Language of document : ECLI:EU:T:2014:994

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Novembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva Komunitarja Alifoods — Trade marks verbali internazzjonali u Komunitarji preċedenti ALDI — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Assenza ta’ xebh bejn is-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑240/13,

Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Lützenrath, U. Rademacher, L. Kolks u C. Fürsen, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Pohlmann, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Alifoods, SA, stabbilita f’Alicante (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-25 ta’ Frar 2013 (Każ R 407/2012-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG u Alifoods, SA,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2013,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

fin-nuqqas ta’ talba għall-istabbiliment ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet f’terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li ddeċidiet għalhekk, fuq rapport tal-Imħallef relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Ottubru 2010, Alifoods, SA ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 32 u 35 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29 : “Laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ikkonservat, iffriżat, imnixxef u imsajjar; ġeli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xiropp, bajd; ħalib u prodotti tal-ħalib; żjut u xaħmijiet li jittieklu”;

–        klassi 32: “Birer; ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra għax-xarbiet”;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ reklamar; servizzi ta’ ġestjoni kummerċjali; servizzi ta’ amministrazzjoni kummerċjali; servizzi ta’ xogħol tal-uffiċċju; servizzi ta’ organizzazzjoni ta’ espożizzjonijiet b’għanijiet kummerċjali jew ta’ reklamar, servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u/jew bl-ingrossa fl-istabbilimenti tal-laħam, prodotti tal-ħut, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħam; frott u ħaxix ikkonservat, iffriżat, imnixxef u imsajjar; ġeli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xiropp, bajd; ħalib u prodotti tal-ħalib; żjut u xaħmijiet li jittieklu, birer; ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u/jew bl-ingrossa u permezz ta’ netwerks tal-informatika mondjali tal-laħam, prodotti tal-ħut, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħam; frott u ħaxix ikkonservat, iffriżat, imnixxef jew imsajjar; ġeli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xiropp, bajd; ħalib u prodotti tal-ħalib; żjut u xaħmijiet li jittieklu, birer; ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra għax-xarbiet”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 4/2011, tal-7 ta’ Jannar 2011.

5        Fis-7 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG, ressqet oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ʼil fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark verbali internazzjonali ALDI, irreġistrata fil-11 ta’ Awwissu 2005 bin-numru 870896, li għandha effett fl-Unjoni Ewropea, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 35, 38, 40, 41 sa 42 u li tikkorrispondi, għall-klassi 35, li hija l-unika klassi rilevanti għal dan ir-rikors (iktar ʼil quddiem it-“trade mark internazzjonali”), għad-deskrizzjoni li ġejja: “Reklamar; il-ġestjoni ta’ negozju, amministrazzjoni kummerċjali; funzjonijiet ta’ uffiċċju; bejgħ bl-imnut ta’ kull tip ta’ prodotti; bejgħ bl-imnut online ta’ kull tip ta’ prodott; attività ta’ supermarkets, stabbilimenti ta’ bejgħ bl-imnut u stabbilimenti ta’ bejgħ bl-imnut bi tnaqqis; reklamar fuq l-internet għal terzi; tqegħid ta’ informazzjoni fuq l-internet, jiġifieri informazzjoni fuq prodotti ta’ konsum għoli, informazzjoni maħsuba sabiex tagħti parir lill-konsumaturi u informazzjoni tal-għajnuna għall-klijenti; organizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali għal terzi, wkoll fuq l-internet; negozjar ta’ kuntratti dwar ix-xiri jew il-bejgħ ta’ prodotti kif ukoll il-provvista ta’ servizzi għal terzi, mill-internet ukoll”;

–        [omissis]

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

8        Fis-7 ta’ Frar 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha.

9        Fit-22 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell.

11      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, peress li r-rikorrenti pproduċiet biss estratt mid-database tal-UASI, hija ma kinitx ipprovat l-eżistenza, il-validità jew il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali, skont ir-Regola 19(1) u (2)(a)(ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) kif emendat. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ċaħad l-oppożizzjoni sa fejn din kienet ibbażata fuq l-imsemmija trade mark (punti 10 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

18      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 1. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti atti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

[omissis]

 2. Fuq il-mertu

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95

22      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ċaħad l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark internazzjonali minħabba l-allegata assenza ta’ prova dwar l-eżistenza tal-imsemmija trade mark.

