Language of document : ECLI:EU:T:2023:67

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

15 ta’ Frar 2023 (*)

“Enerġija – Kompetenza tal-ACER – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – Żball ta’ liġi – Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943 – Artikolu 92 tal-Ftehim dwar il-ħruġ – Skema ta’ deroga ad hoc tal-Artikolu 308 u tal-Anness 28 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑492/21,

Aquind Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Aquind Energy Sàrl, stabbilita f’Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Aquind SAS, stabbilita f’Rouen (Franza),

irrappreżentati minn S. Goldberg, solicitor, u E. White, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn B. Creve, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Tamás u O. Denkov, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Lo Monako, L. Vétillard u M. É. Sitbon, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn V. Tomljenović, Presidenta, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Aquind Ltd, Aquind Energy Sàrl u Aquind SAS, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tal‑4 ta’ Ġunju 2021 dwar talba għal deroga relatata ma’ interkonnessjoni tal-elettriku bejn in-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit u dak ta’ Franza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Aquind Ltd hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fir-Renju Unit. Hija l-promotriċi ta’ proġett ta’ interkonnessjoni tal-elettriku li jgħaqqad in-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit u dak ta’ Franza (iktar ’il quddiem l-“interkonnessjoni Aquind”).

3        Fis‑17 ta’ Mejju 2017, Aquind Ltd għamlet talba sabiex tikseb deroga għall-interkonnessjoni Aquind skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15). Din it-talba tressqet quddiem l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali Franċiżi, il-Commission de régulation de l’énergie (CRE, il-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija (CRE), u tar-Renju Unit, l-Office of Gas and Electricity Markets (OFGEM, l-Uffiċċju tas-Swieq tal-Gass u l-Elettriku).

4        Peress li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma waslux għal ftehim dwar it-talba għal deroga, huma bagħtu din it-talba, fid‑29 ta’ Novembru u d‑19 ta’ Diċembru 2017 rispettivament, lill-ACER, skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009, sabiex din tal-aħħar tieħu d-deċiżjoni hija stess.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2018, l-ACER ċaħdet it-talba għal deroga għall-interkonnessjoni Aquind (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ACER”).

6        Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, Aquind Ltd appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tal-ACER u ċaħad it-talba għal deroga għall-interkonnessjoni Aquind.

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2018, Aquind Ltd ikkontestat din id-deċiżjoni. Permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni.

9        Fil‑5 ta’ Frar 2021, il-Bord tal-Appell reġa’ beda l-proċeduri dwar ir-rikors ippreżentat minn Aquind Ltd kontra d-deċiżjoni tal-ACER.

10      Fid‑19 ta’ Mejju 2021, inżammet seduta quddiem il-Bord tal-Appell.

11      Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, il-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha ddikjara li r-rikors kien inammissibbli minħabba li, wara l-Brexit, huwa ma kellux iktar il-kompetenza sabiex jiddeċiedi fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba għal deroga għall-interkonnessjoni Aquind.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

13      L-ACER, sostnuta f’dan is-sens mill-Parlament Ewropew titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob, essenzjalment, li r-rikors jiġi miċħud.

 Iddritt

15      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddikjara li ma kienx kompetenti wara l-Brexit u ċaħad b’hekk l-appell ippreżentat quddiemu bħala inammissibbli. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 25(3) u tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), kif ukoll fuq diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1-2011 tal-Bord tal-Appell, adottata fl‑1 ta’ Diċembru 2011, li tistabbilixxi r-tegoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura tagħha.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq millBord talAppell meta ddikjara li ma għandux kompetenza wara lBrexit

16      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja l-Brexit, il-Bord tal-Appell baqa’ kompetenti sabiex jevalwa mill-ġdid id-deċiżjoni tal-ACER wara l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni tiegħu tas‑17 ta’ Ottubru 2018. Fil-fatt, huma jsostnu li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-imsemmi Bord kien obbligat jadotta deċiżjoni ġdida li tikkorrispondi għal dik li kien jadotta kieku ma wettaqx l-iżbalji identifikati mill-Qorti Ġenerali u jenfasizzaw li l-kompetenza tal-Bord tal-Appell tirriżulta direttament mill-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1), jiġifieri, minn issa ’l quddiem, l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament Nru 2019/942.

