Language of document : ECLI:EU:C:2004:819

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JACOBS

ippreżentati fis-16 ta' Diċembru 2004 (1)

Kawża C-267/03

Lars Erik Staffan Lindberg

v

Riksåklagaren







1.        Il-kwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda d-dover ta’ Stat Membru skond id-Direttiva dwar l-Istandards tekniċi(2) li jinnotifika lill-Kummissjoni (u, permezz tagħha, lil Stati Membri oħra) b’abozzi ta’ regolamenti tekniċi. B’mod speċifiku, dan l-obbligu japplika fil-każ ta’ emenda fil-liġi nazzjonali li fiha projbizzjoni milli jiġi organizzat logħob ta’ l-ażżard b’tip partikolari ta’ magna tal-logħob?

 Id-Direttiva

2.        L-għan tad-Direttiva, hekk kif jidher mill-preambolu tagħha(3) huwa li tiġi pprojbita l-adozzjoni ta’ regolamenti jew standards nazzjonali tekniċi li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għan-negozju sakemm ma jkunux neċessarji sabiex jintlaħqu ħtiġijiet essenzjali u għandhom għan fl-interess pubbliku li tiegħu huma jikkostitwixxu l-garanzija prinċipali. Għalhekk jekk Stat Membru għandu l-intenzjoni li jadotta miżura ta’ dan it-tip, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati u mogħtija biżżejjed żmien li fih jipproponu emendi sabiex jitneħħew jew jitnaqqsu l-ostakoli li din tista’ toħloq għall-moviment liberu tal-merkanzija jew, fil-każ tal-Kummissjoni, sabiex tipproponi jew tadotta Direttiva Komunitarja li tirregola l-istess qasam. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet dak il-għan bħala ‘li tħares, permezz ta' kontroll preventiv, il-moviment liberu tal-merkanzija, li hu wieħed mill-pedamenti tal-Komunità’.(4)

3.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi numru konsiderevoli ta’ definizzjonijiet rilevanti. 

4.        Skond l-Artikolu 1(9) tal-verżjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ‘regolament tekniku’ jinkludi tliet tipi ta’ miżuri.

5.        L-ewwel, jinkludi ‘speċifikazzjonijiet tekniċi’ li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott fi Stat Membru jew f’parti kbira minnu. Skond l-Artikolu 1(2), ‘speċifikazzjoni teknika’ hija dik li ‘tistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġijiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità’.

6.        It-tieni, ikopri ‘ħtiġijiet oħra’, li jinkludu dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma wkoll obbligatorji. Skond l-Artikolu 1(3), it-terminu ‘ħtiġijiet oħra’ ifisser ‘ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kundizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq’.

7.        It-tielet, jinkludi ‘il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi … li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott’.

8.        Għall-għanijiet ta’ dawk id-definizzjonijiet, ‘prodott’ huwa ‘kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu’ (Artikolu 1(1)).

9.        Fl-aħħar, ‘abozz ta’ regolament tekniku’ essenzjalment huwa test ta’ regolament fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu jsiru emendi sostanzjali (Artikolu 1(10)).

10.      Artikolu 8(1) jimponi fuq l-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-Direttiva, għajr fejn dawn sempliċiment jittrasponu t-test sħiħ ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ ikun biżżejjed li tingħata informazzjoni dwar l-istandard rilevanti. Jekk wara l-komunikazzjoni l-abbozz jiġi emendat b’tali mod li, b’mod partikolari, jinbidel b’mod sinjifikattiv l-iskop tiegħu, sabiex jiżdiedu speċifikazzjonijiet jew sabiex isiru aktar restrittivi, dan għandu jiġi kkomunikat mill-ġdid.

11.      Skond l-Artikolu 9 l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ regolamenti bħal dawn għal numru ta’ xhur sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika li huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju, jew tipproponi Direttiva fil-qasam ikkonċernat.

12.      L-Artikolu 10 jipprovdi għal numru ta’ eċċezzjonijiet limitati mill-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn l-obbligi jew mit-tnejn li huma. B’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 essenzjalment ma japplikawx, għal dispożizzjonijiet li sempliċiment jġibu l-liġi nazzjonali konformi mad-dritt Komunitarju (l-Artikolu 10(1)) u l-Artikolu 9 ma japplikax, fost l-oħrajn, għar-regoli li jipprojbixxu l-manifattura li ma jostakolawx il-moviment liberu tal-prodotti (Artikolu 10(2)).

13.      Jista’ jiġi rrimarkat li dik il-verżjoni tad-Direttiva ġiet imħassra u bħalissa s-sitwazzjoni hija rregolata mid-Direttiva 98/34/KE. (5)  Din ta’ l-aħħar kważi mal-ewwel ġiet emendata bid-Direttiva 98/48/EC, (6) li estendiet il-portata tagħha sabiex tkopri ‘Servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika’, b’mod partikolari servizz ‘normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi’.(7)

14.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ksur ta’obbligu ta’ komunikazzjoni jirriżulta fin-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, li b’hekk ma jkunux jistgħu jiġu inforzati kontra individwi; il-qrati nazzjonali m’għandhomx japplikaw regolament nazzjonali tekniku li ma jkunx ġie kkomunikat skond id-Direttiva.(8)

 Il-proċedimenti nazzjonali u r-regoli in kwistjoni

15.      Is-Sur Lindberg huwa akkużat li organizza logħob ta’ l-ażżard pubbliku illegali fuq magni tal-logħob ipprojbiti fl-Iżvezja bejn Jannar 1997 u April 1998. Il-Högsta Domstolen (Qorti Suprema) għandha tiddeċiedi jekk il-projbizzjoni milli jiġi organizzat logħob ta’ l-ażżard pubbliku fuq it-tip ta’ magna in kwistjoni tistax tiġi infurzata peress li tikkostitwixxi regolament tekniku li ma ġiex innotifikat skond id-Direttiva.

