Language of document : ECLI:EU:T:2015:982

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Diċembru 2015 (*)

“FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż – Tabakk – Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004”

Fil-Kawża T‑241/13,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn I. Chalkias, S. Papaïoannou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Marcoulli u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/123/UE, tas-26 ta’ Frar 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 67, p. 20), sa fejn teskludi ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika.

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Novembru 2010, wara investigazzjoni li żvolġiet mis-17 sal-20 ta’ April 2007 u bir-referenza NAC/2007/004, il-Kummissjoni Ewropea nnotifikat lir-Repubblika Ellenika bl-intenzjoni tagħha li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imwettaq minn dan l-Istat Membru fil-qasam tal-politika agrikola komuni (PAK) għas-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009 (snin ta’ talba 2006 u 2007).

2        L-infiq inkwistjoni kien sar mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 69 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-PAK u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).

3        Fit-3 ta’ Jannar 2011, ir-Repubblika Ellenika talbiet il-ftuħ ta’ proċedura intiża għar-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti, skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-PAK (ĠU L 209, p. 1).

4        Fid-19 ta’ April 2011, il-korp ta’ konċiljazzjoni ta l-opinjoni tiegħu, bir-referenza 11/GR/467.

5        Fit-23 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha lir-Repubblika Ellenika (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni finali”).

6        Fil-15 ta’ Ottubru 2012, rapport sommarju dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-konformità skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-PAK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), u skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 ġie stabbilit mill-Kummissjoni u kkomunikat lill-Istati Membri (iktar ’il quddiem ir-“rapport sommarju”).

7        Permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/123/UE, tas-26 ta’ Frar 2013, adottata wara proċedura ta’ clearance tal-konformità applikata skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u, f’dak li jikkonċerna l-infiq imwettaq wara s-16 ta’ Ottubru 2003, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 67, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli tal-Unjoni.

8        F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni EUR 3 686 189.20 ta’ nfiq imwettaq mill-aġenziji tal-pagamenti Griegi għas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u tat-tabakk, għas-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009 (snin ta’ talba 2006 u 2007), u ddikjarat skont it-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, jew tal-FAEG (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Fond”), minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli tal-Unjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2013, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2013, din il-kawża ġiet assenjata lis-Sitt Awla. Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lilha fis-27 ta’ Settembru 2013.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2013, din il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lis-Sitt Awla u lil Imħallef Relatur ġdid.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali tal-proċedura.

13      Fis-27 ta’ Mejju 2015, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Huma wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2015.

15      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonċernaha, skont dak li ġie sostnut fir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Ir-Repubblika Ellenika tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, fir-rigward tal-infiq eskluż fis-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u fuq żball ta’ fatt, fir-rigward tal-infiq eskluż fis-settur tat-tabakk.

18      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq imwettaq mill-aġenziji tal-pagamenti Griegi għas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u tat-tabakk, għas-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009 (snin ta’ talba 2006 u 2007), u dan għal ammont totali ta’ EUR 3 686 189.20.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, fir-rigward tal-infiq eskluż fis-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż

19      L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-Repubblika Ellenika ssostni ksur tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003. Fit-tieni parti, ir-Repubblika Ellenika tinvoka ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar ksur tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003

20      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Istati Membri għandhom kompetenzi estiżi sabiex jimplementaw il-miżuri relatati mal-finanzjament tal-PAK previsti mir-Regolament Nru 1782/2003. L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament jagħmel parti minn din il-loġika, billi jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jżommu sa 10 % tal-ammont totali tal-għajnuna korrispondenti għal kull settur ta’ prodotti sabiex jagħtu pagament addizzjonali fl-istess setturi, għal tipi partikolari ta’ agrikoltura. Jekk Stat Membru jagħżel li juża din il-possibbiltà, huwa jkun waħdu kompetenti, abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni estiża ħafna li għandu, sabiex jiddetermina l-produtturi ta’ prodotti ta’ setturi speċifiċi li jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni kif ukoll il-modalitajiet partikolari li jikkonċernaw l-għoti ta’ dan il-pagament addizzjonali. Għalhekk, nuqqas eventwali ta’ Stat Membru dovut għal irregolaritajiet ta’ forma jew ta’ proċedura fl-implementazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003, hekk kif ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni f’dan il-każ, ma huwiex ta’ natura li jwassal għal korrezzjoni finanzjarja. Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta b’mod partikolari l-fatt li n-nuqqasijiet irrilevati mill-Kummissjoni setgħu kellhom effetti fuq l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti sostnuti mir-Repubblika Ellenika.

22      Hemm lok li jitfakkar li l-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet ippreżentata mill-Istati Membri abbażi tal-infiq iffinanzjat mill-Fond hija intiża biex b’mod partikolari tiġi kkonstatata r-realtà u r-regolarità tal-infiq. Barra minn hekk, fil-proċedura ta’ clearance tal-konformità, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq korrezzjoni finanzjarja jekk l-infiq li qed jintalab il-finanzjament tiegħu ma sarx konformement mar-regoli tal-Unjoni, peress li tali korrezzjoni finanzjarja hija intiża biex jiġi evitat li l-Fond iħallas ammonti li ma servewx għall-finanzjament ta’ għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni [ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑376/12, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:623, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata].

