Language of document : ECLI:EU:T:2005:125

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

13 ta' April 2005 (*)

"Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Applikazzjoni fir-rigward ta' numru kbir ħafna ta' dokumenti – Rifjut totali ta' aċċess – Obbligu li jsir eżami konkret u individwali – Eċċezzjonijiet"

Fil-kawża T-2/03,

Verein für Konsumenteninformation, stabbilita fi Vjenna (L-Awstrija), irrappreżentata minn A. Klauser, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Rating u P. Aalto, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Bank für Arbeit und Wirtschaft AG, stabbilita fi Vjenna, irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u minn

Österreichische Volksbanken AG, stabbilita fi Vjenna,

u

Niederösterreichische Landesbank-Hypothekenbank AG, stabbilita f'Sankt Pölten (L-Awstrija),

irrappreżentati minn R. Roniger, A. Ablasser u W. Hemetsberger, avocats,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2002, D (2002) 330472, dwar applikazzjoni għal aċċess għall-fajl amministrattiv fil-każ COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki – "Lombard Club",

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger, P. Mengozzi, M. E. Martins Ribeiro u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE. Dan ir-regolament beda japplika mit-3 ta' Diċembru 2001.

2        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/ KE, KEFA, Euratom, tal-5 ta' Diċembru 2001, li temenda r-regoli ta' proċedura (ĠU L 345, p. 94), ħassret id-Deċiżjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta' Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), li kienet tassigura l-implementazzjoni, fir-rigward tal-Kummissjoni, tal-kodiċi ta' kondotta dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41, aktar 'il quddiem il-"kodiċi ta' kondotta").

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li:

"1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandu dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, k[u]ndizzjonijiet u limiti stipulati f'dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għand[u] jgħodd [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f'kull qasam ta' attività ta' l-Unjoni Ewropea.

[…]"

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi ċerti definizzjonijiet fit-termini segwenti:

"Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

(a) "dokument" tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f'forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni ta' ħoss, viżiv[a] jew awdjoviż[a]) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta' responsabbiltà ta' l-istituzzjoni;

(b) "parti terza" tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi."

5        Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkonċerna l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess imsemmi aktar 'il fuq:

"1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

[…]

(b) il-privatezza u l-integrità ta' l-individwu, b'mod partikolari skond il-legi[ż]lazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' data personali.

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

–        interessi kummerċjali ta' persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta' spezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3. Aċċess għa[l ]dokument, miktub minn istituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn istituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni [tkun għadha] ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni, jekk m'hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għa[l ]dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkon[ċ]ernat[a] għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni, jekk m'hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4. Fir-rigward ta' dokumenti ta' partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika[x] eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, [sakemm ma jkunx] ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi żvelat.

[…]

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-Verein für Konsumenteninformation (aktar 'il quddiem il-"VKI" jew ir-"rikorrenti") hija assoċjazzjoni ta' konsumaturi stabbilita taħt id-dritt Awstrijak. Sabiex jiffaċilitalha l-missjoni tagħha li tħares l-interessi tal-konsumaturi, id-dritt Awstrijak jirrikonoxxi lill-VKI l-fakultà li tressaq proċedimenti quddiem il-qrati ċivili Awstrijaki sabiex tiddefendi ċerti drittijiet ta' natura finanzjarja tal-konsumaturi li dawn ikunu assenjawlha minn qabel.

7        Permezz tad-Deċiżjoni 2004/138/KE, tal-11 ta' Ġunju 2002, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE (fil-każ COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki – "Lombard Club") (ĠU 2004, L 56, p. 1), il-Kummissjoni kkunsidrat li tmien banek Awstrijaki kienu pparteċipaw, għal diversi snin, fil-kartell magħruf bħala "Lombard Club" li kien ikopri kważi t-territorju Awstrijak kollu (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Lombard Club"). Skond il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' dan il-kartell, il-banek ikkonċernati kienu, b'mod partikolari, iddeterminaw flimkien ir-rati ta' l-interessi għal ċerti investimenti u krediti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni imponiet emendi, b'ammont totali ta' EUR 124.26 miljun, fuq dawn il-banek, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, il-Bank für Arbeit und Wirtschaft AG (aktar 'il quddiem il-"BAWAG"), l-Österreichische Volksbanken AG (aktar 'il quddiem l-"ÖVAG") u n-Niederösterreichische Landesbank-Hypothekenbank AG (aktar 'il quddiem in-"NÖ-Hypobank").

8        Bħalissa, il-VKI qiegħda tmexxi diversi proċeduri kontenzjużi kontra l-BAWAG quddiem il-qrati Awstrijaki. Fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri, il-VKI qiegħda ssostni li, minħabba aġġustament inkorrett tar-rati ta' l-interessi applikabbli għall-krediti b'interess varjabbli mogħtija mill-BAWAG, din ta' l-aħħar iffatturat lill-klijenti tagħha interessi għoljin wisq għal diversi snin.

9        Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Ġunju 2002, ir-rikorrenti talbet awtorizzazzjoni mingħand il-Kummisjoni sabiex tikkonsulta l-fajl amministrattiv dwar id-Deċiżjoni Lombard Club (aktar 'il quddiem il-"fajl Lombard Club"). In sostenn ta' l-applikazzjoni tagħha, il-VKI indikat, b'mod partikolari, li, sabiex tikseb kumpens u interessi għall-konsumaturi li kienet qiegħda taġixxi f'isimhom, hija kellha tkun f'pożizzjoni li tressaq allegazzjonijiet konkreti dwar l-illegalità ta' l-imġiba tal-BAWAG fir-rigward tad-dritt dwar il-kompetizzjoni kif ukoll dwar l-effetti ta' din l-imġiba. Għal dan il-għan, il-konsultazzjoni tal-fajl Lombard Club kienet tkunilha ta' għajnuna importanti, jekk mhux indispensabbli.

10      Permezz ta' ittra tat-3 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni talbet lill-VKI tippreċiża l-applikazzjoni tagħha u, b'mod aktar partikolari, il-bażi legali tagħha. B'risposta għal din l-ittra, il-VKI ppreċiżat, permezz ta' ittra tat-8 ta' Lulju 2002, li l-applikazzjoni tagħha kienet ibbażata, b'mod partikolari, fuq l-Artikolu 255(1) u (2) KE, fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, fuq id-dispożizzjonijiet li jimplementaw dan ir-regolament u fuq l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU C 364, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Karta tad-Drittijiet Fundamentali"), kif ukoll fuq l-Artikoli 5 KE u 10 KE.

11      Fl-24 ta' Lulju 2002, waqt laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-VKI qajmu l-possibbiltà li r-rikorrenti torbot lilha nfisha, bil-miktub, li tuża l-informazzjoni miktuba bl-iskop biss li tiddefendi d-drittijiet tal-konsumaturi fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali kontra l-BAWAG.

12      Permezz ta' ittra tat-12 ta' Awwissu 2002, il-VKI kkompletat l-applikazzjoni tagħha filwaqt li kkonfermat li hija kienet ippreparata tintrabat bl-impenn imsemmi fil-laqgħa ta' l-24 ta' Lulju 2002.

13      Permezz ta' ittra tat-12 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, ċaħdet l-applikazzjoni tal-VKI fl-intier tagħha.