16.      Il-magni in kwistjoni jidhru li huma tat-tip komuni fejn min jilgħab jista’ jirbaħ premju jekk ċerti immaġini jiġu allinjati mill-magna, riżultat li jiddependi ħafna mix-xorti. Il-fattur speċifiku li jiddistingwihom minn magni oħra, għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa li dawn ma jħallsux ir-rebħ, fl-ebda forma. Jekk ikun hemm rebħ, dan irid jinġabar mingħand persuna responsabbli mill-operazzjoni tal-magni.

17.      Skond il-Kodiċi Kriminali ta’ l-Iżvezja, huwa reat li jiġi organizzat logħob ta’ l-ażżard pubbliku abbażi tax-xorti jekk il-ġugati jkollhom valur ekonomiku sinjifikattiv sakemm, essenzjalment, il-forma tal-logħob in kwistjoni jew (i) mhijiex ipprojbita mil-liġi dwar il-Lotteriji jew (ii) jista’ jingħatalha liċenzja skond dik il-liġi u l-organizzatur ikun kiseb liċenzja.

18.      Qabel l-1 ta’ Jannar 1995, l-operazzjoni ta’ magni tal-logħob awtomatiċi kienet kompletament ipprojbita minbarra fuq vapuri li jbaħħru f’ibħra internazzjonali. Minn dik id-data, Liġi ġdida dwar il-Lotteriji, adottata fl-1994 (‘il-Liġi ta’ l-1994’), offriet possibbiltajiet sabiex jinħarġu liċenzji għall-operazzjoni ta’ ċerti magni fit-territorju ta’ l-Iżvezja.

19.      Il-Liġi ta’ l-1994 tipprojbixxi l-operazzjoni ta’ lotteriji għall-pubbliku ġenerali mingħajr liċenzja. Id-definizzjoni ta’ lotterija tinkludi wkoll ‘il-logħob tal-lottu, il-logħob awtomatizzat, il-logħob bir-rulett, il-logħob bid-dadi, il-logħob tal-karti, il-logħob ta’ l-ittri katina jew logħob ieħor simili’, u f’dawn il-każijiet il-projbizzjoni testendi għas-sitwazzjonijiet kollha fejn il-logħob huwa organizzat għall-qligħ, kemm jekk huwa għall-pubbliku ġenerali u kemm jekk le.

20.      Fil-verżjoni oriġinali tal-Liġi, magni tal-logħob kienu ddefiniti, b’mod eżawrjenti, bħala magni li jħallsu premjijiet taħt forma ta’ oġġetti, ta’ flus kontanti, kupuni, towkins tal-logħob jew xi ħaġa simili fejn il-possibbiltà ta’ rebħ hija fortuwita, jew li jħallsu r-rebħ fi flus kontanti fejn il-possibbiltà ta’ rebħ tiddependi mill-abbiltà ta’ min ikun qed jilgħab.

21.      Tista’ tinħareġ liċenzja għall-operazzjoni ta’ dawn il-magni taħt ċerti kundizzjonijiet relatati b’mod partikolari mal-valur tal-ġugati u l-premjijiet.

22.      L-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-magni li ma jħallsux direttament il-premju tat lok għal ftit nuqqas ta’ qbil. Ċerti qrati ta’ l-appell interpretaw il-Liġi ta’ l-1994 bħala waħda li bl-ebda mod ma tapplika għal dawn il-magni, b’mod li l-operazzjoni tagħhom la kienet ipprojbita u lanqas ma kienet teħtieġ liċenzja.

23.      Għalhekk biex timtela dik li kienet tidher bħala lakuna mhux intenzjonata, il-Liġi ta’ l-1994 ġiet emendata b’effett mill-1 ta’ Jannar 1997 (‘l-emenda ta’ l-1996’). Id-definizzjoni ta’ ‘magna tal-logħob’ ġiet estiża għal kull ‘magna tal-logħob mekkanika jew elettronika’, iżda l-liċenzja baqgħat disponibbli biss għall-kategoriji elenkati qabel, li jħallsu l-premjijiet direttament. Konsegwentement, l-organizzazzjoni tal-logħob ta’ ażżard, bi skop ta’ profitt jew għall-pubbliku ġenerali, fuq magni bħal dawk in kwistjoni ġiet ipprojbita.

24.      L-emenda ta’ l-1996 ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni bħala abbozz ta’ regolament tekniku; il-Gvern Żvediż kien ta’ l-opinjoni li din kienet biss kjarifika ta’ regoli diġà eżistenti u ma kinitx tinħtieġ notifika skond id-Direttiva. 

25.      Madankollu, xi awtoritajiet urew id-dubji tagħhom dwar kemm kienet korretta din l-opinjoni. Konsegwentement, filwaqt li ma biddilx il-pożizzjoni tiegħu tal-bidu, il-Gvern iddeċieda li jibgħat notifika xorta waħda. Wara dik in-notifika, l-emenda ġiet adottata mill-ġdid b’effett mill-1 ta’ Frar 2002. Madankollu, in-notifika u l-adozzjoni mill-ġdid saru wara ż-żmien meta seħħew il-fatti ta’ din il-kawża, li huwa bejn Jannar 1997 u April 1998.

26.      Fil-proċeduri nazzjonali, is-Sur Lindberg argumenta li l-emenda ta’ l-1996, li tifforma l-bażi tal-proċedimenti li tressqu kontrih, kien imissha ġiet innotifikata skond id-Direttiva u li, peress li ma sarx hekk, ma tistax tiġi infurzata kontrih.

27.      Dan l-argument jidher li ġie aċċettat mill-prosekutur pubbliku, li ma oġġezzjonax għaċ-ċaħda ta’ l-akkuża li ġie organizzat logħob illegali.