17      Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li, sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 713/2009 u l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, il-Bord tal-Appell kellu jirrimedja l-iżbalji mwettqa billi jirriforma d-deċiżjoni tal-ACER abbażi tas-setgħat tiegħu miżmuma f’dak iż-żmien u tal-proċedura applikabbli dak iż-żmien, sabiex ineħħi l-illegalità kkonstatata fl-imsemmija sentenza. Huma jqisu li, bħar-rikorsi skont l-Artikolu 263 TFUE, l-ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni fil-mument tal-preżentata tal-appell u jsostnu li d-deċiżjoni tal-ACER u l-appell kontriha quddiem il-Bord tal-Appell seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/942 u tal-Brexit.

18      L-ACER, sostnuta mill-Parlament, titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

19      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tagħha jkun ġie annullat għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza li annullat dan l-att. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tikkonforma ruħha ma’ tali sentenza u sabiex teżegwiha b’mod sħiħ, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni kien obbligat li josserva mhux biss id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll il-motivi li kienu wasslu għal dan tal-aħħar u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju għalih, fis-sens li kien indispensabbli għad-determinazzjoni tas-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Asteriset et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27).

20      Madankollu, qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri mill-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tagħhom ikun ġie annullat, tqum il-kwistjoni tal-kompetenza tagħhom, peress li huma jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tal-kompetenza tagħhom ratione materiae (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBrideet et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Barra minn hekk, l-obbligu li taġixxi, naxxenti mill-Artikolu 266 TFUE, ma jikkostitwixxix sors ta’ kompetenza għall-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni u lanqas ma jippermetti lil dawn li jibbażaw ruħhom fuq bażi legali li fil-frattemp tħassret (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBrideet et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 38, u tad‑29 ta’ April 2020, Tilly-Sabco vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑707/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:160, punt 44).

22      Fil-fatt, l-obbligu li taġixxi li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE ma jeżentax lill-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni mill-ħtieġa li jibbażaw l-att li jinkludi l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament fuq bażi legali li tawtorizzahom jadotta dan l-att, minn naħa, u li huwa fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi att, min-naħa l-oħra (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International, C‑612/16, mhux ippubblikata, EU:C:2019:508, punt 40).

23      Konsegwentement, l-ewwel pass, huwa li jiġi stabbilit jekk istituzzjoni tal-Unjoni korp jew organu tkunx kompetenti taġixxi u, jekk fl-affermattiv, abbażi ta’ liema dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni. Ikun biss wara dan li wieħed jistabbilixxi r-regoli sostantivi u proċedurali preċiżi li jirregolaw l-azzjoni ta’ dik l-istituzzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx hemm bażi legali valida fis-seħħ fil-waqt meta istituzzjoni korp jew organu tal-Unjoni tkun trid tieħu deċiżjoni partikolari, ma jkunx possibbli li hija tistrieħ fuq il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli legali biex tapplika dispożizzjonijiet sostantivi li qabel kienu jirregolaw atti passati (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Il‑Kummissjoni vs McBrideet et, C‑361/14 P, EU:C:2016:25, punt 86; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni, T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317, punt 117).

24      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk, wara l-għoti tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), il-Bord tal-Appell kien f’pożizzjoni li jibbaża l-att li jinkludi l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza fuq bażi legali li tawtorizzah jadotta dan l-att, minn naħa, u li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi att, min-naħa l-oħra.

25      Dan jimplika li jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, fiex setgħu jikkonsistu l-miżuri li kienet tinvolvi s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542).

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Aquind Ltd kienet issottomettiet liċ-CRE u lill-OFGEM talba intiża sabiex tinkiseb deroga għall-interkonnessjoni Aquind skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009. Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn dawn iż-żewġ awtoritajiet regolatorji nazzjonali, it-talba għal deroga kienet intbagħtet lill-ACER konformement mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-ACER tad‑19 ta’ Ġunju 2018, it-talba għal deroga għall-interkonnessjoni Aquind ġiet miċħuda. L-ACER qieset li Aquind Ltd ma kinitx tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ deroga, jiġifieri dik prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, li tipprevedi li l-grad ta’ riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx li kieku d-deroga ma kinitx ingħatat. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018, il-Bord tal-Appell tal-ACER ikkonferma d-deċiżjoni tal-ACER u ċaħad it-talba għal deroga għall-interkonnessjoni Aquind.