14      Fit-26 ta' Settembru 2002, il-VKI ppreżentat applikazzjoni konfermatorja fis-sens ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fejn, filwaqt li sostniet it-talba tagħha, ippreċiżat, b'mod partikolari, li hija ma kinitx prinċipalment interessata fid-dokumenti interni tal-Kummissjoni.

15      Fl-14 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet din l-applikazzjoni konfermatorja u indikat lir-rikorrenti li, minħabba n-numru ta' dokumenti mitluba, it-terminu preskritt biex tingħata risposta, applikabbli għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni tagħha, kien ġie estiż bi ħmistax-il jum ta' xogħol.

16      Fit-18 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni D(2002) 330472 dwar applikazzjoni għal aċċess għall-fajl amministrattiv fil-każ COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki – "Lombard Club" (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Id-deċiżjoni kkontestata tikkonferma d-deċiżjoni ta' rifjut tat-12 ta' Settembru 2002.

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, qasmet id-dokumenti tal-fajl Lombard Club, minbarra d-dokumenti interni, fi ħdax-il kategorija distinta. Apparti d-dokumenti interni, dan il-fajl fih aktar minn 47,000 paġna.

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni spjegat fid-dettal ir-raġunijiet li għalihom, skondha, kull waħda mill-kategoriji identifikati qabel kienet koperta minn waħda jew minn diversi mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

19      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li, fil-każijiet fejn l-applikazzjoni ta' ċerti eċċezzjonijiet kienet titlob li jitwieżnu l-interessi in kwistjoni, il-VKI ma kinitx sostniet interess pubbliku akbar ta' natura li jiġġustifika l-aċċess mitlub.

20      Fir-raba' lok, il-Kummissjoni elenkat ir-raġunijiet li għalihom aċċess parzjali ma kienx possibbli f'dan il-każ. Skond il-Kummissjoni, l-eżami dettaljat ta' kull dokument, meħtieġ fid-dawl ta' eventwali konsultazzjoni parzjali, kien ifisser volum ta' xogħol eċċessiv u sproporzjonat għaliha.

21      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li konsultazzjoni ta' partijiet terzi sabiex jitqies jekk id-dokumenti li tagħhom dawn il-partijiet huma l-awturi għandhomx ikunu żvelati ma kinitx meħtieġa f'dan il-każ peress li, skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, kien ċar li dawn id-dokumenti ma kellhomx jiġu żvelati.

22      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tar-rikorrenti għal aċċess kellha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

23      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Jannar 2003, il-VKI ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta' att separat ippreżentat fl-istess jum, hija talbet li r-rikors jiġi deċiż permezz ta' proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

24      Permezz ta' att separat ippreżentat fit-8 ta' Jannar 2003, il-VKI għamlet talba għal għajnuna legali.

25      Fl-20 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal proċedura mħaffa.

26      L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li lilha kienet attribwita l-kawża permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 2003, ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Jannar 2003, li kienet innotifikata lir-rikorrenti fil-ġurnata ta' wara.

27      Fit-18 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal għajnuna legali.

28      Fl-10 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

29      It-talba tar-rikorrenti għal għajnuna legali ġiet miċħuda permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Marzu 2003.

30      Permezz ta' ittra ta' l-1 ta' April 2003, ir-rikorrenti rrinunzjat milli tippreżenta replika.

31      Fil-15 ta' April 2003, il-BAWAG ippreżentat talba sabiex titħalla tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-Renju ta' l-Iżvezja u r-Repubblika tal-Finlandja talbu, fis-16 u fil-25 ta' April 2003 rispettivament, sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-VKI. Finalment, fid-29 ta' April 2003, l-ÖVAG u n-NÖ-Hypobank ressqu talba konġunta sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

32      Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Awwissu 2003, ġie ammess l-intervent tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. F'dan l-istess digriet, ġie ammess l-intervent ta', minn naħa, il-BAWAG, u min-naħa l-oħra, ta' l-ÖVAG u tan-NÖ-Hypobank, in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

33      Peress li dawn it-talbiet kienu ġew ippreżentati fit-terminu previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti, skond l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura, irċevew kopja ta' l-atti kollha tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet.

34      Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja ppreżentaw, fl-10 u fit-12 ta' Settembru 2003, rispettivament, talbiet sabiex jirtiraw l-intervent tagħhom.

35      Fis-26 ta' Settembru 2003, il-BAWAG, minn naħa, u l-ÖVAG u n-NÖ-Hypobank, min-naħa l-oħra, ippreżentaw is-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħhom.

36      Peress li l-VKI u l-Kummissjoni ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar it-talbiet ta' rtirar ippreżentati mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju ta' l-Iżvezja, il-President ta' l-Ewwel Awla, permezz ta' digriet tas-6 ta' Novembru 2003, ħassar l-interventi ta' dawn il-partijiet intervenjenti mill-proċess ta' din il-kawża u ordna li l-VKI u l-Kummissjoni kellhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess fir-rigward ta' dawn l-interventi.

37      Fl-14 ta' Novembru 2003 ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar is-sottomissjonijiet ta' l-intervent filwaqt li dawk tal-Kummissjoni kienu ppreżentati fil-11 ta' Novembru 2003.

38      Bis-saħħa ta' l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta ta' l-Ewwel Awla, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, wara li semgħet il-partijiet skond l-Artikolu 51 ta' dawn ir-regoli, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ta’ ġudikanti estiż.

39      Abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet numru ta' domandi bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-partijiet intervenjenti.

40      Fis-6 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti wieġbu bil-miktub għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

41      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-28 ta' Settembru 2004.

 It-talbiet tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna l-produzzjoni u twettaq eżami tal-fajl in kwistjoni sabiex tistabbilixxi l-fondatezza tat-talbiet tal-VKI;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

44      Il-BAWAG, in sostenn tal-Kummissjoni, qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-parti intervenjenti.

45      Finalment, l-ÖVAG u n-NÖ-Hypobank, in sostenn tal-Kummissjoni, qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-kuntest tal-kawża u fuq l-ammissibbiltà u ċerti argumenti mqajma mill-partijiet intervenjenti

46      Huwa stabbilit li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

47      Barra minn hekk, ir-rikors tal-VKI huwa essenzjalment ibbażat fuq sitt motivi. Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, il-VKI qiegħda ssostni li huwa inkompatibbli mad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti u, b'mod partikolari, mar-Regolament Nru 1049/2001, li jkun miċħud l-aċċess għal fajl amministrattiv fl-intier tiegħu mingħajr ma qabel ikunu eżaminati b'mod konkret kull wieħed mid-dokumenti li jkunu jinsabu f'dan il-fajl. Fit-tieni motiv tagħha, il-VKI qiegħda tallega li l-Kummissjoni applikat jew interpretat b'mod żbaljat diversi mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fit-tielet motiv tagħha, il-VKI qiegħda targumenta li l-Kummissjoni kkonkludiet illegalment li, jekk jitwieżnu l-interessi in kwistjoni, ir-riżultat ma jkunx favur l-iżvelar tal-fajl amministrattiv imsemmi fl-applikazzjoni. Fir-raba' motiv tagħha, il-VKI qiegħda ssostni li l-Kummissjoni kien imissha, minn ta' l-anqas, tatha aċċess parzjali għall-fajl. Permezz tal-ħames motiv tagħha, il-VKI qiegħda tallega li n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-banek li huma l-awturi ta' ċerti dokumenti jammonta għal ksur ta' l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001. Finalment, fis-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti qiegħda ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 225 KE, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikoli 5 KE u 10 KE.