23      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1782/2003 huwa intiż li jippermetti t-tranżizzjoni mill-għajnuna għall-produzzjoni lejn l-għajnuna għall-produttur permezz tat-tnaqqis progressiv tal-pagamenti diretti u l-introduzzjoni ta’ skema ta’ għajnuna għad-dħul mhux konnessa mal-produzzjoni, jiġifieri l-pagament uniku ddeterminat abbażi tad-drittijiet preċedenti matul perijodu ta’ referenza, sabiex il-bdiewa tal-Unjoni Ewropea jsiru iktar kompetittivi. L-introduzzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku tidħol fil-PAK li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa r-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, billi titwettaq deċentralizzazzjoni ikbar tal-implementazzjoni tal-linji politiċi, billi jitħalla marġni ikbar lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, Ġabra, EU:C:2013:567, punti 17 u 18).

24      It-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jinkludi r-regoli bażiċi tal-iskema ta’ pagament uniku. Huwa għalhekk previst li l-bdiewa li jkunu bbenefikaw, matul perijodu ta’ referenza, minn pagament fir-rigward ta’ mill-inqas waħda mill-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003 jkollhom dritt għal għajnuna kkalkolata abbażi ta’ ammont ta’ referenza miksub, għal kull bidwi, mill-medja annwali, fuq dan il-perijodu, tat-total tal-pagamenti mogħtija fir-rigward ta’ dawn l-iskemi. It-total tal-ammonti ta’ referenza ma jistax ikun ikbar minn limitu nazzjonali stabbilit għal kull Stat Membru fl-Anness VIII tal-istess regolament.

25      Il‑Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jinkludi, fir-rigward tiegħu, dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri li jiddeċiedu, b’mod partikolari, li japplikaw parzjalment l-iskema ta’ pagament uniku. B’hekk l-Istati Membri jistgħu jżommu ċerti pagamenti diretti konnessi mal-produzzjoni.

26      L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 jagħmel parti minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet. Dan jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jżommu sa 10 % tal-komponent tal-limiti nazzjonali ta’ kull settur imsemmi fl-Anness VI tal-istess regolament u jwettqu, fuq bażi annwali, pagament addizzjonali lill-bdiewa fis-settur jew fis-setturi kkonċernati minn din il-miżura. Dan il-pagament addizzjonali jingħata għal tipi partikolari ta’ agrikoltura li huma importanti għall-protezzjoni jew għat-titjib tal-ambjent jew għat-titjib tal-kwalità u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli.

27      Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pagament addizzjonali previst fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fl-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226).

28      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mir-rapport sommarju, il-Kummissjoni rrilevat, fir-rigward tas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, lakuni kemm fil-verifiki ewlenin kif ukoll fil-verifiki sekondarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kriterji ta’ ammissibbiltà sabiex jittieħed benefiċċju mill-għajnuna kienu ġew mibdula wara t-tmiem tas-sena ta’ talba 2006, fir-rigward tas-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, u ġew stabbiliti tardivament għas-snin ta’ talba 2006 u 2007, fir-rigward tas-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Dawn il-lakuni kienu wasslu għal korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa, għas-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009, fir-rigward tas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tal-nagħaġ u tal-mogħoż, kif ukoll korrezzjoni finanzjarja ta’ darba, għas-sena finanzjarja 2007, fir-rigward tas-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella.

29      Ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni inklużi fir-rapport sommarju. Hija essenzjalment issostni, l-ewwel nett, li hija kellha marġni ta’ manuvra fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003, u, it-tieni nett, li l-lakuni kkonstatati ma kellhomx effett fuq l-għanijiet imfittxija minn dan l-Artikolu 69.

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-pagament addizzjonali previst fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa intiż, minn naħa, li jinkoraġġixxi lill-bdiewa biex josservaw ir-rekwiżiti dwar it-titjib tal-kwalità tal-prodotti tagħhom u għall-protezzjoni tal-ambjent, inkwantu kumpens għall-aħjar adattament tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tal-PAK, u, min-naħa l-oħra, biex jitnaqqsu r-riperkussjonijiet għal ċerti setturi ta’ prodotti minħabba t-tranżizzjoni mill-iskema ta’ pagamenti diretti għall-iskema ta’ pagament uniku (sentenza Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2013:567, punt 47).

31      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 jagħti lill-Istati Membri kollha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jitwettqu pagamenti addizzjonali fil-kuntest tar-riforma tal-PAK. Madankollu, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri hija strettament imfassla u suġġetta għal sensiela ta’ kundizzjonijiet ta’ natura kemm materjali kif ukoll proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2013:567, punti 23 u 29).

32      B’mod partikolari, l-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 795/2004, li huwa speċifikament imsemmi fir-rapport sommarju fir-rigward tas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż (punti 11.2.1.2 u 11.2.1.3 tar-rapport sommarju), jipprovdi kif ġej:

“L-Istati membri għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-ħlas li jkollhom il-ħsieb li jagħtu u, b’mod partikolari, l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità u s-setturi konċernati l-aktar tard sal-1 ta’ Awissu tas-sena li tiġi qabel l-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni.