28      Permezz tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T-735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas‑17 ta’ Ottubru 2018 billi qieset, minn naħa, li l-bord kien wettaq biss stħarriġ limitat tad-deċiżjoni tal-ACER u, min-naħa l-oħra, li kien ħoloq kundizzjoni supplimentari, mhux prevista mil-leġiżlazzjoni, għall-għoti ta’ derogi għall-interkonnessjonijiet il-ġodda, billi rrikjeda t-tressiq minn qabel ta’ talba għal għajnuna finanzjarja għall-investimenti marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni qabel it-tressiq ta’ talba għal deroga.

29      Fid-dawl tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), il-miżuri li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tinvolvi jikkonsistu fi stħarriġ ġdid, mill-Bord tal-Appell, tad-deċiżjoni tal-ACER li ma hijiex limitata għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, filwaqt li tiżgura li ma tirrepetix l-iżball ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq ir-rekwiżit tat-tressiq minn qabel ta’ talba għal appoġġ finanzjarju, meta dan jevalwa l-kundizzjoni tal-grad ta’ riskju assoċjat mal-investiment.

30      F’dan ir-rigward u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn il-miżuri ma jistgħux jikkonsistu fl-adozzjoni ex officio ta’ deċiżjoni li tagħtihom id-deroga mitluba. Fil-fatt, mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali qieset li l-kundizzjoni dwar il-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment, prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, kienet issodisfatta u li l-Bord tal-Appell kien obbligat jadotta deċiżjoni ġdida li tiftaħ it-triq għad-deroga.

31      Peress li ġie identifikat it-tip ta’ miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, għandu jiġi ddeterminat jekk kinux jeżistu fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fl‑4 ta’ Ġunju 2021, bażi legali fis-seħħ li tawtorizza lill-Bord tal-Appell jadotta att li jinkludi dawn it-tip ta’ miżuri.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet dwar il-bażi legali u l-proċedura segwita sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jaqgħu taħt ir-regoli tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 90; tat‑12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni, T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 60, u tal‑31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑405/06, EU:T:2009:90, punt 67). Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, meta l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas‑17 ta’ Ottubru 2018 u li għaldaqstant dan kellu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-ACER, il-bażi legali li tawtorizzah jeżamina l-appelli kontra deċiżjonijiet tal-ACER, fosthom dawk fil-qasam tad-deroga, kienet tinsab fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942. B’Fil-fatt, ir-Regolament 2019/942 issostitwixxa r-Regolament Nru 713/2009 u daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2019, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 kienu, bħala prinċipju, applikabbli f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER, T‑631/19, EU:T:2022:509, punti 21 u 81). Fir-rigward tal-ACER, il-bażi legali li tawtorizzaha tadotta deċiżjoni fuq talba għal deroga kienet tinsab fl-Artikolu 10 tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 63(5) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

34      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-ACER teżamina talba għal deroga relatata ma’ interkonnessjoni u dawk li jawtorizzaw lill-Bord tal-Appell jevalwa d-deċiżjoni tal-ACER dwar l-imsemmija talba jistgħu jiġu applikati biss fil-każ fejn, kif previst fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 kif ukoll, barra minn hekk, fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 714/2009, ir-rotta ta’ trażmissjoni taqsam jew tilħaq fruntiera bejn l-Istati Membri u tgħaqqad in-networks ta’ trażmissjoni nazzjonali tal-Istati Membri.

35      Min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti 2019/942 u 2019/943 ma jawtorizzawx lill-ACER teżamina talba għal deroga dwar interkonnessjoni bejn Stat Membru u Stat terz u lanqas, a fortiori, ma jagħtu lill-Bord tal-Appell il-kompetenza sabiex jevalwa d-deċiżjoni tal-ACER dwar tali talba.

36      Issa, wara l-Brexit, il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind issa jikkonċerna interkonnessjoni bejn Stat Membru u Stat terz. Dan għandu l-konsegwenza li la l-ACER u lanqas il-Bord tal-Appell ma kienu f’pożizzjoni li jibbażaw att li jinkludi l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), fuq il-bażi legali li, inizjalment, kienet tawtorizzahom jadottaw dan l-att.

37      Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ACER u l-Bord tal-Appell kinux f’pożizzjoni li jibbażaw att li jinkludi l-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), fuq bażi legali differenti minn dik li tinsab fir-Regolamenti 2019/942 u 2019/943.

38      F’dan ir-rigward, ir-relazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”) u minn dawk tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 149, p. 10, iktar ’il quddiem l-“FKK”).