48      Fis-sottomissjonijiet ta' l-intervent rispettivi tagħhom, il-BAWAG, minn naħa, u l-ÖVAG u n-NÖ-Hypobank, min-naħa l-oħra, qajmu diversi argumenti (aktar 'il quddiem l-"argumenti addizzjonali") intiżi sabiex jipprovaw, fl-ewwel lok, li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika biss għad-dokumenti prodotti matul il-proċess leġiżlattiv Komunitarju, fit-tieni lok, li d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw każijiet ta' kompetizzjoni kien, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, irregolat biss mir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), fit-tielet lok, li assoċjazzjoni li tgawdi minn personalità ġuridika taħt dritt pubbliku m'għandhiex id-dritt ta' aċċess previst mir-Regolament Nru 1049/2001, fir-raba' lok, li l-applikazzjoni tal-VKI għal aċċess kienet irregolari fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-ħames lok, li r-Regolament Nru 1049/2001 imur kontra l-Artikolu 255 KE safejn jawtorizza l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn parti terza u, fis-sitt lok, li l-imsemmi regolament jista' japplika biss fir-rigward tad-dokumenti li jkunu waslu fil-pussess ta' l-istituzzjonijiet wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri mit-3 ta' Diċembru 2001.

49      Għalhekk, l-argumenti addizzjonali huma intiżi sabiex jipprovaw jew, fl-ewwel lok, li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx applikabbli f'dan il-każ, jew, fit-tieni lok, li huwa kien applikat b'mod inkorrett mill-Kummissjoni jew, fit-tielet lok, li dan ir-regolament jikkostitwixxi, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, bażi legali illeċita.

50      Għaldaqstant, li kieku wieħed jew diversi mill-argumenti addizzjonali kellhom jintlaqgħu mill-Qorti tal-Prim'Istanza, dan jippermetti li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali. Issa, għandu jiġi mfakkar li l-intervent tal-partijiet intervenjenti f'din il-kawża kien aċċettat in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u li, barra minn hekk, din ta' l-aħħar qiegħda titlob li r-rikors għal annullament jiġi miċħud.

51      Mistoqsija bil-miktub u matul is-seduta dwar il-kompatibbiltà ta' l-argumenti addizzjonali mat-talbiet li huma qegħdin isostnu, il-partijiet intervenjenti essenzjalment wieġbu li, skond il-ġurisprudenza, parti intervenjenti għandha dritt tinvoka argumenti differenti jew anki kuntrarji għal dawk tal-parti li hija tkun qiegħda ssostni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1961, De gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 3, 37 u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 145).

52      Madankollu, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-Qorti tal-Prim'Istanza bis-saħħa ta' l-Artikolu 53 ta' dan l-Istatut, it-talbiet tal-partijiet intervenjenti jista' jkollhom biss l-għan li jsostnu t-talbiet ta' waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti tidħol fil-kawża in statu et terminis. Issa, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-intervenjenti tressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti li tkun qiegħda ssostni, l-intervenjenti tista' tagħmel dan bil-kundizzjoni li l-argumenti tagħha ma jibdlux il-kuntest tal-kawża u bil-kundizzjoni li l-intervent ikun dejjem in sostenn tat-talbiet magħmula minn din il-parti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C-245/92 P, Ġabra p. I-4643, punt 32; tat-8 ta' Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C-248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 56, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, T-119/02, Ġabra p. II-1433, punti 203 u 212).

53      F'dan il-każ, peress li, minn naħa, jekk preżunti li huma fondati, l-argumenti addizzjonali jippermettu li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u li, min-naħa l-oħra, it-talbiet tal-Kummissjoni huma intiżi sabiex jiġi miċħud ir-rikors għal annullament u mhumiex sostnuti minn motivi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, jidher li l-effett ta' l-eżami ta' l-argumenti addizzjonali jkun li jinbidel il-kuntest tal-kawża kif kien definit fir-rikors u fir-risposta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 122, u ta' l-24 ta' Ottubru 1997, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-243/94, Ġabra p. II-1887, punti 72 u 73.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-partijiet intervenjenti intiż sabiex juri li l-argumenti addizzjonali essenzjalment isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni fis-sens li l-aċċess għad-dokumenti mitlub mir-rikorrenti għandu jiġi rrifjutat. Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest ta' din il-kawża, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma talbet li l-aċċess mitlub għad-dokumenti kontenzjużi jkun miċħud indipendentement mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata iżda sempliċement talbet li r-rikors għal annullament jiġi miċħud. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' l-istħarriġ tagħha tal-legalità, ma tistax tqiegħed lilha nfisha flok il-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk l-aċċess għad-dokumenti in kwistjoni kellux jiġi rifjutat minħabba motivi differenti minn dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

55      Għaldaqstant, l-argumenti addizzjonali għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' eżami konkret tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni u fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' rispett tad-dritt għal aċċess parzjali

56      Fl-ewwel lok għandhom jiġu analizzati flimkien l-ewwel u r-raba' motivi mqajma mir-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' eżami konkret tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni

57      Fl-ewwel motiv tagħha, il-VKI qiegħda ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, kuntrarjament għar-Regolament Nru 1049/2001, eżentat il-fajl Lombard Club kollu mid-dritt ta' aċċess u dan mingħajr ma madankollu għamlet eżami konkret ta' kull wieħed mid-dokumenti li kienu jinsabu f'dan il-fajl. Issa, huma biss ċirkustanzi konkreti li jikkonċernaw id-dokumenti b'mod partikolari li jistgħu jiġġustifikaw eċċezjoni għad-dritt ta' aċċess għal dawn id-dokumenti.

58      B'risposta għall-ewwel motiv tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qiegħda ssostni li, f'dan il-każ, mhuwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk hija ċaħditx l-aċċess għad-dokumenti kollha msemmija fl-applikazzjoni iżda sempliċement jekk hija mmotivatx b'mod korrett ir-rifjut tagħha għal dawn id-dokumenti kollha. Issa, f'dan il-każ, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eskludiet il-fajl Lombard Club kollu mid-dritt ta' aċċess iżda, għall-kuntrarju, hija spjegat għalfejn il-motivi ta' rifjut elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu jipprekludu li jiġu żvelati d-dokumenti li jinsabu fl-imsemmi fajl.

59      Il-Kummissjoni żżid li mhuwiex kuntrarju għad-dritt Komunitarju li jkun irrifjutat l-aċċess għal diversi kategoriji ta' dokumenti mingħajr ma jkun eżaminat kull wieħed mid-dokumenti li jkunu jinsabu f'dawn il-kategoriji meta, bħal f'dan il-każ, ir-raġunijiet tar-rifjut tal-Kummissjoni jkunu indikati fir-rigward ta' kull kategorija. Il-Qorti tal-Prim'Istanza espressament iddeċidiet li l-Kummissjoni għandha dritt taqsam fajl f'kategoriji li għalihom hija tista' sussegwentement tiċħad l-aċċess globalment, bil-kundizzjoni li tindika r-raġunijiet tar-rifjut tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T-105/95, Ġabra p. II-313, punt 64).

