Language of document : ECLI:EU:T:2014:47

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

21 ta’ Jannar 2014 (*)

“Rikors għal annullament — Persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat — Assenza ta’ prova ta’ eżistenza ġuridika — Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża T‑168/13,

European Platform Against Windfarms (EPAW), irrappreżentata minn C. Kiss, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn K. Herrmann u P. Oliver, wara minn L. Pignataro Nolin, Herrmann et M. J. Tomkin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata, “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija”, tas-6 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2013 li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti intiża li hija teżamina mill-ġdid l-imsemmija komunikazzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti, il-European Platform Against Windfarms (EPAW), ippreżentat dan ir-rikors.

2        B’ittri tal-4 u tal-25 ta’ April kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2013, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex jiġi rregolat ir-rikors, minn naħa, dokumenti li jippermettu li tiġi vverifikata, skont l-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, l-eżistenza ġuridika tar-rikorrenti bħala persuna ġuridika stabbilita fl-indirizz indikat fir-rikors u, min-naħa l-oħra, il-prova li l-mandat mogħti mir-rikorrenti lill-avukat tagħha kien ġie stabbilit b’mod regolari minn rappreżentant ikkwalifikat biex jagħmel dan, skont l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

3        Ir-rikorrenti wieġbet l-ittri tal-4 ta’ April u tal-14 ta’ Mejju 2013 fit-termini stabbiliti, permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-19 ta’ April u fit-30 ta’ Mejju 2013 rispettivament.

4        Fis-26 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Qorti Ġenerali tissospendi din il-kawża, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fil-Kawżi C‑401/12 P, Il-Kunsill vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑402/12 P, Il-Parlament vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑403/12 P, Il-Kummissjoni vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑404/12 P, Il-Kunsill vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, u C‑405/12 P, Il-Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar din it-talba fit-terminu stabbilit. B’deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2013, din it-talba ġiet miċħuda.

5        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata, “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija”, tas-6 ta’ Ġunju 2012

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2013 li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tagħha intiża sabiex l-imsemmija komunikazzjoni terġa’ tiġi eżaminata.

6        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

7        Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

8        F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li ma hemmx lok li titkompla l-proċedura.

9        L-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, ippreżentat minn entità abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tiddependi qabelxejn mill-kwalità tal-persuna ġuridika ta’ din tal-aħħar.

10      Skont l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-rikorrenti tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, hija għandha tehmeż mar-rikors tagħha l-istatuti tagħha jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru tal-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tagħha, kif ukoll il-prova li l-mandat mogħti lill-avukat tiegħu ngħata b’mod korrett minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

11      F’din il-kawża, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar ir-regolarità tal-mandat mogħti lill-avukat tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors, kif ippreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2013, ma huwiex konformi mal-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrenti la hemżet mar-rikors l-istatuti tagħha, u lanqas hemżet estratt reċenti mir-reġistru tal-assoċjazzjonijiet jew kwalunkwe prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tagħha.

12      Barra minn hekk, minkejja t-talbiet ta’ regolarizzazzjoni li ntbagħtulha mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda att ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ġuridika tagħha. Hija sempliċement ifformulat żewġ sensiela ta’ argumenti li jistgħu, fil-fehma tagħha, juru li hija kellha personalità ġuridika. Issa, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

13      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, filwaqt li tammetti li ma hija rreġistrata fl-ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tqis li, peress li hija prinċipalment bbażata fl-Irlanda, għandha titqies li għandha personalità ġuridika taħt id-dritt Irlandiż, għaliex dan ma jistabbilixxi l-ebda obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(4)(c) sa (e) tal-Planning and Development Act 2000 [l-Att tal-2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (infrastruttura strateġika)], kif emendat bil-Planning and Development (Strategic Infrastructure) Act 2006 [Att tal-2006 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (infrastruttura strateġika)] (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp tal-2000, kif emendata”)]. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreċiża li, kuntrarjament għall-indirizz imsemmi fir-rikors, is-sede tagħha tinsab, de facto, fl-Irlanda. L-indikazzjoni fir-rikors ta’ indirizz fi Franza hija żbaljata, peress li dan l-indirizz jikkorrispondi għal dak tal-president tagħha u għas-sede ta’ organizzazzjoni mhux governattiva, irreġistrata fi Franza, li tifforma parti mill-membri tagħha.