39      L-ewwel, fir-rigward tal-Ftehim dwar il-ħruġ, l-Artikolu 92 tiegħu, intitolat “Proċeduri amministrattivi li jkunu kurrenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċji u organi tal-Unjoni għandhom ikomplu jkunu kompetenti għall-proċeduri amministrattivi li jkunu nbdew qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni li jikkonċernaw: (a) il-konformità mad-dritt tal-Unjoni mir-Renju Unit, jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu fir-Renju Unit; jew (b) il-konformità mad-dritt tal-Unjoni relattivament għall-kompetizzjoni fir-Renju Unit.”

40      L-Artikolu 92(4) tal-Ftehim dwar il-ħruġ jipprevedi li l-Unjoni għandha tipprovdi lir-Renju Unit, f’terminu ta’ tliet xhur, lista tal-proċeduri amministrattivi individwali kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1.

41      Qabel kollox, dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u nieqes minn ambigwità ma tirrikjedi ebda interpretazzjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2009, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑376/07, EU:T:2009:467, punt 22, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Société générale vs BĊE, T‑757/16, EU:T:2018:473, punt 33). Issa, sempliċi qari tal-Artikolu 92(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ jippermetti li jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jestendix għall-proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw it-talbiet għal deroga għal interkonnessjonijiet, skont l-Artikolu 63 tar-Regolament 2019/943. Fil-fatt, l-Artikolu 92 tal-Ftehim dwar il-ħruġ jagħti biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni f’ċerti proċeduri amministrattivi li jikkontestaw l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tar-Renju Unit jew tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fir-Renju Unit fir-rigward tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni jibqgħu b’hekk kompetenti sabiex jinvestigaw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw lil dawn l-istituzzjonijiet, dawn il-korpi u dawn il-korpi tar-Renju Unit u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu hemmhekk jew li huma stabbiliti hemmhekk meta proċedura tkun inbdiet qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju.

42      Sussegwentement, u f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat lill-Bord tal-Appell, permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Mejju 2021, li l-proċedura amministrattiva relatata ma’ din il-kawża ma kinitx tinsab fil-lista tal-proċeduri amministrattivi, stabbilita skont l-Artikolu 92(4) tal-Ftehim dwar il-ħruġ. Għandu jiġi ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tipprevedi mingħajr ambigwità li l-lista pprovduta fir-Renju Unit fit-tliet xhur wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni tkopri il-proċeduri amministrattivi individwali “kollha” pendenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 u li għalhekk ma hijiex lista “purament ta’ informazzjoni”, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti.

43      Barra minn hekk, u fl-istess sens, fid-data tas‑27 ta’ Jannar 2021, iċ-CRE u l-OFGEM ippubblikaw komunikat fuq is-siti internet rispettivi tagħhom li jindika li kienet ġiet deċiża li tingħalaq il-proċedura ta’ talba għal deroga għall-interkonnessjoni Aquind minħabba li l-iskema ta’ deroga prevista mill-Artikolu 63 tar-Regolament 2019/942 ma kinitx iktar applikabbli għal dan il-proġett wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni.

44      Fl-aħħar, u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 92 tal-Ftehim dwar il-ħruġ ma jirriflettix prinċipju ġenerali li jgħid li l-proċeduri pendenti ma għandhomx jiġu interrotti mill-Brexit. Kif ġustament enfasizzat l-ACER, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, għall-kuntrarju, eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li jgħid li d-dritt tal-Unjoni — u, għaldaqstant, il-kompetenza tal-korpi tal-Unjoni — ma baqax japplika għar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni u mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

45      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-FKK, dan jipprevedi, fl-Artikolu 309, dan li ġej:

“Kull Parti għandha tiżgura li l-eżenzjonijiet mogħtija lill-interkonnessjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit skont l-Artikolu 63 tar-Regolament [2019/943] fil-ġuriżdizzjonijiet rispettivi tagħhom, li t-termini tagħhom jestendu lil hinn mill-perjodu ta’ tranżizzjoni, jibqgħu japplikaw fżkonformità mal-liġijiet tal-ġuriżdizzjonijiet rispettivi u t-termini applikabbli.”

46      L-Artikolu 309 tal-FKK, li s-sens tiegħu huwa ċar u nieqes minn ambigwità, ma jirrkjedi ebda interpretazzjoni. Fil-fatt, huwa jirreferi biss għad-derogi “mogħtija”, jiġifieri dawk eżistenti, u għalhekk ma jikkonċernax it-talbiet għal deroga li għadhom qegħdin jiġu eżaminati. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma jistax jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), billi jagħti, skont l-Artikolu 309 tal-FKK, id-deroga għall-interkonnessjoni Aquind.