60      Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżami tad-diversi dokumenti u tal-partijiet ta' dokumenti fi ħdan dawn il-kategoriji ma sarx peress li l-isforz meħtieġ għal operazzjoni bħal din kien ħa jkun sproporzjonat.

–       Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' rispett tad-dritt għal aċċess parzjali

61      Il-VKI qiegħda ssostni li rifjut totali ta' aċċess għall-fajl ikun iġġustifikat biss kieku d-dokumenti kollha li jinsabu fih kienu koperti minn ta' l-anqas waħda mill-eċċezzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Peress li din il-kundizzjoni ma kinitx sodisfatta f'dan il-każ, ir-rikorrenti kien imissha, minn ta' l-anqas, ibbenefikat minn aċċess parzjali. Il-preokkupazzjoni "rispettabbli" tal-Kummissjoni li tillimita l-volum tax-xogħol tagħha ma jistax ikollha bħala riżultat li telimina kompletament il-possibbiltà tal-konsumaturi li jingħataw kumpens għad-dannu li sofrew minħabba kartell.

62      Il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta dawn l-argumenti. Hija taċċetta li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tirrikonoxxi l-eżistenza ta' dritt għal aċċess parzjali għad-dokumenti. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li aċċess bħal dan jista' jiġi rrifjutat meta jkun jinvolvi sforz sproporzjonat għall-istituzzjoni kkonċernata.

63      L-isforz meħtieġ fir-rigward ta' fajl ta' aktar minn 47,000 paġna huwa neċessarjament sproporzjonat. Dan ikun minn ta' l-anqas il-każ meta, minn naħa, in-numru ta' dokumenti li aktarx ikunu żvelati f'kull kategorija rilevanti jkun żgħir ħafna u, min-naħa l-oħra, meta dawn id-dokumenti jkunu manifestament inutli. Peress li l-fajl huwa kklassifikat b'mod kronoloġiku, kull aċċess parzjali jimplika r-reviżjoni tiegħu kollu. Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kompitu li jkun ippreparat werrej fir-rigward tal-fajl kollu jkun sproporzjonat daqs aċċess parzjali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li n-natura sproporzjonata ta' l-isforz meħtieġ ma tammontax għal motiv ta' rifjut fiha nfisha. Madankollu, meta, mill-analiżi ta' kategoriji ta' dokumenti definiti b'mod limitat, jirriżulta li l-aċċess għandu jkun rifjutat, eżami addizzjonali ta' kull dokument fil-kategorija korrispondenti ma jkunx iġġustifikat.

64      Il-BAWAG kif ukoll l-ÖVAG u n-NÖ-Hypobank qegħdin essenzjalment isostnu l-argumenti tal-Kummissjoni. Huma jippreċiżaw li meta applikant espressament jindika l-interess tiegħu fl-applikazzjoni tiegħu għal aċċess, ikun sproporzjonat li l-istituzzjoni li ssirilha l-applikazzjoni tkun meħtieġa tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti li ma jaqdux l-għan ta' l-applikazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

65      Hemm qbil li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti inklużi fil-fajl Lombard Club. Matul is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li, b'risposta għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti, hija kienet qasmet il-fajl Lombard Club, minbarra d-dokumenti interni, fi ħdax-il kategorija distinta ta' dokumenti mingħajr, iżda ma eżaminatx kull waħda minnhom. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li ddeterminat dawn il-kategoriji, il-Kummissjoni kkunsidrat li "waħda jew diversi mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 [kienu] japplikaw għal kull kategorija ta' dokumenti, mingħajr ma jeżisti interess pubbliku akbar li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom". Sussegwentament, il-Kummissjoni ppreċiżat li "[m]inħabba raġunijiet ta' proporzjonalità, ma [kienx] jidher li huwa meħtieġ jew utli li jsir eżami dettaljat tad-dokumenti oltre l-imsemmija kategoriji." Il-Kummissjoni indikat ukoll, "fl-alternattiv", li l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Lombard Club kienet biżżejjed sabiex "tħares" l-interessi tar-rikorrenti. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

66      Għaldaqstant, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta, fil-prinċipju, li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-imsemmija applikazzjoni u, fl-affermattiv, għandu jkun mistħarreġ safejn dan l-obbligu ta' eżami seta' kien illimitat minn ċerti eċċezzjonijiet marbuta, b'mod partikolari, mal-volum ta' xogħol li kien jirriżulta minn dan l-eżami.

–       Fuq l-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali

67      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-prinċipju tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi diversi eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess. Finalment, l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxu ċerti proċeduri dwar kif għandha tiġi pproċessata applikazzjoni għal aċċess.

68      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-istituzzjoni li ssirilha applikazzjoni għal aċċess għal xi dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 hija obbligata li teżamina u li twieġeb għal din l-applikazzjoni u, b'mod partikolari, li tiddeċiedi jekk xi waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta' l-imsemmi regolament tapplikax għad-dokumenti in kwistjoni.

69      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżami meħtieġ fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' applikazzjoni għal aċċess għal xi dokumenti għandu jkun eżami konkret. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni mhux biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta' din l-eċċezzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T-20/99, Ġabra p. II-3011, punti 45). Fil-prinċipju, applikazzjoni bħal din tista' tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun qabel evalwat, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ħa jagħmel ħsara, b'mod konkret u effettiv, lill-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jeżistix interess pubbliku akbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-riskju li ssir ħsara lil interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T-211/00, Ġabra p. II-485, punt 56, aktar 'il quddiem is-"sentenza Kuijer II"). Għaldaqstant, l-eżami li l-istituzzjoni għandha twettaq sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b'mod konkret u għandu jkun indikat fil-motivi tad-deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T-188/98, Ġabra p. II-1959, punt 38, aktar 'il quddiem is-"sentenza Kuijer I", u tad-19 ta' Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II-2489, punt 67).

70      Barra minn hekk, dan l-eżami konkret għandu jitwettaq fir-rigward ta' kull dokument imsemmi fl-applikazzjoni. Fil-fatt, mir-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tiegħu huma deskritti fis-sens li għandhom japplikaw "għal dokument".

71      Il-ħtieġa ta' eżami konkret u individwali bħal dan, b'differenza minn eżami astratt u globali, hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta.

72      Fil-fatt, minn naħa, il-kodiċi ta' kondotta, li l-prinċipji tiegħu kienu parzjalment riprodotti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, kien jinkludi kategorija ta' l-ewwel ta' eċċezzjonijiet li kienu jobbligaw lill-istituzzjoni tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu "seta' jagħmel ħsara" lill-interessi protetti minn dawn l-eċċezzjonijiet. Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet b'mod kostanti li mill-użu tal-verb "jista'" fit-temp kundizzjonali jirriżulta li l-Kummissjoni kienet marbuta, qabel ma tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal aċċess għal xi dokumenti, li teżamina, "fir-rigward ta' kull dokument mitlub", jekk, fid-dawl ta' l-informazzjoni li jkollha quddiemha, l-iżvelar tiegħu kienx effettivament jista' jagħmel ħsara lil wieħed mill-interessi protetti mill-iskema ta' l-eċċezzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Frar 1998, Interporc vs Il-Kummissjoni, T-124/96, Ġabra p. II-231, punt 52, u tat-12 ta' Ottubru 2000, JT's Corporation vs Il-Kummissjoni, T-123/99, Ġabra p. II-3269, punt 64). Minħabba li t-temp kundizzjonali jinżamm fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-kodiċi ta' kondotta tista' tkun trasposta għar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li istituzzjoni hija marbuta tevalwa b'mod konkret u individwali l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess fir-rigward ta' kull wieħed mid-dokumenti indikati f'applikazzjoni.