14      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 37(4)(c) tal-Liġi dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp tal-2000, kif emendata, entità jew korp privat li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-istess dispożizzjoni (d), jista’ jadixxi lill-Bord Pleanála, awtorità kważi ġudizzjarja, b’kontestazzjoni dwar deċiżjonijiet meħuda wara li tkun tressqet talba għal żvilupp (application for development). F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 37(4)(d) ta’ din l-istess liġi jirriżulta li l-entità jew il-korp inkwistjoni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-tfittxija ta’ għanijiet ta’ promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent matul perijodu ta’ tnax-il xahar qabel ma jiġi adit il-Bord Pleanála, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti, li huma b’mod partikolari l-pussess ta’ personalità ġuridika speċjali u l-issuġġettar għal statut jew għal regoli, mill-Ministru tal-Ambjent, tal-Patrimonju u tal-Amministrazzjonijiet lokali Irlandiżi, skont l-Artikolu 37(4)(e) tal-Liġi dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp tal-2000, kif emendata.

15      Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-provi tal-proċess, sas-26 ta’ Ottubru 2010, l-ebda kundizzjoni addizzjonali ma kienet ġiet stabbilita mill-Ministru tal-Ambjent, tal-Patrimonju u tal-Amministrazzjonijiet lokali Irlandiżi abbażi tal-Artikolu 37(4)(e) tal-Liġi dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp tal-2000, kif emendata. Barra minn hekk, f’din id-data, ma kien hemm l-ebda abbozz intiż li jistabbilixxi tali kundizzjonijiet addizzjonali.

16      Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu jaqgħu taħt leġiżlazzjoni settorjali dwar l-ippjanar u l-iżvilupp, fil-qasam kopert minnhom, dawn sempliċement jagħtu lill-entitajiet inkwistjoni dritt limitat u speċifiku li jaġixxu quddiem istanza waħda biss, f’dan il-każ, il-Bord Pleanála.

17      Issa, dritt ta’ aġir limitat, bħal dak li tibbenefika minnu r-rikorrenti, u barra minn hekk quddiem entità li n-natura ġudizzjarja tagħha ma hijiex stabbilita b’mod sħiħ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti għandha, abbażi tad-dritt Irlandiż, personalità ġuridika rregolata mid-dritt komuni li tawtorizzaha, fl-assenza ta’ kull prova dokumentali dwar l-eżistenza ġuridika tagħha, tadixxi l-qrati tal-Unjoni b’rikors abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jiġi preżunt li s-sede tar-rikorrenti tinsab fl-Irlanda u li l-indikazzjoni tal-indirizz fi Franza fir-rikors sempliċement tikkostitwixxi żball, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-liġi Irlandiża msemmija fil-punti 13 sa 15 iktar ’il fuq, fl-assenza ta’ kull element ieħor li jista’ juri l-personalità ġuridika tar-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita, skont l-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-prova tal-eżistenza ġuridika tagħha.

19      Din il-prova ma hijiex stabbilita permezz tal-iskrizzjoni tar-rikorrenti fir-reġistru ta’ trasparenza tal-Unjoni. Anki jekk jiġi preżunt li din l-iskrizzjoni tistabbilixxi li r-rikorrenti hija, kif hija tippretendi, organizzazzjoni eżistenti, ibbażata fl-Irlanda, xorta jibqa’ l-fatt li l-iskrizzjoni fl-imsemmi reġistru ma hijiex suġġett għall-eżistenza tal-personalità ġuridika tal-entità inkwistjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 14 tal-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta’ “Reġistru tat-Trasparenza” għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE (ĠU 2011, L 191, p. 29), tat-23 ta’ Ġunju 2011. Skont l-imsemmi paragrafu 14, fil-fatt, “[n]etwerks, pjattaformi jew forom oħrajn ta’ attività kollettiva mingħajr status ġuridiku jew personalità ġuridika imma li jkunu jikkostitwixxu sors de facto ta’ influwenza organizzata u li jkunu involuti f’attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġistru huma mistennija jirreġistraw”.