Kull bidla fil-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir l-aktar tard sal-1 ta’ Awissu u għandha tgħodd għas-sena ta’ wara. Din għandha tiġi komunikata immedjatament lill-Kummissjoni akkumpanjata bil-kriterji oġġettivi li jiġġustifikaw dawk il-bidliet. Iżda, Stat Membru jista’ ma jimmodifikax is-setturi konċernati jew il-perċentwal ta’ żamma.”

33      Dan l-obbligu jippermetti lill-Kummissjoni li tiġi informata bil-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà deċiżi mill-Istati Membri. Dan l-obbligu jippermetti wkoll li jiġi żgurat li l-operaturi kkonċernati jkunu jafu, qabel il-bidu tas-sena ta’ talba, il-kundizzjonijiet li jippermettulhom li jaċċedu għall-pagament addizzjonali, previst fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003. Hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li dan il-pagament addizzjonali huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jinkoraġġixxi lill-bdiewa biex josservaw ir-rekwiżiti dwar it-titjib tal-kwalità tal-prodotti tagħhom u għall-protezzjoni tal-ambjent, inkwantu kumpens għall-aħjar adattament tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tal-PAK. Din il-funzjoni inċitattiva tal-pagament addizzjonali tista’ tkun effettiva biss jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà għal sena ta’ talba huma magħrufa mill-bdiewa kkonċernati, qabel il-bidu ta’ din is-sena, u ma jiġux emendati a posteriori. Issa, f’dan il-każ, ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-bdiewa kkonċernati tas-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż kienu jafu, fil-ħin, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà għas-snin ta’ talba 2006 u 2007, kif irrilevat l-aġenzija tal-pagamenti fil-punt 6.3 tar-rapport tagħha. Minbarra dan, fir-rigward tas-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ġew emendati wara t-tmiem tas-sena ta’ talba 2006.

34      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat, minbarra dan, in-nuqqas tal-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 795/2004, lakuni li jikkonċernaw kemm il-verifiki ewlenin kif ukoll il-verifiki sekondarji, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 23(1), tal-Artikolu 25 u tal-Artikolu 28(1)(d) tar-Regolament Nru 796/2006 kif ukoll tal-punt 1C u tal-punt 4A tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 (ĠU L 322M, p. 162).

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membru għandhom l-obbligu li jorganizzaw sensiela ta’ verifiki amministrattivi u verifiki fuq il-post li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali u formali ta’ għoti tal-għajnuna jiġu korrettament osservati. Jekk l-organizzazzjoni ta’ tali sensiela ta’ verifiki tkun nieqsa jew dik stabbilita minn Stat Membru tkun difettuża sal-punt li jitħallew dubji rigward l-osservazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha dritt li ma tirrikonoxxix ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat. (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑8/88, Ġabra, EU:C:1990:241, punti 20 u 21; tal-14 ta’ April 2005, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑468/02, EU:C:2005:221, punt 36, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, T‑183/06, EU:T:2009:370, punt 31).

36      Fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet, il-Kummissjoni hija obbligata li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tikkonstata l-assenza ta’ verifiki jew difetti fl-implementazzjoni tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata mhux li tipprova b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tipproduċi prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija kellha fir-rigward ta’ dawn il-verifiki jew ta’ dawn iċ-ċifri. L-Istat Membru kkonċernat, min-naħa tiegħu, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu stess permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika affidabbli u operattiva. Jekk huwa ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-istabbiliment ta’ sensiela adegwata u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ verifika. Dan it-tnaqqis tar-rekwiżit tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-fondi agrikoli Ewropej u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova l-iktar iddettaljata u kompleta tal-veraċità tal-verifiki tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tan-nuqqas ta’ eżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑247/98, Ġabra, EU:C:2001:4, punti 7 sa 9; tas-6 ta’ Marzu 2001, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑278/98, Ġabra, EU:C:2001:124, punti 39 sa 41, u tal-24 ta’ Frar 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra, EU:C:2005:103, punti 33 sa 36).

37      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-lakuni kkonstatati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-verifiki ewlenin u tal-verifiki sekondarji fir-rigward tas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż jikkostitwixxu provi tad-dubju serju u raġonevoli li l-Kummissjoni kellha fir-rigward tas-sensiela ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post li r-Repubblika Ellenika kellha tistabbilixxi sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali u formali ta’ għoti tal-għajnuna kienu korrettament osservati. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax, quddiem li-Qorti Ġenerali, il-lakuni kkonstatati mill-Kummissjoni fir-rigward tas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Għalhekk, ebda element ma jippermetti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jiġix rikonoxxut ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika tiġi kkontestata. Minbarra dan, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, essenzjalment, il-marġni ta’ manuvra li hija għandha fil-kuntest tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jistax iwassal sabiex hija tevita l-obbligi li għandha, b’mod partikolari dak li tiżgura ruħha mill-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pagament addizzjonali inkwistjoni li jitħallas mill-Fond.