73      Min-naħa l-oħra, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza effettivament essenzjalment iddeċidiet, fis-sentenza tagħha WWF UK vs Il-Kummissjoni, punt 59 aktar 'il fuq (punt 64), li istituzzjoni hija obbligata tindika, minn ta' l-anqas għal kull kategorija ta' dokumenti, ir-raġunijiet li għalihom jidhrilha li d-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni li tkun saritilha huma marbuta ma' kategorija ta' informazzjoni koperta minn eċċezzjoni. Madankollu, irrispettivament mill-kwistjoni ta' jekk il-punt li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni jistabbilixxix sempliċement regola ta' motivazzjoni, eżami konkret u individwali huwa f'kull każ neċessarju meta, anki fil-każ li jkun jidher b'mod ċar li applikazzjoni għal aċċess tikkonċerna dokumenti koperti minn eċċezzjoni, ikun biss permezz ta' eżami bħal dan li l-istituzzjoni tkun tista' tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lill-applikant fis-sens ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ċaħdet bħala insuffiċjenti evalwazzjoni ta' dokumenti mwettqa fir-rigward tal-kategoriji minflok milli fir-rigward ta' l-elementi ta' informazzjoni konkreti li jkunu jinsabu f'dawn id-dokumenti peress li l-eżami meħtieġ min-naħa ta' istituzzjoni għandu jippermettilha tevalwa b'mod konkret jekk eċċezzjoni invokata tapplikax verament għall-informazzjoni kollha li tkun tinsab fl-imsemmija dokumenti (sentenza JT's Corporation vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 72 aktar 'il fuq, punt 46).

74      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li istituzzjoni, meta tirċievi applikazzjoni abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, hija marbuta, fil-prinċipju, li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni.

75      Madankollu, din is-soluzzjoni, li għandha tkun adottata fil-prinċipju, ma tfissirx li eżami bħal dan huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan ta' l-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha fil-prinċipju twettaq b'risposta għal applikazzjoni għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni in kwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa safejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-possibbiltà ta' aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista' ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b'mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, għall-kuntrarju, għandu jingħata. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, l-ewwel nett, jekk ċerti dokumenti jew ikunu koperti b'mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess jew, għall-kuntrarju, jkunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, finalment, jekk diġà kienu s-suġġett ta' evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f'ċirkustanzi simili.

76      F'dan il-każ, hemm qbil li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq analiżi ġenerali tal-kategoriji ta' dokumenti fil-fajl Lombard Club. Hemm qbil ukoll li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess bil-għan li tevalwa l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet invokati jew il-possibbiltà ta' aċċess parzjali.

77      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tar-rikorrenti kinitx tikkonċerna dokumenti li, fir-rigward tagħhom, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx meħtieġ li jsir eżami konkret u individwali bħal dan.

78      F'dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti kienu jaqgħu taħt erba' eċċezzjonijiet distinti għad-dritt ta' aċċess.

79      L-ewwel waħda mill-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni tikkonċerna l-protezzjoni ta' l-għanijiet ta' l-attivitajiet ta' spezzjoni msemmija fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni ta' din l-eċċezzjoni billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq żewġ fatturi.

80      L-ewwel nett, skond il-Kummissjoni, id-Deċiżjoni Lombard Club hija s-suġġett ta' diversi rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li għadhom pendenti u li fuqhom din il-qorti għadha ma tatx deċiżjoni. Għaldaqstant, l-aċċess għal dawn id-dokumenti minn parti terza jista' jolqot l-evalwazzjoni ġdida li hija jista' jkollha bżonn tagħmel fil-każ ta' annullament u jista' jwassal lir-rikorrenti sabiex iqajmu ċerti motivi ta' dritt f'dawn ir-rikorsi.

81      It-tieni nett, skond il-Kummissjoni, numru kbir tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl kienu pprovduti mill-impriżi ssanzjonati fid-Deċiżjoni Lombard Club jew taħt il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar meta ma jkunux imposti emendi jew dwar it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-każijiet li jikkonċernaw kartelli (ĠU 1996, C 207, p. 4), li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, jew fil-kuntest ta' talbiet għal informazzjoni jew ta' verifiki abbażi ta' l-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament Nru 17. Għaldaqstant, jekk partijiet terzi jingħataw il-possibbiltà ta' aċċess għal dawn id-dokumenti, l-impriżi jkunu skoraġġuti milli jikkooperaw mal-Kummissjoni u dan ikun ta' ħsara għall-attivitajiet tagħha ta' spezzjoni u ta' investigazzjoni f'każijiet futuri. L-istess raġunament japplika għad-dokumenti ppreparati minn partijiet terzi.

82      Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li l-Kummissjoni ma setgħetx tifformula konklużjoni daqstant ġenerali li tapplika fir-rigward tal-fajl Lombard Club kollu mingħajr ma qabel wettqet eżami konkret u individwali tad-dokumenti f'dan il-fajl.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet konkretament ivverifikat li kull dokument imsemmi fl-applikazzjoni kien verament inkluż f'waħda mill-ħdax-il kategorija identifikata. Għall-kuntrarju, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonfermati mill-Kummissjoni matul is-seduta, jindikaw li l-mod kif il-Kummissjoni wettqet din id-diviżjoni kien, minn ta' l-anqas parzjalment, astratt. Jidher li l-Kummissjoni aġixxiet aktar abbażi ta' l-ideat li hija kellha tal-kontenut tad-dokumenti tal-fajl Lombard Club milli abbażi ta' eżami reali. Għaldaqstant, din id-diviżjoni f'kategoriji tibqa' approssimattiva kemm mill-aspett tal-kompletezza tagħha u kemm mill-aspett ta' l-eżattezza tagħha.

84      It-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-istess bħal fir-risposta tagħha, jibqgħu vagi u ġenerali. Fin-nuqqas ta' eżami individwali, jiġifieri dokument wara dokument, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi kkunsidrat b'ċertezza suffiċjenti u b'mod dettaljat li l-argument tal-Kummissjoni, jekk ikun preżunt li huwa fondat fil-prinċipju, huwa applikabbli għad-dokumenti kollha fil-fajl Lombard Club. Il-beżgħat espressi mill-Kummissjoni jibqgħu sempliċi asserzjonijiet u għaldaqstant huma kompletament ipotetiċi.

85      Fil-fatt, m'hemm xejn li jindika li d-dokumenti kollha msemmija fl-applikazzjoni huma koperti b'mod ċar mill-eċċezzjoni invokata. Fil-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinnota hija stess li "l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tapplika fil-biċċa l-kbira għal ċerti dokumenti, jekk mhux kompletament għall-kategoriji kollha". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86      Ċertament, fit-tabella li hija annettiet mar-risposta tagħha, il-Kummissjoni indikat li skondha, l-eċċezzjoni invokata kienet tapplika għad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl. Madankollu, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, din it-tabella tikkontradixxi l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

87      Fl-aħħar nett, f'kull każ, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu fil-fajl Lombard Club, meħud individwalment, huwa kopert fl-intier tiegħu mill-eċċezzjoni stabbilita fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, ma jidhirx li l-iżvelar ta' kull informazzjoni li tinsab f'dawn id-dokumenti jista' jagħmel ħsara lill-għanijiet ta' l-attivitajiet ta' spezzjoni u ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni.

