Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2009 - Ecoceane vs EMSA

(Kawża T-518/09)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ecoceane (Parigi, Franza) (rappreżentant: S. Spalter, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ta' Ecoceane ammissibbli

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tat-28 ta' Ottubru 2009 tal-EMSA li tiċħad l-offerta ta' Ecoceane;

tannulla d-deċiżjoni ta' għoti mill-EMSA tal-kuntratt (2009/S 42-060271) u l-iffirmar tiegħu;

tikkundanna lill-EMSA tħallas lil Ecoceane, ir-rikorrenti, is-somma ta' EUR 224 744 bħala danni;

tikkundanna lill-EMSA tħallas lil Ecoceane, ir-rikorrenti, is-somma ta' EUR 25 000 bħala spejjeż ta' proċeduri li ma jistgħux jiġu irkuprati;

tikkundanna lill-EMSA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 2009, li permezz tagħha l-EMSA ċaħdet l-offerta tagħha fit-tmiem ta' sejħa għal offerti għall-għoti ta' kuntratt ta' servizzi pubbliċi ta' intervent minn bastimenti ta' sostenn fil-ġlieda kontra t-tniġġiż biż-żejt u d-deċiżjoni tal-EMSA tal-għoti tal-kuntratt u l-iffirmar tiegħu. Ir-rikorrenti titlob, ukoll, il-kumpens tad-dannu kkawżat mid-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti tqajjem erba' motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-EMSA, billi ma kkomunikatx l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti, jiġifieri l-minuti tal-analiżi tal-offerti li fihom l-informazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-proċedura, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha, il-valutazzjoni tal-offerti bl-applikazzjoni ta' perċentwali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-kuntrattur magħżul, kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002/KE 1 u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 149(3) tar-Regolament Nru 2342/2002/KE 2, minħabba n-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' ċaħda li tikkonforma ma' dawn id-dispożizzjonijiet.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterji addizzjonali imposti mill-EMSA fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fid-dawl tal-eżami u tal-evalwazzjonijiet tal-offerti, ma kinux ta' natura oġġettiva u ġustifikabbli fir-rigward tas-suġġett tal-kuntratt; konsegwentement, l-għażla ta' kriterji addizzjonali li jikkorrispondu għal teknoloġija identifikata minn qabel ma tippermettix li jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-kandidati li jippreżentaw teknika innovattiva u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji Komunitarji ta' ugwaljanza, ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza, previsti fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002/KE.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta' ugwaljanza, ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza fit-trattament tal-kandidati, billi rrifjutat li żżur il-bastiment kontra t-tniġġiż ippereżentat minn Ecoceane, kuntrarjament għal dak li kien twettaq għall-kandidati l-oħra. Barra minn hekk, il-konvenuta kisret ukoll dawn il-prinċipji minħabba n-nuqqas tagħha li tippermetti lil Ecoceane tinstema' minn Kumitat għall-evalwazzjoni tal-offerti, kompost minn mill-inqas tliet membri li jibqgħu preżenti matul il-laqgħa kollha, skont l-Artikolu 146 tar-Regolament Nru 2342/2002/KE.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-EMSA wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4 p. 74)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4 p. 145)