38      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, essenzjalment, in-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni f’dan il-każ neċessarjament kellhom effett fuq l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-bdiewa kkonċernati ma kinux informati fil-ħin bil-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-pagament addizzjonali, biex b’hekk il-funzjoni inċitattiva mfittxija mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 hija mingħajr effett. Barra minn hekk, il-lakuni kkonstatati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-verifiki ewlenin u tal-verifiki sekondarji ma ppermettewx li jiġi żgurat li l-pagamenti addizzjonali mħallsa mill-Fond kienu effettivament issodisfaw l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003. Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-lakuni rrilevati mill-Kummissjoni kienu jikkonsistu b’mod partikolari fil-komunikazzjoni tardiva tar-rata massima ta’ mikroflora għall-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż u fuq il-bidla a posteriori tan-numru minimu ta’ twellid ta’ għoġġiela mill-produttur għal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella. Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dawn il-lakuni kienu jikkonċernaw kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà li kienu marbuta mill-qrib mal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003.

39      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, huwa ġust li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, f’dan il-każ, li korrezzjoni finanzjarja kellha tiġi applikata għall-pagamenti mwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti Griegi, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003, fir-rigward tas-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005

41      Ir-Repubblika Ellenika tirrileva li waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 sabiex tkun tista’ tiġi imposta korrezzjoni finanzjarja hija li dannu jkun ġie kkawżat lill-Fond. Issa, f’dan il-każ, il-pagamenti addizzjonali previsti mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jingħatawx lil hinn mil-limitu nazzjonali tal-pagamenti diretti, iżda jirriżultaw minn żamma li kienu suġġetti għaliha l-produtturi tal-istess settur. Dawn il-pagamenti għalhekk ma joħolqux dannu għall-Fond, b’mod li waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 ma hijiex issodisfatta. Fil-fatt, il-korrezzjoni finanzjarja imposta f’dan il-każ toħloq arrikkiment indebitu tal-Fond, peress li l-10 % msemmija mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 tinżamm milli tingħata lill-bdiewa li jibbenefikaw mill-għajnuna diretta tas-settur ikkonċernat.

42      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti sostnuti mir-Repubblika Ellenika.

43      Hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 li huwa msemmi, mir-Repubblika Ellenika, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha:

“Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.”

44      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment ir-Repubblika Ellenika, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 ma jistabbilixxix kundizzjoni li tissuġġetta kull korrezzjoni għad-dimostrazzjoni ta’ dannu reali subit mill-Fond (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Lulju 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑71/13 P, EU:C:2014:2119, punt 21). L-invokazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mir-Repubblika Ellenika għalhekk ma tistax tqajjem dubju dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq l-assenza ta’ konformità tal-infiq imwettaq mar-regoli tal-Unjoni.

45      Minbarra dan, hemm lok li l-argument tar-Repubblika Ellenika intiż sabiex jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, jeżisti arrikkiment indebitu tal-Fond, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-pagament addizzjonali mogħti skont l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa ffinanzjat mill-Fond. Il-fatt li r-riżerva ta’ 10 % msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 hija fil-fatt ikkostitwita minn tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti uniċi mogħtija lill-bdiewa tas-setturi kkonċernati ma jistax ibiddel din il-konklużjoni. Għalhekk, l-argument tar-Repubblika Ellenika huwa manifestament infondat.

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

47      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 796/2004, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u fuq żball ta’ fatt, fir-rigward tal-infiq eskluż fis-settur tat-tabakk

48      It-tieni motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-Repubblika Ellenika ssostni ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 796/2003, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja. Fit-tieni parti, ir-Repubblika Ellenika tinvoka żball ta’ fatt.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 796/2004, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja

49      Ir-Repubblika Ellenika tirrileva li l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa applikata mill-Kummissjoni fis-settur tat-tabakk kienet ibbażata b’mod partikolari fuq l-assenza ta’ verifiki matul perijodu ta’ madwar xahrejn matul is-sena tas-suq 2006. Issa, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 796/2004 ma jistabbilixxix terminu preċiż biex isiru l-verifiki fuq il-post, iżda jeħtieġ biss li l-verifiki jkunu effettivi. Fis-settur tat-tabakk, il-verifiki fuq il-post jistgħu jseħħu wara x-xahar ta’ Settembru, ladarba l-folji tat-tabakk ikunu nġabru, mingħajr ma l-effettività tagħhom tiġi kompromessa, ħaġa li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet matul il-proċedura. Il-motivazzjoni tal-Kummissjoni ma ssib ebda bażi fil-leġiżlazzjoni. Din hija barra minn hekk insuffiċjenti u ma hijiex preċiża, peress li ma tippermettix li jiġi stabbilit kif il-verifiki inkwistjoni ma kinux effettivi. Din il-motivazzjoni hija wkoll f’kontradizzjoni mal-fatt li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet, matul il-proċedura, li l-verifiki kienu effettivi. Fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-Repubblika Ellenika ssostni li teżisti kontradizzjoni manifesta bejn il-motivazzjoni li tinsab fil-pożizzjoni finali u dik li tinsab fir-rapport sommarju.