88      Għaldaqstant, in-nuqqas ta' eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti mhuwiex iġġustifikat fir-rigward tad-dokumenti allegatament koperti mill-ewwel eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni.

89      L-istess konstatazzjoni għandha ssir fir-rigward tad-dokumenti koperti, skond id-deċiżjoni kkontestata, mit-tieni, mit-tielet u mir-raba' eċċezzjonijiet. Dawn l-eċċezzjonijiet jikkonċernaw il-protezzjoni ta' l-interessi kummerċjali (l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001), il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati (it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(2) u l-protezzjoni tal-ħajja privata u ta' l-integrità ta' l-individwu [Artikolu 4(1)(b)]. Issa, mill-punti 2, 3, 10, 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skond il-Kummissjoni, dawn l-eċċezzjonijiet jikkonċernaw biss uħud mid-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni. B'mod partikolari, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li "huwa possibbli li l-parti l-kbira tad-dokumenti ppreparati mill-banek ikkonċernati jew minn partijiet terzi fihom ukoll informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista' jolqot il-ħajja privata u l-integrità ta' l-individwu". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

90      Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni ma jikkonċernawx neċessarjament il-fajl Lombard Club kollu u li, anki fir-rigward tad-dokumenti li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu eventwalment jikkonċernaw, dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jolqtu biss ċerti partijiet ta' dawn id-dokumenti.

91      Fl-aħħar nett, il-partijiet intervenjenti jinvokaw l-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huma jsostnu li d-deċiżjoni Lombard Club kienet is-suġġett ta' diversi rikorsi għal annullament u li għaldaqstant għadha ma "ttiħditx" deċiżjoni fis-sens ta' l-Artikolu 4(3), ċirkustanza li tiġġustifika rifjut totali ta' aċċess. Madankollu, peress li din l-eċċezzjoni ma kinitx invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tqiegħed lilha nfisha minflok il-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk din l-eċċezzjoni hijiex effettivament applikabbli għad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni.

92      Għaldaqstant, il-Kummissjoni, fil-prinċipju, kienet marbuta twettaq eżami konkret u individwali ta' kull wieħed mid-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni sabiex tevalwa l-applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet jew il-possibbiltà ta' aċċess parzjali.

93      Madankollu, peress li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx dan l-eżami, għandu jiġi determinat jekk istituzzjoni tistax tiġġustifika rifjut totali ta' aċċess minħabba l-volum tax-xogħol kbir ħafna li, skondha, jirriżulta mill-imsemmi eżami.

–       Fuq l-applikazzjoni ta' eċċezzjoni marbuta mal-volum tax-xogħol meħtieġ sabiex jitwettaq eżami konkret u individwali

94      Skond l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, "[f]il-każ ta' applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta' dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista' tkellem lill-applikant b'mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali."

95      F'dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti u l-Kummissjoni ltaqgħu, fl-24 ta' Lulju 2002, iżda minn din il-laqgħa u mill-kuntatti sussegwenti ma rriżultat l-ebda soluzzjoni.

96      Ir-Regolament Nru 1049/2001 ma fih l-ebda dispożizzjoni li espressament tippermetti lill-istituzzjoni, fin-nuqqas ta' soluzzjoni ekwa ma' l-applikant, li tillimita l-portata ta' l-eżami li hija normalment marbuta li tagħmel b'risposta għal applikazzjoni għal aċċess.

97      Fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu essenzjalment iġġustifikat in-nuqqas ta' eżami konkret u individwali tad-dokumenti in kwistjoni billi applikat il-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-Kummissjoni indikat b'mod partikolari li "[m]inħabba raġunijiet ta' proporzjonalità, ma jidhirx li huwa meħtieġ jew utli li jsir eżami dettaljat tad-dokumenti oltre l-[imsemmija] kategoriji." Il-Kummissjoni invokat ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità fil-punti 10, 13 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

98      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-prinċipju ta' eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija f'applikazzjoni għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 jistax effettivament jiġi mwarrab minħabba l-prinċipju ta' proporzjonalità.

99      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa b'tali mod li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri li huma xierqa, għandha tintgħażel l-anqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għanijiet mixtieqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 60, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T-211/02, Ġabra p. II-3781, punt 39). Il-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi wkoll li d-derogi ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 38, u s-sentenza Hautala vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 69 aktar 'il fuq, punt 85).

100    Għaldaqstant, ir-rifjut min-naħa ta' istituzzjoni li teżamina konkretament u individwalment id-dokumenti li jkunu s-suġġett ta' applikazzjoni għal aċċess jammonta, fil-prinċipju, għal ksur manifest tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Fil-fatt, eżami konkret u individwali tad-dokumenti in kwistjoni jippermetti lill-istituzzjoni li tilħaq l-għan ta' l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jwassal, barra minn hekk, sabiex jiġu identifikati dawk id-dokumenti biss li huma koperti, totalment jew parzjalment, mill-imsemmija eċċezzjonijiet. Għaldaqstant, fir-rigward tad-dritt ta' aċċess ta' l-applikant, dan l-eżami jammonta għal miżura anqas restrittiva minn rifjut totali ta' eżami.

101    Madankollu, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li applikant jippreżenta, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni għal aċċess fir-rigward ta' numru manifestament irraġonevoli ta' dokumenti, jekk ikun il-każ għal motivi inutli, u b'hekk jimponi, minħabba l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni tiegħu, volum ta' xogħol li jista' jkun tali li jipparalizza b'mod sostanzjali ħafna l-funzjonament tajjeb ta' l-istituzzjoni. Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-każ li applikazzjoni tikkonċerna numru kbir ħafna ta' dokumenti, id-dritt ta' l-istituzzjoni li tfittex "soluzzjoni imparzjali" ma' l-applikant, skond l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirrifletti l-possibbiltà li jittieħed in kunsiderazzjoni, anki jekk b'mod partikolarment limitat, in-neċessità eventwali li l-interessi ta' l-applikant ikunu kkonċiljati ma' dawk ta' amministrazzjoni tajba.

102    Għalhekk, istituzzjoni għandha żżomm miftuħa l-possibbiltà, f'każijiet partikulari fejn l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jinvolvilha kompitu amministrattiv li mhuwiex xieraq, li twieżen, minn naħa, l-interess ta' l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-volum ta' xogħol li jirriżulta minn dan, sabiex, f'dawn il-każijiet partikolari, jitħarsu l-interessi ta' amministrazzjoni tajba (ara, b'analoġija, is-sentenza Hautala vs Il-Kunsill, iċċitata f'punt 69 aktar 'il fuq, punt 86).

103    Madankollu, l-applikazzjoni ta' din il-possibbiltà tibqa' eċċezzjonali.

104    Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija f'applikazzjoni għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi wieħed mill-kompiti bażiċi li istituzzjoni għandha twettaq bħala risposta għall-imsemmija applikazzjoni.

105    Fit-tieni lok, l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tkun adottata fil-prinċipju filwaqt li l-possibbiltà ta' rifjut hija l-eċċezzjoni (ara, b'analoġija mal-prinċipju stabbilit fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta, is-sentenza Kuijer II, punt 55).