47      L-FKK ippreveda skema ta’ derogi speċifiċi fl-Artikolu 308 mill-Anness 28. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni u l-anness li għalih tirreferi jipprevedu li parti tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax l-Artikoli 306 u 307 tal-FKK — li jipprevedu b’mod partikolari tariffi ta’ aċċess u ta’ konnessjoni man-networks u tariffi għall-użu tan-networks — għall-bini ta’ infrastrutturi ġodda jekk ir-riskju assoċjat mal-investiment fl-infrastruttura jkun tali li l-investiment ma jsirx jekk id-deroga ma tingħatax.

48      Madankollu, la l-Artikolu 308 u l-Anness 28 u lanqas, barra minn hekk, ebda dispożizzjoni oħra tal-FKK ma jagħtu xi kompetenza lill-ACER u, konsegwentement, lill-Bord tal-Appell, sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal derogi għal interkonnessjonijiet elettriċi. Kif enfasizza ġustament il-Bord tal-Appell, l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ deroga timplika żviluppi u passi min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati u tar-Renju Unit.

49      Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ deroga għar-regoli tas-suq intern tal-Unjoni, minn naħa, u dak tal-iskema ta’ deroga li tinsab fl-Artikolu 308 fl-Anness 28 tal-FKK, min-naħa l-oħra, huma differenti. Fil-fatt, it-tieni skema tirrigwarda biss derogi għar-regoli tal-FKK, jiġifieri dawk li jinsabu fl-Artikolu 306 tal-imsemmi ftehim, dwar l-aċċess ta’ terzi għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u dawk li jinsabu fl-Artikolu 307 tal-istess ftehim, dwar il-ġestjoni ta’ network u s-separazzjoni tal-operaturi ta’ network ta’ trażmissjoni.

50      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 308 u l-Anness 28 tal-FKK sabiex isostnu li l-Bord tal-Appell kien kompetenti sabiex jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542).

51      Minn dan isegwi li ma teżisti ebda dispożizzjoni ekwivalenti fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 713/2009 u lanqas fl-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 li tagħti lill-ACER u lill-Bord tal-Appell il-kompetenza sabiex jaġixxu fil-każ ta’ interkonnessjoni bejn Stat Membru u Stat terz u li jagħtihom is-setgħa li japplika r-regoli sostantivi tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 u tal-Artikolu 63 tar-Regolament 2019/943.

52      Ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jippermetti li tiġi kkontestata l-fondatezza tar-raġunament tal-Bord tal-Appell.

53      L-ewwel, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-“restitutio in integrum” jimplika li l-ACER terġa’ tibda l-proċedura li hija kienet ġiet adita biha fil-punt fejn qamet l-illegalità u li tadotta deċiżjoni ġdida li ma tinkludix l-illegalità kkonstatata fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u għaldaqstant tilqa’ t-talba għal deroga.

54      Fil-fatt, dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta l-fatt li l-Bord tal-Appell ma għadux kompetenti sabiex jeżamina d-deċiżjoni tal-ACER. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li l-kundizzjoni dwar il-grad ta’ riskju assoċjat mal-investiment, prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, kienet issodisfatta u li l-Bord tal-Appell kien b’hekk obbligat jadotta deċiżjoni ġdida li tiftaħ it-triq għad-deroga.

55      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet dwar talbiet għal deroga huma dikjaratorji min-natura tagħhom u jidħlu fis-seħħ fid-data tat-talba inkwistjoni. Huma jsostnu li dan ikollu l-konsegwenza li d-deroga li hija s-suġġett tat-talba tagħhom ippreżentata fl‑2017 għandha tiġi kkunsidrata bħala “eżenzjoni eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 309 tal-FKK.

56      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li deċiżjoni li tilqa’ talba għal deroga għal interkonnessjoni kienet att li kien jipproduċi effetti sa mill-adozzjoni tagħha u li għaldaqstant kien biss fil-mument ta’ din l-adozzjoni li s-sitwazzjoni legali tal-benefiċjarju tagħha kienet inbidlet. Għaldaqstant, tali deċiżjoni ma tistax toħloq drittijiet ġodda b’effett retroattiv mid-data tat-talba għal deroga.

