Language of document : ECLI:EU:C:2014:112

Kawża C‑365/12 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

EnBW Energie Baden-Württemberg AG

“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Dokumenti relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE — Regolamenti (KE) Nru 1/2003 u (KE) Nru 773/2004 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni ta’ attivitajiet tal-investigazzjoni, ta’ interessi kummerċjali u tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li teżamina b’mod konkret u individwali l-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess għal dokumenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014

1.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika –Protezzjoni ta’ interessi kummerċjali — Applikazzjoni għall-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-akkordji — Dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet li jinnotifikaw jew terzi persuni — Preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl amministrattiv — Konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ġenerali — Limiti

(Artikoli 15(3) TFUE u 101(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004)

2.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Applikazzjoni għall-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-akkordji — Preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl amministrattiv — Konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ġenerali — Aċċess ta’ persuna leża minn akkordju u li qiegħda tipprova tikseb kumpens għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat ma’ proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE — Oneru tal-prova fuq il-persuna interessata — Obbligu ta’ bbilanċjar bejn l-interessi involuti

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

3.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Protezzjoni tal-pariri legali — Applikazzjoni għall-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-akkordji — Dokumenti interni tal-Kummissjoni relatati ma’ proċedura mhux mitmuma — Preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess għal opinjoni — Konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ġenerali — Limiti

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(3))

1.        Meta d-dokumenti kkonċernati mit-talba ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jaqgħu taħt qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, bħal proċedura għall-applikazzjoni l-Artikolu 81 KE, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament ma jistgħux jiġu interpretati mingħajr ma jittieħed kont tar-regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti, liema huma previsti, f’dan il-każ, mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 KE sa 82 KE.

Peress li dawn ir-regolamenti ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor, għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor sabiex b’hekk ikun hemm applikazzjoni koerenti. Issa, minn naħa, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jikkonferixxi fuq il-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 27(2) u 28 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004 jirregolaw b’mod restrittiv l-użu tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. B’hekk, mhux biss il-partijiet fil-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ma għandhomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, iżda, barra minn hekk, it-terzi persuni, bl-eċċezzjoni tal-lanjanti, ma għandhomx, fil-kuntest ta’ tali proċedura, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni. Jekk persuni differenti minn dawk li għandhom dritt ta’ aċċess għall-fajl skont ir-Regolamenti Nru 1/2003 u 773/2004 jew dawk li, minkejja li bħala regola għandhom tali dritt, ma użawhx jew ġew irrifjutati tali dritt, kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema ta’ aċċess għal fajl stabbilita mir-Regolamenti Nru 1049/2001 kif ukoll is-sistema ta’ aċċess għal fajl stabbilita permezz tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, tkun imminata. Issa, għalkemm id-dritt li jiġi kkonsultat il-fajl fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 huma differenti mil-lat ġuridiku, huma jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli mill-perspettiva funzjonali.

Għaldaqstant, awtorizzazzjoni ta’ aċċess ġeneralizzat abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE hija ta’ natura li tipperikola l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ akkordju u tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dan mal-imsemmi artikolu, minn naħa, u l-garanzija ta’ protezzjoni rafforzata relatata, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha d-dritt tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ dawn F’dan ir-rigward, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mitmuma biss meta d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura jkunu ta’ natura definittiva.

Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, l-eżiġenza li timponi li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba f’dan il-każ, li tħalli din il-preżunzjoni ġenerali mingħajr l-effettività tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-Kummissjoni tirrispondi għal talba għal aċċess globali b’mod daqstant globali.

(ara l-punti 83-90, 93, 99-101)

2.        Ċertament, id-dritt ta’ kwalunkwe persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn ksur tal-Artikolu 81 KE isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, billi jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni. Madankollu, kunsiderazzjonijiet daqshekk ġenerali ma jistgħux, bħala tali, jkunu ta’ natura li jkunu iktar importanti mir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li jibbenefika minnu applikant, ma huwiex neċessarju li kull dokument li jaqa’ taħt proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jiġi kkomunikat lil tali applikant, peress li hemm probabbiltà żgħira li r-rikors għal danni għandu jkun ibbażat fuq il-provi kollha li jinsabu fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura. Hija l-persuna li trid tikseb kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE li għandha tistabbilixxi l-bżonn li hemm, għaliha, biex taċċedi għal wieħed mid-dokumenti li jinsab fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’, każ b’każ, tibbilanċja l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti u l-protezzjoni tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti tal-kawża. Fin-nuqqas ta’ tali neċessità, l-interess għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 104-108)

3.        Jekk, fil-mument tal-eżami tat-talba għal aċċess għal opinjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura abbażi tal-Artikolu 81 KE, rikorsi ġuridiċi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkunu għaddejjin, din tal-aħħar tista’, fi tmiem din il-proċedura, titwassal sabiex tkompli l-attivitajiet tagħha sabiex tadotta eventwalment deċiżjoni ġdida. Għalhekk, jaqbel li , għandha tiġi ammessa l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali, skont liema l-obbligu li jkun impost fuq din l-istituzzjoni li tiżvela, matul din il-proċedura, opinjonijiet fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni Minħabba din il-preżunzjoni ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata turi, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-aċċess għal dokumenti li kull dokument ikkonċernat jikkostitwixxi opinjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li jkun mitlub l-iżvelar tiegħu, ma jkunx kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 114, 116, 117)