106    Fit-tielet lok, l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta' l-aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv [ara, b'analoġija mal-kodiċi ta' kondotta, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Ottubru 2001, British American Tobacco International (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-111/00, Ġabra p. II-2997, punt 40]. Issa, din il-ġurisprudenza tiġġustifika a fortiori li jiġu applikati b'mod partikolarment restrittiv il-limitazzjonijiet magħmula fir-rigward tad-diliġenza li biha istituzzjoni hija normalment meħtieġa li turi sabiex tiddetermina l-applikazzjoni ta' eċċezzjoni, safejn limitazzjonijiet bħal dawn iżidu, minn meta tkun riċevuta l-applikazzjoni, ir-riskju li jkun ippreġudikat id-dritt ta' aċċess.

107    Fir-raba' lok, f'diversi ċirkustanzi, il-fakultà tal-Kummissjoni li tagħżel li ma twettaqx eżami konkret u individwali, meta dan ikun neċessarju, tmur kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, prinċipju li jinsab fost il-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi u li miegħu huwa marbut l-obbligu ta' l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b'attenzjoni u b'imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ in eżami (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 86, u tal-11 ta' Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il-Kummissjoni, T-528/93, T-542/93, T-543/93 u T-546/93, Ġabra p. II-649, punt 93).

108    Fil-ħames lok, fil-prinċipju, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-volum ta' xogħol meħtieġ mill-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess u ta' l-interess ta' l-applikant mhuwiex rilevanti sabiex tkun stabbilita l-portata ta' dan id-dritt.

109    Fil-fatt, fir-rigward ta' l-interess ta' l-applikant, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikant mhuwiex marbut li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu u għaldaqstant, normalment, huwa mhuwiex meħtieġ juri xi interess kwalsijasi.

110    Fir-rigward tal-volum ta' xogħol meħtieġ sabiex tkun ipproċessata applikazzjoni, ir-Regolament Nru 1049/2001 espressament ipprovda għall-possibbiltà li applikazzjoni għal aċċess tkun tista' tikkonċerna numru kbir ħafna ta' dokumenti peress li l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) tiegħu jipprovdu li t-termini ta' ipproċessar applikabbli għall-applikazzjonijiet inizjali u għall-applikazzjonijiet konfermatorji jistgħu, b'mod eċċezzjonali, jkunu estiżi meta, per eżempju, l-applikazzjoni tikkonċerna dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta' dokumenti.

111    Fis-sitt lok, il-volum ta' xogħol neċessarju sabiex jitwettaq l-eżami ta' applikazzjoni jiddependi mhux biss min-numru ta' dokumenti msemmija fl-applikazzjoni u mill-volum tagħhom iżda wkoll min-natura tagħhom. Għaldaqstant, in-neċessità li jitwettaq eżami konkret u individwali ta' numru kbir ħafna ta' dokumenti bl-ebda mod ma jagħti indikazzjoni, fih innifsu, tal-volum ta' xogħol neċessarju sabiex tkun ipproċessata applikazzjoni għal aċċess peress li l-imsemmi volum ta' xogħol jiddependi wkoll mid-dettal meħtieġ minn dan l-eżami.

112    Għaldaqstant, huwa b'mod eċċezzjonali u biss meta x-xogħol amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment diffiċli, tant li jaqbeż il-limiti ta' dak li jista' jkun raġonevolment mistenni, li deroga għal dan l-obbligu ta' eżami tista' tkun aċċettata (ara, b'analoġija, is-sentenza Kuijer II, punt 57).

113    Barra minn hekk, safejn id-dritt għall-aċċess tad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jammonta għal soluzzjoni li għandha tkun applikata fil-prinċipju, il-piż tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni jaqa' fuq l-istituzzjoni li tinvoka eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta' dan il-kompitu.

114    Fl-aħħar nett, meta l-istituzzjoni tressaq il-prova tan-natura irraġonevoli tax-xogħol amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, hija obbligata tipprova tiltaqa' ma' l-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b'mod konkret l-għażliet tagħha dwar l-adozzjoni ta' miżura anqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. Peress li d-dritt għal aċċess għad-dokumenti jirrappreżenta l-prinċipju, l-istituzzjoni tibqa' madankollu marbuta, f'dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta' dak li jista' jkun raġonevolment mistenni, tkun l-aktar waħda favorevoli għad-dritt ta' aċċess ta' l-applikant.

115    Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista' biss ma twettaqx eżami konkret u individwali wara li tkun verament studjat l-għażliet l-oħra kollha possibbli u wara li tkun spjegat b'mod dettaljat, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi għażliet kienu jinvolvu, huma wkoll, volum ta' xogħol irraġonevoli.

116    Għaldaqstant, f'dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx tinsab f'sitwazzjoni fejn l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni kien jinvolvilha volum ta' xogħol li kien jaqbeż il-limiti ta' dak li jista' jkun raġonevolment mistenni, b'tali mod li hija setgħet tieħu in kunsiderazzjoni l-interess tar-rikorrenti u tikkunsidra b'mod konkret għażliet oħra fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni bil-għan li, jekk ikun il-każ, tadotta miżura anqas restrittiva fir-rigward tal-volum ta' xogħol tagħha

117    Qabel kollox, fir-rigward tan-natura irraġonevoli ta' eżami konkret u individwali ta' kull wieħed mid-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, għandu jingħad li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix in-numru preċiż tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl Lombard Club iżda sempliċement in-numru ta' paġni li fih dan il-fajl. Sempliċi referenza għan-numru ta' paġni mhijiex biżżejjed, fiha nfisha, sabiex ikun evalwat il-volum ta' xogħol li jinvolvi eżami konkret u individwali. Madankollu, fid-dawl, minn naħa, tal-kategoriji identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura tal-fajl in kwistjoni, mill-proċess jirriżulta b'mod ċar li n-numru ta' dokumenti kkonċernati huwa kbir ħafna.

118    Barra minn hekk, il-konsultazzjoni ta' fajl ta' aktar minn 47,000 paġna li jinkludi diversi dokumenti bħal dawk inklużi fil-kategoriji identifikati mill-Kummissjoni hija ta' natura tali li tammonta għal kompitu kbir ħafna.

119    Fil-fatt, fl-ewwel lok, jidher li d-dokumenti tal-fajl Lombard Club huma kklassifikati f'ordni kronoloġika. F'dan ir-rigward, matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fid-dawl tad-data tad-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti kienu għadhom ma kinux is-suġġett ta' klassifikazzjoni fir-reġistru previst mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-portata tiegħu, skond l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2001 li temenda r-regoli tal-proċedura, għandha tiġi mwessa' gradwalment.

120    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kategoriji prinċipali identifikati mill-Kummissjoni u tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jista' jiġi aċċettat li d-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti jinkludu ammont kbir ta' informazzjoni li għandha tkun is-suġġett ta' analiżi konkreta fir-rigward ta' l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess u, b'mod partikolari, informazzjoni li tista' tippreġudika l-protezzjoni ta' l-interessi kummerċjali tal-banek interessati fil-fajl Lombard Club.