28.      Iżda qabel ma tasal għad-deċiżjoni tagħha l-Högsta Domstolen qed tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari fuq dawn id-domandi li ġejjin:

(1).      Tista’ l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' projbizzjoni ta' l-użu ta' prodott tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva?

(2)      Tista’ l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' projbizzjoni ta' servizz li jkollha effett fuq l-użu ta' prodott tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva?

(3)      Tista’ d-definizzjoni mill-ġdid fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' servizz konness mal-manifattura ta' prodott tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skond id-Direttiva, jekk id-definizzjoni l-ġdida jkollha effett fuq l-użu tal-prodott?

4.      Fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika, x'importanza għandha tingħata lill-fatturi:

–        bħall-bidla, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn sistema ta' liċenzji għal sistema ta' projbizzjoni

–        bħall-ikbar jew l-inqas valur tal-prodott/tas-servizz;

–        bħad-daqs tas-suq tal-prodott/tas-servizz;

–        bħall-effett ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda dwar l-użu, li jipprovdu jew projbizzjoni totali ta' użu, jew projbizzjoni jew limitazzjoni ta' użu f'wieħed mill-oqsma ta' użu possibbli?

29.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mis-Sur Lindberg (li jirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali), mill-Gvernijiet tal-Portugall, ta’ l-Iżvezja u tal-Gran Brittanja u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta saru osservazzjonijiet orali għan-nom tas-Sur Lindberg, tal-Gvern Franċiż u dak Portugiż u tal-Kummissjoni.

 Kunsiderazzjonijet

30.      Qabel ma jiġu eżaminati waħda waħda l-erba’ domandi tal-qorti nazzjonali, huwa tajjeb li jiġu eżaminati żewġ affarijiet preliminari: il-portata ta’ dawn id-domandi b’rabta mar-restrizzjonijiet reali jew potenzjali tan-negozju u mad-dritt ta’ Istati Membri li jirregolaw il-logħob ta’ l-ażżard; u r-relevanza tad-data ta’ l-introduzzjoni tal-projbizzjoni in kwistjoni fil-liġi nazzjonali.

 Il-portata tad-domandi

31.      Il-kwistjoni li fuqha l-qorti nazzjonali qiegħda tfittex parir hija dwar jekk l-emenda ta’ l-1996 taqax taħt id-definizzjoni ta’ regolament tekniku li kien jinsab fil-verżjoni tad-Direttiva applikabbli f’dak iż-żmien.

32.      L-obbligu li ssir notifika skond id-Direttiva jiddependi minn din id-definizzjoni, u mhux minn jekk l-effett ta’ l-emenda huwiex li tinħoloq restrizzjoni reali jew potenzjali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

33.      Huwa minnu li l-għan tad-Direttiva huwa li jiġi protett il-moviment liberu tal-merkanzija.

34.      Madankollu, il-mekkaniżmu li hija tuża huwa wieħed ta’ kontroll preventiv. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw f’dan il-kontroll ma jistax jiddependi minn inkompatibbiltà reali bejn il-miżura kkonċernata u r-regoli tat-Trattat fuq il-moviment liberu.

35.      Meta jiġi ddeterminat jekk miżura hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, hemm bżonn li jiġi eżaminat mhux biss jekk hemmx restrizzjoni tal-kummerċ imma wkoll jekk dik ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minn xi waħda mill-motivi previsti fit-Trattat jew fil-każistika u jekk hijiex proporzjonata ma’ l-għan mixtieq. Madankollu, mhuwiex sew li wieħed jikkunsidra dawn il-fatturi qabel ma jkun deċiż jekk miżura għandhiex tiġi nnotifikata fil-kuntest ta’ sistema ta’ kontroll preventiv. Il-mekkaniżmu ta’ kontroll fih innifsu huwa ddisinjat sabiex jevalwa dawk il-fatturi u jiddgħajjef b’mod serju jekk jiġi llimitat b’dak il-mod. Barra minn hekk, kif diġà kelli l-okkażjoni nirrileva,(9) kull bżonn għal evalwazzjoni minn qabel ta’ l-effett ta’miżura jagħmilha inqas faċli li jiġi ddeterminat liema miżuri huma kkonċernati.

36.      Huwa minnu wkoll li hemm deroga fl-Artikolu 10(2) għal miżuri li ma jfixklux il-moviment liberu tal-prodotti.

37.      Madankollu, id-deroga tapplika biss għall-miżuri li jipprojbixxu l-manifattura ta’ prodott u teżenta biss mill-obbligu li tiġi posposta l-adozzjoni ta’ miżura, mhux mill-obbligu li tiġi nnotifikata. Għalhekk mhijiex relevanti għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

38.      Fl-aħħar, huwa minnu li, filwaqt li f’CIA Security il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ l-opinjoni li ‘vjolazzjoni ta’ obbligu li tinnotifika tikkostitwixxi difett sostanzjali proċedurali b’tali mod li tirrendi r-regolamenti tekniċi in kwistjoni inapplikabbli għall-individwi’,(10) sussegwentement f’van der Burg iddeċidiet li ma kienx neċessarju li tiddeċiedi dwar jekk l-inapplikabbiltà testendix għal każijiet kollha jew għal dawk biss li kienu effettivament ta’ ostakolu għall-kummerċ jew għall-moviment liberu tal-merkanzija f’każ speċifiku. L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo madankollu kien ta’ l-opinjoni f’dan l-aħħar każ li regolament tekniku li ma jkunx ġie nnotifikat għandu jiġi reż inapplikabbli biss jekk x’aktarx ifixxkel l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodott speċifiku, (11) opinjoni li tidher li hija bbażata fuq is-sentenza Lemmens (12), li ġiet deċiża xi żmien qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Madankollu, id-domandi tal-qorti nazzjonali huma bbażati fuq il-premessa li r-regola nazzjonali in kwistjoni taffettwa l-użu ta’ ċerti magni tal-logħob ta’ l-ażżard fl-Iżvezja, u jidher ċar li l-miżura li taffettwa l-użu ta’ prodott partikolari fi Stat Membru x’aktarx taffettwa wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti ġewwa – u b’hekk il-moviment f’dak – l-Istat, (13) tant li l-aħħar kwistjoni msemmija ma tidhirx li tirriżulta fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

