u min-naħa l-oħra l-kompatibbiltà fi ħdan l-ekosistema tal-Android, li tikkostitwixxi, barra minn hekk, l-għan imfittex mill-OAF, Google ma hijiex fondata meta ssostni li l-Kummissjoni kellha tibbilanċja l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-OAF identifikati fi ħdan l-ekosistema tal-Android, li jirriżultaw, għall-parteċipanti fl-imsemmija ekosistema, mill-vantaġġi tal-kompatibbiltà, minn naħa, u mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, barra minn dik l-ekosistema, li ġew identifikati li jikkostitwixxu t-tieni abbuż, min-naħa l-oħra.

4.      Konklużjoni dwar levalwazzjoni tarraba’ motiv

892    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li n-natura antikompetittiva tal-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli permezz tal-FAF għandha titqies li ġiet stabbilita. Dan l-aġir ċaħħad minn kull opportunità lil kompetituri potenzjali jew eżistenti ta’ Google, saħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix u kkostitwixxa ostakolu għall-innovazzjoni. Barra minn hekk, Google la wriet li l-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli li tirriżulta mill-FAF kienet tissodisfa għan leġittimu u lanqas ma stabbilixxiet li din l-esklużjoni kienet timplika effetti favur il-kompetizzjoni attribwibbli lilha.

893    Jirriżulta wkoll minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Google, qieset kif xieraq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti kif ukoll l-effetti konkreti prodotti mit-tieni abbuż. Għaldaqstant, peress li wriet b’mod suffiċjenti l-eżistenza tar-restrizzjonijiet kontenzjużi u tal-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq, barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jqisu Google u l-intervenjenti insostenn tagħha, analiżi kontrofattwali intiża biex tevalwa l-konsegwenzi ipotetiċi li setgħu jiġu osservati, fin-nuqqas tat-tieni abbuż, fis-swieq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software ta’ Android, tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, li fuqhom ġie kkonstatat l-imsemmi abbuż, kif ukoll tal-OS taħt liċenzja, li fih ukoll Google tokkupa pożizzjoni dominanti.

894    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

F.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ksur taddrittijiet tad-difiża

895    Fil-ħames motiv, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, Google ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ma osservatx, minn naħa, id-dritt tagħha li tinstema’ u, min-naħa l-oħra, id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl. Dawn l-irregolaritajiet proċedurali jinvalidaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u jiġġustifikaw l-annullament tagħha. Huwa neċessarju li l-ewwel tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan il-motiv.

1.      Fuq ittieni parti talħames motiv dwar ilksur taddritt ta’ aċċess għallfajl

a)      Largumenti talpartijiet

896    Google ssostni li l-kontenut tan-noti tal-laqgħat li l-Kummissjoni kellha mal-partijiet terzi dwar is-suġġett tal-investigazzjoni huwa insuffiċjenti u ma jiggarantixxix id-drittijiet tad-difiża tagħha jew, tal-inqas, ma josservax il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dawk in-noti tħejjew wara l-avveniment, kultant diversi snin wara l-laqgħa inkwistjoni. Tlieta biss mill‑35 nota mibgħuta f’dak ir-rigward setgħu jitqiesu li kienu sħaħ. It‑32 l-oħra huma qosra u sommarji wisq, fid-dawl tar-rekwiżiti għal intervista ma’ parti terza stabbiliti mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632).

897    B’mod partikolari, Google tikkritika l-insuffiċjenza tal-informazzjoni trażmessa fir-rigward tal-laqgħat mal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni jew ma’ membru tal-kabinett tagħha, kif ukoll il-fatt li ċerta data personali ġiet anonimizzata.

898    Minħabba l-qosor tan-noti trażmessi, Google ma setgħetx tiddetermina l-kontenut tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-partijiet terzi intervistati jew in-natura tal-informazzjoni pprovduta f’dan il-kuntest. Dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha huwa sinjifikattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-intervisti mal-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, fejn huwa plawżibbli li dawn għamlu dikjarazzjonijiet li jiskaġunaw li ma ġewx irrapportati fin-noti trażmessi mill-Kummissjoni.

899    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

900    Preliminarjament, hija ssostni li ma hijiex obbligata żżomm rendikont sħiħ tal-laqgħat ma’ partijiet terzi meta dawn jikkostitwixxu “intervisti” fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri, laqgħa li l-għan tagħha huwa li tinġabar informazzjoni relata mas-suġġett tal-investigazzjoni. Għal laqgħat oħra, il-Kummissjoni hija obbligata biss li tieħu noti qosra fir-rigward, minn naħa, ta’ kull prova prodotta matul il-laqgħa li hija jkollha l-intenzjoni li tuża fid-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ kull prova potenzjalment favorevoli prodotta waqt l-istess laqgħa li l-kumpannija li hija s-suġġett tal-investigazzjoni tista’ tinvoka sabiex issostni l-argumenti tagħha kontra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

901    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-laqgħat mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u ma’ membru tal-kabinett tagħha ma kellhomx l-għan li jiġbru informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni.

902    Fir-rigward tan-noti dwar il-laqgħat l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li hija pprovdiet biżżejjed informazzjoni dwar meta u kif hija kienet ippreparat dawn in-noti, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn ċerta data personali kienet tħalliet barra.

b)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

903    Permezz tat-tieni parti tal-ħames motiv, Google essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli tatha noti dwar il-laqgħat ma’ partijiet terzi li ma kinux jippermettulha tifhem is-sustanza tad-diskussjonijiet li saru u n-natura tal-informazzjoni pprovduta fir-rigward tas-suġġetti diskussi matul dawn il-laqgħat u, għalhekk, li ssostni b’mod xieraq id-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan ir-rigward.

904    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil‑15 ta’ Settembru 2017, wara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), Google talbet li tingħata d-dokumenti rilevanti kollha dwar il-laqgħat li l-Kummissjoni seta’ kellha mal-partijiet terzi (ara l-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fit‑28 ta’ Frar 2018. (ara l-premessa 33 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata);

905    Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li, meta pprovdiet dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kellha l-ebda dokument ieħor relatat ma’ dawn il-laqgħat, kemm jekk saru fiżikament jew bit-telefon (ara l-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata). Xejn fl-atti tal-fajl ta’ din il-kawża ma jikkontesta din l-affermazzjoni.

906    Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jiżguraw ir-rispett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 52).

907    Huwa wkoll f’idejn il-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li tiżgura li r-regoli interni tagħha jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża.

908    Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li kull destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkonstata li huwa wettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun tqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li bihom huwa akkużat kif ukoll dwar id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ tali ksur (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 53, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 106).

909    Korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-kawża jfisser ukoll li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-kumpannija kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-kawża tal-inkjesta li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali ta’ kumpanniji oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68, u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑113/07, EU:T:2011:343, punt 41).

910    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, invokat minn Google, jikkostitwixxi bażi ġuridika li tawtorizza lill-Kummissjoni twettaq intervista ma’ persuna fiżika jew ġuridika fil-kuntest ta’ investigazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 86).

911    Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li japplika għal kull intervista intiża li tiġbor informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, l-ebda element ibbażat fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq l-għan tagħha ma jippermetti li jiġi dedott li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni wħud minn dawn l-intervisti (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 84 u 87).

912    Issa, meta twettaq intervista, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiġbor informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirreġistra, fil-forma li tagħżel hija stess, tali intervista. Għal dan il-għan, ma huwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tiġbor fil-qosor is-suġġetti diskussi matul l-intervista. Hija għandha tkun f’pożizzjoni li tipprovdi indikazzjoni tal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru waqt l-intervista, b’mod partikolari tan-natura tal-informazzjoni pprovduta waqt l-intervista dwar is-suġġetti diskussi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 91 u 92).

913    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti possibbiltà li, minħabba irregolarità proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha setgħet twassal għal riżultat differenti. Kumpannija rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur seħħ meta turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija kienet tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar fin-nuqqas tal-irregolarità proċedurali (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑827/14, EU:T:2018:930, punt 129). L-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża mill-Kummissjoni għandha ssir skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 107).

914    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar it-tieni parti tal-ħames motiv.

915    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk in-noti kollha relatati mal-laqgħat ma’ partijiet terzi kinux jikkonċernaw intervisti fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, kif ħadet nota fil-proċess verbal, li 33 mill-35 nota trażmessi lil Google kienu jikkonċernaw intervisti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

916    Għalhekk huwa biss għal tnejn mill‑35 laqgħa msemmija fin-noti trażmessi lil Google, jiġifieri ż-żewġ laqgħat fil-preżenza tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni jew membru tal-kabinett tagħha, li l-Kummissjoni tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ intervista fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Din l-oġġezzjoni ssir fuq il-bażi li l-iskop ta’ dawn il-laqgħat ma kienx li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni.

917    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn iż-żewġ laqgħat għandhom ukoll jitqiesu f’dan il-każ bħala intervisti fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, minn qari tan-noti trażmessi mill-Kummissjoni dwar dawn il-laqgħat, jidher li dawn jikkorrispondu għal intervisti li kellhom l-għan li jiġbru informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni.

918    Għalhekk, mill-ewwel waħda minn dawn in-noti jirriżulta li, f’intervista li saret fit‑2 ta’ Lulju 2015, kumpannija fis-settur setgħet tippreżenta lill-Kummissjoni l-fehmiet tagħha fuq il-pjattaformi mobbli, inkluża l-Android, kif ukoll dwar l-ambjent kompetittiv li fih kienet qiegħda tiżviluppa l-applikazzjonijiet u s-servizzi tagħha.

919    Bl-istess mod, mit-tieni waħda minn dawn in-noti jirriżulta li, matul intervista li saret fis‑27 ta’ Settembru 2017, l-ADA setgħet tippreżenta lill-Kummissjoni l-fehmiet tagħha dwar l-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal-FAF u s-soluzzjonijiet previsti biex jiġu rrimedjati l-problemi tal-kompetizzjoni identifikati. L-imsemmija nota tindika wkoll li l-ADA kkonfermat lill-Kummissjoni li l-kummenti kollha li għamlet l-ADA matul dik l-intervista kienu diġà ġew ippreżentati lilha f’dokumenti li kienu ġew trażmessi lilha.

920    Konsegwentement, il-fatt li l-intervisti li l-Kummissjoni kellha ma’ partijiet terzi setgħu jieħdu l-forma ta’ laqgħat mal-membru tal-Kummissjoni reponsabbli għal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni jew ma’ membru tal-kabinett tagħha ma jistax iwassal għall-konklużjoni li dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, meta dawn il-laqgħat ikunu intiżi biex jiġbru informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni.

921    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-regolarità, fid-dawl tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, tan-noti dwar l-intervisti li l-Kummissjoni kellha ma’ partijiet terzi bil-għan li tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni, għandu jiġi osservat li Google essenzjalment issostni li dawn in-noti fl-istess ħin ġew prodotti tard wisq u ma humiex kompluti.

922    Fir-rigward tad-dewmien, għandu jiġi rrilevat li mill‑35 nota kkomunikati lill-Qorti Ġenerali f’anness mar-rikors, tlieta biss huma relatati ma’ intervisti li saru wara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632). Dawn kienu żewġ intervisti mal-ADA fit‑18 u fis‑27 ta’ Settembru 2017 u intervista waħda mal-BEUC fl‑20 ta’ Diċembru 2017. It‑32 intervista li jifdal saru bejn it‑30 ta’ Mejju 2013 u s‑26 ta’ Lulju 2017, fosthom 21 intervista li saru bejn l‑2013 u l‑2015.

923    Id-dewmien fit-trażmissjoni ta’ wħud minn dawn in-noti, b’mod partikolari dawk iffinalizzati diversi snin wara l-intervista inkwistjoni, huwa spjegat, f’dan il-każ, miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ.

924    Fil-fatt, qabel kollox, mill-fajl jirriżulta li, fit‑2 ta’ Settembru 2016, Google kienet talbet lill-Kummissjoni tikkomunikalha noti li jirriproduċu bis-sħiħ il-kontenut tad-diskussjonijiet kollha li saru bejn il-Kummissjoni u partijiet terzi fir-rigward tas-suġġett tal-investigazzjoni. Fit-tweġiba tagħha tat‑22 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet ser tiċħad din it-talba, u bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ta’ qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), fosthom b’mod partikolari s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il-Kummissjoni (T‑286/09, EU:T:2014:547, punt 619 u l-ġurisprudenza ċċitata).

925    Mill-fajl jirriżulta wkoll li, fil‑15 ta’ Settembru 2017, Google tenniet it-talba tagħha, billi bbażat ruħha, f’dik l-okkażjoni, fuq l-għoti tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), kif ukoll fuq il-preċiżjonijiet li għamlet din is-sentenza fuq il-kunċett ta’ intervista li għandha l-għan li tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni.

