Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de commerce de Paris (Franza) fit-2 ta’ Ġunju 2021 – AA, BB, miżżewġa lil AA, Groupe AA SNC, SI, AM, RH, RT, OE, MD, CJ, MI, Brouard-Daude SCP, fil-persuna tal-avukat Xavier Brouard fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju għal Groupe AA SNC vs Allianz Bank SA, Allianz France SA, aventi kawża ta’ Métropole SA, Abitbol & Rousselet SCP, fil-persuna tal-avukat Frédéric Abitbol fil-kwalità ta’ amministratur ġudizzjarju għal Groupe AA SNC, BDR & Associés, fil-persuna tal-avukat Xavier Brouard fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju għal Groupe AA SNC, SELAFA MJA, fil-persuna tal-avukat Jérôme Pierrel ko-stralċjarju ġudizzjarju għal AA, SELARL Axym, fil-persuna tal-avukat Didier Courtoux ko-stralċjarju ġudizzjarju għal AA, Bibus SA, li kienet Matinvest, Allianz I.A.R.D. SA, aventi kawża ta’ Métropole SA

(Kawża C-344/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de commerce de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AA, BB, miżżewġa AA, Groupe AA SNC, SI, AM, RH, RT, OE, MD, CJ, MI, Brouard-Daude SCP, fil-persuna tal-avukat Xavier Brouard fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju għal Groupe AA SNC

Konvenuti: Allianz Bank SA, Allianz France SA, aventi kawża ta’ Métropole SA, Abitbol & Rousselet SCP, fil-persuna tal-avukat Frédéric Abitbol fil-kwalità ta’ amministratur ġudizzjarju għal Groupe AA SNC, BDR & Associés, fil-persuna tal-avukat Xavier Brouard fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju għal Groupe AA SNC, SELAFA MJA, fil-persuna tal-avukat Jérôme Pierrel ko-stralċjarju ġudizzjarju għal AA, SELARL Axym, fil-persuna tal-avukat Didier Courtoux ko-stralċjarju ġudizzjarju għal AA, Bibus SA, li kienet Matinvest, Allianz I.A.R.D. SA, aventi kawża ta’ Métropole SA

Domandi preliminari

Ir-regoli dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi 1 u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li konċentrazzjoni li ssir bi ksur tal-obbligi ta’ notifika preliminari u ta’ sospensjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala konċentrazzjoni mhux innotifikata, u jekk dan ikun il-każ, liema huma l-konsegwenzi legali tal-assenza ta’ notifika fuq l-atti ġuridiċi ulterjorment imwettqa abbażi ta’ din l-ewwel konċentrazzjoni? B’mod partikolari, il-konċentrazzjoni mhux innotifikata għandha tiġi kkunsidrata “inkompatibbli” fis-sens tar-Regolamenti Nri 4064/89 u 139/2004 ?

L-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolamenti Nri 4064/89 u 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żamma, għal iktar minn sena u mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, ta’ holding minn stabbiliment finanzjarju, ta’ kreditu jew kumpannija tal-assigurazzjoni, tagħti lok għal konċentrazzjoni inkompatibbli?

Liema konsegwenzi legali l-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolamenti Nri 4064/89 u 139/2004 jassoċja mal-ksur tal-obbligu ta’ talba ta’ proroga, mill-Kummissjoni, tat-terminu ta’ sena għaż-żamma ta’ titoli minn stabbilimenti ta’ kreditu, ta’ stabbilimenti finanzjarji oħra jew ta’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni?

L-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali għandu jiġi interpretat fis-sens li jillimita l-kontestazzjoni ta’ tranżazzjonijiet illegali skont id-dritt Ewropew, meta l-illegalità tmur lura għal data partikolarment ’il bogħod u l-persuni fiżiċi jew morali bbażaw, abbażi tat-tranżazzjoni illegali, drittijiet sostantivi? Jekk dan ikun il-każ, il-ksur ikkonstatat tad-dritt Ewropew jiftaħ id-dritt għal rikorsi għal kumpens kontra dawk responsabbli għall-illegalitajiet?