40.      Konsegwentement, numru ta’ osservazzjonijiet mressqa mill-Gvern Protugiż, li jikkonċernaw b’mod ġenerali l-kompatibbiltà mar-regoli tat-Trattat fuq il-moviment liberu ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-dritt sovran tagħhom li jirregolaw il-logħob ta’ l-ażżard fl-interess pubbliku, u li huma relatati mal-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fid-dawl tan-natura tal-logħob ta’ l-ażżard, mhumiex direttament rilevanti għall-kwistjoni li trid tiġi deċiża.

41.      Ser nosserva biss li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li r-regoli nazzjonali li jillimitaw l-operazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard jistgħu, anke jekk jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ ħieles, ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku. (14)

 Id-data ta’ l-introduzzjoni tal-projbizzjoni in kwistjoni

42.      Id-domandi tal-Qorti nazzjonali huma wkoll ibbażati fuq il-premessa li projbizzjoni fuq l-organizzazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard fuq ċerti magni ġiet introdotta bl-emenda ta’ l-1996 u qabel ma kinitx tinsab fil-Liġi ta’ l-1994.

43.      Il-Gvern Żvediż madankollu jsostni fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub li l-emenda ma għamlet l-ebda bidla sostanzjali fil-liġi u li l-projbizzjoni in kwistjoni kienet diġà fis-seħħ mill-1995. Għalhekk jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li mhemmx obbligu li tinnotifika regolament tekniku li ma jbiddilx l-istat eżistenti tal-liġi.

44.      Kjarament, din il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni Żvediża. Il-qorti nazzjonali biss tista’ tiddetermina jekk il-projbizzjoni in kwistjoni ġietx introdotta bil-Liġi ta’ l-1994 jew bl-emenda ta’ l-1996. Għalhekk id-domandi mressqa għandhom jiġu indirizzati abbażi tal-premessa ta’ dik il-qorti li kienet l-emenda li introduċiet il-projbizzjoni.

45.      Għalhekk ser nillimita ruħi għal żewġ rimarki fuq l-ipoteżi kuntrarja li ressaq il-Gvern Żvediż.

46.      Fl-ewwel lok, jidher raġonevoli li emenda li taffettwa biss il-kliem ta’ regolament tekniku, imma li ma tbiddilx l-istat eżistenti tal-liġi, m’għandhiex bżonn tiġi notifikata skond id-Direttiva. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Colim, (15) ‘miżura nazzjonali li tirripproduċi jew tissostitwixxi, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġijiet oħra ġodda jew supplementari, regolamenti tekniċi eżistenti li, jekk dawn ir-regolamenti jkunu ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ [tad-Direttiva], ikunu ġew notifikati lill-Kummissjoni kif suppost, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala "abbozz" ta' regolament tekniku … jew konsegwentement, lanqas ma tista' tkun suġġetta għall-obbligu li tiġi notifikata’.

47.      Madankollu, huwa x’aktarx rari li tibdil fil-kliem ta’ miżura ma jkollux effett fuq is-sustanza tagħha. Fejn hemm il-possibbiltà ta’ effett bħal dan – u jidher li l-awtoritajiet Żvediżi ma kinux unanimi fit-twemmin li l-emenda ta’ l-1996 ma bidlitx il-liġi eżistenti – jidher li huwa neċessarju li ssir notifika sabiex jinkiseb l-għan ta’ kontroll preventiv li huwa r-raison d’être tas-sistema stabbilita mid-Direttiva.  Jista’ jiġi mfakkar li, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jerġgħu jikkomunikaw l-abbozz jekk jagħmlu fih tibdil sinjifikattiv.

48.      Fit-tieni lok, jekk il-Liġi ta’ l-1994 kien fiha l-projbizzjoni in kwistjoni miż-żmien ta’ l-adozzjoni inizjali tagħha u jekk dik l-adozzjoni saret wara l-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994, bl-Iżvezja bħala Stat Membru, għandu jiġi nnutat li – bil-kontra ta’ l-opinjoni mid-dehra espressa mill-prosekutur pubbliku – id-Direttiva tidher li diġà kienet tapplika għall-Iżvezja f’dak iż-żmien.(16)

49.      Madankollu, il-verżjoni tad-Direttiva li kienet tapplika dak iż-żmien tirrikjedi analiżi differenti. Il-limitu ta’ żmien sabiex jiġu implementati l-emendi introdotti bid-Direttiva 94/10, applikabbli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata fl-1996, skada biss fl-1 ta’ Lulju 1995. Dawk l-emendi żiedu sew mad-definizzjoni ta’ regolament tekniku. Barra minn hekk, l-obbligi tal-Gvern Żvediż u l-konsegwenzi ta’ kull nuqqas ta’ osservanza tagħhom għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ l-istatus ta’ l-Iżvezja fl-1994 bħala Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea aktar milli bħala Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, li saret membru tagħha fl-1 ta’ Jannar 1995.

 L-ewwel domanda

50.      L-ewwel domanda hija dwar jekk l-introduzzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ projbizzjoni fuq l-użu ta’ prodott tistax tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skond id-Direttiva.