926    Bi tweġiba għal din it-talba, fit‑28 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni indikat li kienet ikkuntattjat lill-partijiet terzi kollha li magħhom kellha laqgħat sabiex tikseb il-qbil tagħhom dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li kien qiegħed jiġi riprodott fin-noti li jikkonċernawhom. Dawk in-noti għalhekk tabilħaqq kienu ġew iffinalizzati, fir-rigward tat‑32 nota dwar l-intervisti li saru qabel l-għoti tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), wara t-talba ta’ Google li saret fil‑15 ta’ Settembru 2017.

927    Fin-nuqqas ta’ rendikonti f’waqthom tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet terzi matul l-intervisti, il-Kummissjoni għalhekk ipprovat, kif jispjega l-uffiċjal tas-seduta fl-ittra tiegħu tat‑30 ta’ April 2018 bi tweġiba għal talba minn Google dwar l-ipproċessar tat-talbiet tagħha għal aċċess għall-fajl, tħejji noti iktar iddettaljati, fejn issemmi fejn possibbli d-dokumenti rilevanti tal-fajl li kienu diġà ġew ikkomunikati lil Google, jew tirriproduċi bl-aħjar mod possibbli dak li kienu jiftakru l-persuni preżenti meta tali dokumenti ma kinux jistgħu jiġu identifikati.

928    Il-fatt jibqa’, kif issostni Google, li wħud min-noti trażmessi lilha ma kinux tħejjew immedjatament jew ftit wara l-laqgħa inkwistjoni, iżda kultant bosta snin wara. Huwa f’dan id-dawl li għandu jitqies li t-trażmissjoni ta’ numru sinjifikattiv tan-noti relatati mal-laqgħat ma’ partijiet terzi saret tard.

929    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li Google tqis li tlieta biss mill‑35 nota trażmessi mill-Kummissjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għal intervista li għandha l-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Dawn huma n-noti relatati mal-intervista tas‑26 ta’ Jannar 2015 ma’ kumpannija fis-settur, l-intervista tat‑28 ta’ Mejju 2015 ma’ kumpannija li isimha ma ġiex ikkomunikat lil Google u l-intervista tat‑18 ta’ Settembru 2017 mal-ADA.

930    Fir-rigward tat‑32 nota l-oħra, Google ssostni li dawn jibqgħu sommarji wisq biex jikkostitwixxu rendikont ta’ intervista li għandha l-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003. B’mod partikolari, sa fejn dawn in-noti jagħmluha possibbli li jiġi identifikat il-kontenut ġenerali tad-diskussjonijiet li saru matul dawn l-intervisti, dawn fihom innifishom jibqgħu vagi wisq jew ma humiex dettaljati biżżejjed fir-rigward tal-kontenut preċiż ta’ dawn id-diskussjonijiet u tan-natura tal-informazzjoni li dawn il-partijiet terzi pprovdew matul dawn l-intervisti.

931    Għalhekk, fid-dawl tan-natura tardiva rrilevata iktar ’il fuq, għandu jitqies, kif issostni Google, li t‑32 nota trażmessa fi Frar 2018 li hija tikkontesta huma sommarji wisq. Ir-rikostruzzjoni a posteriori tal-kontenut tal-intervisti tal-Kummissjoni ma’ partijiet terzi li kellhom l-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni jew ir-riferimenti sussegwenti għal dokumenti preċedenti jew sussegwenti fil-fajl tal-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-intervisti ma jistgħux għalhekk jikkumpensaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ rendikont xieraq.

932    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li proporzjon kbir tan-noti trażmessi mill-Kummissjoni fit‑28 ta’ Frar 2018 ġew trażmessi tard wisq u huma sommarji wisq biex jikkostitwixxu rendikont ta’ intervista fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

933    Fil-futur, ikun utli u xieraq li r-rendikont ta’ kull intervista tal-Kummissjoni ma’ parti terza li għandha l-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni jsir jew jiġi vvalidat fiż-żmien tal-intervista jew ftit wara sabiex jiżdied mal-fajl kemm jista’ jkun malajr, biex b’hekk il-persuna akkużata tkun tista’, fi żmien debitu, tiffamiljarizza ruħha miegħu għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

934    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-irregolaritajiet proċedurali fir-rigward tar-rendikont ta’ intervisti ma’ partijiet terzi fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, Google wrietx b’mod suffiċjenti li hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar li kieku ma seħħewx l-imsemmija irregolaritajiet. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali prova, l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha ma jista’ jiġi stabbilit.

935    Dan jintwera meta l-kontenut tal-provi mhux żvelati la jkun jista’ jiġi ddeterminat u lanqas ma jkun determinabbli. F’dan il-każ, ma jistax jiġi meħtieġ mill-kumpannija li terfa’ l-oneru impossibbli li tipprova l-kontenut tad-dokument, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ provi inkriminanti jew li jiskaġunaw li ma ġewx żvelati. Il-kumpannija tista’ għalhekk tillimita ruħha li tiddikjara s-sempliċi possibbiltà li l-informazzjoni mhux żvelata setgħet kienet utli għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punti 59 sa 62).

936    Min-naħa l-oħra, meta l-kontenut tal-provi li għalihom l-aċċess kien ristrett jiġi ddeterminat jew ikun jista’ jiġi ddeterminat a posteriori, il-kumpannija ma tistax tiġi eżentata milli tipproduċi l-prova li hija ma kellhiex aċċess għal provi inkriminanti jew li jiskaġunaw kif ukoll il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Dan huwa l-każ fejn il-kumpannija jkollha indizji probattivi dwar l-awturi u n-natura u l-kontenut tad-dokumenti li ma ġewx żvelati lilha (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:257, punt 37).

937    Fil-preżenza ta’ provi inkriminanti mhux żvelati, il-kumpannija kkonċernata għandha turi li l-proċedura seta’ jkollha riżultat differenti li kieku dawn il-provi inkriminanti kienu ġew żvelati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 71 u 73, u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑113/07, EU:T:2011:343, punt 46).

938    Fir-rigward tal-provi li jiskaġunaw, il-kumpannija kkonċernata għandha tistabbilixxi li hija setgħet tuża tali provi għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku setgħet tużahom matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka elementi li ma jaqblux mal-konklużjonijiet misluta f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk setgħet tinfluwenza, bi kwalunkwe mod, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni tagħha. Minn dan isegwi li l-kumpannija kkonċernata għandha tistabbilixxi, minn naħa, li hija ma kellhiex aċċess għal ċerti provi li jiskaġunaw u, min-naħa l-oħra, li hija setgħet tużahom għad-difiża tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 97 u 98).

939    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li Google xorta tonqos milli tistabbilixxi li, fin-nuqqas tal-irregolaritajiet proċedurali nnotati iktar ’il fuq fir-rigward tan-natura tardiva u inkompleta tan-noti trażmessi li hija tikkontesta, hija setgħet tiddefendi ruħha aħjar.

940    F’dan ir-rigward, Google sempliċement issostni b’mod ġenerali li riproduzzjoni preċiża tal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru mal-partijiet terzi li nstemgħu kienet tipprovdilha spjegazzjonijiet u elementi kuntestwali għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni u li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha.

941    L-ewwel nett, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ddeterminat a posteriori jekk kienx hemm provi li ma ġewx żvelati, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ rendikonti tal-intervisti, il-Kummissjoni madankollu pprovat tirrikostitwixxi l-kontenut sabiex tippermetti lil Google teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha.

942    Huwa għalhekk importanti li jiġi rrilevat li, fost l-osservazzjonijiet magħmula fit‑28 ta’ Frar 2018 bi tweġiba għat-talba ta’ Google, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li hija ma kienet użat l-ebda waħda min-noti trażmessi bħala prova inkriminanti, la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fl-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, u, min-naħa l-oħra, li hija kienet ipprovdiet lil Google il-provi kollha li potenzjalment jiskaġunaw ipprovduti f’kull waħda minn dawn il-laqgħat li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha.

943    Minn eżami tad-deċiżjoni kkontestata u tal-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali f’din il-proċedura ma jirriżultax li l-elementi tal-imsemmi fajl huma tali li jistgħu jpoġġu indiskussjoni l-assigurazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

944    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, għal 26 mit‑32 nota li Google tikkontesta l-kompletezza tagħhom, huwa indikat li l-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew matul dawk l-intervisti jinsab kollu kemm hu f’dokumenti speċifiċi fil-fajl tal-investigazzjoni, li għalihom Google, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, irrikonoxxiet li kellha aċċess. 24 minn dawn is‑26 nota jindikaw ukoll li l-Kummissjoni kisbet il-validazzjoni tal-kontenut tan-nota mill-parti terza li kienet instemgħet, li tikkonferma r-rilevanza tar-riferimenti magħmula għad-dokument li jinsabu fil-fajl u li dawn kienu eżawrjenti. Fir-rigward taż-żewġ noti li l-kontenut tagħhom ma setax jiġi vvalidat mal-parti terza li kienet instemgħet, hija indikata l-ispjegazzjoni għal dan: l-ewwel minn dawn il-partijiet terzi ma kinitx għadha teżisti u t-tieni ma weġbitx għat-talbiet repetuti għall-approvazzjoni mressqa mill-Kummissjoni.

945    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, minkejja l-irregolaritajiet proċedurali relatati mar-rendikonti tal-intervisti, Google setgħet tikseb mingħand il-Kummissjoni indikazzjonijiet dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew matul dawn l-intervisti, b’mod partikolari dwar in-natura tal-informazzjoni pprovduta f’dawn l-okkażjonijiet dwar is-suġġetti li ġew diskussi fihom.

946    Issa, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni u ta’ dak li jista’ jiġi dedott minnhom sabiex jiġi evalwat il-kontenut tal-intervisti, Google ma tressaq l-ebda argument iddettaljat li jispjega b’liema mod setgħet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar, inkluż fir-rigward tal-intervisti li saru maż-żewġ partijiet terzi li għalihom ma kienx possibbli li tinkiseb validazzjoni tal-kontenut tan-noti korrispondenti.

947    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sitt noti li jifdal, li jiġbru fil-qosor il-kontenut tad-diskussjonijiet u ma jagħmlu riferiment għall-ebda dokument fil-fajl tal-investigazzjoni li jippermetti li jiġi ssupplimentat il-kontenut tagħhom, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

948    L-ewwel nota f’ordni kronoloġika tikkonċerna intervista li saret fit‑2 ta’ Lulju 2015 ma’ kumpannija fis-settur. F’dik l-okkażjoni, l-imsemmija kumpannija setgħet tippreżenta lill-Kummissjoni l-fehmiet tagħha fuq il-pjattaformi mobbli, inkluża l-Android, u dwar l-ambjent kompetittiv li fih kienu qegħdin jiġu żviluppati l-applikazzjonijiet u s-servizzi tagħha.

949    Għalkemm ma jsir riferiment għall-ebda dokument fil-fajl f’din in-nota, kien madankollu possibbli għal Google li tpoġġiha f’kuntest mal-informazzjoni pprovduta fir-rigward ta żewġ intervisti oħra li saru mal-istess kumpannija fl‑10 ta’ Diċembru 2014 u fit‑12 ta’ Jannar 2016 dwar l-istess suġġett. In-noti trażmessi lil Google fir-rigward ta’ dawn l-intervisti, li ġew ivvalidati mill-kumpannija inkwistjoni, jirreferu għal dokumenti fil-fajl tal-investigazzjoni li jirriproduċu l-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew f’dawn l-okkażjonijiet, jiġifieri kemm qabel kif ukoll wara l-imsemmija intervista. Il-pożizzjoni ta’ din il-kumpannija fil-kuntest tal-investigazzjoni kienet għalhekk magħrufa minn Google.

950    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Google madankollu ma tressaq l-ebda argument iddettaljat li jispjega b’liema mod kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar f’din il-kawża.

951    It-tieni nota hija relatata ma’ intervista li saret fil‑15 ta’ Lulju 2015 ma’ fornitur tas-sigurtà li ismu ma ġiex ikkomunikat lil Google. Din il-laqgħa kienet opportunità, kif tippreċiża l-Kummissjoni fin-nota tagħha, li ġiet ivvalidata mill-kumpannija inkwistjoni, li tiġi diskussa d-dinamika tas-suq fir-rigward tal-OS Android. Madankollu, kif jirriżulta mill-kontenut ta’ din in-nota, it-tħassib imqajjem matul din l-intervista kien jirrigwarda essenzjalment is-soluzzjonijiet tas-sigurtà, jiġifieri aspett tal-fajl li ma kienx indirizzat fid-deċiżjoni kkontestata, u mhux ir-restrizzjonijiet kontenzjużi eżaminati fil-kuntest tad-diversi abbużi previsti mill-Kummissjoni.