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ksur tad-dritt Ewropew ikkawżat minn stabbiliment finanzjarju li jikkostitwixxi żmembrament tal-Istat, ipoġġi taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat obbligu ta’ kumpens lill-vittmi tal-illegalità, fil-kundizzjonijiet ordinarji previsti mid-dritt Ewropew?

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel is-sentenza Stardust Marine, self b’rata preferenzjali ta’ natura selettiva li twassal għal vantaġġ meta mqabbla mal-kundizzjonijiet normali tas-suq seta’ jiġi kkunsidrat bħala li b’mod organiku joħroġ minn “riżorsi tal-Istat” minħabba l-għoti tagħha minn impriża pubblika, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi vverifikat li ġie fundamentalment imputat lill-Istat?

L-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tal-Istati Membri previst fl-Artikolu 4(3) TFUE flimkien mal-effett utli u l-effett dirett tal-Artikolu 88(3) [tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 108(3) TFUE] jimponu fuq l-imħallfin li jiddeċiedu fil-mertu li jirrelevaw ex officio u, jekk ikun il-każ, li tiġi ddikjarata illegali kwalunkwe għajnuna mill-Istat mhux innotifikata lill-Kummissjoni?

Liema huma l-konsegwenzi legali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni Ewropea bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE b’mod partikolari fir-rigward tal-validità tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri li setgħu twettqu permezz tal-imsemmija għajnuna mill-Istat?

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat il-fatt li korp pubbliku ta’ kreditu jimmobilita b’mod massiv il-kapital tiegħu għall-benefiċċju selettiv ta’ bank ieħor?

L-Artikolu 101 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ALLIANZ HUNGARIA, għandu jiġi moqri fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li ftehim konkluż minn mandatarju ma’ impriżi oħra u li jinvolvi ksur ta’ obbligu legali jikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan peress li d-dritt nazzjonali Franċiż jipprojbixxi lil mandatarju li jixtri oġġett li huwa jkun inkarigat li jbiegħ u jimponilu obbligu ta’ lealtà kif ukoll obbligu ta’ informazzjoni fil-konfront tal-mandatarju jew mandatarji tiegħu?

Hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE meta impriżi ftiehmu sabiex jixtru impriża terza għal prezz sinjifikatament inferjuri mill-valur tas-suq tagħha, meta tali xiri jfisser li impriża parti mill-ftehim tikser l-obbligu ta’ lealtà, l-obbligu ta’ informazzjoni jew inkella l-projbizzjoni li tixtri l-oġġett imposta mid-dritt nazzjonali Franċiż fuq mandatarju?

Hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE meta ftehim bejn impriżi kkontribwixxa sabiex tinħeba informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-obbligi (b’mod partikolari ta’ notifika) li għandhom l-impriżi jew uħud minnhom fil-qasam ta’ konċentrazzjoni?

Hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE meta ftehim bejn impriżi kellu b’mod partikolari bħala għan jew bħala effett li għajnuna mill-Istat ma tiġix debitament innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea?

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea 3 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“kumpens sħiħ” previst fih huwa ekwivalenti, f’dan il-każ, għall-valur attwali fil-borża ta’ ADIDAS?

Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti relevanti kollha f’dan il-każ, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 jew il-prinċipju ta’ effettività li huwa manifestazzjoni tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE sostnut mir-rikorrenti huwa preskritt jew le?

Peress li din id-direttiva ma tapplikax għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u ta’ għajnuna mill-Istat, liema regoli tad-dritt Ewropew għandhom jiġu applikati fil-qasam ta’ eventwali preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens u kif għandhom jiġu interpretati fir-rigward tal-fatti relevanti fil-każ inkwistjoni?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40.

3     ĠU 2014, L 349, p. 1.