51.      Meta l-kliem użat fid-domanda huwa daqstant ġenerali, ir-risposta hija kjarament iva. L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva jispeċifika li regolamenti tekniċi jinkludu ‘il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi … li jipprojbixxu … l-użu ta’ prodott’. Għalhekk projbizzjoni bħal din taqa’ taħt it-tielet kategorija ta’ regolament tekniku, imsemmija fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva u l-paragrafu 7 hawn fuq.

52.      Madankollu, ir-regola in kwistjoni fil-proċeduri nazzjonali donnha tipprojbixxi mhux tant l-użu ta’ prodott iżda, b’mod aktar indirett, il-provvista ta’ servizz li jkollu riperkussjonijiet fuq dak l-użu. Huwa ċar mill-każistika (17) li l-għoti lill-pubbliku ta’ l-opportunità li juża magni tal-logħob ta’ l-ażżard jikkostitwixxi servizz.

53.      Il-Qorti nazzjonali tikkunsidra din il-possibbiltà fit-tieni u t-tielet domandi.

 It-tieni domanda

54.      It-tieni domanda għalhekk hija dwar jekk l-introduzzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ projbizzjoni fuq servizz li taffettwa l-użu ta’ prodott tistax tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skond id-Direttiva.

55.      Fil-verżjoni applikabbli tad-Direttiva, ir-rekwiżit ta’ notifikazzjoni japplika biss għal regolamenti tekniċi li jaffettwaw il-prodotti, u mhux għal dawk li jaffettwaw is-servizzi. Kien biss meta d-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, daħlet fis-seħħ li l-obbligu ġie estiż għal ċerti tipi ta’ servizzi, għalkemm mhux ta’ l-istess tip in kwistjoni f’din il-kawża. (18)

56.      Madankollu, dan il-fatt mhuwiex relevanti f’dan il-każ, peress li l-kwistjoni mhijiex dwar kummerċ ta’ servizzi imma aktar dwar l-effett possibbli ta’ projbizzjoni milli jingħata servizz partikolari fuq il-kummerċ ta’ prodotti. Regola li tipprojbixxi servizz li jagħmel użu minn prodott partikolari kjarament jipprojbixxi wkoll l-użu ta’ dak il-prodott għall-provvista ta’ dak is-servizz. Sakemm il-prodott jista’ jintuża mingħajr restrizzjoni għal għanijiet oħra, il-projbizzjoni għalhekk jista’ jkollha wkoll l-effett jew li tipprojbixxi għal kollox l-użu ta’ dak il-prodott jew li jkun mitlub li dan jikkonforma ma’ ċerti kriterji tekniċi sabiex jintuża għal għan awtorizzat ieħor.

57.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż madankollu jsostni li, skond il-pinċipju accessorium sequitur principale, dispożizzjonijiet li jipprojbixxu jew jillimitaw servizz u għalhekk jaffettwaw l-użu ta’ prodott li huwa aċċessorju neċessarju għall-provvista ta’ dak is-servizz ma jistax jikkostitwixxi regolament tekniku b’rabta mal-prodott innifsu.

58.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fis-sentenza Anomar li filwaqt li l-operazzjoni tal-magni tal-logħob ta’ l-ażżard taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi l-importazzjoni tagħhom taqa’ taħt dawk relattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, minkejja li hemm rabta bejn it-tnejn.(19)

59.      Konsegwentement, għandu jkun possibbli li regola li taffettwa kemm l-operazzjoni tal-magni tal-logħob ta’ l-ażżard kif ukoll l-użu tagħhom (li b’hekk taffettwa l-kummerċ tal-magni) tiġi evalwata fil-kuntest kemm tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fir-rigward ta’ l-ewwel aspett kif ukoll tal-moviment liberu tal-merkanzija (inkluża l-possibbiltà li tista’ tikkostitwixxi regolament tekniku) fir-rigward tat-tieni aspett.

60.      Għalhekk, f’dan il-każ, regola li tipprojbixxi l-organizzazzjoni ta’ logħob ta’ l-ażżard, għall-pubbliku ġenerali u/jew għal profitt, fuq magni tal-logħob ta’ l-ażżard li ma jħallsux direttament il-premjijiet tista’ tiġi kkunsidrata bħala projbizzjoni fuq l-użu ta’ magni bħal dawn jew bħala ħtieġa li l-magni kollha tal-logħob ta’ l-ażżard jiġu manifatturati b’tali mod li jħallsu premjijiet fil-forma ta’ oġġetti, flus kontanti, kupuni, towkins tal-logħob jew oġġetti simili.

61.      Fir-rigward ta’ l-ewwel possibbiltà, il-Gvern tar-Renju Unit jsostni li l-leġiżlazzjoni Żvediża tillimita biss imma ma tipprojbixxix l-użu tal-magni in kwistjoni; għalhekk ma tistax taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ regolament tekniku fuq dik il-bażi.

62.      Iżda jien nemmen li huwa neċessarju li jiġu eżaminati bir-reqqa l-possibbiltajiet ta’ użu li għadhom permessi minkejja l-projbizzjoni.

63.      Safejn tista’, magna tal-logħob ta’ l-ażżard. taqdi l-għan li għalih ġiet maħluqa jekk ma tistax tintuża għall-profitt u ma tistax tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali? Preżumibbilment xi tipi ta’ użu privat jibqgħu permessi, iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-Liġi Żvediża fuq il-Lotteriji tidher li tikkunsidra li klabbs privati jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ ‘pubbliku ġenerali’.(20)

64.      Projbizzjoni fuq l-użu ta’ prodott li ma tikkostitwixxix projbizzjoni fuq il-pussess prattikament qatt ma tista’ tkun projbizzjoni fuq kull użu konċepibbli (magna tal-logħob ta’ l-ażżard tista’ tintuża bħala waqqafa tal-bieb, għalkemm ftit huma dawk li jixtiequ jakkwistaw waħda għal dan il-għan).