23      L-UASI jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

24      Għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, jekk, qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi fir-Regola 19(1) tal-istess regolament, il-persuna li tressaq l-oppożizzjoni ma tipprovax l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti tagħha, kif ukoll id-dritt li tressaq oppożizzjoni.

25      Skont ir-Regola 19 tal-imsemmi regolament:

“1. L-[UASI] għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġasottomessi skond Regola 15(3), fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni […]

2. Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni […]. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

a)      jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

i)      […] ;

ii)      jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark;

[…] ”

26      Il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm it-trade mark verbali ALDI, irreġistrata bin-numru 870896, kienet trade mark internazzjonali, ir-rikorrenti pproduċiet biss estratt mid-database tal-UASI. Għaldaqstant huwa kkunsidra, fl-istess punt, li tali estratt ma kienx jikkostitwixxi kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rilevanti jew ta’ kull dokument ekwivalenti ieħor li joriġina mill-amministrazzjoni li magħha ġiet irreġistrata t-trade mark, f’dan il-każ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (ODPI).

27      Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-fatt li hija pproduċiet biss estratt mid-database tal-UASI u li hija tippreċiża, fir-rikors, li hija pproduċiet “estratt uffiċjali mid-database online” tal-UASI, li jirriżulta wkoll mill-fajl amministrattiv tal-proċedura quddiem l-UASI.

28      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-UASI ma kienx responsabbli għall-amministrazzjoni tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali u ma kienx l-amministrazzjoni li permezz tagħha ġiet irreġistrata t-trade mark, fis-sens tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, id-dokument prodott mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward.

29      Għall-finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, kif suġġerit mir-riferiment magħmul mill-Bord tal-Appell, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, l-imsemmija evalwazzjoni hija kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009, il-pubblikazzjoni marbuta ma’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Komunità Ewropea tirrigwarda biss ċerta informazzjoni, fosthom ir-riproduzzjoni tat-trade mark kif ukoll in-numri tal-klassijiet tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni, iżda mhux il-lista ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. L-imsemmija lista ma hijiex tradotta mill-UASI u hija għalhekk disponibbli biss fit-tliet lingwi li fihom l-ODPI ppubblikat ir-reġistrazzjoni internazzjonali, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispjanjol u l-Franċiż.

30      Kieku tali informazzjoni ppubblikata mill-UASI kienet ikkunsidrata li hija suffiċjenti bħala prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ikkonċernata u li kieku r-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Komunità kellha tiġi, f’dan ir-rigward, ittrattata bħala trade mark Komunitarja, minn dan ikun jirriżulta li din tal-aħħar tibbenefika minn trattament preferenzjali. Fil-fatt, peress li fil-proċedimenti kollha ta’ oppożizzjoni, inklużi dawk li jsiru f’lingwa oħra differenti minn dawk li fihom l-ODPI tippubblika r-reġistrazzjonijiet internazzjonali, id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti għandhom ikunu disponibbli fil-lingwa tal-proċedura għat-tipi kollha tal-imsemmija drittijiet, ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw il-Komunità għalhekk ikunu jibbenefikaw minn eżenzjoni f’dan ir-rigward fil-każ li l-lingwa tal-proċedura tal-oppożizzjoni tkun waħda miż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-UASI, jiġifieri l-Ġermaniż jew it-Taljan. F’dawn il-każijiet, il-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi mitluba fil-fatt ma tkunx disponibbli fil-lingwa tal-kawża. Tali trattament preferenzjali la huwa previst mir-Regolament Nru 207/2009 u lanqas mir-Regolament Nru 2868/95.

31      Barra minn hekk, kieku l-informazzjoni ppubblikata mill-UASI kienet ikkunsidrata li hija suffiċjenti bħala prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ikkonċernata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni biss li fihom il-lingwa tal-kawża tkun tikkoinċidi ma’ waħda mit-tliet lingwi li fihom l-ODPI tippubblika r-reġistrazzjonijiet internazzjonali tagħha, tali sitwazzjoni tkun mhux biss tmur kontra l-kliem u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, iżda tkun toħloq, fuq il-livell legali, inċertezza u inugwaljanza.

32      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda bħala infondata sa fejn din kienet ibbażata fuq it-trade mark internazzjonali.

33      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.