Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Marzu 2011 - GS vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-149/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: GS Gesellschaft für Umwelt- und Energie-Serviceleistungen mbH (Eigeltingen, il-Ġermanja) (rappreżentant: J. Schmidt, avukat)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 2010, li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

Id-dispożizzjoni kkontestata tikser l-Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 1 jippreġudika l-eżerċizzju liberu tal-professjoni tagħha kif ukoll il-libertà tal-intrapriża tagħha inkwantu, sa minn meta r-regolament ikkontestat daħal fis-seħħ, hija sostniet telf ta' dħul mill-bejgħ.

Id-dispożizzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 jippreġudika wkoll id-drittijiet ta' proprjetà tagħha sa fejn din id-dispożizzjoni tillimita d-dritt tagħha li teżerċita attività kummerċjali.

Barra minn hekk, id-dispożizzjoni kkontestata trendi possibbli dannu dirett għall-beni tar-rikorrenti sa fejn il-muniti tal-euro fil-pussess tagħha huma rtirati mingħandha mingħajr rimbors.

Id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex dik xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż mil-leġiżlatur u hija sproporzjonata meta mqabbla ma' dan l-għan.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-eżerċizzju liberu tal-professjoni, il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet biss sa fejn dawn jipprevedu b'mod reali għanijiet ta' interess ġenerali u sa fejn dawn ma jikkostitwixxux preġudizzju sproporzjonat meta mqabbla mal-għan intiż. Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-dispożizzjoni kkontestata hija superfluwa, ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż mil-leġiżlatur u li, fuq kollox, din tikkostitwixxi ostaklu. Minħabba f'hekk din hija sproporzjonata u ma tistax tiġġustifika preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

____________

1 - Regolament (UE) Nru 20/200 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' Diċembru 200, li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, p. ).