65.      Sabiex jiġi kkunsidrat jekk projbizzjoni fuq servizz li taffettwa l-użu ta’ prodott tammontax għal projbizzjoni fuq l-użu ta’ prodott, fl-opinjoni tiegħi huwa neċessarju li jiġi injorat għal kollox kull użu marġinali li l-prodott jista’ jkollu iżda li ma kienx intenzjonat għalih meta ġie manifatturat.(21)  Jekk huwa biss dan l-użu li jibqa’ permissibbli, għandu jiġi kkunsidrat li hemm projbizzjoni fuq l-użu, għal darb’oħra taħt it-tielet kategorija ta’ regolament tekniku, imsemmija fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva u l-punt 7 iktar ‘il fuq.  Jekk min-naħa l-oħra l-użu possibbli li jibqa’ huwa biss limitat, aktar milli purament marġinali, jiena naqbel mal-Gvern tar-Renju Unit li ma hemmx projbizzjoni fuq l-użu għall-għanijiet tad-Direttiva.

66.      Jiena naqbel ukoll mas-suġġeriment tal-Gvern Protugiż, li sar waqt is-seduta, li jekk il-prodott ikkonċernat huwa magna li tista’ tiġi pprogrammata għal funzjonijiet differenti, u l-projbizzjoni tikkonċerna biss waħda minn dawk il-funzjonijiet, f’dan il-każ ukoll ma jkunx hemm projbizzjoni fuq l-użu għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

67.      Fir-rigward tat-tieni possibbiltà – li jinstab li regola li tipprojbixxi l-organizzazzjoni ta’ logħob ta’ l-ażżard fuq magni li ma jħallsux direttament il-premjijiet tikkostitwixxi ħtieġa li l-magni tal-logħob ta’ l-ażżard kollha jiġu manifatturati b’tali mod li jħallsu l-premjijiet – ħafna mill-istess kunsiderazzjoniijiet japplikaw. B’mod partikolari l-possibbiltà ta’ użu purament marġinali li l-prodott jista’ jkollu, iżda li ma kienx intenzjonat għalih meta ġie manifatturat, m’għandhiex tiġi kkunsidrata.

68.      Madankollu, aktar milli jiġi kkunsidrat jekk il-projbizzjoni tas-servizz in kwistjoni tistax titqies bħala waħda li tipprojbixxi għal kollox l-użu ta’ prodott partikolari, wieħed għandu jikkunsidra jekk din tammontax għal projbizzjoni ta’ dak l-użu safejn il-prodott ma jissodisfax ċerti kriterji tekniċi (applikabbli fil-każ ta’ użu ieħor permissibbli). Dan ikun ifisser li teżisti ħtieġa li sabiex ikun jista’ jintuża, il-prodott għandu jissodisfa dawk il-kriterji, u b’hekk jista’ jfisser li l-projbizzjoni tikkostitwixxi speċifikazzjoni teknika li tistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott, li taqa’ taħt l-ewwel kategorija tar-regolament tekniku msemmija f’Artikolu 1(9) tad-Direttiva u fil-paragrafu 5 iktar ’il fuq u ddefinit fl-Artikolu 1(2).

69.      F’din il-kawża, jidhirli li l-ħtieġa li l-magni tal-logħob ta’ l-ażżard jiġu manifatturati b’mod li jħallsu premjijiet skond modalitajiet speċifiċi kjarament taqa’ taħt it-tifsira normali tat-terminu ‘speċifikazzjoni teknika’, u m’hemm xejn li jmur kontra dan fid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

70.      Għalhekk, fejn il-provvista ta’ servizz li tagħmel użu minn prodott partikolari hija pprojbita, b’tali mod li l-użu tal-prodott fil-provvista tas-servizz ikun ipprojbit ukoll, id-domandi li għandhom isiru huma:

–        Jista’ l-prodott jintuża leġittimament għal għan ieħor, li għalih huwa kien intenzjonat ukoll u li mhuwiex purament marġinali?

–        Jekk dan ikun il-każ, huwa biss jekk jissodisfa ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi li jista’ jiġi leġittimament użat biss għal għan bħal dan?

71.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun le, jew ir-riposta għat-tieni domanda tkun iva, il-projbizzjoni tas-servizz tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skond id-Direttiva.

72.      L-evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, imma mill-proċess jidher li x’aktarx jiġi deċiż li r-regola nazzjonali in kwistjoni tikkostitwixxi regolament tekniku li jeħtieġ notifika skond id-Direttiva sakemm fil-fatt ma jeżistux modi kif il-magni in kwistjoni jistgħu jintużaw għal għan li għalih kienu intenzjonati, jiġifieri l-logħob ta’ l-ażżard, u li mhumiex purament marġinali u li ma jeħtiġux li l-magni jiġu manifatturati b’tali mod li jħallsu l-premjijiet.

 It-tielet domanda

73.      It-tielet domanda hija dwar jekk id-definizzjoni mill-ġdid fil-liġi nazzjonali ta’ servizz konness mal-manifattura ta’ prodott tistax tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat, jekk id-definizzjoni l-ġdida taffettwa l-użu tal-prodott.

74.      Mhuwiex sempliċi u lanqas ta’ għajnuna, li wieħed jipprova jwieġeb din id-domanda f’dawn it-termini ġenerali. Għandha tinqara fil-kuntest tagħha, bħala li qed tirreferi għal definizzjoni mill-ġdid ta’ servizz regolat (jiġifieri, wieħed li huwa permess taħt ċerti kundizzjonijiet), li, minħabba l-fatt li għandha x’taqsam mal-manifattura ta’ prodott użat f’dak is-servizz, taffettwa l-użu tal-prodott.