50      Il‑Kummissjoni tindika li hija aċċettat l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Ellenika li jikkonċernaw id-dewmien fid-data tat-twettiq tal-verifiki fuq il-post. Dan id-dewmien ma jikkostitwixxix raġuni ta’ korrezzjoni finanzjarja fis-settur tat-tabakk, kif jirriżulta mill-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni. Il-korrezzjoni finanzjarja applikata kienet ibbażata fuq in-nuqqasijiet ikkonstatati fil-verifiki ewlenin tal-industriji ta’ pproċessar fl-2006 u fl-2007, li huma s-suġġett tat-tieni lment. Fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni tindika li “kunflitt” li jista’ jidher bejn il-pożizzjoni finali u r-rapport sommarju huwa “manifestament dovut għal żball jew għall-eżitazzjoni tal-awtur tar-rapport sommarju fir-rigward tal-‘importanza’ tan-nuqqas ikkostitwit mill-assenza ta’ verifiki”. Il-Kummissjoni tirrileva madankollu li din id-“diverġenza” ma għandhiex effett fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata fil-każ. Billi invokat id-dokument Nru VI/5330/97, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru VI/5330/97”), il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, in-nuqqas relatat ma’ “assenza ta’ verifiki ewlenini fl-impriżi ta’ pproċessar fl-2006 u fl-2007” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ikkonstatat ukoll fir-rapport sommarju, jiġġustifika waħdu korrezzjoni finanzjarja “ta’ 5 %”. Konsegwentement, it-teħid inkunsiderazzjoni jew le ta’ nuqqas ma jbiddilx il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja finalment applikata.

51      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif il-partijiet ikkonfermaw fit-tweġibiet tagħhom għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rapport sommarju ġie trażmess lill-Istati Membri fil-kuntest tal-Kumitat dwar il-Fondi, li sar il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli. Il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża f’dan ir-rigward li, “[r]igward il-każijiet koperti b’din id-Deċiżjoni, il-valutazzjoni tal-ammonti li jridu jiġu esklużi minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mar-regoli tal-Unjoni [...] ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri f’rapport sommarju li l-Kummissjoni ħarġet dwar is-suġġett”. Il-Kummissjoni tindika barra minn hekk, fl-introduzzjoni tar-rapport sommarju, li “kull deċiżjoni tinkludi rapport sommarju tal-investigazzjonijiet imwettqa, li jippermetti li jiġi evalwat jekk l-Istati Membri kinux suġġetti għal trattament ekwu f’dak li jikkonċerna l-konklużjonijiet li waslet għalihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rapport sommarju għalhekk jikkostitwixxi dokument essenzjali sabiex tinftiehem il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din ġiet adottata abbażi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni, T‑232/08, EU:T:2011:751, punt 12).

52      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-paġna 74 tar-rapport sommarju, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi fuq ir-Repubblika Ellenika korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa fis-settur tat-tabakk filwaqt li kkunsidrat żewġ lakuni fil-verifiki ewlenin, jiġifieri “perijodu mingħajr verifika” (kważi xahrejn) fl-2006” u “assenza ta’ verifiki ewlenin fl-impriżi ta’ pproċessar fl-2006 u fl-2007” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 4.3 tal-pożizzjoni finali, il-lakuna li tirrigwarda “perijodu mingħajr verifika (kważi xahrejn) fl-2006” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kinitx tagħmel iktar parti mill-lakuni kkunsidrati mill-Kummissjoni.

54      Barra minn hekk, il-punt 2.4 tal-pożizzjoni finali, intitolat “Perijodu mingħajr verifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jinkludi r-raba’ paragrafu li jippreċiża li l-Kummissjoni taċċetta, fir-rigward tas-settur tat-tabakk, li l-perijodu mingħajr verifika inkwistjoni juri nuqqas ta’ ġestjoni li ma kellux effett negattiv sinjifikattiv fuq l-effettività tal-verifiki fuq il-post. Dan il-paragrafu sparixxa mill-punt ekwivalenti tar-rapport sommarju, jiġifieri l-punt 11.2.5.4.