57      It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 jagħti kompetenza lill-Bord tal-Appell sabiex jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542).

58      Fil-fatt, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 tipprevedi li “[l-]ACER għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” u ttenni b’hekk il-kontenut tal-Artikolu 266 TFUE. Issa, konformement mal-kunsiderazzjonijiet dwar dan l-aħħar artikolu li jinsabu fil-punti 19 sa 22 iktar ’il fuq, l-obbligu li tittieħed azzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 lanqas ma jista’ jikkostitwixxi sors ta’ kompetenza għall-ACER u lanqas jippermetti lil din tal-aħħar li tibbaża ruħha fuq bażi legali li, sadanittant, ma baqgħetx applikabbli għas-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni. Għaldaqstant, l-istħarriġ eżerċitat mill-Bord tal-Appell dwar id-deċiżjoni tal-ACER fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri li kienet tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), kien jirrikjedi li l-imsemmi Bord tal-Appell kien kompetenti fil-mument li fih ħa d-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta qies li, wara l-Brexit, ma kellux iktar kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar id-deċiżjoni tal-ACER billi ħa l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542).

60      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur tarrekwiżiti tal-Artikolu 25(3) u talArtikolu 28(4) tarRegolament 2019/942 kif ukoll ta’ diversi dispożizzjonijiet tarregoli talproċedura talBord talAppell

61      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament 2019/942 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-proċedura tiegħu stess. Fil-fatt, huma jikkritikaw il-fatt li wieħed mill-membri tal-Bord tal-Appell kien assenti fis-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2021 kif ukoll jikkritikaw lill-membri l-oħra tal-imsemmi bord minħabba l-attitudni silenzjuża tagħhom matul is-seduta, jirreferu għal li l-minuti ta’ din is-seduta ma humiex iddettaljati u jirrilevaw li, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni fis-sit internet tal-ACER tal-minuti tal-laqgħa ta’ deliberazzjoni tal-membri tal-Bord tal-Appell, huwa impossibbli għalihom li jkunu jafu jekk il-membri kollha tal-Bord tal-Appell kinux preżenti għal din il-laqgħa u pparteċipaw f’dan il-proċess deċiżjonali.

62      L-ACER, sostnuta mill-Parlament, titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala, essenzjalment, ineffettiv, sa fejn, fl-assenza tal-irregolaritajiet allegati mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tkun differenti fir-rigward tal-mertu.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikorrent ma għandu ebda interess leġittimu fl-annullament, minħabba difett proċedurali, ta’ deċiżjoni meta l-amministrazzjoni ma jkollha ebda marġni ta’ diskrezzjoni u meta hija obbligata taġixxi kif għamlet peress li, f’każ bħal dan, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jista’ jagħti biss lok għall-intervent ta’ deċiżjoni ġdida, identika, fir-rigward tal-mertu, għad-deċiżjoni annullata (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il‑Kummissjoni, 117/81, EU:C:1983:191, punt 7; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Italian International Film vs EACEA, T‑676/13, EU:T:2016:62, punt 54, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, HM vs Il‑Kummissjoni, T‑587/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2021:415, punt 30).

64      A fortiori, rikorrent ma għandux interess li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta t-teħid ta’ azzjoni f’qasam partikolari abbażi ta’ motiv speċifiku fil-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma jkollha, fi kwalunkwe każ, ebda kompetenza sabiex taġixxi f’dan il-qasam, b’tali mod li l-annullament ta’ tali deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dan il-motiv jista’ jagħti lok biss għal deċiżjoni ġdida li tirrifjuta t-teħid ta’ azzjoni f’dan il-qasam (digriet tal‑14 ta’ Lulju 2020, Shindler et vs Il‑Kummissjoni, T‑627/19, EU:T:2020:335, punt 49).

65      Issa, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ma kienx għadu kompetenti, wara l-Brexit, sabiex jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542).

66      Konsegwentement, kif ġustament tosserva l-ACER, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat fil-mertu, u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’, minn naħa, tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

68      F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti tilfu fit-talbiet tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord tal-Appell huwa l-konsegwenza tal-Brexit. Dan l-avveniment indipendenti mir-rieda tar-rikorrenti seħħ matul il-proċedura quddiem il-korpi tal-ACER, wara l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Appell. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tal-każ inkwistjoni jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-ACER għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

69      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aquind Ltd, Aquind SAS, Aquind Energy Sàrl u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Tomljenović

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Frar 2023

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.