75.      Parti sinjifikattiva tar-risposta għal din id-domanda tirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda. Sakemm servizz huwa ristrett jew ipprojbit b’tali mod li l-użu ta’ prodott partikolari huwa pprojbit jew għal kollox jew sakemm il-prodott ma jissodisfax ċerti kriterji tekniċi, l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni jew projbizzjoni tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat fil-forma ta’ abbozz.

76.      L-element l-ieħor fit-tielet domanda huwa l-fatt li tikkonċerna d-definizzjoni mill-ġdid ta’ servizz aktar milli l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuqu.

77.      Diġà rreferejt għas-sentenza Colim u għat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva(22) li, kif innotat il-Kummissjoni, jindikaw il-metodu li għandu jiġi adottat f’din il-kawża.

78.      Konformement mar-raison d’être tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1), kull definizzjoni mill-ġdid ta’ servizz li jkollha l-effett li tbiddel b’mod sostanzjali l-portata ta’ regolament tekniku, billi żżid speċifikazzjonijiet jew ħtiġijiet, jew billi tagħmel speċifikazzjonijiet jew ħtiġijiet aktar restrittivi kjarament għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, u dan huwa minnu a fortiori jekk id-definizzjoni mill-ġdid fil-fatt tintroduċi regolament tekniku skond id-definizzjoni tad-Direttiva.

79.      U jekk miżura li tirripproduċi jew li tbiddel regolament tekniku eżistenti, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet ġodda jew addizzjonali, mhijiex suġġetta għall-obbligu tan-notifika, jista’ jiġi konkluż a contrario li miżura li ma żżidx speċifikazzjonijiet ġodda jew addizzjonali m’hijiex suġġetta għal dan l-obbligu.

80.      Fi kliem ieħor, huwa l-effett tad-definizzjoni mill-ġdid aktar milli l-fatt li hija definizzjoni mill-ġdid li jiddertima jekk għandhiex tiġi notifikata jew le.

 Ir-raba’ domanda

81.      Finalment, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk

–        il-bidla minn sistema ta' liċenzji għal sistema ta' projbizzjoni

–        il-valur tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni;

–        id-daqs tas-suq tal-prodott jew tas-servizz jew;

–        il-fatt li dispożizzjonijiet ġodda dwar l-użu, għandhom l-effett li jipprojbixxu għal kollox l-użu jew li jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu f'wieħed mill-oqsma ta' użu possibbli

humiex fatturi li jaffettwaw l-obbligu ta’ notifika.

82.      Fir-rigward ta’ l-ewwel u r-raba’ fatturi, ir-risposta tidher ċara minn dak kollu li diġà ntqal.

83.      L-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-użu ta’ prodott taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva, filwaqt li restrizzjoni li xorta tippermetti li prodott jintuża b’modi oħra li mhumiex purament marġinali ma taqax taħtu.

84.      F’dan ir-rigward, ma jidhirx li huwa relevanti jekk l-użu li issa sar ipprojbit kienx awtorizzat preċedentement mingħajr restrizzjoni jew jekk kienx suġġett għal ħtieġa ta’ liċenzja, peress li d-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività għal awtorizzazzjoni minn qabel m’humiex regolamenti tekniċi.(23)

85.      It-tieni u t-tielet fatturi msemmija jidher li jqajmu l-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ eċċezzjoni de minimis għall-ħtieġa ta’ notifika.

86.      Kif issostni l-Kummissjoni, id-Direttiva ma tispeċifikax eċċezzjonijiet bħal dawn ħlief forsi xi waħda territorjali li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 1(9): speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġijiet oħra li l-osservanza tagħhom mhijiex obbligatorja fil-parti l-kbira ta’ Stat Membru ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ regolament tekniku. Peress li m’hemm ebda suġġeriment li l-projbizzjoni in kwistjoni hija b’xi mod limitata fuq il-livell territorjali, dan l-aspett mhuwiex relevanti f’din il-kawża.

87.      Barra minn hekk, sew jekk hemm jew jekk m’hemmx lok għal regola de minimis meta tkun qed tiġi determinata l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-kummerċ – u l-Qorti tal-Ġustizzja spiss iddeċidiet li mhemmx lok – approċċ bħal dan ma jidhirx xieraq fil-kuntest ta’ sistema ta’ kontroll preventiv, peress li s-sistema hija maħsuba b’mod partikolari sabiex tippermetti li l-effett attwali u potenzjali fuq il-kummerċ jiġi evalwat. F’kull każ, mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jidher li tressqu numru ta’ lmenti mill-operaturi, manifatturi u importaturi Żvediżi tal-magni tal-logħob ta’ l-ażżard tat-tip in kwistjoni, dwar l-effetti restrittivi ta’ l-emenda ta’ l-1996. Sitwazzjoni bħal din turi li huma x’inhuma l-effetti, mhumiex insinjifikanti.

 Rimarki finali

88.      Fuq il-bażi ta’ l-analiżi li jiena qiegħed nipproponi, jidher possibbli li, bla ħsara għal investigazzjoni fattwali ulterjuri li tista’ tirriżulta neċessarja, il-qorti nazzjonali ser issib li l-emenda ta’ l-1996 tikkostitwixxi regolament tekniku skond id-definizzjoni tad-Direttiva.

89.      F’dan il-każ, isegwi minn każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li, billi l-emenda ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skond id-Direttiva, il-qrati nazzjonali m’għandhomx japplikawha.

90.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi għandu jkun hemm xi limiti għal dak l-obbligu li miżuri bħal dawn ma jiġux applikati.