55      Għalhekk teżisti kontradizzjoni apparenti bejn il-motivazzjoni tal-pożizzjoni finali u dik tar-rapport sommarju, hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet, essenzjalment, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Ir-rapport sommarju huwa wkoll f’kontradizzjoni mal-fatt li l-Kummissjoni kienet aċċettat, kif hija indikat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-ispjegazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika matul il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-lakuna inkwistjoni.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-att inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma huwiex f’pożizzjoni li jkun jaf, kompletament jew parzjalment, il-motivi reali tad-deċiżjoni u li, minħabba dan il-fatt, id-dispożittiv tal-att huwa, kompletament jew parzjalment, nieqes minn kull sostenn legali (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑424/05, EU:T:2009:49, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Barra minn hekk, skont leġiżlazzjoni stabbilita, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull dispożizzjoni legali oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew dwar użu ħażin ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors ikun fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux għalhekk, fi kwalunkwe ipoteżi, jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħhom (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑246/11 P, EU:C:2013:118, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, mal-qari tar-rapport sommarju, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk ir-riferiment fih tal-lakuna dwar il-“perijodu mingħajr verifika (kważi xahrejn) fl-2006” jirriżultax minn sempliċi żball materjali jew mir-rieda tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, finalment, ta’ din il-lakuna, minkejja li hija kienet tidher li aċċettat l-ispjegazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, minn naħa, iż-żieda tar-riferiment ta’ din il-lakuna hija konkomitanti mal-irtirar tal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni, fil-pożizzjoni finali, li skont din il-lakuna inkwistjoni ma kellhiex effett negattiv sinjifikattiv fuq l-effettività tal-verifiki fuq il-post. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fit-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-kontradizzjoni inkwistjoni kienet “manifestament dovuta għal żball jew għall-eżitazzjoni tal-awtur tar-rapport sommarju fir-rigward tal-‘importanza’ tan-nuqqas ikkostitwit mill-assenza ta’ verifiki”. Il-Kummissjoni għalhekk tirreferi għal żewġ ipoteżijiet differenti sabiex tispjega r-riferiment, fir-rapport sommarju, tal-lakuna dwar il-“perijodu mingħajr verifika (kważi xahrejn) fl-2006” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-Repubblika Ellenika tinsab għalhekk f’sitwazzjoni fejn hija għandha tipproċedi permezz ta’ konġetturi sabiex tipprova tifhem għaliex il-lakuna inkwistjoni tissemma fir-rapport sommarju, filwaqt li din ma ssemmietx iktar fil-pożizzjoni finali, u li tiddetermina jekk din il-lakuna tteħditx inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ffissata l-korrezzjoni finanzjarja u, skont il-każ, x’kienet l-effett tagħha fuq l-iffissar tal-livell ta’ din il-korrezzjoni. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ellenika żviluppat argumenti, fuq il-mertu, sabiex turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni l-lakuna inkwistjoni.

59      It-tieni nett, skont id-dokument Nru VI/5330/97, invokat mill-Kummissjoni, “[m]eta l-istess sistema tiġġenera diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ta’ korrezzjoni ma jkunux kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas serju jitqies li huwa indikattiv tar-riskji ppreżentati mis-sistema ta’ verifika fl-intier tagħha” (dokument Nru VI/5330/97, p. 13). Din il-parti tad-dokument Nru VI/5330/97 tissemma fir-rapport sommarju. Il-Kummissjoni żżid, fir-rigward tas-settur tat-tabakk: “konsegwentement, għas-sena ta’ talba 2007, meta lakuna waħda jew iktar ta’ verifiki ewlenin huma aġġornati, kif ukoll lakuni ta’ verifiki awżiljari, ir-riskju li dawn tal-aħħar jippreżentaw għall-Fond huwa paċut minn korrezzjoni finanzjarja li tikkorrispondi ma’ (waħda jew diversi) lakuni ta’ verifiki ewlenin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

60      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-parti rilevanti tad-dokument Nru VI/5330/97 ma ġietx invokata fir-rapport sommarju ħlief biex jiġi relativizzat l-effett tal-lakuni fil-verifiki sekondarji fuq il-livell tal-korrezzjoni b’rata fissa imposta, bħal ma juri l-użu tal-espressjoni “konsegwentement”.

61      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li s-silta rilevanti tar-rapport sommarju tinkludi, għal darba oħra, kontradizzjoni ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-pożizzjoni finali, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta. Fil-fatt, filwaqt li r-rapport sommarju jevoka “is-sena ta’ talba 2007”, il-pożizzjoni finali tevoka s-“snin ta’ talba 2006 u 2007”. Hemm lok li jiġi enfasizzat hawnhekk li l-kontradizzjoni ta’ motivazzjoni mqajma mir-Repubblika Ellenika tikkonċerna s-sena ta’ talba 2006. Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li t-titolu tar-rapport sommarju li jikkonċerna s-settur tat-tabakk jinkludi s-sentenza li ġejja: “Modifika tal-korrezzjoni finanzjarja proposta għas-sena ta’ talba 2006” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, is-sena ta’ talba 2006 ma tissemmiex fil-motivi tar-rapport sommarju li huma l-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja. Dawn l-elementi differenti jżidu konfużjoni ċerta għal motivazzjoni li diġà hija kontradittorja.