952    Bl-istess mod, it-tielet nota kienet relatata ma’ intervista li saret fit‑28 ta’ Ottubru 2015 ma’ fornitur ta’ servizzi tal-ħlas. F’dik l-okkażjoni, dan il-fornitur seta’ jippreżenta lill-Kummissjoni l-fehmiet tiegħu dwar id-dinamika tas-suq tal-apparati portabbli u l-applikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tas-sistemi tal-ħlas mobbli. Dan ukoll huwa aspett tal-fajl li ma ġiex ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata.

953    Fi kwalunkwe każ, minbarra n-nuqqas ta’ prova tar-rabta bejn dawn l-intervisti u l-abbużi allegati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li Google ma tressaq l-ebda argument iddettaljat li jispjega b’liema mod kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar f’din il-kawża fin-nuqqas tal-irregolaritajiet proċedurali fir-rigward tar-rendikont ta’ dawn iż-żewġ laqgħat fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

954    Ir-raba’ u l-ħames noti kienu jittrattaw żewġ intervisti mal-BEUC li saru fl‑1 ta’ Frar u fl‑20 ta’ Diċembru 2017. L-għan ta’ dawn il-laqgħat kien, għall-BEUC, li jikseb min-naħa tal-Kummissjoni informazzjoni dwar il-progress tal-investigazzjoni. L-għan innifsu ta’ dawn il-laqgħat, kif ukoll is-sommarju tagħhom li ġie vvalidat mill-BEUC, jippermettu għalhekk li jiġi eskluż il-ħabi ta’ provi min-naħa tal-Kummissjoni.

955    Is-sitt u l-aħħar nota tikkonċerna dikjarazzjonijiet magħmula mill-ADA, entità li intervjeniet insostenn ta’ Google matul il-proċedura amministrattiva, f’intervista li saret fis‑27 ta’ Settembru 2017. Filwaqt li hija fformulata f’termini ġenerali, min-nota jirriżulta b’mod ċar li l-ADA ma kienet tara l-ebda raġuni għalfejn Google kellha tiġi mġiegħla tibdel l-aġir tagħha. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-ADA kkonferma f’dik in-nota li d-diskussjoni kienet tikkonċerna informazzjoni li l-ADA diġà kienet bagħtet lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Google ma tallegax li ma kellhiex aċċess għall-atti kollha fil-fajl tal-investigazzjoni li kienu ġew trażmessi mill-ADA matul il-proċedura amministrattiva. Dawn iċ-ċirkustanzi, kif ukoll il-preżenza tal-ADA li intervjeniet insostenn ta’ Google f’dan ir-rikors u n-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment minnha f’dan ir-rigward, jippermettu lill-Qorti Ġenerali teskludi l-ipoteżi ta’ ħabi tal-provi mill-Kummissjoni.

956    F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Google, ippreżentat fir-rikors, li jgħid li huwa plawżibbli li, fl-okkażjoni tad-diversi intervisti bejn l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet u l-Kummissjoni, dawn għamlu dikjarazzjonijiet li jiskaġunawha li ma humiex irrapportati fin-noti trażmessi, ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, minħabba l-intervent tal-ADA insostenn ta’ Google fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u tal-ħafna opportunitajiet offruti lil din il-parti u lil Google sabiex jispeċifikaw x’setgħu kienu tali dikjarazzjonijiet li ma ġewx irrapportati mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali ipoteżi ma hijiex ipprovata.

957    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-elementi stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata u tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni lil Google matul il-proċedura amministrattiva, ma huwiex neċessarju li jitqies li l-formulazzjoni sommarja u spiss tardiva tan-noti relatati mal-intervisti ma’ partijiet terzi ċaħħad lil Google mill-aċċess għal provi, inkriminanti jew li jiskaġunaw, li setgħu jippermettulha tiddefendi ruħha aħjar.

958    Għaldaqstant, l-irregolaritajiet proċedurali li jikkonsistu fin-nuqqas ta’ riproduzzjoni preċiża tal-intervisti mwettqa mill-Kummissjoni ma’ partijiet terzi ma setgħux, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iwasslu għal ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Google.

959    Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-anonimat mogħti mill-Kummissjoni lil ċerti partijiet terzi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jestendix għall-informazzjoni kunfidenzjali, li tista’ tinkludi, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, id-data personali tar-rappreżentanti tal-kumpanniji li jinstemgħu u l-isem tal-kumpanniji stess bil-għan li jiġu evitati ritaljazzjonijiet possibbli. F’dan il-każ, mill-atti fil-fajl ma jirriżultax li l-anonimat mogħti mill-Kummissjoni u diskuss quddiem l-uffiċjal tas-seduta ma huwiex ir-riżultat ta’ bbilanċjar korrett ta’ żewġ interessi kontradittorji, dak tal-kumpannija (u/jew tar-rappreżentanti tagħha) li nstemgħet li tidher b’mod anonimu u dak ta’ Google li tikseb biżżejjed informazzjoni dwar id-diksussjonijiet li saru.

960    Bl-istess mod, l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-manwal tal-proċeduri interni tagħha kif ukoll tal-komunikazzjoni tagħha tal‑20 ta’ Ottubru 2011 għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet iktar ’il fuq li l-irregolarità proċedurali marbuta mal-kontenut tan-noti inkwistjoni ma tikkostitwixxix, f’dan il-każ, ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Google, il-konstatazzjoni ta’ difett proċedurali addizzjonali, anki jekk tiġi pprovata, fir-rigward tat-tfassil tal-imsemmija noti u tal-komunikazzjoni tagħhom lil Google, tibqa’ mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk, fin-nuqqas tal-imsemmija irregolarità proċedurali, Google kinitx tkun f’pożizzjoni li tiżgura aħjar id-difiża tagħha.

961    Konsegwentement, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.      Fuq lewwel parti talħames motiv, dwar irrifjut ta’ seduta dwar ittest AEC

a)      Largumenti talpartijiet

962    Google ssostni li, minflok ma tibagħtilha ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni kellha tadotta dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet waħda jew iktar u b’hekk tagħtiha mill-ġdid id-dritt għal seduta. Din is-seduta kellha tirrigwarda aspetti essenzjali tal-kawża fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio u t-test AEC. F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li Google rrifjutat seduta mill-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew li l-ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti sempliċement irfinaw l-evalwazzjoni provviżorja fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

963    Il-Kummissjoni ssostni li Google rrinunzjat id-dritt tagħha għal seduta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li, sa fejn l-ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti ma kienx fihom ilment ġdid, hija ma kellhiex tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. L-ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti kienu jikkonċernaw aġir li fir-rigward tiegħu Google kien diġà kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħti mill-ġdid lil Google d-dritt għal seduta.

b)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

964    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, Google rrikonoxxiet b’mod espliċitu, kif tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta, li kwalunkwe konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha abbażi tal-ewwel parti tal-ħames motiv tista’ twassal biss għall-annullament tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-abbuż li jirriżulta mill-FTD abbażi ta’ portfolio.

965    L-ewwel parti tal-ħames motiv fil-fatt tikkostitwixxi l-aspett proċedurali tat-tielet motiv tar-rikors, li permezz tiegħu Google tikkontesta l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio. Għalhekk, Google tallega li l-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ma tathiex il-possibbiltà li tesprimi ruħha oralment fi żmien utli fuq elementi essenzjali tal-analiżi tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio, b’mod partikolari t-test AEC.

966    Għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 28).

967    Dan il-prinċipju huwa b’mod partikolari stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). Dan l-artikolu jeżiġi li l-Kummissjoni, minn naħa, tinforma bil-miktub lill-kumpannija kkonċernata bl-ilmenti mqajma kontriha u, min-naħa l-oħra, tagħti lil din l-kumpannija l-possibbiltà li tinformaha bil-miktub bil-perspettiva tagħha dwar dawn l-ilmenti.

968    L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 jippreċiża wkoll li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kumpannija li lilha tkun ġiet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ titlob lill-Kummissjoni torganizza seduta sabiex tkun tista’ tiżviluppa l-argumenti tagħha oralment.

969    Issa, f’dan il-każ, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2016, Google indikat li kienet qiegħda tirrifjuta d-dritt tagħha għal seduta (“We therefore declined our right to such a hearing”). F’din it-tweġiba, Google indikat essenzjalment li ma kellhiex żmien biex tipprepara b’mod utli għal seduta fil-bini tal-Kummissjoni, f’termini ta’ żmien stretti.

970    B’mod iktar preċiż, Google enfasizzat li, minħabba li kienet irċeviet, inqas minn tliet ġimgħat qabel id-data tal-iskadenza tat‑23 ta’ Diċembru 2016 biex tibgħat it-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kważi 60 dokument mill-fajl tal-investigazzjoni u, jum qabel id-data tal-iskadenza, żewġ dokumenti oħra, fosthom wieħed partikolarment importanti dwar il-preinstallazzjoni ta’ servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq apparati li jaħdmu bl-Android, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddiskuti, fi żmien utli, l-opportunità li tirrikorri għal seduta. Ir-rinunzja, skont Google, tad-dritt tagħha għal seduta kienet partikolarment imposta, sa fejn l-uffiċjal tas-seduta kien indika lil Google li din kienet ser isseħħ fi tmiem ix-xahar ta’ Jannar 2017, li kien ifisser li Google u l-konsulenti tagħha kellhom biss xahar biex jippreparaw għas-seduta, matul perijodu ta’ attività kbira.

971    Għaldaqstant, irrispettivament mid-diffikultajiet imsemmija minn Google biex tiddeċiedi, f’dan il-kuntest partikolari u f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, dwar l-utilità tal-organizzazzjoni ta’ seduta, Google ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma organizzatx seduta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

972    Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk, wara li rrifjutat id-dritt tagħha għal seduta fit‑23 ta’ Diċembru 2016 fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Google kinitx f’pożizzjoni li ssostni l-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tagħha sabiex tkun tista’ tikseb mingħand il-Kummissjoni, f’Mejju 2018, jiġifieri sittax-il xahar wara, l-organizzazzjoni ta’ seduta.

973    Fl-istat tad-dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, jirriżulta fil-fatt li kumpannija tista’, abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, tikseb id-dritt għal seduta ġdida, jekk il-Kummissjoni tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

974    Mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta effettivament li, fid-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tindirizza biss l-oġġezzjonijiet li fuqhom il-kumpannija kkonċernata kellha l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet. Għaldaqstant, ilment ġdid ikun jeħtieġ li l-kumpannija kkonċernata tingħata mill-ġdid il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u li titlob li tiġi organizzata seduta sabiex din tkun tista’ tiżviluppa l-argumenti tagħha.

975    F’dan il-każ, madankollu, bejn it-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 u d-deċiżjoni kkontestata tat‑18 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ma adottatx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Minbarra d-diversi miżuri adottati mill-Kummissjoni wara t-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex Google tkun tista’ tikseb aċċess għall-fajl, u b’mod partikolari għall-provi miksuba sussegwentement, il-Kummissjoni għażlet li tindirizza ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti lil Google.

976    Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet żewġ ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti lil Google, waħda fil‑31 ta’ Awwissu 2017 u l-oħra fil‑11 ta’ April 2018, li fir-rigward tagħhom Google kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, rispettivament fit‑23 ta’ Ottubru 2017 u fis‑7 ta’ Mejju 2018. Skont il-Kummissjoni, din il-proċedura kienet teskludi kull dritt għal Google għall-organizzazzjoni ta’ seduta ġdida u kienet tiġġustifika ċ-ċaħda mill-uffiċjal tas-seduta, fit‑18 ta’ Mejju 2018, tat-talba mressqa f’dan ir-rigward minn Google, fis‑7 ta’ Mejju 2018.

977    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi att proċedurali preparatorju fir-rigward tad-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tabbanduna wħud mill-oġġezzjonijiet jew saħansitra l-oġġezzjonijiet kollha inizjalment ifformulati fil-konfront tagħhom u b’dan il-mod tibdel il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew, għall-kuntrarju, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sa fejn hija tagħti lill-kumpanniji kkonċernati l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan is-suġġett (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑167/08, EU:T:2012:323, punt 184).

978    Il-komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati ta’ żieda mal-oġġezzjonijiet hija neċessarja biss fil-każ fejn ir-riżultat tal-verifiki jwassal lill-Kummissjoni biex takkuża lill-kumpannija kkonċernata b’atti ġodda jew sabiex temenda b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat u mhux meta l-Kummissjoni tissodisfa d-dmir tagħha li tabbanduna oġġezzjonijiet li, fid-dawl tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ikunu rriżultaw li huma infondati (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑167/08, EU:T:2012:323, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

979    Min-naħa l-oħra, f’konformità mal-punt 111 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2011 dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6), li hija vinkolanti fuq il-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ sempliċi ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti hija ġġustifikata biss jekk il-Kummissjoni tkun tixtieq tibbaża ruħha fuq provi ġodda li jikkorroboraw l-oġġezzjonijiet diġà ssostanzjati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Sabiex tikkonforma mal-prinċipju ta’ kontradittorju, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumpannija li l-prattiki tagħha huma s-suġġett tal-investigazzjoni b’dawn il-provi l-ġodda u għandha, fi żmien perijodu li għandu jiġi ffissat minnha, tilqa’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Il-punt 111 tal-imsemmija komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma jsemmi xejn dwar il-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet orali.

