Language of document : ECLI:EU:T:2018:795

Kawżi magħquda T202/10 RENV II u T203/10 RENV II

Stichting Woonlinie et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Akkomodazzjoni soċjali – Skema ta’ għajnuna favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali – Għajnuna eżistenti – Impenji tal-Istat Membru – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Artikolu 106(2) TFUE – Definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal‑15 ta’ Novembru 2018

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti preparatorji – Esklużjoni – Ittra tal-Kummissjoni li tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tipproponi miżuri utli – Att li jikkostitwixxi stadju fil-proċedura ta’ tfassil ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 17)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Ħlas tal-għajnuna individwali – Inklużjoni

(Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(d))

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Neċessità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħala bażi tal-imsemmija skema – Assenza

(Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(d))

4.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1))

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark – Natura kumulattiva

(Artikolu 107(1) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Distinzjoni bejn it-test Altmark, intiż sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna, u t-test tal-Artikolu 106(2) TFUE, li jippermetti li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern

(Artikolu 106(2) u Artikolu 107(1) TFUE)

7.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti – Stħarriġ tal-Kummissjoni u stħarriġ ġudizzjarju limitati għall-każ ta’ żball manifest

(Artikolu 106(2) u Artikolu 107(1) TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Eżami mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni – Neċessità ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ta’ kumpens żejjed għall-futur biss

(Artikolu 106(2) u Artikolu 107(1) TFUE)

9.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Evalwazzjoni tal-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikolu 106(2) TFUE)

1.      Peress li ittra tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [108 TFUE] tat-Trattat KE, li tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern u li tipproponi miżuri utli, tikkostitwixxi l-ewwel stadju tat-tfassil ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna u li dawn id-dubji ġew ikkonfermati minn din id-deċiżjoni, rikorrent ma jistax jiġu preklużi milli jinvoka illegalità li tivvizzja l-evalwazzjoni li tinsab f’din l-ittra insostenn tar-rikors tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punt 41)

2.      Mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [108 TFUE] tat-Trattat KE, jirriżulta li l-fatt li titħallas għajnuna individwali ma jeskludix l-eżistenza ta’ skema li abbażi tagħha tingħata din l-għajnuna.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni tirċievi lmenti dwar bejgħ individwali ta’ beni bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezz tas-suq ma jipprekludix l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna li abbażi tagħha ngħatat din l-għajnuna individwali.

(ara l-punt 50)

3.      Ir-rekwiżit ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħala bażi ta’ skema ta’ għajnuna ma jagħmilx parti mid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [108 TFUE] tat-Trattat KE.

(ara l-punt 51)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 63)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72 sa 74)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 76, 77)

7.      Għalkemm l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dak li huwa jikkunsidra bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ), dan ma jeżentahx madankollu milli juri b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-portata tiegħu huwa meħtieġ u proporzjonat meta mqabbel ma’ bżonn reali ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, l-oneru tal-prova li jintwera li s-SIEĠ huwa ddelimitat b’mod ċar biżżejjed jistrieħ fuq l-awtoritajiet nazzjonali. L-assenza ta’ prova, prodotta mill-Istat Membru, li dawn il-kriterji huma ssodisfatti jew tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom tista’ tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra.

Fir-rigward, minn naħa, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu Stat Membru fir-rigward tad-definizzjoni ta’ funzjoni ta’ SIEĠ u tal-kundizzjonijiet għall-impliementazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-portata tal-kontroll limitat għall-iżball manifest li l-Kummissjoni hija awtorizzata li teżerċita b’dan il-mod, l-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward lanqas ma għandu jaqbeż l-istess limitu u li, għaldaqstant, dan l-istħarriġ għandu jiġi limitat sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkonstatatx jew ċaħditx b’mod korrett l-eżistenza ta’ żball manifest tal-Istat Membru

(ara l-punti 81, 82, 98)

8.      L-eżami mill-Kummissjoni tal-għajnuna eżistenti jista’ jwassal biss għal deċiżjoni li tipproduċi effetti fil-futur. Huwa għalhekk biss jekk il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ finanzjament inkwisjoni tippreżenta riskju ta’ kumpens żejjed għall-futur li hija tista’ tasal sabiex tipproponi miżuri utli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa possibbli li r-riċerka, fil-kuntest tal-eżami permanenti ta’ għajnuna eżistenti, ta’ kumpens żejjed għall-passat tista’, eventwalment, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, tippreżenta interess għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna eżistenti mas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li tali riċerka ma hijiex, fiha nnifisha, neċessarjament indispensabbli għal evalwazzjoni korretta tan-neċessità li jiġu proposti miżuri utli għall-futur u għad-determinazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Ir-riskju jew l-assenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed għall-futur jiddependi, fl-aħħar nett, essenzjalment fuq il-modalitajiet konkreti tas-sistema ta’ finanzjament innifisha, u mhux fuq il-fatt li din is-sistema, fil-prattika, tkun irriżultat f’kumpens żejjed fil-passat.

F’dan ir-rigward, f’ittra skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [108 TFUE] tat-Trattat KE, li tinkludi evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ma wrietx li l-attivitajiet anċillari tal-kumpanniji inkwistjoni jibbenefikaw effettivament minn għajnuna mill-Istat jew li fil-fatt kien hemm sussidji trażversali.

(ara l-punti 120, 154 sa 156)

9.      Definizzjoni ċara ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ proporzjonalità tal-għajnuna, jiġifieri sabiex jiġi żgurat li l-kumpens mogħti ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, permezz tat-talba lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiddefinixxu s-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali fir-rigward ta’ grupp fil-mira ta’ familji soċjalment żvantaġġati, hija talbithom jistabbilixxu b’mod ċar il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku li għalihom ingħata l-kumpens. Din id-definizzjoni preċiża tippermetti għalhekk li jiġu ddeterminati l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq tas-SIEĠ u li jiġi evitat, minn naħa, il-kumpens żejjed u, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet eżerċitati mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni minbarra s-SIEĠ jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat sabiex jiġu evitati s-sussidji trażversali.

(ara l-punti 148, 149)