62      Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżuppost li l-lakuna dwar l-“assenza ta’ verifiki ewlenin fl-impriżi ta’ pproċessar fl-2006 u fl-2007” tista’ tiġġustifika korrezzjoni finanzjarja “ta’ 5 %”, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit, bil-qari tar-rapport sommarju, jekk din il-lakuna kinitx ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja li tikkonċerna s-sena ta’ talba 2006 jew jekk il-Kummissjoni kinitx pjuttost ħadet inkunsiderazzjoni l-lakuna dwar il-“perijodu mingħajr verifika (kważi xahrejn) fl-2006”, jew anki ż-żewġ lakuni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rapport sommarju jindika, b’mod ambigwu, li l-korrezzjoni finanzjarja tikkorrispondi ma’ “waħda jew diversi” lakuni ta’ verifiki ewlenin (rapport sommarju, p. 74). Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-rapport sommarju, fil-parti tiegħu dwar il-“konstatazzjonijiet prinċipali” (punt 11.2.1 tar-rapport sommarju) u dwar l-“osservazzjonijiet ġenerali” (punt 11.2.1 tar-rapport sommarju), jinkludi titolu dwar il-lakuni kkonstatati fil-“pjanifikazzjoni tal-verifiki fuq il-post” fis-setturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, tal-laħam tan-nagħaġ “u tat-tabakk”. Il-Kummissjoni tindika fih li “l-implementazzjoni tardiva tal-verifiki fuq il-post fl-2006 (kważi xahrejn wara t-terminu ta’ tressiq tat-talbiet) tat lok għal perijodu mingħajr verifika u konsegwentement ikkawżat ħsara lill-effettività tas-sistema ta’ verifika kollha”. Din il-konstatazzjoni hija inkluża fil-parti tar-rapport sommarju intitolata “Pożizzjoni finali tal-Kummissjoni” (punt 11.2.5 tar-rapport sommarju), fejn huwa indikat li l-Kummissjoni “ssostni li l-implementazzjoni tardiva tal-verifiki fuq il-post (kważi xahrejn wara t-terminu ta’ tressiq tat-talbiet) tat lok għal perijodu mingħajr verifika u li dgħajfet l-effettività tas-sistema ta’ verifika kollha u wasslet għal riskju għall-Fond”. Minn dawn l-elementi jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, b’mod partikolari waqt is-seduta, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-lakuna dwar il-“perijodu mingħajr verifika (kważi xahrejn) fl-2006”kienet ġiet mifhuma bħala sekondarju, jekk mhux negliġibbli, u li unikament il-lakuna dwar l-“assenza ta’ verifiki ewlenin fl-impriżi ta’ pproċessar fl-2006 u fl-2007” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet il-bażi tal-livell tal-korrezzjoni finanzjarja li tikkonċerna s-sena ta’ talba 2006.

63      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-kontradizzjoni ta’ motivazzjoni li teżisti bejn ir-rapport sommarju u d-dokumenti rilevanti l-oħra tal-proċedura amministrattiva, li magħha jiżdiedu nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet jew kontradizzjonijiet ta’ motivazzjoni oħra f’dan ir-rapport ma tippermettix lir-Repubblika Ellenika li tkun taf il-motivazzjoni reali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja imposta għall-pagamenti relatati mas-sena ta’ talba 2006 fis-settur tat-tabakk.

64      Għalhekk għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tieni motiv u li abbażi ta’ dan, tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn teskludi ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika, fis-settur tat-tabakk, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2006.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar żball ta’ fatt

65      Ir-Repubblika Ellenika tirrileva li l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa applikata mill-Kummissjoni fis-settur tat-tabakk kienet ibbażata wkoll fuq l-assenza ta’ verifiki ewlenin fl-impriżi ta’ pproċessar tat-tabakk. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet qieset li s-sistema ta’ verifika stabbilita fil-Greċja ma hijiex għal kollox konformi mal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 796/2004 u mad-dispożizzjonijiet ta’ verifika tal-Artikolu 33(3) tal-istess regolament. Issa, il-proċedura ta’ verifika tal-pagament addizzjonali fis-settur tat-tabakk hija rregolamentata b’mod eżawrjenti minn diversi dispożizzjonijiet nazzjonali, li r-Repubblika Ellenika tippreżenta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma skrupulożament osservati, juru li s-sistema stabbilita fil-Greċja tosserva l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata għalhekk fuq żball ta’ fatt. Ir-Repubblika Ellenika żżid li l-Artikolu 33c(2) tar-Regolament Nru 796/2004 invokat mill-Kummissjoni ma jikkonċernax il-pagamenti msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003. Barra minn hekk, billi rreferiet għal żewġ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mill-Istati Membri, ir-Repubblika Ellenika ssostni, fir-replika tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju non bis in idem. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkunsidrat li l-miżuri nazzjonali ta’ verifika ma kinux fis-seħħ għall-perijodu kkonċernat.

66      Il‑Kummissjoni tikkontesta l-argumenti sostnuti mir-Repubblika Ellenika.

67      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-lakuna dwar l-“assenza ta’ verifiki ewlenin fl-impriżi ta’ pproċessar” tikkonċerna l-pagamenti mwettqa fis-settur tat-tabakk fir-rigward tas-snin ta’ talba 2006 u 2007. Hemm lok li jitfakkar ukoll li l-ewwel parti tat-tieni motiv intlaqgħet u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn teskludi ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika, fis-settur tat-tabakk, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2006. Madankollu, sa fejn dan l-annullament jikkonċerna biss is-sena ta’ talba 2006, ir-Repubblika Ellenika żżomm interess sabiex dawn l-argumenti jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-pagamenti mwettqa fir-rigward tas-sena ta’ talba 2007, li l-korrezzjoni finanzjarja tagħha tibbaża esklużivament fuq il-lakuna dwar l-“assenza ta’ verifiki ewlenin fl-impriżi ta’ pproċessar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

68      Skont l-Artikolu 33c(2) tar-Regolament Nru 796/2004, applikabbli għall-pagamenti addizzjonali skont l-Artikolu 38 tal-istess regolament, il-verifiki “matul l-ewwel ipproċessar u l-preparazzjoni għas-suq tat-tabakk” jinkludu b’mod partikolari “kontrolli ta’ l-istokk ta’ l-intrapriża ta’ l-ipproċessar”. Il-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni jippreċiża li “[i]l-kontrolli skond dan l-Artikolu għandhom isiru fil-post fejn [dan] it-tabakk nej huwa pproċessat”.