980    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika li l-għażla mill-Kummissjoni li tuża ittri ta’ espożizzjonijiet tal-fatti u d-deċiżjoni sussegwenti tal-uffiċjal tas-seduta li jirrifjuta lil Google l-organizzazzjoni ta’ seduta sabiex tkun tista’ tiżviluppa oralment l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-provi l-ġodda invokati mill-Kummissjoni ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-kumpannija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar intiża biex tissanzjona abbuż minn pożizzjoni dominanti.

981    Issa, f’dan il-każ, għalkemm l-ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti formalment ma jżidu l-ebda oġġezzjoni ma’ dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sa fejn jibqgħu fil-mira l-prattiki abbużivi identifikati mill-Kummissjoni f’din tal-aħħar, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fir-realtà, l-ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti jissupplimentaw b’mod sinjifikattiv il-kontenut u l-portata tal-oġġezzjoni dwar in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, li ma kinitx suffiċjentement sostnuta fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u għalhekk jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat.

982    Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, it-test AEC, li, f’dan il-każ, kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-FTD abbażi ta’ portfolio li jipproduċu effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri daqstant effiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 143).

983    Fil-fatt, filwaqt li l-punti 718 sa 722 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu jinkludu biss analiżi sommarja tal-kapaċità ta’ kompetitur li joffri l-istess ħlasijiet magħmula minn Google skont il-FTD abbażi ta’ portfolio, kien biss mill-ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, li l-aħħar waħda ġiet trażmessa 3 xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li Google setgħet tifhem b’mod sħiħ it-test u r-raġunament użat, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni. L-analiżi kwantitattiva tal-kapaċità tal-kompetituri li joffru l-istess ħlasijiet bħal dawk li offriet Google skont il-FTD abbażi ta’ portfolio li tidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħet tinftiehem biss fid-dawl ta’ qari f’daqqa tal-ewwel u tat-tieni ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti.

984    Adottata tmien xhur wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti ssostni l-analiżi kwantitattiva billi timmodifika sostanzjalment l-approċċ adottat b’mod provviżorju fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

985    F’din tal-aħħar, il-Kummissjoni fformulat l-analiżi kollha tagħha abbażi ta’ żewġ elementi, jiġifieri l-impossibbiltà li kompetitur jikseb iktar minn 5 % tal-ishma mit-talbiet ta’ tiftix fuq l-apparati portabbli fid-dawl tal-perċentwali ta’ talbiet ta’ tiftix, matul il-perijodu 2012 sa 2015, ta’ Google u l-allegat obbligu, skont il-FDAM, li ma tiġix issettjata bħala l-għażla prestabbilita fuq browser terz magna tat-tiftix kompetitriċi.

986    Issa, fl-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni poġġiet f’kuntest l-obbligu, skont il-FDAM, li jiġu stabbiliti bħala l-għażla prestabbilita s-servizzi ta’ tiftix ta’ Google fuq il-browsers terzi. Il-Kummissjoni fformulat ukoll għall-ewwel darba l-ipoteżi, riprodotta fil-premessa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li kompetitur tal-inqas effiċjenti daqs Google ma jkunx jista’ jikkontesta, fir-rigward tal-apparati portabbli, iktar minn 12 % tat-talbiet ta’ tiftix ġenerali. Abbażi ta’ din il-premessa l-ġdida, il-Kummissjoni qieset li applikazzjoni li tikkompeti ma’ Google Search setgħet tikseb biss, l-iktar l-iktar, [0 sa 10] % tat-talbiet ta’ tiftix imwettqa mill-utenti permezz ta’ Google Search.

987    L-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti tibdel b’mod saħansitra iktar sinjifikattiv l-approċċ adottat b’mod provviżorju fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li l-Kummissjoni tasal, fir-rigward tal-kapaċità ta’ kompetitur li joffri l-istess ħlasijiet bħalma tagħmel Google skont il-FTD abbażi ta’ portfolio, għal riżultat manifestament iktar elaborat minn dak li hija kienet ipprevediet inizjalment.

988    Filwaqt li skont it-termini tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni enfasizzat li kompetitur kellu, fi kwalunkwe każ, iqassam id-dħul mir-reklamar kollu tiegħu sabiex jilħaq l-istess ammont, u mhux jeċċedi, tal-ħlasijiet ta’ Google, il-Kummissjoni indikat, fl-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatt, li kompetitur jista’, jekk jiġi stabbilit bħala l-għażla prestabbilita fuq browser terz, jilħaq, jew anki jeċċedi, il-ħlasijiet l-iktar komuni ta’ Google mingħajr ma jkollu għalfejn iqassam id-dħul kollu tiegħu.

989    Adottata tmien xhur wara l-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti u tliet xhur qabel id-deċiżjoni kkontestata, it-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti għamlet ukoll korrezzjonijiet importanti għall-analiżi fl-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti u, b’mod iktar sinjifikattiv, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

990    L-ewwel nett, wara li kisbet informazzjoni mingħand Google dwar aspetti kontemporanji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni eskludiet li kompetitur seta’ jkun jixtieq iqassam id-dħul mir-reklamar miksub minn talbiet ta’ tiftix imwettqa permezz tal-paġna ewlenija tal-magna tat-tiftix, sa fejn Google stess ma kinitx tqassam l-imsemmi dħul.

991    It-tieni, il-Kummissjoni inkludiet żewġ varjabbli ġodda fit-test AEC, jiġifieri l-impossibbiltà li kompetitur jikseb il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu ta’ tiftix ġenerali fuq l-apparati portabbli kollha ta’ portfolio ta’ OEM jew ta’ ONM u l-obbligu tal-kompetitur li jikkumpensa t-telf li jsofru l-OEMs u l-ONM ikkonċernati fir-rigward tad-dħul assoċjat mal-apparati portabbli diġà fiċ-ċirkulazzjoni u kopert mill-FTD abbażi ta’ portfolio. Dawn iż-żewġ punti jidhru li huma determinanti, sa fejn jippermettu lill-Kummissjoni tpoġġi f’kuntest il-kapaċità ta’ kompetitur li joffri l-istess ħlasijiet bħal Google fl-ipoteżi li s-servizzi ta’ tiftix kompetituri jiġu wkoll stabbiliti bħala l-għażla prestabbilita fuq browser terz.

992    It-tielet, il-Kummissjoni żiedet ċerta data finanzjarja relatata ma’ Google, li ma kinitx inkisbet mingħand din tal-aħħar, iżda mingħand OEM. Din tirrelata mal-ispejjeż imsejħa “operazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], stmati li jammontaw għal [10 sa 20] % li l-Kummissjoni ssemmi għall-ewwel darba fit-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti u testrapolahom għal kompetitur li ipotetikament huwa tal-inqas effiċjenti daqs Google. Madankollu, din id-data tibqa’ kkontestata minn Google quddiem il-Qorti Ġenerali kemm fir-rigward tal-ammont tagħha kif ukoll fir-rigward tal-kategorija tal-ispejjeż rilevanti applikabbli għat-test AEC.

993    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tallega li Google, fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-ewwel ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, aċċettat li tittieħed inkunsiderazzjoni tali data. Google tindika biss, fir-rigward tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-FTD abbażi ta’ apparat, u mhux abbażi ta’ portfolio, li l-perċentwali tad-dħul imqassam huwa espress biss f’termini grossi, b’dan il-perċentwali jitnaqqas b’[10 sa 20] %, mingħajr madankollu ma tippreċiża n-natura ta’ tali tnaqqis. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova tal-allegati effetti ta’ esklużjoni, bl-ebda mod ma pprovat tqabbel l-imsemmija data ma’ dik li setgħet tittrażmetti direttament Google.

994    Bl-istess mod, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni fir-risposta, id-dikjarazzjonijiet ta’ OEM kif ukoll id-data li tinsab f’dokumenti trażmessi minn dan tal-aħħar ma ntużawx biss għal-analiżi tal-FTD abbażi ta’ apparat. Fil-fatt, din id-data serviet sabiex tissupplimenta l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio, ħaġa li juri sempliċi qari tat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti.

995    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi kkomunikat biss fl-istadju tat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti d-data li hija kellha l-intenzjoni li tuża sabiex twettaq it-test AEC, il-Kummissjoni għandha titqies li emendat b’mod sinjifikattiv il-kontenut tal-oġġezzjoni dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio.

996    Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tistax titqies bħala suffiċjentement sostnuta fuq dan il-punt kruċjali tal-analiżi tal-kompetizzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio biex seduta, li kellha tiġi organizzata fil-bidu tas-sena 2017, setgħet kienet tkun utli għal Google. Kien biss mit-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, trażmessa f’April 2018, jiġifieri tliet xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjoni setgħet tiġi sostnuta b’mod suffiċjenti u b’hekk tippermetti lil Google tifhem l-aspetti prinċipali u determinanti tat-test AEC previst mill-Kummissjoni. Għalhekk, f’dan il-kuntest partikolari, il-Kummissjoni, li ma kienet suġġetta għall-ebda pressjoni ta’ żmien, kellha tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

997    Billi, minflok dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni ttrażmettiet żewġ ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, u billi ma aċċettatx l-organizzazzjoni ta’ seduta dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati bi tweġiba għal dawn iż-żewġ ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni b’hekk evitat id-dritt ta’ Google li tkun tista’ tiżviluppa b’mod orali l-argumenti tagħha fuq dawn l-osservazzjonijiet u kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ din il-kumpannija.

998    Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar intiża biex tissanzjona abbuż minn pożizzjoni dominanti, tal-organizzazzjoni ta’ seduta, l-ommissjoni ta’ tali seduta neċessarjament ivvizzjat din il-proċedura, u dan indipendentement mill-prova minn Google li din l-ommissjoni setgħet tinfluwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il-Kummissjoni, C‑85/15 P, EU:C:2017:709, punti 45 sa 47).

999    Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura tat-test AEC kif ukoll tal-importanza mogħtija lill-imsemmi test mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kapaċità tal-FTD abbażi ta’ portfolio li jipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti, oralment Google kienet tkun tista’ tiżviluppa b’mod eħfef l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kunċett ta’ dan it-test, li għalih tipprovdi, f’anness mar-rikors, verżjoni alternattiva żviluppata wara d-deċiżjoni kkontestata minn bord ta’ ekonomisti li twassal għal riżultat differenti.

1000 Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Kummissjoni ppermettiet lil Google tippreżenta, bil-miktub, l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ewwel u t-tieni ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti. Għalkemm il-prinċipju ta’ kontradittorju ġie ssodisfatt bil-miktub, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat tippermetti lil Google tiżviluppa l-osservazzjonijiet tagħha oralment kif kien ikun meħtieġ fil-każ ta’ adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

1001 L-interess ta’ tali diskussjoni orali jista’ jintwera, pereżempju, mill-kwistjoni tal-ispejjeż li għandhom jintużaw għall-finijiet tat-tfassil tat-test AEC. Fuq dan il-punt, fil-fatt, l-ispejjeż attribwiti mill-Kummissjoni lil Google ttieħdu minn dokumenti mibgħuta minn OEM, li ma kinux ikkorroborati permezz ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lill-parti kkonċernata prinċipali. Il-Kummissjoni essenzjalment injorat il-Linji Gwida tagħha dwar l-abbuż ta’ esklużjoni, li jipprovdu li, “[f]ejn [tkun] disponibbli [data affidabbli], il-Kummissjoni se tuża informazzjoni dwar il-spejjeż tal-impriża dominanti stess”.

1002 Għalhekk, seduta kienet tippermetti lil Google tipprovdi preċiżazzjonijiet lill-Kummissjoni li kienu jippermettu li jitneħħew, fi stadju iktar bikri, uħud mill-ambigwitajiet fir-rigward tat-tfassil tat-test AEC u li tiddiskuti dan direttament magħha. Fil-fatt, l-organizzazzjoni ta’ seduta kienet twassal lill-Kummissjoni biex tiddiskuti bis-sħiħ ma’ Google bil-għan li tiċċirkustanzja b’mod utli l-punti ta’ kontroversja, fil-fatt u fid-dritt. L-interess ta’ seduta jirriżulta iktar ċar minn din il-kawża, sa fejn l-oġġezzjonijiet ifformulati minn Google f’dan ir-rikors iwasslu lill-Qorti Ġenerali, minħabba l-fondatezza tagħhom, biex tilqa’ t-tielet motiv tar-rikors.