121    Fit-tielet lok, fid-dawl tal-kategoriji prinċipali identifikati mill-Kummissjoni, jista' jiġi aċċettat ukoll li l-fajl Lombard Club huwa kompost minn numru kbir ta' dokumenti li ġejjin minn terzi persuni. Għaldaqstant, il-volum tax-xogħol meħtieġ sabiex ikunu eżaminati b'mod konkret u b'mod individwali d-dokumenti li jinsabu f'dan il-fajl jista' jkompli jiżdied minħabba n-neċessità eventwali li l-imsemmija partijiet terzi jkunu kkonsultati skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

122    Għaldaqstant, f'dan il-każ jeżistu diversi indikazzjonijiet li l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti kollha tal-fajl Lombard Club jista' jikkostitwixxi volum ta' xogħol kbir ħafna. Madankollu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi deċiż b'mod definittiv jekk dawn l-indikazzjonijiet jipprovawx b'mod suffiċjenti fil-liġi li x-xogħol meħtieġ kien jaqbeż il-limiti ta' dak li jista' jkun raġonevolment mistenni min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata, li tirrifjuta globalment kull aċċess lir-rikorrenti, setgħet, f'kull każ, tkun legali biss fil-każ li l-Kummissjoni kienet spjegat minn qabel, b'mod konkret, ir-raġunijiet li għalihom l-għażliet alternattivi għal eżami konkret u individwali ta' kull wieħed mid-dokumenti msemmija kienu jammontaw, ukoll, għal volum ta' xogħol irraġonevoli.

123    F'dan il-każ, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni, fl-14 ta' Ġunju 2002, li l-applikazzjoni tagħha kienet intiża sabiex tkun tista' tipproduċi ċerti provi fil-kuntest ta' proċeduri mibdija kontra l-BAWAG quddiem il-qrati Awstrijaki.

124    Jidher wkoll li, fl-24 ta' Lulju 2002, waqt laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-VKI qajmu l-possibbiltà li r-rikorrenti torbot lilha nfisha bil-miktub li tuża l-informazzjoni miksuba biss bil-għan li tiddefendi d-drittijiet tal-konsumaturi.

125    Barra minn hekk, fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha tas-26 ta' Settembru 2002, ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx prinċipalment interessata fid-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għalhekk il-Kummissjoni setgħet teskludi dawn id-dokumenti mill-kamp ta' l-analiżi tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

126    Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod konkret u eżawrjenti d-diversi għażliet li kellha sabiex tieħu azzjoni li ma kinitx timponilha volum ta' xogħol irraġonevoli iżda li kienet, mill-banda l-oħra, ittejjeb iċ-ċansijiet tar-rikorrenti li tibbenefika, ta' l-anqas fir-rigward ta' parti mill-applikazzjoni tagħha, minn aċċess għad-dokumenti kkonċernati.

127    B'hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat "fl-alternattiv" li l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Lombard Club kienet biżżejjed sabiex "tħares" l-interessi tar-rikorrenti. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

128    Barra minn hekk, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti inklużi fil-fajl Lombard Club billi espremiet ruħha fit-termini segwenti:

"F'dan il-każ, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni tagħkom, aħna wettaqna kategorizzazzjoni tad-dokumenti kollha tal-fajl kif ukoll, fir-rigward ta' parti minnhom, kategorizzazzjoni sussidjarja. L-alternattiva tkun li jkun eżaminat kull dokument, eventwalment wara konsultazzjoni ma' partijiet terzi. F'dan il-każ partikolari, il-fajl jinkludi aktar minn 47,000 paġna, minbarra d-dokumenti interni. Peress li minn eżami tal-kategoriji jirriżulta li d-dokumenti li jinsabu fil-fajl huma – minbarra xi dokumenti li diġà kienu ppubblikati – suġġetti b'mod estensiv għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament, eżami separat ta' kull dokument jimponi fuq il-Kummissjoni volum ta' xogħol li ma jkunx xieraq u jkun sproporzjonat. Dan huwa l-każ b'mod speċjali minħabba li l-partijiet l-oħra tad-dokumenti, jew uħud minnhom, li jistgħu eventwalment jiġu żvelati probabbilment ma jservu la l-interessi tal-VKI li tipprova l-illegalità ta' l-imġiba tal-banek ikkonċernati fil-kuntest ta' proċeduri ċivili u lanqas l-interessi tal-pubbliku ġenerali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

129    Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-interess tar-rikorrenti b'mod sussidjarju ħafna sabiex tqabbel l-effetti probabbli ta' żewġ tipi ta' azzjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, eżami individwali tad-dokumenti inklużi fil-fajl Lombard Club u, fit-tieni lok, eżami limitat għall-kategoriji stabbiliti fost dawn l-istess dokumenti skond in-natura tagħhom.

130    Mill-banda l-oħra, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni evalwat, b'mod konkret, preċiż u dettaljat, minn naħa, l-għażliet l-oħra possibbli sabiex tillimita l-volum ta' xogħol tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li setgħu jippermettulha ma twettaqx eżami pjuttost milli tadotta, jekk kien ikun il-każ, miżura anqas restrittiva għad-dritt ta' aċċess tar-rikorrenti. B'mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, fir-rigward ta' l-identifikazzjoni ta' dokumenti li jinsabu fil-fajl u li huma kklassifikati f'ordni kronoloġika, il-Kummissjoni studjat b'mod konkret il-possibbiltà li tistaqsi lill-banek interessati fil-fajl Lombard Club sabiex jgħaddula d-dati tad-dokumenti mibgħuta minnhom, possibbiltà li setgħet, eventwalment, tippermettilha li ssib b'mod aktar faċli uħud minn dawn id-dokumenti fil-fajl tagħha. Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, indikat li l-preparazzjoni ta' werrej kienet tammonta għal kompitu sproporzjonat, l-istudju ta' din il-possibbiltà mhuwiex imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant din il-possibbiltà ma tistax titqies li kienet is-suġġett ta' eżami konkret. Fl-aħħarnett, mid-deċiżjoni kkontestata lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat il-volum ta' xogħol meħtieġ sabiex tidentifika u mbagħad teżamina, b'mod individwali u konkret, dawk id-dokumenti li l-aktar jistgħu jissodisfaw immedjatament u, fejn kien il-każ, inizjalment b'mod parzjali, l-interessi tar-rikorrenti.

131    Għaldaqstant, is-sempliċi rifjut ta' aċċess lir-rikorrenti min-naħa tal-Kummissjoni huwa vvizzjat minn żball ta' dritt. Għalhekk, l-ewwel u r-raba' motivi għandhom jintlaqgħu. Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mressqa mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq it-talba għall-produzzjoni ta' dokumenti

132    Skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli għall-miżuri istruttorji, hija l-Qorti Komunitarja li għandha tiddeċiedi dwar in-neċessità tal-produzzjoni ta' dokument fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11049, punt 67).

133    F'dan il-każ, peress li l-ewwel u r-raba' motivi tar-rikorrenti għandhom jintlaqgħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati d-dokumenti in kwistjoni, mhuwiex meħtieġ li tkun ordnata l-produzzjoni mitluba.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-VKI, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

135    Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha. F'dan il-każ, il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Id-Deċiżjoni D(2002) 330472 dwar applikazzjoni għal aċċess għall-fajl amministrattiv fil-każ COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki – "Lombard Club" hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

B. Vesterdorf

M. Jaeger

P. Mengozzi

M. E. Martins Ribeiro

 

I. Labucka

Sentenza mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta' April 2005,

H. Jung

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.