69      F’dan il-każ, jirriżulta mir-rapport sommarju li, skont il-Kummissjoni, verifiki addizzjonali kellhom jikkompletaw dawk diġà mwettqa matul verifiki tal-kunsinni ta’ tabakk, bħall-“verifika tal-istokk tal-impriżi” (punt 11.2.1.4 3 tar-rapport sommarju) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

70      Ir-Repubblika Ellenika kkonfermat lill-Kummissjoni li hija ma wettqet “ebda waħda mill-verifiki” [traduzzjoni mhux uffiċjali] inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba li ma humiex ekonomikament profittabbli (punt 11.2.2.4 2 tar-rapport sommarju).

71      Huwa biżżejjed f’dan ir-rigward li jiġi kkonstatat li, hekk kif irrikonoxxiet ir-Repubblika Ellenika matul il-proċedura amministrattiva, il-verifiki fuq il-post li kienu jirrigwardaw l-istokk tal-impriżi ta’ pproċessar tat-tabakk ma kinux saru, b’kuntrarjetà għalhekk mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 796/2004. Għalhekk, fuq dan il-bażi, il-Kummissjoni kienet awtorizzata li timponi korrezzjoni finanzjarja.

72      L-argumenti l-oħra tar-Repubblika Ellenika ma jistgħux iqajmu dubju dwar din il-konklużjoni.

73      Fir-rigward tal-fatt, sottomess mir-Repubblika Ellenika, li l-proċedura ta’ verifika tal-pagament addizzjonali fis-settur tat-tabakk hija rregolata b’mod eżawrjenti minn diversi dispożizzjonijiet nazzjonali, ma huwiex ta’ natura li juri li l-verifiki fuq il-post li jirrigwardaw l-istokk tal-impriżi ta’ pproċessar tat-tabakk kienu effettivament seħħew.

74      Fir-rigward tad-dokumenti prodotti fl-Anness 7 tar-rikors, u anki jekk jiġi preżuppost li dawn ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva, dawn ma jistgħux juru li verifiki fuq il-post li jirrigwardaw l-istokk tal-impriżi ta’ pproċessar tat-tabakk kienu effettivament twettqu kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Fil-fatt, kif tippreċiża barra minn hekk ir-Repubblika Ellenika, dawn id-dokumenti huma kkostitwiti: minn tliet talbiet għal ċertifikazzjoni tat-tabakk ikkunsinnat, flimkien mal-kundizzjoni ddettaljata korrispondenti tat-tabakk ikkunsinnat u minn attestazzjonijiet ta’ verifika tal-ipproċessar li jkunu ħarġu mid-direttorat tal-agrikoltura tal-prefettura ta’ Kavala (il-Greċja); minn talba magħmula minn impriża ta’ pproċessar quddiem l-Organismos pliromon kai elenchou koinotikon enischyseon prosanatolismou kai engyiseon (aġenzija Ellenika ta’ pagament u ta’ verifika tal-għajnuna Komunitarja ta’ gwida u garanzija) fir-rigward tal-kunsinna tat-tabakk mixtri, flimkien mal-attestazzjoni korrispondenti ta’ din l-aġenzija dwar il-verifika tad-dħul tal-kwantitajiet ikkonċernati, tal-kundizzjoni ddettaljata tat-tabakk ikkunsinnat u tal-attestazzjoni ta’ verifika tal-ipproċessar tal-prefettura ta’ Kavala; minn diversi affidavit ta’ impriża ta’ pproċessar dwar l-importazzjoni ta’ tabakk mill-Bulgarija, flimkien ma’ dikjarazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ tabakk ippakkjat b’balal korrispondenti. Għalhekk dawn id-dokumenti ma jikkonċernawx il-verifiki fuq il-post tal-istokkijiet tal-impriżi ta’ pproċessar.

75      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-invokazzjoni tal-prinċipju non bis in idem, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument invokat fl-istadju tar-replika, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ż-żewġ deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mill-Istati Membri, invokat mir-Repubblika Ellenika, moqrija fid-dawl tar-rapporti sommarji rispettivi tagħhom, li jikkonċernaw snin ta’ talba, skemi ta’ għajnuna jew lakuni differenti minn dawk ta’ din il-kawża. Għalhekk, l-argument imressaq mir-Repubblika Ellenika huwa manifestament infondat.

76      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

78      Billi r-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun qed issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/123/UE, tas-26 ta’ Frar 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn teskludi ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika, fis-settur tat-tabakk, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2006.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il‑Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Ellenika għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.