1003 Barra minn hekk, fid-dawl tad-diffikultajiet inerenti fit-tfassil ta’ test AEC, kieku saret seduta, Google kien ikollha l-possibbiltà li tiżgura aħjar id-difiża tagħha u li tikkonvinċi lill-Kummissjoni bil-ħtieġa li tevalwa mill-ġdid diversi punti tal-analiżi tagħha.

1004 Barra minn hekk, il-fatt li Google kienet tkun tista’ tiżviluppa oralment l-argumenti tagħha fuq il-modifiki sostanzjali magħmula mill-Kummissjoni għall-provi użati biex tiġi stabbilita n-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio seta’ jippermetti lill-Kummissjoni tirfina l-analiżi tagħha.

1005 Konsegwentement, għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-rikors u, fuq din il-bażi wkoll, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika bħala abbużivi l-FTD abbażi ta’ portfolio.

G.      Fuq ilkonsegwenzi tależami talewwel ħames motivi u tassitt motiv

1006 Google tosserva li d-deċiżjoni kkontestata timponi l-ikbar multa li qatt ġiet imposta fl-Ewropa minn awtorità tal-kompetizzjoni, jiġifieri EUR 4 342 865 000.

1007 Irrispettivament minn dan l-ammont, l-għan ta’ infurzar u dissważiv tal-multi imposti mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 102 TFUE jobbliga lill-Qorti Ġenerali tiżgura, bħala qorti imparzjali u indipendenti, l-effettività tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta tiddeċiedi fuq rikors ippreżentat kontra sanzjoni imposta minn awtorità amministrattiva li teżerċita wkoll il-funzjonijiet ta’ investigazzjoni.

1008 F’dan ir-rikors, Google titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.

1009 Wara l-eżami tal-ewwel ħames motivi, għandhom jiġu evalwati l-konsegwenzi fuq id-deċiżjoni kkontestata tal-konklużjonijiet esposti iktar ’il fuq. Sa fejn dawn il-konsegwenzi jaffettwaw il-multa, għandu jiġi ppreċiżat ukoll sa fejn l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ser tieħu inkunsiderazzjoni l-argument invokat abbażi tas-sitt motiv, li jikkonċerna l-elementi differenti meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa.

1.      Irrelazzjoni bejn lewwel ħames motivi u ssitt motiv firrigward talmulta

1010 Fis-sitt motiv, li huwa maqsum fi tliet partijiet, Google tosserva li, anki jekk, għall-kuntrarju tal-argumenti invokati fl-ewwel ħames motivi, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-evalwazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, tliet żbalji madankollu jeħtieġu l-annullament jew it-tnaqqis sostanzjali tal-multa. B’hekk, minħabba dawn l-iżbalji, il-multa għandha tiġi annullata jew, sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas sostanzjalment l-ammont tagħha.

1011 F’dan il-kuntest, Google ssostni, l-ewwel nett, li hija ma wettqitx il-ksur la b’intenzjoni u lanqas b’negliġenza, it-tieni, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet, li din fiha żbalji ta’ kalkolu sinjifikattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-linji gwida tagħha. F’dan ir-rigward, Google tallega li l-Kummissjoni wettqet kalkolu żbaljat tal-valur tal-bejgħ rilevanti, applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni tal-gravità żbaljat, żiedet ammont addizzjonali li ma huwiex iġġustifikat u ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti, fosthom it-tul limitat ta’ ċertu aġir.

1012 Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Id-deċiżjoni kkontestata tiffissa l-ammont tal-multa skont il-linji gwida u dan l-ammont jikkorrispondi għall-gravità u għat-tul tal-ksur uniku u kontinwu.

1013 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm l-argument żviluppat fir-rigward tas-sitt motiv huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-Qorti Ġenerali tivvalida l-analiżi tal-Kummissjoni kkontestata mill-ewwel ħames motivi, dan l-argument madankollu jinkludi għadd ta’ oġġezzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali meta teżerċita, b’mod awtonomu, il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

1014 Għal din ir-raġuni, sa fejn dan jirriżulta li huwa rilevanti u xieraq għal dan l-eżerċizzju, ser jiġu indirizzati dawn l-oġġezzjonijiet fl-eżami li ġej.

2.      Konklużjonijiet dwar ilksur wara leżami talewwel ħames motivi

1015 Mill-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motivi, għall-aspetti sostantivi, kif ukoll tat-tieni parti tal-ħames motiv tar-rikors, għall-aspetti proċedurali, jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet in-natura abbużiva tal-ewwel u tat-tieni aspetti tal-ksur uniku u kontinwu, imsejħa l-ewwel sat-tielet abbuż fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, mill-eżami tat-tielet motiv u tal-ewwel parti tal-ħames motiv tar-rikors jirriżulta li, sa fejn hija qieset li t-tielet aspett ta’ dan il-ksur, imsejjaħ ir-raba’ abbuż distint fid-deċiżjoni kkontestata, kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, hija kisret id-drittijiet tad-difiża u vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata b’diversi żbalji ta’ evalwazzjoni.

1016 Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati, biss sa fejn huwa kkonstatat, fl-Artikolu 1, li Google wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE li jikkonsisti f’erba’ abbużi distinti, li r-raba’ wieħed minnhom jikkonsisti f’li kienet issuġġettat, fil-kuntest ta’ ċerti FTD, it-tqassim tad-dħul mal-OEMs u mal-ONMs għall-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search fuq porfolio ddefinit minn qabel ta’ apparati u sa fejn dan ir-raba’ abbuż jissemma fl-Artikoli 3 u 4. Jirriżulta wkoll li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi rriformulat, sa fejn jimponi multa li tissanzjona l-parteċipazzjoni tal-kumpanniji Google u Alphabet fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE li jinkludi r-raba’ abbuż.

1017 F’dan il-każ, fil-fatt, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri daqstant effiċjenti inerenti fir-raba’ abbuż, dak relatat mal-FTD abbażi ta’ portfolio (it-tielet aspett tal-ksur uniku u kontinwu). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali jibqgħala dubju f’dak li jikkonċerna l-kapaċità tal-ħlasijiet inkwistjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċu l-effetti ta’ esklużjoni allegati.

1018 Madankollu, u dan indipendentement mill-fondatezza tal-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jitfakkar li l-FTD abbażi ta’ portfolio – kif kienu barra minn hekk il-FTD abbażi ta’ apparat – ittieħdu inkunsiderazzjoni, ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala elementi tal-kuntest fattwali, sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ esklużjoni kkawżati mill-ewwel u mit-tieni aspetti tal-ksur uniku u kontinwu (imsejħa l-ewwel, it-tieni u t-tielet abbuż distinti fid-deċiżjoni kkontestata), li n-natura abbużiva tagħhom ġiet ikkonfermata waqt l-eżami tat-tieni u tar-raba’ motivi.

1019 B’mod partikolari, għandu jitfakkar li, indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-FTD fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-effetti kkombinati tal-prattiki implimentati minn Google ppermettewlha tibbenefika, fir-rigward ta’ Google Search, minn preinstallazzjoni esklużiva li tkopri, tal-inqas sal‑2016, iktar minn nofs l-apparati kkummerċjalizzati fiż-ŻEE li jaħdmu b’OS ibbażata fuq l-Android (premessa 822 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 908 tad-deċiżjoni kkontestata).

1020 Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-FDAM kienu jipprevedu li l-apparati tal-GMS kienu meħtieġa jissodisfaw l-istandards tekniċi tal-kompatibbiltà li jinsabu fid-DDK, li barra minn hekk kienu applikabbli għall-OEMs, għall-apparati kollha tagħhom li l-OS tagħhom kienet verżjoni bbażata fuq l-Android, skont il-FAF, li l-konklużjoni tagħhom kienet imposta bħala prerekwiżit għall-konklużjoni tal-FDAM. Din ir-rabta bejn id-DDK u l-FDAM iffaċilitat l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali mixtieqa minn Google. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni d-DDK sabiex tevalwa l-effetti tal-FDAM fuq is-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

1021 Dawn l-elementi, li huma ċirkustanzi fattwali rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-aġir allegat kontra Google, b’hekk jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta bejn l-ewwel aspett tal-ksur uniku u kontinwu u l-FTD li ġew konklużi minn Google matul il-perijodu tal-ksur, minn naħa, u bejn l-ewwel u t-tieni aspetti tal-ksur uniku u kontinwu, min-naħa l-oħra.

1022 Barra minn hekk, l-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motivi tar-rikors juru li l-ewwel u t-tieni restrizzjonijiet kontenzjużi kienu parti minn strateġija globali. Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni kienet fondata meta qieset li l-aġir tar-rikorrenti, li kien jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet partikolari għall-użu tal-OS Android, minn naħa, kif ukoll ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi, min-naħa l-oħra, kellu jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE (il-premessa 2 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

1023 Fil-fatt, l-abbużi kkonstatati kienu jifformaw parti minn strateġija globali, intiża biex tantiċipa l-iżvilupp tal-internet mobbli, filwaqt li jiġi ppreżervat il-mudell kummerċjali ta’ Google, li huwa bbażat fuq id-dħul tagħha, essenzjalment, mill-użu tas-servizz ġenerali ta’ tiftix tagħha.

1024 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Google ma tikkontradixxix l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li l-mudell kummerċjali tagħha huwa bbażat fuq l-interazzjoni bejn, minn naħa, prodotti u servizzi marbuta mal-internet li spiss huma offruti mingħajr ħlas lill-utenti u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ reklamar online, li minnhom hija tikseb il-parti l-kbira tad-dħul tagħha. Għalhekk, id-dħul ta’ Google huwa essenzjalment marbut mal-udjenza tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix online tagħha, li jippermettulha tbigħ is-servizzi ta’ reklamar online minn fejn hija tagħmel id-dħul tagħha (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

1025 Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija globali segwita minn Google, iż-żamma tal-pożizzjoni dominanti li hija kienet tokkupa, matul il-perijodu kollu tal-ksur, fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix b’hekk kellha importanza deċiżiva, u l-ewwel u t-tieni restrizzjonijiet kontenzjużi kkontribwixxew għal dan. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv, l-esklużjoni ta’ OS kompetituri li jistgħu jippermettu l-preinstallazzjoni ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google Search, jew anki li dawn jibbenefikaw minn installazzjoni esklużiva, tikkontribwixxi wkoll għal dan l-istess għan.

1026 Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-effetti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija globali seħħew f’sitwazzjoni fattwali fejn Google Search kienet tibbenefika, de facto, bis-saħħa tal-FTD konklużi minn Google, u dan indipendentement mill-klassifikazzjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni, minn preinstallazzjoni esklużiva li kienet tkopri, tal-inqas sal-2016, iktar minn nofs l-apparati kkummerċjalizzati fiż-ŻEE li jaħdmu b’OS ibbażata fuq Android (il-premessa 822 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 908 tad-deċiżjoni kkontestata).

1027 B’mod iktar ġenerali, għandu jsir riferiment ukoll, bħala element fattwali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, għall-fatt li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, Google kellha ftehim ma’ Apple li permezz tiegħu l-magna tat-tiftix tagħha kienet issettjata bħala l-għażla prestabbilita fuq l-iPhones kollha ta’ dan l-OEM (ara l-premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-preżenza tal-ekosistema ta’ Apple, li kienet teżisti flimkien mal-ekosistema tal-Android, fis-suq globali tal-apparati portabbli intelliġenti għalhekk ma kinitx theddida kompetittiva sinjifikattiva għal Google fir-rigward tad-dħul iġġenerat mir-reklamar relatat mas-servizzi ġenerali ta’ tiftix (ara, pereżempju, il-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata).

1028 Barra minn hekk, il-prattiki abbużivi ta’ Google kellhom b’mod partikolari l-effett li jċaħħdu lill-kompetituri mill-possibbiltà li joffru mingħajr xkiel lill-utenti li xtaquhom soluzzjonijiet alternattivi għas-servizz ġenerali ta’ tiftix Google Search (premessi 862 u 1213 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, b’mod ġenerali, dawn il-prattiki ppreġudikaw l-interess tal-konsumaturi li jkollhom iktar minn sors wieħed sabiex jiksbu l-informazzjoni minn fuq l-internet. Barra minn hekk, b’mod iktar konkret, dawn il-prattiki llimitaw ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiftix immirati lejn segmenti tal-konsumaturi li jagħtu importanza partikolari, fost oħrajn, lill-protezzjoni tal-privatezza jew lil partikolaritajiet lingwistiċi fiż-ŻEE. Tali interessi mhux biss kienu konformi mal-kompetizzjoni fuq il-merti sa fejn dawn jinkoraġġixxu l-innovazzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi, iżda kienu wkoll neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-pluralità f’soċjetà demokratika.