20      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Jannar 2013, imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13). Minn dan hija tiddeduċi li kellha l-awtorizzazzjoni li tressaq talba għal eżami mill-ġdid intern, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, u, konsegwentement, li tadixxi lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament tad-deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

21      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

22      Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament hija awtorizzata li tressaq talba għal eżami mill-ġdid intern quddiem l-istituzzjoni tal-Unjoni li adottat att amministrattiv taħt id-dritt dwar l-ambjent. L-Artikolu 11(1) tal-istess regolament jistabbilixxi f’dan ir-rigward erba’ kundizzjonijiet. Skont l-ewwel kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-organizzazzjoni inkwistjoni għandha tkun persuna ġuridika indipendenti u mingħajr skop ta’ lukru skont il-prassi jew id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru. Issa, kif diġà ntqal, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-personalità ġuridika tagħha ġiet irrikonoxxuta abbażi tad-dritt jew tal-prassi ta’ Stat Membru.

23      Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċert mill-ġurisprudenza li, fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, rikorrenti jkollha l-kwalità ta’ persuna ġuridika jekk hija tikseb, sal-iktar tard sal-mument li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jiskadi, il-personalità ġuridika skont id-dritt applikabbli għall-kostituzzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, Ġabra p. 3991, punti 7 u 8), jew jekk hija tqieset mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala entità ġuridika indipendenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il-Kunsill, T‑161/94, Ġabra p. II‑695, punt 31, u tal-25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑170/94, Ġabra p. II‑1383, punt 26; ara, fir-rigward ta’ assoċjazzjonijiet professjonali ta’ uffiċjali, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il-Kunsill, 175/73, Ġabra p. 917, punti 11 sa 13, u Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il-Kummissjoni, 18/74, Ġabra p. 933, punti 7 sa 9).

24      Madankollu, sa fejn, kif espost bl-argument fil-punt 20 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tixtieq tibbenefika mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk rikorrent tqisx minn istituzzjoni bħala entità ġuridika indipendenti, li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, fis-sentenzi Union syndicale – Service public européen et vs Il-Kunsill u Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, tliet fatturi, jiġifieri, l-ewwel nett, ir-rappreżentattività tal-entità inkwistjoni, it-tieni nett, l-awtonomija tagħha, meħtieġa biex taġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet legali, kif iggarantiti mill-istruttura interna tagħha skont l-istatuti tagħha, u, it-tielet nett, il-fatt li l-istituzzjoni tal-Unjoni rrikonoxxiet l-entità inkwistjoni bħala interlokutriċi (sentenzi Union syndicale – Service public européen et vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punti 10 sa 13, u Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 6 sa 9).

25      Issa, f’din il-kawża, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rappreżentattività tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni minnha tal-istatuti tagħha jew ta’ kull dokument ieħor dwar il-kostituzzjoni tagħha u l-mod ta’ funzjonament intern tagħha, minkejja tliet talbiet ta’ regolarizzazzjoni tar-rikors ippreżentati mill-Qorti Ġenerali, il-proċess ma jinkludi l-ebda prova li turi li hija kienet tgawdi mill-awtonomija meħtieġa sabiex taġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi.

26      Ċertament, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1367/2006. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, imfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern imressqa skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolamenti kif ukoll skont messaġġ elettroniku li r-rikorrenti kienet sussegwentement bagħtitilha, li din tal-aħħar kienet persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru rreġistrata fi Franza. Madankollu, dan it-trattament ingħata minħabba komunikazzjoni, mibgħuta mir-rikorrent istess, ta’ informazzjoni żbaljata dwar l-indirizz tagħha. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-imsemmija informazzjoni, qieset lir-rikorrenti bħala entità ġuridika indipendenti fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun ta’ natura li juri l-kwalità tagħha ta’ persuna ġuridika.

27      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

28      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      European Platform Against Windfarms (EPAW) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Lussemburgu, 21 ta’ Jannar 2014

E. Coulon

 

      M. E. Martins Ribeiro

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.