91.      Per eżempju, jien nibqa’ ta’ l-opinjoni li huwa diffiċli li wieħed jadotta dak l-approċċ f’ċerti proċedimenti bejn individwi, (24) u diġà rreferejt għall-opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo li huma biss dawk ir-regoli li x’aktarx ifixklu l-użu jew l-ikkummerċjalizzar ta’ prodott speċifiku li għandhom jiġi dikjarati inapplikabbli.(25)

92.      Madankollu, ma jidhirx li ntlaħqu limiti bħal dawn f’din il-kawża, li kjarament taqa’ taħt l-iskop tal-ħafna sentenzi li kkonkludew li dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli ma’ Direttiva vinkolanti fuq Stat Membru ma jistgħux jiġu inforzati kontra individwu, u li tikkonċerna regola li mingħajr dubju tista’ tfixkel l-użu u l-ikkummerċjalizzar ta’ prodott speċifiku.

93.      Din il-kawża lanqas ma tista’ titqabbel mal-kawża Lemmens, (26) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li nuqqas ta’ notifika ta’ regolament tekniku dwar tagħmir għall-analiżi tan-nifs ma jistax jintuża bħala difiża kontra akkuża kriminali miġjuba taħt dispożizzjoni oħra iżda bbażata fuq evidenza miksuba b’tagħmir awtorizzat skond ir-regolament in kwistjoni. Hawnhekk, il-proċeduri huma għall-ksur tar-regolament mhux innotifikat innifsu u għandu jkun possibbli li n-nuqqas ta’ notifika jitqajjem fid-difiża.

 Konklużjoni

94.      Konsegwentement jiena ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti dawn ir-rispsoti lill-Högsta Domstolen:

(1)      L-introduzzjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ prodott tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi.

(2)      L-introduzzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ projbizzjoni fuq servizz li taffettwa l-użu ta’ prodott tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skond id-Direttiva 83/189 jekk l-effett tal-projbizzjoni huwa li:

–        il-prodott ma jista’ bl-ebda mod jintuża leġittimament għal kwalunkwe għan li huwa intenzjonat għalih u li mhuwiex purament marġinali,

jew li

–        il-prodott jista’ leġittimament jintuża għal dan il-għan biss jekk jissodisfa ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi.

(3)      Id-definizzjoni mill-ġdid fil-liġi nazzjonali ta’ servizz konness mal-manifattura ta’ prodott tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikata skond id-Direttiva 83/189 jekk id-definizzjoni l-ġdida taffettwa l-użu ta’ prodott fi kwalunkwe manjiera msemmija hawn fuq.

(4)      Il-bidla minn sistema ta’ liċenzji għal sistema ta’ projbizzjoni fil-liġi nazzjonali hija suġġetta għal-istess obbligu ta’ notifika bħall-introduzzjoni ta’ projbizzjoni.

(5)      Fatturi bħaż-żieda jew tnaqqis fil-valur tal-prodott jew servizz affettwat, jew id-daqs tas-suq tiegħu, m’humiex relevanti għall-obbligu tan-notifika.


1 – Lingwa originali: l-Ingliż.


2 Fiż-żmien tal-fatti ta’ din il-kawża, jiġifieri fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet adottati fl-1996, il-verżjoni applikabbli kienet id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi, ĠU L 109, 1983, p. 8, kif emendata mid-Direttiva 88/182/KE tat-22 ta’ Marzu 1988, ĠU L 81, 1988, p. 75, u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/10/KE, tat-23 ta' Marzu 1994, ĠU L 100, 1994, p. 30, iktar 'il quddiem "id-Direttiva".


3  – Ara t-tieni sas-seba’ premessi.


4  – Ara per eżempju s-sentenzi tat-20 ta’ Marzu 1997, Bic Benelux (C-13/96, Ġabra p. I-1753, punt 19; u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Sapod Audic (C-159/00, Ġabra p. I-5031, punt 34).


5 – Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika, ĠU L 204, 1998, p. 37.


6  – Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 1998, ĠU L 217, 1998, p. 18.


7  – Ara Direttiva 98/48, Artikolu 1(2).


8  – Sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C-194/94, Ġabra p. I-2201, punti 54 u 55, u l-punt 2 tad-dispożittiv).


9  – Ara l-punt 48 tal-Konklużjoni tiegħi fi Sapod Audic, ċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 4.


10  – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 8, punt 48 tas-sentenza.


11  – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001 (C-278/99, Ġabra p. I-2015 punti 17 u 23), ara wkoll il-punti 20 sa 24 tal-Konklużjoni.


12  – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998 (C-226/97, Ġabra p. I-3711, punt 36).


13  – Qabbel is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998 (C-284/95, Ġabra p. I-4301, punti 29 sa 32).


14  – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomaret (C-6/01, Ġabra p. I-8621, punti 62 sa 75).


15  – Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 1999 (C-33/97, Ġabra p. I-3175, punt 22).


16  – Ara l-Artikoli 3, 7, 8, 23 u 129(3) tal-Ftehim ŻEE, flimkien mal-punt 11 tal-Protokoll 1 u l-punt 1 tal-kapitolu XIX ta’ l-Anness II tiegħu, ĠU 1994 L 1, p. 3, p. 9 sa 11, 30, 38, 263 u 313 sa 315.


17  – Ara per eżempju s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Lääräet (C-124/97, Ġabra p. I-6067), u Anomar et, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 14, b’mod partikolari l-punt 56 tas-sentenza.


18  – Ara l-punt 13 iktar ‘il fuq.


19  – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 14, punt 55 tas-sentenza.


20  – L-Artikolu 1 tal-Liġi, it-tieni paragrafu.


21  – Qabbel ma’ Lemmens, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 12, fil-punt 25 tas-sentneza.


22 Ara l-punti 46 u 47 iktar ‘il fuq.


23  – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 45).


24  – Ara l-punti 99 sa 102 tal-Konklużjoni tiegħi fil-kawża Unilever (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, C-443/98, Ġabra p. I-7535).


25  – Nota 11 iktar ‘il fuq.


26  – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota 12.