1029 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu parzjalment annullati u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi rriformulat, sa fejn il-Kummissjoni ma wrietx in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, li tagħmel parti minn strateġija globali u li għaliha kkontribwixxew l-ewwel u t-tieni aspetti tal-ksur uniku u kontinwu ma hijiex ivvizzjata minn xi illegalità. Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali stess li għandha tiffissa, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, l-ammont xieraq tal-multa billi teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, kif stednitha tagħmel Google fil-kuntest tat-talba ta’ riformulazzjoni.

1030 Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ġew speċifikament imsemmija u diskussi b’mod estensiv mal-partijiet matul is-seduta.

1031 Il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jitfakkar mill-bidu li, peress li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija qiegħda twettaq evalwazzjoni indipendenti tal-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, ma hemmx lok li jinsiltu konsegwenzi awtomatiċi minn dan l-annullament parzjali dwar id-definizzjoni tal-ksur uniku u tal-komponenti tiegħu fuq l-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ser tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha stabbiliti u l-evalwazzjonijiet legalment magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li jista’ jkollhom effett fuq in-natura xierqa tal-ammont tal-multa.

3.      Fuq irriformulazzjoni talmulta

1032 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u f’konformità mat-talba mressqa f’dan is-sens, għandha tingħata deċiżjoni, b’applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 261 TFUE u mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar l-ammont tal-multa.

1033 Il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħti s-setgħa lill-Qorti Ġenerali, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tirriformula l-att ikkontestat, anki mingħajr ma tannullah, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex, pereżempju, tibdel l-ammont tal-multa, kemm sabiex tnaqqas dan l-ammont kif ukoll sabiex iżżidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 61 u 62, u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk ikun meħtieġ, twettaq evalwazzjonijiet differenti minn dawk magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-sanzjoni imposta fuq Google.

1034 Dan l-eżerċizzju ma jirrikjedix li l-Qorti Ġenerali tapplika l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punti 52 sa 55), anki jekk dawn ir-regoli indikattivi jistgħu eventwalment jidderiġuha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1035 Fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tesponi fid-dettall il-fatturi li tieħu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 52).

1036 F’dan il-każ, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa intiża biex tissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ Google fil-ksur uniku u kontinwu, kif jirriżulta mill-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata wara l-eżami tal-ewwel ħames motivi tar-rikors, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin.

a)      Ksur imwettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza

1037 Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonat jew b’negliġenza. Din id-distinzjoni, prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-fatt jista’ jkollha effett fuq l-ammont tal-multa.

1038 Il-partijiet jesprimu l-fehmiet tagħhom fuq dan il-punt fir-rigward tal-ewwel parti tas-sitt motiv.

1039 F’dan ir-rigward, Google ssostni li l-multa ma tiħux inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ intenzjoni jew ta’ negliġenza min-naħa tagħha. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċi l-ebda prova dwar l-intenzjoni, peress li l-prattiki kontenzjużi seħħew qabel ma Google allegatament kisbet pożizzjoni dominanti. Bl-istess mod, Google ma setgħetx, b’mod partikolari fid-dawl tal-prattika preċedenti u konkomitanti mad-deċiżjoni kkontestata, tkun “konxja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] min-natura antikompetittiva tal-mudell kummerċjali tagħha li huwa miftuh, mingħajr ħlas u intrinsikament favur il-kompetizzjoni. Xejn ma jippermetti li tkun taf meta l-Kummissjoni biddlet l-evalwazzjoni tagħha.

1040 Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li ma hijiex meħtieġa turi intenzjoni ta’ esklużjoni sabiex tikkonkludi li l-ksur twettaq b’intenzjoni. Huwa biżżejjed li Google ma setgħetx “ma tkunx taf bin-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan il-każ, il-ksur kien tabilħaqq “intiż li jsaħħaħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix (premessi 858 sa 860, 972 sa 977 u 1140 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-ksur twettaq tal-inqas b’negliġenza, peress li Google kienet taf bil-“fatti essenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-pożizzjoni dominanti u l-abbużi.

1041 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multa meta, b’intenzjoni jew b’negliġenza, kumpannija twettaq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

1042 Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar it-twettiq ta’ ksur b’intenzjoni jew b’negliġenza, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ewwel ipoteżi hija ssodisfatta meta l-kumpannija inkwistjoni tadotta prattika u timplimentaha b’għarfien sħiħ tal-effetti antikompetittivi tagħha fuq is-suq, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera jekk hija kinitx konxja, meta għamlet dan, li kienet qiegħda tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 45).

1043 Issa, fl-ewwel lok, ma hemm l-ebda dubju li Google, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, implimentat il-prattiki kontenzjużi b’intenzjoni, jiġifieri bl-għarfien sħiħ tal-effetti li dawn il-prattiki kienu ser jipproduċu fuq is-swieq rilevanti.

1044 Fil-fatt, Google ma setgħetx raġonevolment ma tkunx taf li kellha pożizzjoni dominanti jew setgħa kbira fis-swieq tal-ħwienet tal-Android u tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix. Barra minn hekk, Google ma tikkontestax, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li kienet tokkupa pożizzjoni dominanti, matul il-perijodu tal-ksur, fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix.

1045 Lil hinn mill-pożizzjoni tagħha fis-swieq rilevanti, Google kienet konxjament qiegħda ssegwi strateġija ta’ inċentiv u kastig, jew “tal-karrotta u l-qasba”, fi kliem preżentazzjoni interna ta’ Google riprodotta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1343). L-għan indikat kien li, permezz tal-FDAM, il-FAF u l-FTD, indipendentement mill-prova insuffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata tal-effetti tan-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, jiġi evitat l-użu ta’ verżjonijiet alternattivi mhux approvati tal-Android u jiġi promoss l-użu tas-servizzi ta’ Google biss, u dan bil-għan ċar li tiġi protetta u msaħħa l-pożizzjoni ta’ Google fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix (premessi 1343, 1350 u 1351). L-effetti li ġġustifikaw l-intervent tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienu tabilħaqq mixtieqa peress li rriżultaw minn stipulazzjonijiet kuntrattwali inklużi fil-ftehimiet inkwistjoni mfassla u żviluppati minn Google. Id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti ta’ Google riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata jikkorroboraw din l-interpretazzjoni, fejn waħda minnhom tippreċiża b’mod ċar li l-għan kien li jiġi evitat li verżjonijiet tal-Android jintegraw servizzi ta’ tiftix li jikkompetu ma’ Google (premessi 1344 u 1347 tad-deċiżjoni kkontestata).

1046 B’mod iktar partikolari, l-intenzjoni ta’ Google li xxekkel kull żvilupp tal-kodiċi tas-sors tal-Android billi ċċaħħad lill-iżviluppaturi ta’ forks tal-Android alternattivi minn opportunitajiet kummerċjali ma tistax tiġi kkontestata, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors. Ir-rieda li jixxekkel l-iżvilupp tal-forks tal-Android alternattivi hija inkluża fl-għanijiet differenti segwiti mill-FAF, minkejja li Google ssostni li hija kienet imġiegħla tagħmel dan sabiex tiżgura s-sopravivenza tal-Android. Barra minn hekk, mill-posta elettronika interna ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-istrateġija intiża biex ixxekkel l-iżvilupp tal-forks tal-Android alternattivi kienet stabbilita b’intenzjoni sa mill-bidu, sabiex l-imsieħba u l-kompetituri ta’ Google jiġu mxekkla milli jiżviluppaw verżjonijiet tal-Android awtonomi (premessi 159 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata).

1047 Fit-tieni lok, Google ma tistax tippretendi li ma kinitx taf bl-effetti antikompetittivi tal-ftehimiet inkwistjoni għar-raġuni unika li dawn tal-aħħar ġew implimentati qabel ma Google kisbet pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, l-ewwel nett, indipendentement mill-pożizzjoni tagħha fis-swieq rilevanti, għandu jiġi rrilevat li Google fittxet konxjament l-effetti tal-ftehimiet inkwistjoni. It-tieni nett, lanqas ma seta’ kien il-każ li ma kinitx taf bin-natura antikompetittiva tagħhom fil-mument meta s-setgħa tagħha fis-suq żdiedet b’mod sinjifikattiv. Huwa għalhekk mill-mument li hija saret dominanti li, kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, Google setgħet tiġi ssanzjonata talli wettqet b’intenzjoni ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

1048 Bl-istess mod, is-sempliċi konstatazzjoni li Google kellha l-intenzjoni, skont kif tgħid hija, li ssegwi għanijiet oħra allegatament favur il-kompetizzjoni, marbuta mal-iżvilupp u mal-protezzjoni tal-pjattaforma tal-Android, ma jistax ipoġġi indiskussjoni l-fatt li hija segwiet ukoll, permezz tal-ftehimiet inkwistjoni, strateġija “tal-karrotta u l-qasba”, sabiex tippreżerva u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, b’mod partikolari fis-swieq tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix, u sabiex tillimita l-preżenza f’dawn is-swieq tal-kompetituri tagħha, jew saħansitra tipprevjeni l-iżvilupp ta’ kull kompetizzjoni.

1049 Għaldaqstant, Google ma tistax tippretendi li implimentat il-ftehimiet inkwistjoni għajr b’intenzjoni, u lanqas li ma fittxitx l-effetti li dawn x’aktarx li kien ser ikollhom u li ġġustifikaw l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

1050 Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti ta’ Google dwar l-inċertezza fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prattiki inkwistjoni bħala abbużivi fid-dawl tal-prassi ġurisprudenzjali u deċiżjonali preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, it-twettiq ta’ din l-analiżi jkun jammonta għal li jiġi vverifikat jekk Google setgħetx tkun taf li l-aġir tagħha kien jinvolvi l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, ħaġa li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija irrilevanti. L-unika ħaġa li tgħodd, fil-każ ta’ ksur b’intenzjoni, hija l-prova li prattika twettqet b’għarfien sħiħ tal-effetti antikompetittivi li kienu ser jirriżultaw fuq is-suq.

1051 Konsegwentement, kif ġustament qieset il-Kummissjoni, Google wettqet ksur b’intenzjoni. Il-Qorti Ġenerali ser tieħu din iċ-ċirkustanza inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

b)      It-teħid inkunsiderazzjoni talgravità u tattul talksur

1052 Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina l-ammont tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Dan l-eżerċizzju jinvolvi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tat-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ proporzjonalità u ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1)      Itteħid inkunsiderazzjoni talvalur talbejgħ bħala data inizjali

1053 Preliminarjament, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ imwettaq minn Google fir-rigward tal-ksur, li jippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta skont il-linji gwida tagħha, il-Qorti Ġenerali tixtieq tirrileva li għalkemm hija ġurisprudenza stabbilita li l-iffissar ta’ multa ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 266, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il-Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 436), l-użu ta’ valur bħal dan jista’, f’dan il-każ, jipprovdi bażi xierqa għat-tluq sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa.

1054 Fil-fatt huwa xieraq, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li tintuża metodoloġija li, bħal dik segwita mill-Kummissjoni, tidentifika, fl-ewwel lok, ammont bażiku li jista’, fit-tieni lok, jiġi aġġustat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. F’dan ir-rigward, il-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur f’dan il-każ jirrifletti l-impatt ekonomiku tal-ksur kif ukoll l-importanza tal-kumpannija li wettqet il-ksur.

1055 Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali ser teżamina l-argumenti mressqa fir-rigward tal-ammont meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fit-tielet parti tas-sitt motiv.

1056 L-ewwel nett, Google tikkritika lill-Kummissjoni talli ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ imwettaq fl‑2017, l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur, meta kellha pjuttost tieħu inkunsiderazzjoni l-valur medju tal-bejgħ imwettaq matul il-perijodu kollu tal-ksur. Tali teħid inkunsiderazzjoni huwa ġġustifikat mit-tkabbir esponenzjali tad-dħul ta’ Google bejn l‑2011 u l‑2017 minħabba t-tranżizzjoni mit-telefoni diġitali għall-ismartphones u ż-żieda korrispondenti tal-internet fuq l-apparati portabbli.

1057 Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tenfasizza li kienet Google li kellha turi li l-bejgħ imwettaq matul is-sena 2017 ma kienx jirrifletti r-realtà ekonomika tal-ksur u d-daqs u s-setgħa tas-suq ta’ Google. Is-sempliċi konstatazzjoni taż-żieda fid-dħul tagħha bejn l‑2011 u l‑2017 ma hijiex biżżejjed għal dan il-għan.

1058 Għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa huwa intiż biex jirrifletti r-realtà u l-portata ekonomika tal-ksur issanzjonat. L-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur bħala perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ ma għandhiex madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni dejjem, b’mod partikolari meta l-bejgħ tal-kumpannija mwettaq matul l-aħħar sena tal-parteċipazzjoni fil-ksur ma jippermettix li tiġi riflessa l-portata ekonomika tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2014, Esso et vs Il-Kummissjoni, T‑540/08, EU:T:2014:630, punt 95).

1059 Madankollu, is-sempliċi konstatazzjoni tat-tkabbir sinjifikattiv fid-dħul ta’ Google bejn l‑2011 u l‑2017 ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li d-dħul iġġenerat minn Google fl‑2017 ma jirriflettix ir-realtà ekonomika, il-portata tal-ksur, id-daqs tal-kumpannija u s-setgħa tagħha fis-suq. Għall-kuntrarju, in-natura unilaterali tal-prattiki ssanzjonati mill-Kummissjoni, li ppermettew lil Google ssaħħaħ, bejn l‑2011 u l‑2017, il-pożizzjoni dominanti tagħha u s-setgħa tagħha fis-suq u xxekkel l-espansjoni tal-kompetituri tagħha, jew saħansitra teskludihom mis-suq jew tostakola lil kompetituri potenzjali, tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul iġġenerat fl‑2017, sena li matulha Google setgħet taħsad ekonomikament il-frott kollu tal-prattiki tagħha implimentati mill‑2011.

1060 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ imwettaq minn Google matul l-aħħar sena tal-parteċipazzjoni kompleta tagħha fil-ksur.

1061 It-tieni, Google tikkritika lill-Kummissjoni li żiedet mal-valur tal-bejgħ rilevanti dħul li ma għandu l-ebda rabta mal-ksur. Dan japplika għad-dħul iġġenerat minn Google mill-klikks tal-utenti fuq il-links tar-reklamar wara talbiet ta’ tiftix ġenerali mwettqa, mhux permezz tal-applikazzjonijiet preinstallati ta’ Google, iżda permezz tal-paġna ewlenija ta’ Google. Dan id-dħul ma kienx ikkonċernat mill-FTD abbażi ta’ portfolio u Google kienet f’pożizzjoni li tiżola dan id-dħul minn dak iġġenerat minn talbiet imwettqa permezz tal-applikazzjonijiet tagħha.

1062 Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li jittieħed inkunsiderazzjoni tali dħul, sa fejn dan jikkonċerna l-ksur.

1063 F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-valur tal-bejgħ ikkunsidrat fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa għandu jkollu rabta diretta jew, tal-inqas, indiretta mal-ksur issanzjonat, mingħajr ma tiġi żnaturata r-realtà u l-portata ekonomika ta’ dan il-ksur fl-istadju tad-determinazzjoni tas-sanzjoni tiegħu.

1064 Issa, f’dan il-każ, id-dħul iġġenerat minn Google mill-klikks tal-utenti fuq il-links tar-reklamar wara talbiet ta’ tiftix imwettqa mhux permezz tal-applikazzjonijiet preinstallati ta’ Google, iżda permezz tal-paġna ewlenija ta’ Google, jippreżenta rabta, tal-inqas indiretta, mal-ksur. Fil-fatt, kif jirriżulta ġustament mid-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki ssanzjonati mill-Kummissjoni ppermettew lil Google żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha u s-setgħa tagħha fis-swieq nazzjonali kollha tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix nazzjonali, kemm jekk dan it-tiftix isir permezz ta’ applikazzjoni preinstallata kif ukoll jekk isir permezz tal-paġna ewlenija ta’ Google (premessa 1439 tad-deċiżjoni kkontestata).

1065 Billi għamlu l-użu u l-aċċess għas-servizzi ta’ tiftix kompetituri iktar diffiċli u billi ħadu lill-utenti ta’ tali servizzi, il-prattiki implimentati minn Google indirettament ippermettewlha tibbenefika minn dħul sostanzjali wkoll permezz tal-paġna ewlenija tagħha. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-FTD abbażi ta’ portfolio ma jiħdux inkunsiderazzjoni tali dħul huwa irrilevanti.

1066 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li ma teskludix mill-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa d-dħul iġġenerat abbażi ta’ talbiet ta’ tiftix ġenerali mwettqa fuq il-paġna ewlenija ta’ Google.

1067 It-tielet, Google tikkritika lill-Kummissjoni li, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul iġġenerat, mhux minn Google, iżda minn partijiet terzi. Dan japplika wkoll għall-ispejjeż ta’ kisba tat-traffiku, jiġifieri ħlasijiet magħmula minn Google sabiex turi l-links tar-reklamar tagħha fuq siti web terzi.

1068 Il-Kummissjoni ssostni, għall-kuntrarju, li l-ispejjeż ta’ kisba tat-traffiku huma parti integrali mid-dħul ta’ Google mir-reklamar kuntestwali u li huma jirrappreżentaw komponent tal-prezz iffatturat lil dawk li jirreklamaw għas-servizzi ta’ Google.

1069 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi, fil-formulazzjoni tiegħu, il-valur tal-bejgħ totali tal-kumpannija kkonċernata, mingħajr l-ebda tnaqqis (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il-Kummissjoni, T‑410/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:676, punt 225).

1070 Issa, f’dan il-każ, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għalkemm l-ispejjeż ta’ kisba tat-traffiku huma fil-fatt spejjeż imġarrba minn Google, sa fejn jikkostitwixxu spejjeż volontarji ta’ Google sabiex turi l-links tagħha fuq siti web terzi, l-imsemmija spejjeż huma, essenzjalment, iffatturati lil dawk li jirreklamaw, b’tali mod li jikkostitwixxu komponent tad-dħul ta’ Google (premessa 1442 tad-deċiżjoni kkontestata).

1071 Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, l-ispejjeż ta’ kisba tat-traffiku ma jistgħux jitnaqqsu mill-valur tal-bejgħ. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż ma għandhomx effett fuq l-ammont gross tad-dħul ta’ Google u jirrifletti b’mod adegwat ir-realtà u l-portata ekonomika tal-ksur issanzjonat.

1072 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-istess valur tal-bejgħ ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

2)      Itteħid inkunsiderazzjoni talgravità

1073 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ġie deċiż b’mod partikolari li dan għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jidħlu f’din l-evalwazzjoni, bħal, pereżempju, in-numru u l-intensità ta’ każijiet ta’ aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 196 u 197 tal-ġurisprudenza ċċitata).

1074 F’dan il-każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis qabel kollox xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin, li jissemmew ukoll mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha, jiġifieri n-natura tal-ksur, is-sitwazzjoni ta’ Google fis-swieq rilevanti, il-portata ġeografika ta’ dan il-ksur, u l-implimentazzjoni jew le tal-ksur.

1075 Fir-rigward tan-natura tal-ksur, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkaratterizzat b’mod suffiċjenti fid-dritt diversi prattiki ta’ esklużjoni abbużivi min-naħa ta’ Google, li ostakolaw il-kompetizzjoni billi eskludew il-kompetituri tagħha għad-detriment tal-konsumaturi. Dawn il-prattiki huma marbuta mal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM u mal-effetti ta’ esklużjoni li jirriżultaw mill-FAF, u għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-kuntest fattwali rilevanti matul it-tul tal-ksur.

1076 Fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ Google fis-swieq rilevanti u tal-portata ġeografika tal-ksur, ma huwiex ikkontestat li, matul it-tul kollu tal-ksur, Google kellha pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ġenerali ta’ tiftix fiż-ŻEE. Dawn is-swieq kienu dawk li kienu s-suġġett tal-istrateġija globali ta’ Google, li kellha l-intenzjoni li tippreżerva s-setgħa fis-suq li hija kellha fuq it-talbiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix imwettqa mill-PCs u fuq it-talbiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix imwettqa minn apparat portabbli intelliġenti. Tali konstatazzjoni ma titpoġġiex f’dubju jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-talbiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix imwettqa minn apparati li jaħdmu bl-Android, iżda wkoll it-talbiet ta’ servizzi ġenerali ta’ tiftix imwettqa minn iPhone.

1077 Fir-rigward tal-implimentazzjoni jew le tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tqis partikolarment neċessarju f’dan ir-rigward, sabiex jiġu osservati l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet, li jiġu evalwati n-numru u l-intensità tal-każijiet ta’ aġir antikompetittiv minn Google.

1078 Tali eżerċizzju huwa ffaċilitat mill-eżami bir-reqqa tal-effetti konkreti li twettaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża sabiex tevalwa l-impatt fuq il-kompetizzjoni fuq il-merti tal-istrateġija globali ta’ Google u tal-mezzi differenti użati għall-implimentazzjoni tagħha.

1079 Il-Qorti Ġenerali tinnota f’dan ir-rigward li għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni inizjalment limitat ruħha li tqis li “s-swieq rilevanti għall-ksur [kienu] ta’ importanza ekonomika sinjifikattiva”, li jfisser li “kwalunkwe mġiba antikompetittiva f’dawk is-swieq x’aktarx li [kien i]kollha impatt konsiderevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 1449), hija madankollu ħadet ħsieb li sussegwentement tippreċiża li tali evalwazzjoni kienet ibbażata fuq il-konklużjonijiet li hija siltet mill-analiżi tal-effetti ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ kull aġir inkwistjoni (premessa 1455).

1080 L-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward tirriżulta mill-analiżi esposta iktar ’il fuq fir-rigward tal-motivi korrispondenti f’dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tieni restrizzjonijiet kontenzjużi. Din l-analiżi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-effetti ta’ esklużjoni konstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll id-diversi argumenti invokati mill-partijiet fir-rigward tal-interess fl-iżvilupp u tal-manutenzjoni tal-OS Android u tal-“ekosistema” tagħha, li għandhom jitqiesu bħala stabbiliti, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 889 u 890 iktar ’il fuq.

1081 F’dan ir-rigward, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tindika li hija tqis li l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fiss ta’ 11 % tal-valur tal-bejgħ iddeterminat mill-Kummissjoni (premessa 1447 tad-deċiżjoni kkontestata) ma tirriflettix suffiċjentement ir-realtà tal-implimentazzjoni tal-ksur u, b’mod partikolari, l-intensità tiegħu matul il-perijodu kkonċernat, b’mod partikolari, kif ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, fir-rigward tal-aġir antikompetittiv ta’ Google matul is-snin 2012 sa 2014.

3)      Itteħid inkunsiderazzjoni tattul

1082 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, il-Qorti Ġenerali ser tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati minn Google fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

1083 Minn naħa, Google LLC ipparteċipat mingħajr interruzzjoni mill‑1 ta’ Jannar 2011 sat‑18 ta’ Lulju 2018, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fiż-żewġ aspetti li ġejjin tal-ksur uniku u kontinwu: dak li jirrigwarda l-ġbir f’sett tal-applikazzjoni Google Search u l-Play Store u dak li jirrigwarda s-suġġettar tal-għoti ta’ liċenzja għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-kondizzjoni ta’ konklużjoni ta’ FAF.

1084 Min-naħa l-oħra, Google LLC ipparteċipat mingħajr interruzzjoni mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sat‑18 ta’ Lulju 2018, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’aspett ieħor tal-ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-ġbir f’sett ta’ Google Chrome mal-Play Store u l-applikazzjoni Google Search.

1085 Madankollu, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, li użat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni uniku u ġenerali biex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Google fil-ksur (premessa 1461 tad-deċiżjoni kkontestata), bil-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mmultiplikat b’dan il-koeffiċjent tat-tul, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa iktar xieraq f’dan il-każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll parametri oħra biex jiġu rappreżentati aħjar ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-andament tal-ksur matul iż-żmien, b’mod partikolari fid-dawl tal-intensità varjabbli tiegħu.

4)      Evalwazzjoni kkombinata fiddawl talintensità

1086 Fl-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa preferibbli li tintuża teknika differenti minn dik aritmetika u lineari ddefinita mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija ġenerali li hija adottat fil-linji gwida. Tali għażla tista’ tiżgura aħjar, skont il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża, mingħajr ma dan jippreġudika l-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv sodisfaċjenti.

1087 Minn naħa, huwa xieraq f’dan il-każ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-komplimentarjetà tal-ewwel abbużi. Kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa f’dan ir-rigward, il-prattiki abbużivi ta’ Google taħt l-istrateġija globali tagħha ġew imsaħħa mill-mument meta kemm l-applikazzjoni Google Search kif ukoll il-browser Chrome kienu s-suġġett tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM. B’dan il-mod, Google żgurat vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv fuq iż-żewġ punti prinċipali ta’ dħul sabiex jitwettaq tiftix fuq l-internet, u tali vantaġġ kompetittiv kien diffiċli ħafna li jiġi kkumpensat mill-kompetituri ta’ Google.

1088 Min-naħa l-oħra, jidher ukoll neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-intensità tal-aġir antikompetittiv matul iż-żmien kif ukoll l-elementi fattwali l-oħra li jirrigwardaw dan l-aġir invokati fid-deċiżjoni kkontestata, bħall-FTD. F’dan ir-rigward jistgħu jiġu distinti diversi perijodi:

–        l-ewwel perijodu esploratorju mill‑1 ta’ Jannar 2011 sal‑1 ta’ Awwissu 2012, immarkat mill-varar tal-istrateġija globali mixtieqa minn Google sabiex tiżgura t-tranżizzjoni lejn l-internet mobbli;

–        it-tieni perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sat-tmiem tal-FTD abbażi ta’ portfolio, fil‑31 ta’ Marzu 2014, meta l-intensità tal-ksur kienet fl-ogħla tagħha għaliex l-effetti tagħha kienu jgħaqqdu l-aspetti restrittivi tal-FDAM (għaż-żewġ settijiet) u tal-FAF, f’kuntest fejn l-esklużività mogħtija mill-FTD abbażi ta’ portfolio kienet qiegħda tnaqqas il-possibbiltajiet teoretiċi ta’ preinstallazzjoni konġunta fuq l-apparati tal-GMS;

–        it-tielet perijodu bejn il‑31 ta’ Marzu 2014 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jista’ jitqies li l-kompetituri kienu jibbenefikaw minn marġni ta’ libertà ikbar bil-FTD abbażi ta’ apparat milli kienu taħt il-FTD abbażi ta’ portfolio, iżda fejn, b’mod parallel, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-iżvilupp tal-APIs li kien aggrava l-effetti ta’ esklużjoni tal-FAF.

1089 Din is-segmentazzjoni twassal lill-Qorti Ġenerali biex tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iċ-ċirkustanzi li ġejjin.

1090 Qabel kollox, huwa minnu, kif issostni Google permezz tat-tieni parti tas-sitt motiv, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija temmet spontanjament il-FTD abbażi ta’ portfolio, mill‑31 ta’ Marzu 2014, sabiex tissostitwixxihom bil-FTD abbażi ta’ apparat u li dan neċessarjament kellu l-effett li jnaqqas l-esklużjoni li tirriżulta mill-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search u ta’ Chrome fuq ċerti apparati tal-GMS ikkummerċjalizzati fiż-ŻEE.

1091 Issa, l-użu ta’ żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni fissi u ġenerali – wieħed għall-gravità u l-ieħor għat-tul – ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza, kif barra minn hekk ma jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM ma kinux ikopru l-Chrome qabel l‑1 ta’ Awwissu 2012.

1092 Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-effetti tal-prattiki inkwistjoni għat-tieni perijodu kienu partikolarment sinjifikattivi, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, peress li dawn l-effetti seħħew f’mument kritiku kemm għal Google kif ukoll għall-kompetituri tagħha, dak tal-iżvilupp tal-internet fuq l-apparati portabbli.

1093 F’dak iż-żmien, kruċjali kif kien għall-iżvilupp tas-servizzi ta’ tiftix online mwettqa minn apparat portabbli intelliġenti, il-prattiki abbużivi ta’ Google kienu ta’ dannu għall-kompetituri tagħha, li għalihom kien partikolarment importanti li jkunu preżenti anki fuq kwantitajiet żgħar ta’ apparat. Din il-perspettiva ġiet esposta waqt is-seduta b’mod konvinċenti mid-diversi kompetituri ta’ Google li intervjenew fil-proċedura.

1094 Għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali ser tieħu inkunsiderazzjoni kemm it-tul rispettiv tad-diversi aspetti tal-ksur uniku u kontinwu kif ukoll id-differenzi li jeżistu bejn il-perijodi differenti, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, sabiex tevalwa l-intensità varjabbli tal-parteċipazzjoni ta’ Google f’dan il-ksur.

c)      Ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti

1095 Il-Qorti Ġenerali tqis li l-kuntest fattwali ta’ din il-kawża ma jiġġustifikax li Google tingħata l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti jew, għall-kuntrarju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti.

1096 Fir-rigward tal-argumenti mqajma f’dan ir-rigward permezz tat-tielet parti tas-sitt motiv, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li Google ma tistax tippretendi li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa sa fejn hija wettqet il-ksur b’negliġenza. Kif ġustament stabbilixxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u kif jirriżulta mill-punti iktar ’il fuq, Google wettqet il-ksur b’intenzjoni billi fittxet konxjament l-effetti li l-ftehimiet inkwistjoni x’aktarx li kien ser ikollhom.

1097 Bl-istess mod, Google ma tistax titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa bħala kontroparti għall-allegata kooperazzjoni attiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Ċertament, Google spontanjament ipproponiet impenji biex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li kellha l-Kummissjoni. Madankollu, tali proposta ma tistax, fiha nnifisha, tmur lil hinn mill-obbligi legali imposti fuq Google li tikkoopera matul il-proċedura amministrattiva u ma tistax, għal din ir-raġuni biss, tiġġustifika tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni attiva tagħha.

1098 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tqisx li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi fattwali oħra li jistgħu jinfluwenzaw it-tnaqqis jew iż-żieda tal-ammont tal-multa.

d)      Lammont talmulta u rresponsabbiltà in solidum ta’ Alphabet

1099 Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-implimentazzjoni b’intenzjoni, matul perijodu sinjifikattiv, ta’ strateġija globali li l-eżistenza tagħha ma hijiex ikkontestata mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tielet tip ta’ aġir eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata u li kellu effetti ta’ intensità varjabbli matul il-perijodu tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tqis li hija evalwazzjoni ġusta tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni, li l-ammont tal-multa imposta fuq Google LLC jiġi ffissat għal EUR 4 125 000 000 minflok EUR 4 342 865 000.

1100 Barra minn hekk, Alphabet, Inc. għandha tinżamm responsabbli in solidum bħala l-kumpannija omm għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Google LLC mit‑2 ta’ Ottubru 2015 sat‑18 ta’ Lulju 2018 għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestati f’dan ir-rikors (premessi 1388 u 1389 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-każ, peress li Alphabet, Inc. kienet tikkontrolla lil Google LLC għal 1 013-il jum mill-2 748 jum tal-ksur uniku u kontinwu, hija kkundannata in solidum li tħallas is-somma ta’ EUR 1 520 605 895.

e)      Innatura xierqa tassanzjoni

1101 Il-Qorti Ġenerali tqis li multa ta’ EUR 4 125 000 000 hija xierqa fid-dawl tal-importanza tal-ksur. Fir-rigward tal-argumenti invokati f’dan ir-rigward minn Google fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Google, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ sanzjoni, li turi moderazzjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-allegata novità tal-prattiki inkwistjoni. L-istess japplika għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.

1102 Ċertament, il-Kummissjoni wettqet għall-ewwel darba analiżi kompetittiva tal-pjattaforma tal-Android. Madankollu, l-evalwazzjonijiet dwar is-swieq, il-pożizzjoni dominanti okkupata minn Google f’dawn tal-aħħar u l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq analiżijiet stabbiliti sewwa fid-dritt tal-kompetizzjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li hija qiegħda tissanzjona diversi ftehimiet, li l-analiżi tagħhom turi sitwazzjonijiet klassiċi ta’ rbit jew ta’ esklużività bejn operaturi (premessa 1432 tad-deċiżjoni kkontestata).

1103 Għalhekk, din il-kawża ma tistax, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Google, titqabbel ma’ dik li wasslet għas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, EU:C:1991:286), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni s-sanzjoni mingħajr preċedent ta’ prezzijiet predatorji sabiex naqqset l-ammont tal-multa, u dan l-aspett barra minn hekk ma kienx l-uniku wieħed ikkunsidrat għal dan il-għan.

1104 L-istess interpretazzjoni hija imposta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/82/KEE tat‑23 ta’ Diċembru 1992 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE] (IV/32.448 u IV/32.450 – Cewal, Cowac, Ukwal) u l-Artikolu 102 [TFUE] (IV/32.448 u IV/32.450 – Cewal) (ĠU 1993, L 34, p. 20) u li fuqha tibbaża ruħha Google. Ċertament, fil-premessa 116 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kumpanniji inkwistjoni ma setgħux ikunu jafu bl-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-kompetizzjoni jew setgħu ssottovalutaw il-gravità tal-ksur issanzjonat, li seta’ kellu effett fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

1105 Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li kumpannija tad-daqs ta’ Google u li għandha saħħa fis-suq sinjifikattiv fis-swieq imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax ma tkunx taf bl-obbligi tagħha skont id-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, mid-dokumenti interni u mid-dikjarazzjonijiet ta’ Google li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom jirriżulta b’mod ċar li Google kienet kompletament konxja mill-effetti tal-prattiki kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 1343 sa 1347).

1106 F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis ukoll li l-aġir inkwistjoni kien diġà s-suġġett ta’ prassi deċiżjonali preċedenti min-naħa tal-Kummissjoni, li kienet ukoll diġà ġiet mistħarrġa mill-Qorti tal-Unjoni, kemm fir-rigward tas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), jew tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), li t-tnejn li huma ppreċiżaw il-kriterji ta’ analiżi li għandhom jintużaw sabiex jiġi evalwat dan l-aġir differenti. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jitqies li l-multa imposta hija sproporzjonata għaliex ma tiħux inkunsiderazzjoni l-allegata novità tal-prattiki inkwistjoni.

1107 It-tieni nett, Google tallega li l-aġir tagħha kien ta’ gravità relattiva u pproduċa effetti favur il-kompetizzjoni. Il-multa imposta għandha għalhekk, skont Google, tikkorrispondi għall-gravità tal-aġir tagħha, u ma tmurx lil hinn minnha.

1108 F’dan ir-rigward, jirriżulta li fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, iċ-ċirkustanzi kollha relatati miegħu, inklużi l-argumenti invokati mill-partijiet fir-rigward tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tal-OS Android u tal-“ekosistema” tagħha, sabiex tiżgura l-konformità tal-multa mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

f)      Innatura suffiċjentement dissważiva tassanzjoni fiddawl taddaqs talkumpannija

1109 Bħall-Kummissjoni (premessa 1479 tad-deċiżjoni kkontestata), ma hemmx lok f’din il-kawża li l-Qorti Ġenerali żżid speċifikament il-multa sabiex tagħtiha natura dissważiva.

1110 L-ammont tal-multa ddeterminat mill-Qorti Ġenerali jqis kif xieraq il-ħtieġa li tiġi imposta fuq Google multa ta’ ammont dissważiv.

g)      Ilkonformità mallimitu massimu ta’ 10 % talvalur talbejgħ totali

1111 L-ammont tal-multa li waslet għalih il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jaqbiżx l-ammont previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament, jiġifieri 10 % tal-valur tal-bejgħ totali mwettaq minn Alphabet matul is-sena kummerċjali preċedenti.

1112 Dan huwa l-każ kemm fir-rigward tas-sena kummerċjali 2017, is-sena kummerċjali ta’ qabel il-multa imposta mill-Kummissjoni (premessa 1481 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fir-rigward tas-sena kummerċjali 2021, l-aħħar sena kummerċjali disponibbli, billi dan il-valur tal-bejgħ totali żdied b’mod kostanti mill-2017.

h)      Konklużjoni dwar irriformulazzjoni

1113 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi rriformulat fis-sens li l-ammont tal-multa imposta fuq Google LLC għall-ksur uniku u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li Alphabet, Inc. hija responsabbli in solidum għalih għall-perijodu mit‑2 ta’ Ottubru 2015 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi ffissat għal EUR 4 125 000 000.

1114 Fid-dawl taċ-ċirkustanzi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma jidhirx li huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-argumenti mressqa minn Google fir-rigward tal-ammont addizzjonali ekwivalenti għal 11 % tal-valur tal-bejgħ rilevanti mwettaq fl‑2017 (ara l-premessi 1467 u 1468 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li tali parametru ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali f’dan l-eżerċizzju.

IV.    Fuq lispejjeż

1115 Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti prinċipali għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

1116 Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. F’dan il-każ, ADA, CCIA, Gigaset, HMD, Opera, il-BEUC, VDZ, BDZV, Seznam, FairSearch u Qwant għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4761 final tat18 ta’ Lulju 2018 dwar proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40099 – Google Android) huma annullati sa fejn jikkonċernaw ir-raba’ abbuż tal-ksur uniku u kontinwu, li jikkonsisti mill-issuġġettar tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul ma’ ċerti fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali u operaturi ta’ networks mobbli għall-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search fuq portfolio ddefinit minn qabel ta’ apparati.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Google LLC fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2018) 4761 final huwa ffissat, għall-ksur uniku li hija wettqet li jirriżulta mill-punt 1 iktar ’il fuq, għal EUR 4 125 000 000, li għalih Alphabet, Inc., hija responsabbli in solidum għal ammont ta’ EUR 1 520 605 895.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Google u Alphabet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

6)      Application Developers Alliance, BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC), Computer & Communications Industry Association, FairSearch AISBL, Gigaset Communications GmbH, HMD global Oy, Opera Norway AS, Qwant, Seznam.cz, a.s., u Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Iliopoulos

 

      Norkus

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Settembru 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.